14.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT (KE) Nru 842/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Mejju 2006

dwar ċerti gassijiet serra flworinati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari, l-Artikolu 175(1) u l-Artikolu 95 tiegħu b-konnessjoni ma' l-Artikoli 7, 8 u 9 ta' dan ir-Regolament,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Fil-waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ta l-14 ta' Marzu 2006.

Billi:

(1)

Is-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali (3) jidentifika l-bidla fil-klima bħala prijorità għall-azzjoni. Dak il-Programm jirrikonoxxi li l-Komunità impenjat ruħha li tikseb tnaqqis ta' 8 % f'emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati fil-perjodu bejn l-2008 u l-2012 meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990, u li, fuq perjodu iżjed fit-tul, sejjer jinħtieġ li jitnaqqsu l-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra flworinati b'madwar 70 % meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990.

(2)

L-għan aħħari tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima, li kienet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/KE tal-15 ta' Diċembru 1993 dwar il-konklużjonijiet tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (4), huwa li l-konċentrazzjonijiet ta' gass serra fl-atmosfera jiġu stabbilizzati għal livell li jimpedixxi interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema tal-klima.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta' April 2002 dwar l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima u t-twettiq konġunt ta' l-obbligi tiegħu (5) tikkommetti lill-Komunità u lill-Istati Membri tagħha li jnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi totali tagħhom ta' gassijiet serra elenkati fl-Anness A mal-Protokoll ta' Kyoto bi 8 % meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990 fil-perjodu mill-2008 sa l-2012.

(4)

Ħafna gassijiet serra flworinati kkontrollati skond il-Protokoll ta' Kyoto u dan ir-Regolament għandhom potenzjal ta' tisħin globali.

(5)

Għandu jsir provvediment għall-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart (6), għad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (7), għad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (8) u għad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (9).

(6)

L-għan primarju ta' dan ir-Regolament huwa li jiġu mnaqqsa l-emissjonijiet tal-gassijiet serra flworinati koperti mill-Protokoll ta' Kyoto u b'hekk jiġi protett l-ambjent. Il-bażi legali għandha tkun l-Artikolu 175(1) tat-Trattat.

(7)

Madankollu, huwa kunsiljabbli li jittieħdu miżuri fuq il-livell Komunitarju abbażi ta' l-Artikolu 95 tat-Trattat sabiex jiġu armonizzati r-rekwiżiti dwar l-użu ta' gassijiet serra flworinati u t-tqegħid fis-suq u t-tikkettar ta' prodotti u tagħmir li jikkontjenu gassijiet serra flworinati. Ir-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u fuq l-użu fir-rigward ta' ċerti applikazzjonijiet ta' gassijiet serra flworinati huma kunsidrati kunsiljabbli meta jkunu disponibbli alternattivi vijabbli u meta ma jkunx possibbli t-titjib fit-trażżin u fl-irkupru. Għandu jittieħed kont ukoll ta' l-inizjattivi volontarji minn xi setturi industrijali, kif ukoll tal-fatt li l-iżvilupp ta' alternattivi għadu sejjer.

(8)

L-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament għandhom jistimolaw l-innovazzjoni teknoloġika billi jkunu mħeġġa l-iżviluppi kontinwi ta' teknoloġiji alternattivi u t-tranżizzjoni għal teknoloġiji eżistenti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

(9)

L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-vjaġġi transkonfinali ta' gassijiet serra flworinati inkuprati sabiex jinqerdu jew jinġabru fil-Komunità skond ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) dwar vjeġġi ta' skart.

(10)

It-tqegħid fis-suq ta' prodotti u tagħmir li jikkontjenu gassijiet serra flworinati kif elenkati fl-Anness II huwa dannuż għall-għanijiet u l-impenji tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-bidla fil-klima u jeħtieġ għalhekk li jiġi ristrett it-tqegħid fis-suq ta' dawn il-prodotti u tagħmir fir-rigward tal-Komunità. Dan jista' jkun ukoll il-każ fir-rigward ta' applikazzjonijiet oħra li jikkontjenu gassijiet serra flworinati u għalhekk għandha tiġi riveduta l-ħtieġa għal estensjoni ta' l-Anness II, b'kont meħud tal-benefiċċji ambjentali, tal-fattibbiltà teknika u ta' l-effiċjenza meta mqabbla man-nefqa.

(11)

Anness II tad-Deċiżjoni 2002/358/KE jistipula l-miri differenti għall-Istati Membri individwali u l-Istati Membri adottaw strateġiji differenti sabiex jilħqu dawn il-miri. Skond l-Artikolu 95 tat-Trattat l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu miżuri nazzjonali eżistenti adottati sabiex jintlaħqu dawk il-miri għal perijodu limitat ta' żmien.

(12)

Bil-għan li jikkontribwixxu fit-twettiq ta' l-impenji tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha skond il-Konvenzjoni Kwadru tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima, il-Protokoll ta' Kyoto u d-Deċiżjoni 2002/358/KE, id-Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (11) u dan ir-Regolament, li t-tnejn li huma jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati, għandhom jiġu adottati u pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea simultanjament.

(13)

Għandu jsir provvediment għall-monitoraġġ, għall-valutazzjoni u għar-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f'dan ir-Regolament.

