1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

21


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 847/2006

tat-8 ta' Ġunju 2006

li jiftaħ u jipprevedi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi tal-Komunità għal ċertu ħut ippreparat jew ippreżervat

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/324/KE tas-27 ta' Frar 2006 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim taħt forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tat-Tajlandja skond l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ (GATT) 1994 marbut mal-modifika ta’ konċessjonijiet fl-iskedi tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Fi ħdan il-Ftehim taħt forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tat-Tajlandja approvat mill-Kunsill bid-Deċiżjoni tiegħu 2006/324/EC qed issir dispożizzjoni għal żewġ tariffi annwali ġodda għal ċertu ħut ippreparat jew ippreżervat.

(2)

Il-Ftehim jistipula li ċertu volum ta’ kull kwota tariffarja għandu jkun allokat lir-Renju tat-Tajlandja u l-parti li tiqba’ ta’ kull kwota tariffarja għandha tkun miftuħa għall-importazzjonijiet tal-pajjiżi kollha.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2) kkodifika r-regoli ta’ treġija għall-kwoti tariffarji maħsuba għall-użu skond l-ordni kronoloġika tad-dati tad-dikjarazzjonijiet doganali.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 683/2006 tas-27 ta' Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim taħt forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tat-Tajlandja skond l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ (GATT) 1994 marbut mal-modifika ta’ konċessjonijiet fl-iskedi tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea, li jemenda u jissuplimenta l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tariffarja u statistika u dwar it-Tariffa Komuni Doganali (3), jistipula dwar id-dħul fis-seħħ tal-kwoti ġodda tariffarji erba’ ġimgħat wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, għalhekk dan ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandu japplika mill-istess data.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma b’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Kwota tariffarja annwali ta’ 2 558 tunnellata b’eżenzjoni mid-dazji doganali għandha tinfetaħ għall-importazzjonijiet tal-Komunità ta’ tonn, palamit jew ħut ieħor tal-ġeneru Euthynnus, ippreparat jew ippreżervat, għajr għal meta jkun sħiħ jew biċċiet, li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi 1604 20 70 ta’ l-NM.

2.   Kwota tariffarja annwali ta’ 2 275 tunnellata b’eżenzjoni mid-dazji doganali għandha tinfetaħ għall-importazzjonijiet tal-Komunità ta’ sardin, plamtu, kavalli ta’ l-ispeċji Scomber scombrus u Scomber japonicus, ħut tal-ġeneru Orcynopsis unicolor, ippreparat jew ippreżervat, li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi 1604 20 50 ta’ l-NM.

Artikolu 2

Il-kwoti tariffarji stabbiliti fl-Artikolu 1 għandhom japplikaw kif ġej:

1.

mill-kwota tariffarja ta’ 2 558 tunnellata fl-Artikolu 1(1), 1 816-il tunnellata għandhom japplikaw fi ħdan in-numru ta’ l-ordni 09.0704 għall-importazzjonijiet li joriġinaw fit-Tajlandja, il-parti li tifdal, jiġifieri 742 tunnellata, għandha tapplika fi ħdan in-numru ta’ l-ordni 09.0705 għall-importazzjonijiet li joriġinaw fil-pajjiżi kollha.

2.

mill-kwota tariffarja ta’ 2 275 tunnellata fl-Artikolu 1(2), 1 410-iltunnellata għandhom japplikaw fi ħdan in-numru ta’ l-ordni 09.0706 għall-importazzjonijiet li joriġinaw fit-Tajlandja, il-parti li tifdal, jiġifieri 865 tunnellata, għandha tapplika fi ħdan in-numru ta’ l-ordni 09.0707 għall-importazzjonijiet li joriġinaw fil-pajjiżi kollha.

Artikolu 3

1.   L-oriġini tkun determinata skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Komunità.

2.   Il-kwalifika għas-sehem tal-kwota ta’ tariffi allokata lit-Tajlandja għandha tkun suġġetta għall-ippreżentar ta’ ċertifikat ta’ oriġini li jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 47 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93.

Artikolu 4

Il-kwoti tariffarji stipulati f’dan ir-Regolament għandhom jitmexxew mill-Kummissjoni skond l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika b’effett mit-2 ta' Ġunju 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta' Ġunju 2006.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 120, 5.5.2006, p. 17.

(2)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 402/2006 (ĠU L 70, 9.3.2006, p. 35).

(3)  ĠU L 120, 5.5.2006, p. 1.