31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

443


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 797/2006

tat-22 ta’ Mejju 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1785/2003 fir-rigward ta' l-arranġamenti għall-importazzjoni tar-ross

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 36 u t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 37(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1785/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tar-ross (2) titlob il-preżentazzjoni ta' liċenzja ta' l-importazzjoni jew l-esportazzjoni għal importazzjoni fil-Komunità, jew esportazzjoni minnha, ta' kwalunkwe mill-prodotti mniżżla fl-Artikolu 1 ta' dak ir-Regolament. Biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri applikabbli għal operaturi ekonomiċi, għandu jkun possibbli li ssir deroga mill-obbligu li tiġi preżentata liċenzja ta' importazzjoni meta ma tkunx meħtieġa għall-ġestjoni ta' diversi importazzjonijiet ta' ross. Il-Kummissjoni għandha għalhekk titħalla tidderoga minn dan l-obbligu.

(2)

Taħt il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Indja skond l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 dwar il-modifika ta' konċessjonijiet fir-rigward tar-ross previsti fl-Iskeda CXL KE annessa għall-GATT 1994 (3), approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/617/KE (4), id-dazju applikabbli għal importazzjonijiet ta' varjetajiet ta' ross Basmati mnaddaf li joriġina mill-Indja huwa ffissat żero.

(3)

Taħt il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan skond l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 dwar il-modifika ta' konċessjonijiet fir-rigward tar-ross previsti fl-Iskeda CXL KE annessa għall-GATT 1994 (5), approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/618/KE (6), id-dazju applikabbli għal importazzjonijiet ta' varjetajiet ta' ross Basmati mnaddaf li joriġina mill-Pakistan huwa ffissat żero.

(4)

Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar il-metodu ta' kalkolu ta' dazji applikati għal ross imnaddaf (7), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/476/KE (8), jistabbilixxi l-mekkaniżmu għal kalkolu u l-iffissar f'intervalli regolari tad-dazju applikabbli għal importazzjonijiet ta' ross imnaddaf li jaqa' taħt il-kodiċi NM 1006 20.

(5)

Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u t-Tajlandja skond l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 dwar il-modifika ta' konċessjonijiet fir-rigward tar-ross previsti fl-Iskeda CXL KE annessa għall-GATT 1994 (9), approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/953/KE (10), jistabbilixxi l-mekkaniżmu għall-kalkolu u l-iffissar f'intervalli regolari tad-dazju applikabbli għal importazzjonijiet ta' ross parzjalment mitħun jew ross mitħun li jaqa' taħt il-kodiċi NM 1006 30, u li tiffissa d-dazju applikabbli għal importazzjonijiet ta' ross imfarrak taħt il-kodiċi NM 1006 40 00 għal EUR 65 għal kull tunnellata.

(6)

L-erba' deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq jippermettu lill-Kummissjoni tidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1785/2003 biex tippermetti l-applikazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' hawn fuq. Dawk id-derogi japplikaw sa mhux iżjed tard mit-30 ta' Ġunju 2006.

(7)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1785/2003 dwar l-iffissar tad-dazju fuq it-tipi differenti ta' ross kopert bil-Ftehim ta' hawn fuq għandhom għalhekk jiġu emendati.

(8)

Biex ikun eliġibbli għal dazju ta' importazzjoni żero, ir-ross Basmati għandu jappartjeni għal varjetà speċifikata fil-Ftehim. Biex jiġi aċċertat jekk ir-ross Basmati impurtat b'rata żero ta' dazju jissodisfax dawk il-karatteristiċi, regoli speċifiċi għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 1785/2003 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ. Biex jiġi żgurat li dawn l-arranġamneti ġodda ta' importazzjoni jiġu miżmuma għal operaturi wara t-terminu perentorju għall-applikazzjoni tad-derogi, din l-emenda għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2006,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1785/2003 huwa b'dan emendat kif ġej:

1)

fl-Artikolu 10, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Fejn mhix meħtieġa liċenzja ta' importazzjoni għall-ġestjoni ta' ċerti importazzjonijiet ta' ross, il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2), tidderoga mill-obbligu previst fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.”

2)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 għandu jiġi mħassar.

3)

l-Artikoli li ġejjin għandhom jiddaħħlu:

“Artikolu 11a

1.   Minkejja l-Artikolu 11(1), id-dazju ta' importazzjoni fuq ross imnaddaf li jaqa' taħt il-kodiċi NM 1006 20 għandu jkun iffissat mill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mit-tmiem tal-perijodu ta' referenza kkonċernat bi:

(a)

EUR 30 għal kull tunnellata fil-każijiet li ġejjin:

fejn huwa nnotat li l-importazzjonijiet ta' ross imnaddaf magħmula matul is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni li għadha kif tintemm ma laħqux il-kwantità ta' referenza annwali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, bit-tnaqqis ta' 15 %,

fejn huwa nnotat li l-importazzjonijiet ta' ross imnaddaf magħmula matul l-ewwel sitt xhur tas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni ma laħqux il-kwantità ta' referenza parzjali msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, bit-tnaqqis ta' 15 %,

(b)

EUR 42,5 għal kull tunnellata fil-każijiet li ġejjin:

fejn huwa nnotat li l-importazzjonijiet ta' ross imnaddaf magħmula matul is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni li għadha kif tintemm ma laħqux il-kwantità ta' referenza annwali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, bit-tnaqqis ta' 15 %,

fejn huwa nnotat li l-importazzjonijiet ta' ross imnaddaf magħmula matul l-ewwel sitt xhur tas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni jeċċedu l-kwantità ta' referenza parzjali msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, bit-tnaqqis ta' 15 %, imma ma jeċċedux dik l-istess kwantità ta' referenza parzjali biż-żieda ta' 15 %;

(ċ)

EUR 65 għal kull tunnellata fil-każijiet li ġejjin:

fejn huwa nnotat li l-importazzjonijiet ta' ross imnaddaf magħmula matul is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni li għadha kif tintemm ma laħqux il-kwantità ta' referenza annwali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, bit-tnaqqis ta' 15 %,

fejn huwa nnotat li l-importazzjonijiet ta' ross imnaddaf magħmula matul l-ewwel sitt xhur tas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni jeċċedu r-referenza parzjali msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, biż-żieda ta' 15 %.