(14)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jiżguraw li dawk ir-regoli jiġu implimentati. Dawk il-pieni jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(15)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(16)

Billi l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-trażżin u r-rappurtaġġ ta' ċerti gassijiet serra flworinati u l-kontroll ta' l-użu u tat-tqegħid fis-suq ta' prodotti u ta' tagħmir li jikkontjenu ċerti gassijiet serra flworinati sabiex jiġi protett l-ambjent u jiġi salvagwardat is-suq intern, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjentement mill-Istati Membri, u jistgħu għalhekk, minħabba d-daqs ta' l-ambitu u l-effetti ta' dan ir-Regolament, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(17)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (12),

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jitrażżnu, jitwaqqfu u b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra flworinati koperti mill-Protokoll ta' Kyoto. Huwa għandu japplika għall-gassijiet serra flworinati elenkati fl-Anness A ma' dak il-Protokoll. L-Anness I ma' dan ir-Regolament jikkontjeni lista tal-gassijiet serra flworinati attwalment koperti minn dan ir-Regolament, flimkien mal-potenzjali ta' tisħin globali tagħhom. L-Anness I jista' jiġi rivedut, u jekk ikun il-każ jista' mbagħad jiġi aġġornat, fid-dawl ta' reviżjonijiet previsti fl-Artikolu 5(3) tal-Protokoll ta' Kyoto u aċċettati mill-Komunità u mill-Istati Membri tagħha.

Dan ir-Regolament jindirizza t-trażżin, l-użu, l-irkupru u d-distruzzjoni tal-gassijiet serra flworinati elenkati fl-Anness I; it-tikkettar u r-rimi ta' prodotti u ta' tagħmir li jikkontjenu dawk il-gassijiet; ir-rappurtaġġ ta' informazzjoni dwar dawk il-gassijiet; il-kontroll ta' l-użi msemmija fl-Artikolu 8 u l-projbizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti u t-tagħmir imsemmija fl-Artikolu 9 u fl-Anness II; u t-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-persunal u kumpaniji involuti fl-attivitajiet previsti f'dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 75/442/KEE, 96/61/KE, 2000/53/KE u 2002/96/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“gassijiet serra flworinati” tfisser idroflworokarbonji (hfcs), perflworokarbonji (pfcs) u eżaflworidu tal-kubrit (sf6) kif imniżżla fl-anness i u preparazzjonijiet li jikkontjenu dawk is-sustanzi, iżda teskludi sustanzi kontrollati taħt ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' ġunju 2000 dwar sostanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu (13);

(2)

“idroflworokarbonju” tfisser kompost organiku li jikkonsisti f'karbonju, idroġenu u flworin, u fejn mhux iktar minn sitt atomi tal-karbonju jinsabu fil-molekula;

(3)

“perflworokarbonju” tfisser kompost organiku li jikkonsisti f'karbonju u flworin biss, u fejn mhux iktar minn sitt atomi tal-karbonju jinsabu fil-molekula;

(4)

“potenzjal ta' tisħin globali” (ĠWP) tfisser il-potenzjal ta' tisħin klimatiku ta' gass serra flworinat relattivament għal dak tad-diossidu karboniku. Il-potenzjal ta' tisħin klimatiku (GWP) huwa kalkulat f'termini tal-potenzjal ta' tisħin, f'mitt (100) sena, ta' kilogramma ta' gass relattivament għal kilogramma ta' CO2. Il-figuri tal-GWP elenkati fl-Anness I huma dawk pubblikati fit-tielet rapport ta' valutazzjoni (TAR) adottat mill-Grupp Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (il-“valuri IPCC GWP ta' l-2001”) (14);

(5)

“preparazzjoni” tfisser għall-finijiet ta' l-obbligi ta' dan ir-Regolament, eskluża d-distruzzjoni, taħlita komposta minn żewġ sustanzi jew iktar li minnhom almenu waħda hija gass serra flworinat, ħlief fejn il-potenzjal totali ta' tisħin globali tal-preparazzjoni huwa inqas minn 150. Il-potenzjal totali ta' tisħin globali (15) tal-preparazzjoni għandu jiġi determinat skond il-Parti 2 ta' l-Anness I;

(6)

“operatur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li teżerċita l-poter effettiv fuq il-funzjonament tekniku tat-tagħmir u tas-sistemi koperti b'dan ir-Regolament; Stat Membru jista', f'sitwazzjonijiet definiti u speċifiċi, jagħżel is-sid bħala dak responsabbli għall-obbligazzjonijiet ta' l-operatur;

(7)

“tqegħid fis-suq” tfisser il-provvista jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' terzi fil-Komunità għall-ewwel darba, bi ħlas jew bla ħlas, ta' prodotti u tagħmir li jikkontjenu gassijiet serra flworinati jew li l-funzjonament tagħhom jiddipendi fuq gassijiet serra flworinati, u tinkludi l-importazzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità;

(8)

“użu” tfisser l-użu ta' gassijiet serra flworinati fil-produzzjoni, riforniment, tiswija jew manutenzjoni ta' prodotti u tagħmir koperti b'dan ir-Regolament;

(9)

“pompa tas-sħana” tfisser apparat jew installazzjoni għall-estrazzjoni tas-sħana b'temperatura baxxa mill-arja, mill-ilma jew mill-art u għall-fornitura tas-sħana;

(10)

