28.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

156


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 217/2006

tat-8 ta’ Frar 2006

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE fir-rigward ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-Istati Membri biex jippermettu t-tqegħid fis-suq ta’ żrieragħ li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti fir-rigward tat-tfellis minimu (minimum germination)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE ta' l-14 ta' Ġunju ta' l-1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti ta’ l-għalf (1), u b’mod partikolari l-Artikolu (17)3 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE ta' l-14 ta' Ġunju ta' l-1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq taż-żerriegħa tal-pitravi (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 24(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 38(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta' pjanti taż-żejt u tal-fibra (5), u b'mod partikolari l-Artikolu 21(3) tagħha.

Billi:

(1)

Skond id-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, iż-żerriegħa tista’ titqiegħed fis-suq meta jkunu sodisfatti r-rekwiżiti fir-rigward tal-kapaċità tat-tfellis minimu (minimum germination) biss, jew f’każijiet fejn il-kwantità ta’ żerriegħa disponibbli li tissodisfa r-rekwiżiti tal-kapaċità tat-tfellis mhix biżżejjed, il-Kummissjoni ppermettiet, għall-perjodu limitat, it-tqegħid fis-suq tal-kwantitajiet massimi taż-żrieragħ preskritti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti f’dawk id-Direttivi fir-rigward tal-kapaċità tat-tfellis minimu.

(2)

Bħalissa, l-għoti ta’ l-awtorizzazzjonijiet qed isir bil-mod iż-żejjed.

(3)

Biex il-proċedura ta' l-awtorizzazzjoni tiġi ssimplifikata u aċċelerata filwaqt li tiżgura li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jevalwaw u jirrispondu għall-applikazzjoni, l-istrument addattat jidher li hu proċedura ta’ konsultazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru.

(4)

Il-miżuri previsiti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal tal-Propagazzjoni għall-Agrikoltura, Ortikoltura u x-Xjenza tal-Foresti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li japplikaw għal talbiet minn Stati Membri għall-awtorizzazzjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq temporanju ta' żrieragħ li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti fir-rigward tat-tfellis minimu magħmula skond:

a)

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva Nru 66/401/KEE,

b)

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva Nru 66/402/KEE,

ċ)

L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva Nru 2002/54/KE,

d)

L-Artikolu 38(1) tad-Direttiva Nru 2002/55/KE, u

e)

L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva Nru 2002/57/KE.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għat-tqegħid fis-suq ta’ “żerriegħa bażika” kif iddefinit mid-Direttivi li jirreferi għalihom il-paragrafu 1.

Artikolu 2

1.   Stat Membru li huwa affetwat minn diffikultajiet ta’ provvista u jixtieq jippermetti temporanjament it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa li ma tissodisfax ir-rekwiżiti fir-rigward tat-tfellis minimu (minn hawn ‘il quddiem “l-Istat Membru li qed jagħmel it-talba”) għandu jressaq rikjesta lill-Kummissjoni li tinkludi l-informazzjoni li jirreferi għaliha l-Artikolu 3. Fl-istess ħin l-Istati Membri l-oħra se jkunu nnotifikati mill-Istat Membru li qed jagħmel it-talba. Kull Stat Membru għandu jaħtar il-punti ta’ kuntatt.

2.   Fi żmien 15-il ġurnata minn wara il-komunikazzjoni prevista fil-paragrafu 1, Stati Membri oħra jistgħu jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membru li qed jagħmel it-talba:

a)

jew b’offerta ta’ żrieragħ disponibbli li tista’ tegħleb id-diffikultajiet temporanji fil-provvista, jew

b)

b’oġġezzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ żrieragħ li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttivi li jirreferi għalihom l-Artikolu 1(1).

3.   Żrieragħ koperti bit-talba sal-kwantità rikjesta mill-Istat Membru li qed jagħmel it-talba jistgħu jinbiegħu fis-suq madwar il-Komunità kollha mingħajr ma jissodisfaw r-rekwiżiti tad-Direttivi li jirreferi għalihom l-Artikolu 1(1) jekk, fi żmien il-perjodu li jirreferi għalih il-paragrafu 2, l-ebda offerti jew oġġezzjonijiet ma jiġu nnotifikati lill-Istat(i) Membru/i li qed jagħmel/qegħdin jagħmlu t-talba u lill-Kummissjoni, jew fejn isiru offerti u l-Istat Membru li qed jagħmel it-talba u l-Istat(i) Membru/i li qed jagħmel/qegħdin jagħmlu l-offerta jiftiehmu li l-offerti mhumiex adattati, sakemm fi żmien l-istess perjodu il-Kummissjoni ma tkunx infurmat lill-Istat Membru li qed jagħmel it-talba li tikkunsidra li t-talba mhix iġġustifikata.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-punti ta’ kuntatt maħtura minn kull Stat Membru, u għandha tippubblika fil-websajt tagħha, il-kundizzjonijiet skond liema t-tqegħid fis-suq huwa awtorizzat, inkluża l-kwantità permessa.