Il-Kummissjoni għandha tiffissa d-dazju applikabbli biss jekk il-kalkoli mwettqa taħt dan il-paragrafu jindikaw ħtieġa li dan jinbidel. Sakemm jiġi ffissat dazju applikabbli ġdid, għandu japplika d-dazju ffissat minn qabel.

2.   Sabiex jiġu kkalkolati l-importazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jitqiesu l-kwantitajiet li għalihom inħarġu liċenzji ta' importazzjoni għal ross imnaddaf li jaqgħu fil-kodiċi NM 1006 20 taħt l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 10(1) fil-perijodu ta' referenza korrispondenti, ħlief għal liċenzji ta' importazzjoni għar-ross Basmati msemmija fl-Artikolu 11b.

3.   Il-kwantità ta' referenza annwali għandha tkun ta' 437 678 tunnellata għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2005/06. Din il-kwantità għandha tiżdied b'6 000 tunnellata kull sena għas-snin ta' kummerċjalizzazzjoni 2006/07 u 2007/08.

Il-kwantità ta' referenza parzjali għal kull sena ta' kummerċjalizzazzjoni għandha tikkorrispondi għal nofs il-kwantità ta' referenza annwali msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 11b

Minkejja l-Artikolu 11(1), il-varjetajiet ta' ross Basmati mnaddaf li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1006 20 17 u 1006 20 98 imniżżla fl-Anness IIIa għandhom jikkwalifikaw għar-rata żero ta' dazju ta' importazzjoni taħt il-kondizzjonijiet iffissati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

Artikolu 11ċ

1.   Minkejja l-Artikolu 11(1), id-dazju ta' importazzjoni għal ross parzjalment mitħun jew kompletament mitħun li jaqa' taħt il-kodiċi NM 1006 30 għandu jkun iffissat mill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mit-tmiem tal-perijodu ta' referenza kkonċernat bi:

(a)

EUR 175 għal kull tunnellata fil-każijiet li ġejjin:

fejn huwa nnutat li l-importazzjonijiet ta' ross parzjalment mitħun u kompletament mitħun matul is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni li għadha kif intemmet qabżu t-387 743 tunnellata;

fejn huwa nnutat li l-importazzjonijiet ta' ross parzjalment mitħun u kompletament mitħun magħmula matul l-ewwel sitt xhur tas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni qabżu 182 239 tunnellata;

(b)

EUR 145 għal kull tunnellata fil-każijiet li ġejjin:

fejn huwa nnutat li l-importazzjonijiet ta' ross parzjalment mitħun u kompletament mitħun magħmula matul is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni li għadha kif intemmet qabżu t-387 743 tunnellata,

fejn huwa nnutat li l-importazzjonijiet ta' ross parzjalment mitħun u kompletament mitħun magħmula matul l-ewwel sitt xhur tas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni ma qabżux l-182 239 tunnellata.

Il-Kummissjoni għandha tiffissa d-dazju applikabbli fil-każijiet biss li l-kalkoli mwettqa taħt dan il-paragrafu jindikaw ħtieġa li dan jinbidel. Sakemm jiġi ffissat dazju applikabbli ġdid, għandu japplika d-dazju ffissat minn qabel.

2.   Sabiex jiġu kkalkolati l-importazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jitqiesu l-kwantitajiet li għalihom inħarġu liċenzji ta' importazzjoni għal ross parzjalment mitħun jew kompletament mitħun li jaqa' taħt il-kodiċi NM 1006 30 li jaqgħu taħt l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 10(1) fil-perijodu ta' referenza korrispondenti.

Artikolu 11d

Minkejja l-Artikolu 11(1), id-dazju ta' importazzjoni fuq ross imfarrak li jaqa' taħt il-kodiċi NM 1006 40 00 għandu jkun ta' EUR 65 għal kull tunnellata.”;

4)

l-Anness li ġej għandu jiddaħħal:

“ANNESS IIIa

Varjetajiet ta' ross Basmati msemmi fl-Artikolu 11b

Basmati 217

Basmati 370

Basmati 386

Kernel (Basmati)

Pusa Basmati

Ranbir Basmati

Super Basmati

Taraori Basmati (HBC-19)

Tip-3 (Dehradun)”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak li fih ikun ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Mejju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. PROLL


(1)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 96. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1).

(3)  ĠU L 279, 28.8.2004, p. 19.

(4)  ĠU L 279, 28.8.2004, p. 17. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2005/476/KE (OJ L 170, 1.7.2005, p. 67).

(5)  ĠU L 279, 28.8.2004, p. 25.

(6)  ĠU L 279, 28.8.2004, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2005/476/KE.

(7)  ĠU L 170, 1.7.2005, p. 69.

(8)  ĠU L 170, 1.7.2005, p. 67.

(9)  ĠU L 346, 29.12.2005, p. 26.

(10)  ĠU L 346, 29.12.2005, p. 24.