“sistema ta' skoperta ta' telf” tfisser apparat mekkaniku, elettriku jew elettroniku kalibrat għall-iskoperta ta' telf ta' gassijiet serra flworinati li, f'każ ta' skoperta, javverti l-operatur;

(11)

“sistema ermetikament siġillata” tfisser sistema li l-partijiet tagħha kontenenti refriġerant jiġu ssikkati b'welding, bi brazing jew b'konnessjoni permanenti simili li tista' tinkludi valvesservice parts ikkappjati li jippermettu t-tiswija jew rimi xieraq u li għandhom rata ta' telf ittestjat ta' inqas minn 3 grammi fis-sena taħt pressjoni ta' mill-inqas kwart tal-pressjoni massima permessa;

(12)

“kontenitur” tfisser prodott destinat prinċipalment għat-trasport jew għall-ħażna ta' gassijiet serra flworinati;

(13)

“kontenitur li ma jistax jerġa jimtela” tfisser kontenitur li huwa mfassal sabiex ma jerġax jiġi mimli u li huwa wżat fir-riparazzjoni, manutenzjoni jew riforniment ta' tagħmir ta' refriġerazzjoni, ta' kondizzjonament ta' l-arja jew ta' pompi tas-sħana, ta' sistemi ta' protezzjoni min-nar jew switchgear ta' vultaġġ għoli, jew maħsub għall-ħażna jew għat-trasport ta' solventi b'bażi ta' gass serra flworinat;

(14)

“rkupru” tfisser il-ġbir u l-ħażna ta' gassijiet serra flworinati minn, per eżempju, makkinarju, tagħmir u kontenituri;

(15)

“riċiklaġġ” tfisser l-użu mill-ġdid ta' gass serra flworinat irkuprat wara proċess ta' tindif bażiku;

(16)

“reklamazzjoni” tfisser il-proċessar mill-ġdid ta' gass serra flworinat irkuprat sabiex jintlaħaq standard speċifiku ta' rendiment;

(17)

“distruzzjoni” tfisser il-proċess li permezz tiegħu il-gass serra flworinat, kollu jew il-parti l-kbira tiegħu, jiġi permanentement trasformat jew dekompost f'sustanza stabbli waħda jew iktar li mhumiex gassijiet serra flworinati;

(18)

“applikazzjoni jew tagħmir stazzjonarju” tfisser applikazzjoni jew tagħmir li normalment ma jkunx fi tranżitu waqt it-tħaddim tiegħu;

(19)

novelty aerosol” tfisser dawk il-ġeneraturi aerosol kummerċjalizzati u maħsuba għall-bejgħ lill-pubbliku in ġenerali għall-finijiet ta' divertiment u dekorazzjoni kif imniżżla fl-Anness mad-Direttiva 94/48/KE (16).

Artikolu 3

Trażżin

1.   L-operaturi ta' l-applikazzjonijiet stazzjonarji li ġejjin: tagħmir ta' refriġerazzjoni, ta' kondizzjonament ta' l-arja u ta' pompi tas-sħana, inklużi ċirkwiti, kif ukoll sistemi ta' protezzjoni min-nar, li jikkontjenu gassijiet serra flworinati elenkati fl-Anness I, għandhom, bl-użu tal-miżuri kollha li huma teknikament possibbli u li ma jinvolvux spiża sproporzjonata:

(a)

jipprevjenu t-telf ta' dawn il-gassijiet; u

(b)

malajr kemm jista' jkun isewwu kwalunkwe telf skopert.

2.   L-operaturi ta' l-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li dawn jiġu kontrollati kontra t-telf ta' gass minn persunal ċertifikat li jissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 5, skond l-iskeda li ġejja:

(a)

l-applikazzjonijiet li jikkontjenu 3 kg jew iktar ta' gassijiet serra flworinati għandhom jiġu kontrollati kontra t-telf almenu darba kull tnax-il xahar; dan ma għandux japplika għal tagħmir b'sistemi ermetikament siġillati, li huma tikkettati bħala tali u li jikkontjenu inqas minn 6 kg ta' gassijiet serra flworinati;

(b)

l-applikazzjonijiet li jikkontjenu 30 kg jew iktar ta' gassijiet serra flworinati għandhom jiġu kontrollati kontra t-telf almenu darba kull sitt xhur;

(ċ)

l-applikazzjonijiet li jikkontjenu 300 kg jew iktar ta' gassijiet serra flworinati għandhom jiġu kontrollati kontra t-telf almenu darba kull tliet xhur.

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu kontrollati għal telf ta' gass fi żmien xahar wara t-tiswija ta' xi telf sabiex jiġi żgurat li t-tiswija kienet effettiva.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, “kontrolli għal telf” tfisser li t-tagħmir jew is-sistema jiġu eżaminati għal telf bl-użu ta' metodi ta' KEjl diretti jew indiretti, b'konċentrazzjoni fuq dawk il-partijiet tat-tagħmir jew tas-sistema li minnhom it-telf ta' gass ikun l-aktar possibbli. il-metodi ta' KEjl diretti u indiretti għal kontrolli għal telf għandhom ikunu spjegati fir-rekwiżiti ta' kontrolli standard imsemmija fil-paragrafu 7.