4.   Jekk il-kundizzjonijiet skond il-paragrafu 3 ma jistgħux jiġu sodisfatti, jew il-Kummissjoni tikkunsidra li t-talba mhix iġġustifikata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-punti ta’ kuntatt maħtura minn kull Stat Membru.

Is-sitwazzjoni għandha titressaq quddiem il-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal tal-Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikoltura u x-Xjenza tal-Foresti u, fejn xieraq, deċiżjoni li tapprova jew tirrifjuta t-talba għandha tiġi adottata minnufih skond il-proċedura li jirreferu għaliha d-dispożizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(1).

Artikolu 3

L-informazzjoni meħtieġa skond l-Artikolu 2(1) għandha tinkludi dan li ġej:

a)

speċi u varjetatiet, b’mod partikolari l-karatteristiċi fir-rigward tal-kultivazzjoni u ta’ l-użu,

b)

it-tfellis minimu mistenni,

c)

il-kwantitajiet involuti,

d)

id-dokmentazzjoni rilevanti li tispjega r-raġuni għat-talba,

e)

id-destinazzjoni proposta għat-tqegħid fis-suq, li tidentifika dawk ir-reġjuni ta’ l-Istat Membru li qed jagħmel it-talba affetwati mid-diffikultajiet fil-provvista taż-żrieragħ,

f)

il-perjodu ta’ l-applikazzjoni meħtieġ għall-awtorizzazzjoni.

Artikolu 4

Mingħajr preġudizzju għal xi tip ta’ ttikkettjar meħtieġ mid-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1(1), it-tikketta uffiċjali fuq iż-żerriegħa għandha jkun fiha dikjarazzjoni li ż-żerriegħa kkonċernata hija ta’ kategorija li tissodisfa rekwiżiti inqas stretti minn dawk stabbiliti minn dawk id-Direttivi, u dettalji tal-kapaċità tat-tfellis minimu taż-żerriegħa.

Artikolu 5

1.   L-Istati Membri, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, għandhom jippermettu li l-fornituri jqiegħdu fis-suq iż-żerriegħa awtorizzata skond l-Artikolu 3. Jistgħu jeħtieġu li l-fornituri jitolbu permess minn qabel, li jista' jiġi rrifjutat jekk:

a)

hemm evidenza biżżejjed biex ikun hemm dubju dwar jekk il-fornitur huwiex kapaċi jqiegħed fis-suq l-ammont ta' żerriegħa li għaliha jkun talab permess;

b)

il-kwantità totali li għaliha l-fornitur talab permess skond id-deroga kkonċernata teżawrixxi l-kwantità awtorizzata għall-Komunità skond l-Artikolu 2.

2.   L-Istat Membru li qed jagħmel it-talba għandu jikkoordina x-xogħol ta' l-Istati Membri l-oħra biex jiżgura li l-ammont totali awtorizzat ma jinqabiżx.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħtu lil xulxin għajnuna amministrattiva fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-punti ta’ kuntatt li jirreferi għalihom l-Artikolu 2(1) fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' L-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-8 ta’ Frar 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU 125, tal-11.7.1966, p. 2298. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/117/KE (ĠU L 14, tat-18.1.2005, p 18).

(2)  ĠU 125, tal-11.7.1966, p. 2309. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/117/KE (ĠU L 14, tat-18.1.2005, p. 18).

(3)  ĠU L 193, ta’ l-20.7.2002, p. 12. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/117/KE (ĠU L 14, tat-18.1.2005, p. 18).

(4)  ĠU L 193, ta’ l-20.7.2002, p. 33. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/117/KE (ĠU L 14, tat-18.1.2005, p. 18).

(5)  ĠU L 193, ta’ l-20.7.2002, p. 74. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/117/KE (ĠU L 14, tat-18.1.2005, p. 18).