3.   L-operaturi ta' l-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, li jikkontjenu 300 kg jew iktar ta' gassijiet serra flworinati, għandhom jinstallaw sistemi ta' skoperta ta' telf ta' gass. Dawn is-sistemi ta' skoperta ta' telf għandhom jiġu spezzjonati almenu darba kull tnax-il xahar sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tagħhom. Fil-każ ta' tali sistemi ta' protezzjoni min-nar installati qabel l-4 ta' Lulju 2007, is-sistemi ta' skoperta ta' telf għandhom jitpoġġew sa l-4 ta' Lulju.

4.   Fejn tkun installata sistema adatta ta' skoperta ta' telf li tkun qiegħda taħdem korrettament, il-frekwenza ta' kontrolli meħtieġa taħt il-paragrafu 2 (b) u (ċ) għandha titnaqqas għal nofs dik stabbilita.

5.   Fil-każ ta' sistemi ta' protezzjoni min-nar, fejn huwa diġà applikat reġim ta' spezzjonijiet konformi ma' l-istandard ISO 14520, dawn l-ispezzjonijiet jistgħu wkoll jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament sakemm dawn ikunu ta' l-inqas daqstant frekwenti.

6.   L-operaturi ta' l-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, li jikkontjenu 3 kg jew iktar ta' gassijiet serra flworinati, għandhom iżommu reġistru tal-kwantitajiet u tat-tipi ta' gassijiet serra flworinati installati, ta' kwalunkwe kwantitajiet miżjuda u tal-kwantità rkuprata matul ir-riparazzjoni, il-manutenzjoni u r-rimi finali. Għandhom iżommu wkoll reġistru ta' informazzjoni oħra rilevanti inklużi l-identifikazzjoni tal-kumpannija jew tat-tekniku li wettqu r-riparazzjoni jew il-manutenzjoni, kif ukoll id-dati u r-riżultati ta' kontrolli imwettqa skond il-paragrafi 2, 3 u 4 u informazzjoni rilevanti li tidentifika speċifikament it-tagħmir stazzjonarju separat ta' l-applikazzjonijiet, imsemmi fil-paragrafu 2 (b) u (ċ). Meta mitluba, dawn ir-reġistri għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta' l-awtorità kompetenti u tal-Kummissjoni.

7.   Ir-rekwiżiti standard għal kontrolli ta' telf għal kull waħda mill-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni sa l-4 ta' Lulju 2007 skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

Artikolu 4

Rkupru

1.   L-operaturi tas-segwenti tipi ta' tagħmir stazzjonarju għandhom ikunu responsabbli sabiex jistabbilixxu arranġamenti għall-irkupru korrett minn persunal ċertifikat, li jikkonforma mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 5, ta' gassijiet serra flworinati sabiex jiżguraw ir-riċiklaġġ, ir-reklamazzjoni jew id-distruzzjoni tagħhom:

(a)

iċ-ċirkwiti ta' tkessiħ ta' tagħmir ta' refriġerazzjoni, ta' kondizzjonament ta' l-arja u ta' pompi tas-sħana;

(b)

tagħmir li jikkontjeni solventi b'bażi ta' gass serra flworinat;

(ċ)

sistemi ta' protezzjoni min-nar u tagħmir tat-tifi tan-nar; u

(d)

switchgear ta' vultaġġ għoli.

2.   Meta kontenitur, kemm jekk jista' jerġa' jimtela kif ukoll jekk le, tal-gass serra flworinat jasal fl-aħħar tal-ħajja tiegħu, il-persuna li tuża l-kontenitur għall-finijiet ta' trasport jew ta' ħażna għandha tkun responsabbli sabiex tistabbilixxi arranġamenti għall-irkupru korrett ta' kwalunkwe gassijiet residwi kontenenti fih sabiex jiġi żgurat ir-riċiklaġġ, ir-reklamazzjoni jew id-distruzzjoni tagħhom.

3.   Il-gassijiet serra flworinati kontenenti fi prodotti u tagħmir oħra, inkluż tagħmir mobbli sakemm ma jkunx qed iservi f'operazzjonijiet militari, għandhom, sa fejn ikun teknikament possibbli u ma jinvolvix spiża sproporzjonata, jiġu rkuprati minn persunal adegwatament kwalifikat, sabiex jiġi żgurat ir-riċiklaġġ, ir-reklamazzjoni jew id-distruzzjoni tagħhom.

4.   L-irkupru, għall-finijiet ta' riċiklaġġ, reklamazzjoni jew distruzzjoni tal-gassijiet serra flworinati, skond il-paragrafi 1 sa 3, għandu jsir qabel ir-rimi finali ta' dak it-tagħmir u, fejn ikun il-każ, matul ir-riparazzjoni u l-manutenzjoni tiegħu.

Artikolu 5

Taħriġ u ċertifikazzjoni

1.   Sa l-4 ta' Lulju 2007, abbażi ta' informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri u b'konsultazzjoni mas-setturi rilevanti, ir-rekwiżiti minimi u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku għandha tkun stabbilita, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2) għal programmi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni kemm għall-kumpanniji u kemm għal personal relevanti involut fl-installazzjoni, il-manteniment jew 'servicing' ta' tagħmir u sistemi koperti mill-Artikolu 3(1) kif ukoll għall-persunal involut fl-attivitajiet previsti fl-Artikoli 3 u 4.

2.   Sa l-4 ta' Lulju 2008, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jadattaw ir-rekwiżiti tagħhom stess ta' taħriġ u ċertifikazzjoni, abbażi tar-rekwiżiti minimi msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-programmi tagħhom ta' taħriġ u ċertifikazzjoni. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati maħruġa fi Stat Membru ieħor u ma għandhomx jirrestrinġu l-provvediment liberu ta' servizzi jew il-libertà ta' l-istabbiliment għal raġunijiet relatati maċ-ċertifikazzjoni maħruġa fi Stat Membru ieħor.

3.   L-operatur ta' l-applikazzjoni rilevanti għandu jiżgura li l-persunal interessat ikun kiseb iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa, imsemmija fil-paragrafu 2, li timplika konoxxenza adegwata tar-regolamenti u ta' l-istandards applikabbli kif ukoll il-kompetenza neċessarja fil-prevenzjoni ta' l-emissjonijiet u fl-irkupru ta' gassijiet serra flworinati u fil-maniġġar mingħajr periklu tat-tip u d-daqs rilevanti ta' tagħmir.

4.   Sa l-4 ta' Lulju 2009 l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanniji involuti fit-twettiq ta' l-attivitajiet previsti fl-Artikoli 3 u 4 jirċievu kunsinni ta' gassijiet serra flworinati biss fejn il-persunal interessat tagħhom ikollu ċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

5.   Sa l-4 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni għandha tiddetermina, il-forma tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

Artikolu 6

Rappurtaġġ

1.   Sal-31 ta' Marzu 2008 u kull sena wara dan, kull produttur, importatur u esportatur ta' gassijiet serra flworinati għandu jikkomunika lill-Kummissjoni permezz ta' rapport, filwaqt li jibgħat l-istess informazzjoni lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru konċernat, l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tas-sena kalendarja preċedenti:

(a)

Kull produttur li jipproduċi iktar minn tunnellata metrika ta' gassijiet serra flworinati kull sena għandu jikkomunika:

il-produzzjoni totali tiegħu ta' kull gass serra flworinat fil-Komunità, filwaqt li jidentifika l-kategoriji prinċipali ta' applikazzjonijiet (eż. kondizzjonament mobbli ta' l-arja, refriġerazzjoni, kondizzjonament ta' l-arja, xkumi, aerosols, tagħmir elettriku, manifattura ta' semikondutturi solventi u protezzjoni min-nar) li fihom huwa mistenni l-użu tas-sustanza;

il-kwantitajiet ta' kull gass serra flworinat li huwa qiegħed fis-suq fil-Komunità;

kwalunkwe kwantitajiet ta' kull gass serra flworinat riċiklat, reklamat jew distrutt.

(b)

Kull importatur li jimporta iktar minn tunnellata metrika ta' gassijiet serra flworinati kull sena, inklużi kwalunkwe produtturi li jimportaw ukoll, għandu jikkomunika:

il-kwantità ta' kull gass serra flworinat li huwa qiegħed fis-suq fil-Komunità, filwaqt li jidentifika separatament il-kategoriji prinċipali ta' applikazzjonijiet (eż. kondizzjonament mobbli ta' l-arja, refriġerazzjoni, kondizzjonament ta' l-arja, xkumi, aerosols, tagħmir elettriku, manifattura ta' semikondutturi) li fihom huwa mistenni l-użu tas-sustanza;

kwalunkwe kwantitajiet ta' kull gass serra flworinat li huwa importa għal riċiklaġġ, għal reklamazzjoni jew għal distruzzjoni.

(ċ)

Kull importatur li jesporta iktar minn tunnellata metrika ta' gassijiet serra flworinati kull sena, inklużi kwalunkwe produtturi li jesportaw ukoll, għandu jikkomunika:

il-kwantitajiet ta' kull gass serra flworinat li huwa esporta mill-Komunità;

kwalunkwe kwantitajiet ta' kull gass serra flworinat użat li huwa esporta għal riċiklaġġ, għal reklamazzjoni jew għal distruzzjoni.

2.   Il-forma tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhatkun stabbilita sa l-4 ta' Lulju 2007, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi adatti sabiex tipproteġi l-kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni preżentata lilha.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi ta' rappurtaġġ għas-setturi rilevanti msemmija f'dan ir-Regolament, bil-għan li tinkiseb, sa fejn huwa possibbli, data dwar l-emissjonijiet.

Artikolu 7

Tikkettar

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonidispożizzjonijiet tad-Direttiva 67/548/KEE (17) u tad-Direttiva 1999/45/KE (18) fir-rigward tat-tikkettar ta' sustanżi perikolużi u preparazzjonjijiet, il-prodotti u t-tagħmir, elenkati fil-paragrafu 2, li jikkontjenu gassijiet serra flworinati ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq sakemm l-ismijiet kimiċi tal-gassijiet serra flworinati jiġu identifikati permezz ta' tikketta bl-użu tan-nomenklatura aċċettata ta' l-industrija. Tali tikketta għandha tindika b'mod ċar li l-prodott jew it-tagħmir jikkontjeni gassijiet serra flworinati koperti mill-Protokoll ta' Kyoto u l-kwantità tagħhom, dan għandu jkun dikjarat b'mod ċar u indelibbli fuq il-prodott jew it-tagħmir, viċin il-punti ta' servizz għar-riforniment jew irkupru tal-gass serra flworinat, jew fuq dik il-parti tal-prodott jew tagħmir li tikkontjeni l-gass serra flworinat. Is-sistemi ermetikament siġillati għandhom jiġu tikkettati bħala tali.

Għandu jiġi inkluż tagħrif dwar il-gassijiet serra flworinati, inkluż il-potenzjal tagħhom ta' tisħin globali, fil-manwal ta' struzzjonijiet ipprovdut għal dawn il-prodotti u tagħmir.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika għas-segwenti tipi ta' prodotti u tagħmir li ġejjin:

(a)

prodotti u tagħmir ta' refriġerazzjoni li jikkontjenu perflworokarbonji jew preparazzjonijiet li jikkontjenu perflworokarbonji;

(b)

prodotti u tagħmir ta' refriġerazzjoni u tal-kondizzjonament ta' l-arja (barra dawk li jinsabu fil-vetturi b'mutur), pompi tas-sħana, sistemi ta' protezzjoni min-nar u tagħmir tat-tifi tan-nar, jekk it-tip rispettiv ta' prodott jew tagħmir jikkontjeni idroflworokarbonji jew preparazzjonijiet li jikkontjenu idroflworokarbonji;

(ċ)

switchgear li jikkontjeni eżaflworidu tal-kubrit jew preparazzjonijiet li jikkontienu eżaflworidu tal-kubrit; u

(d)

il-kontenituri kollha ta' gass serra flworinat.

3.   Il-forma tat-tikketta li għandha tintuża u għandha tkun stabbilita skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2). Ir-rekwiżiti ta' tikkettar, flimkien ma' dawk stipulati fil-paragrafu 1 għandhom, fejn xieraq, ikunu adottati skond l-istess proċedura. Qabel ma tkun preżentata proposta lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12(1), il-Kummissjoni għandha tirrevedi x-xewqa li jkun inkluż tagħrif ambjentali addizzjonali, inkluż il-potenzjal ta' tisħin globali fuq tikketti, filwaqt li jittieħed kont ta' skemi ta' tikkettar eżistenti li jkunu diġa applikabbli għal prodotti u tagħmir kopert fil-paragrafu 2.

Artikolu 8

Kontroll ta' l-użu

1.   Mill-1 ta' Jannar 2008 għandu jiġi projbit l-użu ta' l-eżaflworidu tal-kubrit jew ta' preparazzjonijiet minnu f'die-casting tal-manjesju, ħlief fejn il-kwantità ta' l-eżaflworidu tal-kubrit użata hija inqas minn 850 kg kull sena.

2.   L-użu ta' l-eżaflworidu tal-kubrit jew ta' preparazzjonijiet minnu għall-mili ta' tyres ta' vetturi għandu jiġi projbit mill-4 ta' Lulju 2007.

Artikolu 9

Tqegħid fis-suq

1.   It-tqegħid fis-suq ta' prodotti u tagħmir li jikkontjenu gassijiet serra flworinati, jew li l-funzjoni tagħhom tiddipendi fuq gassijiet serra flworinati, elenkati fl-Anness II għandu jiġi projbit kif speċifikat f'dak l-Anness.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal prodotti u tagħmir li fir-rigward tagħhom jiġi muri li ġew manifatturati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni rilevanti tat-tqegħid fis-suq.

3.

a)

Fejn sal-31 ta' Diċembru 2005 Stat Membru ikun adotta miżuri nazzjonali li huma aktar stretti minn dawk stipulati f'dan l-Artikolu u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti u tagħmir li jikkontjenu, jew li l-funzjonament tagħhom jiddependi fuq gassijiet serra flworinati, dak l-Istat Membru jistà, suġġett għall-punt (b), iżomm dawk il-miżuri nazzjonali sal-31 ta' Diċembru 2012.

b)

L-Istat Membru konċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali, flimkien ma' ġustifikazzjoni li tappoġja dawk il-miżuri sa l-4 ta' Lulju 2007. Tali miżuri ghandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi informazzjoni relevanti dwar tali miżuri lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12(1).

Artikolu 10

Reviżjoni

1.   Abbażi tal-progress fit-trażżin jew sostituzzjoni potenzjali ta' gassijiet serra flworinati f'sistemi tal-kondizzjonament ta' l-arja, barra dawk li bihom huma mgħammra l-vetturi b'mutur imsemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (19), u f'sistemi ta' refriġerazzjoni wżati f'mezzi ta' trasport, il-Kummissjoni għandha tirrivedi dan ir-Regolament u tippubblika rapport sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2007. Jekk ikun kunsiljabbli hija għandha takkumpanja dan ir-rapport biproposti leġislattivi sal-31 ta' Diċembru 2008 wkoll bil-għan ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 għas-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja, barra dawk li bihom huma mgħammra l-vetturi b'mutur imsemmija fid-Direttiva 70/156/KEE, u s-sistemi ta' refriġerazzjoni wżati f'mezzi ta' trasport.

2.   Sa l-4 ta' Lulju 2011, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport ibbażat fuq l-esperjenza ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. B'mod partikolari, ir-rapport għandu:

(a)

jivvaluta l-impatt tad-dispożizzjonijiet rilevanti fuq l-emissjonijiet u l-emissjonijiet proġettati ta' gassijiet serra flworinati u jeżamina kemm l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet hija effikaċi vis-à-vis n-nefqa nvoluta;

(b)

fid-dawl ta' rapporti futuri ta' valutazzjoni ta' l-IPCC, jivvaluta jekk għandhomx jiġu miżjuda fl-Anness I gassijiet serra flworinati addizzjonali;

(ċ)

jivvaluta l-programmi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni stabbiliti minn Stati Membri taħt l-Artikolu 5(2);

(d)

jivvaluta l-ħtieġa għal standards tal-Komunità relattivi għall-kontroll ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati minn prodotti u tagħmir, b'mod partikolari fir-rigward ta' xkumi, inklużi rekwiżiti tekniċi fir-rigward tad-disinn ta' prodotti u tagħmir;

(e)

jivvaluta l-effikaċja ta' miżuri ta' trażżin imwettqa minn operaturi taħt l-Artikolu 3 u jivvaluta jekk jistgħux jiġu stabbiliti, għall-installazzjonijiet, rati massimi ta' telf;

(f)

jivvaluta u, jekk ikun il-każ, jista' jipproponi l-modifika tar-rekwiżiti ta' rappurtaġġ fl-Artikolu 6(1), b'mod partikolari l-limitu kwantitattiv ta' tunnellata u jivvaluta l-ħtieġa li l-awtoritajiet kompetenti jirrapurtaw perjodikament lill-Kummissjoni dwar emissjonijiet stmati fuq bażi ta' kampjuni rappreżentattivi sabiex tiġi mtejba l-applikazzjoni prattika ta' dawk ir-rekwiżiti ta' rappurtaġġ;

(g)

jivvaluta l-ħtieġa għall-iżvilupp u d-disseminazzjoni ta' noti informattivi li jiddeskrivu l-aħjar tekniki disponibbli u l-aħjar prattiki ambjentali dwar il-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati;

(h)

jinkludi sommarju globali ta' l-iżvilupp, kemm fil-Komunità kif ukoll fuq livell internazzjonali, ta' l-istat tat-teknoloġija, b'mod partikolari fir-rigward ta' xkumi, ta' l-esperjenza miksuba, ta' ħtiġijiet ambjentali u ta' kwalunkwe impatti fuq il-funzjonament tas-suq intern;

(i)

jivvaluta jekk is-sostituzzjoni ta' l-eżaflworidu tal-kubrit f' sand casting, mould casting permanenti u die-casting bi pressjoni għolja hijiex teknikament possibbli u effiċjenti meta mqabbla mal-prezz involut u, jekk ikun il-każ, jipproponi reviżjoni ta' l-Artikolu 8(1) sa l-1 ta' Jannar 2009; għandu jirrivedi wkoll l-eżenzjoni li tinsab fl-Artikolu 8(1) fid-dawl ta' valutazzjoni ulterjuri ta' l-alternattivi disponibbli sa l-1 ta' Jannar 2010;

(j)

jivvaluta jekk l-inklużjoni ta' prodotti u tagħmir ulterjuri li jikkontjenu gassijiet serra flworinati fl-Anness II hijiex teknikament possibbli u effiċjenti meta mqabbla mal-prezz involut meħud kont ta' effiċjenza fl-enerġija u, jekk ikun il-każ, jippreżenta proposti għall-emendament ta' l-Anness II sabiex jiġu inklużi tali prodotti u tagħmir ulterjuri;

(k)

jivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-potenzjal ta' tisħin globali ta' gassijiet serra flworinati għandhomx jiġu emendati; kwalunkwe bidliet għandhom jieħdu kont ta' żviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi u tal-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskali kronoloġiċi ta' l-ippjanar tal-produzzjoni industrijali;

(l)

jivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni ulterjuri mill-Komunità u mill-Istati Membri Tagħha fid-dawl ta' obbligi eżistenti u ġodda internazzjonali dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra.

3.   Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti adatti għal reviżjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Mingħajr preġudizzju għal-liġi Komunitarja relevanti, b'mod partikolari r-regoli Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat u d-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabilixxi l-proċedura għall-provvediment ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards tekniċi u regolamenti u ta' regoli dwar membri tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni (20), l-Istati Membri jistgħu jippromwovu t-tqegħid fis-suq ta' prodotti u tagħmir li jużaw alternattivi għall-gassijiet b'potenzjali għali ta' tisħin globali u li huma effiċjenti, innovattivi u li jnaqqsu iktar l-impatt fuq il-klima.

Artikolu 12

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5 (6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli tal-Proċedura tiegħu.

Artikolu 13

Pieni

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad- dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li tali regoli jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa l-4 ta' Lulju 2008 bir-regoli dwar il-pieni u għandhom jinnotifikawha wkoll mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawk ir-regoli.

Artikolu 14

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(3), l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri protettivi aktar stretti skond il-proċeduri mniżżla fl-Artikolu 95 tat-Trattat b'relazzjoni ma' l-Artikoli 7, 8 u 9 ta' dan ir-Regolament, jew l-Artikolu 176 tat-Trattat b'relazzjoni ma' Artikoli oħrajn ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika b'effett mill-4 ta' Lulju 2007 bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 9 u Aness II, li għandhom japplikaw mill-4 ta' Lulju 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar is-17 ta' Mejju 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  ĠU C 108, 30.4.2004, p. 62.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Marzu 2004 (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 600), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2005 (ĠU C 183 E, 26.7.2005, p. 1), u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2006 u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' April 2006.

(3)  Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali (ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1).

(4)  ĠU L 33, 7.2.1994, p. 11.

(5)  ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 194, 25.7.1975, p. 39. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(7)  ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).

(8)  ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/673/KE (ĠU L 254, 30.9.2005, p. 69).

(9)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2003/108/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 106).

(10)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(11)  Ara paġna 12 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(12)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(13)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2006 (ĠU L 6, 11.1.2006, p. 27).

(14)  It-Tielet Valutazzjoni IPCC tal-Bidla fil-Klima ta' l-2001. Rapport tal-Grupp Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (http://www.ipcc.ch/pub/reports.htm).

(15)  Għall-kalkolu tal-GWP ta' gassijiet serra mhux flworinati fi preparazzjonijiet, għandhom japplikaw il-valuri pubblikati fl-Ewwel Valutazzjoni IPCC, ara: Climate Change, The IPCC Scientific Assessment, J.T. Houghton, G.J. Jenkins, J.J. Ephraums (ed.), Cambridge University Press, Cambridge (UK) 1990.

(16)  Direttiva 94/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 1994 li temenda, għat-13-il darba d-Direttiva 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (ĠU L 331, 21.12.1994, p. 7).

(17)  Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Gunju 1967 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-preparazzjonijiet perikolużi (ĠU 196, 16.8.1967, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE (ĠU L 152, 30.4.2004, p. 1).

(18)  Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-preparazzjonijiet perikolużi (ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/8/KE (ĠU L 19, 24.1.2006, p. 12).

(19)  ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 310, 25.11.2005, p. 10).

(20)  ĠU L 204, 21.7.1998 p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.


ANNESS I

PARTI 1

Gassijiet serra flworinati imsemmija fl-Artikolu 2(1)

Gassijiet serra flworinati

Formula Kimika

Potenzjal ta' Tisħin Globali (GWP)

Eżaflworidu tal-Kubrit

SF6

22 200

Idroflworokarbonji (HFCs):

HFC-23

CHF3

12 000

HFC-32

CH2F2

550

HFC-41

CH3F

97

HFC-43-10mee

C5H2F10

1 500

HFC-125

C2HF5

3 400

HFC-134

C2H2F4

1 100

HFC-134a

CH2FCF3

1 300

HFC-152a

C2H4F2

120

HFC-143

C2H3F3

330

HFC-143a

C2H3F3

4 300

HFC-227ea

C3HF7

3 500

HFC-236cb

CH2FCF2CF3

1 300

HFC-236ea

CHF2CHFCF3

1 200

HFC-236fa

C3H2F6

9 400

HFC-245ca

C3H3F5

640

HFC-245fa

CHF2CH2CF3

950

HFC-365mfc

CF3CH2CF2CH3

890

Perflworokarbonji (PFCs)

Perflworometanu

CF4

5 700

Perflworoetanu

C2F6

11 900

Perflworopropan

C3F8

8 600

Perflworobutan

C4F10

8 600

Perflworopentan

C5F12

8 900

Perflworoexan

C6F14

9 000

Perflworoċiklobutan

c-C4F8

10 000

PARTI 2

Metodu ta' kalkolu tal-potenzjal totali ta' tisħin globali (GWP) għal preparazzjoni

Il-GWP totali għal preparazzjoni huwa medja ppeżata, derivata mis-somma tal-frazzjonijiet tal-piż tas-sustanzi individwali multiplikati bil-GWPs tagħhom.

Σ (Sustanza X % x GWP) + (Sustanza Y % x GWP) + … (Sustanza N % x GWP)

fejn % huwa l-kontribut skond il-piż b'tolleranza tal-piż ta' +/- 1 %.

Per eżempju: l-applikazzjoni tal-formula għal taħlita teoretika ta' gassijiet li tikkonsisti f'23 % HFC-32; 25 % HFC-125 u 52 % HFC-134a:

Σ (23 % x 550) + (25 % x 3 400) + (52 % x 1 300)

→ GWP totali = 1 652,5


ANNESS II

Projbizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq skond l-Artikolu 9

Gassijiet serra flworinati

Prodotti u tagħmir

Data tal-projbizzjoni

Gassijiet serra flworinati

Kontenituri li ma jistgħux jerġgħu jimtlew

4 ta' Lulju 2007

Idroflworokarbonji u perflworokarbonji

Sistemi non-konfinati u b'evaporazzjoni diretta li jikkontjenu refriġeranti

4 ta' Lulju 2007

Perflworokarbonji

Sistemi ta' protezzjoni min-nar u tagħmir tat-tifi tan-nar

4 ta' Lulju 2007

Gassijiet serra flworinati

Twieqi għal użu domestiku

4 ta' Lulju 2007

Gassijiet serra flworinati

Twieqi oħra

4 ta' Lulju 2008

Gassijiet serra flworinati

Xedd tas-saqajn

4 ta' Lulju 2006

Gassijiet serra flworinati

Tyres

4 ta' Lulju 2007

Gassijiet serra flworinati

Xkumi b'komponent wieħed, ħlief meta meħtieġa biex jintlaħqu standards nazzjonali ta' sigurtà

4 ta' Lulju 2008

Idroflworokarbonji

Novelty aerosols

4 ta' Lulju 2009