28.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

90


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 197/2006

tat-3 ta’ Frar 2006

dwar miżuri ta’ tranżizzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 dwar il-ġbir, it-trasport, it-trattament, l-użu u r-rimi ta’ dawk li kienu oġġetti ta’ l-ikel

(Test b’rilevanza għaż-ZEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta' l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(1) (d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jipprevedi reviżjoni kompluta tar-regoli tal-Komunità dwar prodotti sekondarji ta' l-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem, inkluż l-introduzzjoni ta' numru ta' rekwiżiti stretti. Barra minn hekk, jipprovdi li miżuri transizzjonali xierqa jistgħu jiġu adottati.

(2)

Minħabba n-natura stretta ta’ dawn ir-rekwiżiti, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 813/2003 tat-12 ta’ Mejju 2003 dwar miżuri transizzjonali r-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġbir, it-trasport, u r-rimi ta’ oġġetti li kienu ta’ l-ikel (2) ta deroga lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jawtorizzaw operaturi biex ikomplu japplikaw ir-regoli nazzjonali għall-ġbir, it-trasport, it-trattament, l-użu u r-rimi ta’ dawk li kienu oġġetti ta’ l-ikel ta’ oriġini ta’ l-annimali sal-31 ta’ Diċembru 2005. L-Istati Membri staqsew biex jestendu d-deroga għal perjodu ieħor ta’ żmien sabiex jiġi evitat ix-xkiel fil-kummerċ. Għalhekk jinħtieġ li d-deroga tiġi estiża.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f' terraferma (landfill) (3) tistabbilixxi kundizzjonijiet għall-għoti ta’ permessi għal-landfills u l-iskart biex jiġu aċċettati fil-landfills differenti. Skond dan, huwa xieraq li jiġu applikati il-miżuri previsti fid-Direttiva, fejn l-awtorità kompetenti tikkunsidra li dawk li kienu oġġetti ta’ l-ikel ma jqiegħdux f’riskju s-saħħa pubblika jew dik ta’ l-annimali, jekk intremew f'landfill.

(4)

Ċerti oġġetti li kienu ta’ l-ikel, bħall-ħobż, l-għaġin, l-għaġina u prodotti simili, ma tantx iqiegħdu s-saħħa pubblika u dik ta' l-annimali f'riskju kbir sakemm ma kienux f'kuntatt ma' materjal nej ta' l-oriġini ta' l-annimali bħal per eżempju laħam nej, prodotti tal-ħut nejjin, bajd nej u ħalib nej. F’każijiet bħal dawn, l-awtorità kompetenti għandha titħalla li dawk li kienu oġġetti ta' l-ikel jintużaw bħala materjal għall-għalf jekk l-awtorità tkun sodisfatta li prassi bħal din ma tqiegħedx is-saħħa tal-pubbliku jew ta' l-annimali f'riskju. L-awtorità kompetenti għandha titħalla wkoll li jintuża għal għanijiet oħra, bħal fertilizzant, jew trattat jew mormi b’xi mod ieħor, bħal bijogaas jew impjant fejn isir il-kompost li mhuwiex approvat skond l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

(5)

Il-Kummissjoni għandha tfittex il-parir ta’ l-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza ta’ l-Ikel dwar ir-riskji li jista' jkun hemm meta d-deroga estiża attwali tinbidel f’miżuri ta’ implimentazzjoni skond l-Artikolu 6(2)tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

(6)

Sabiex jiġi evitat riskju għas-saħħa ta' l-annimali u għas-saħħa pubblika għandu jkun hemm sistemi xierqa ta' kontroll fl-Istati Membri għall-perjodu tal-miżuri tranżitorji.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

dwar miżuri ta’ tranżizzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 dwar il-ġbir, it-trasport, it-trattament, l-użu u r-rimi ta’ dawk li kienu oġġetti ta’ l-ikel

1.   B’deroga mill-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7 u l-Kapitoli I sa III u l-Kapitoli V sa VIII ta’ l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-ġbir, it-trasport, it-trattament, l-użu u r-rimi ta’ dawk li kienu oġġetti ta’ l-ikel msemmija fl-Artikolu 6(1)(f) ta’ dak ir-Regolament (“oġġetti li kienu ta’ l-ikel”), skond l-Artikoli 2 u 3 ta’ dan ir-Regolament, sakemm: –

a)

ma ġewx f’kuntatt ma’ l-ebda prodott sekondarju ta’ l-annimali msemmija ma’ l-Artikoli 4 u 5 u punti (a) sa (e) u (g) sa (k) ta’ l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jew l-materjal nej ta’ oriġini ta’ l-annimali;

b)

dan ma jqiegħedx is-saħħa pubblika u ta’ l-annimali.

2.   Id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu m'għandhiex tapplika għall-materjal nej ta' oriġini ta' l-annimali.

Artikolu 2

Ġbir u trasport

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-ġbir u t-trasport ta’ dawk li kienu oġġetti ta’ l-ikel sakemm il-persuna li qed tibgħat jew iġġorr dawk li kienu oġġetti ta’ l-ikel: -

a)

tiżgura li dawk li kienu oġġetti ta’ l-ikel huma konsenjati u trasportati lejn impjant jew post ieħor permess skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jew ta’ impjant jew post ieħor jew landfill skond l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament; u

b)

iżżomm rekord tal-konsenji għal perjodu ta’ mill-inqas sentejn mid-data tat-tali konsenja jew trasport li juri dan, u jagħmlu disponibbli fuq it-talba ta' awtorità kompetenti.

Artikolu 3

Trattament, użu u rimi

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li dawk li kienu oġġetti ta’ l-ikel jiġu: -

a)

mormija bħala skart permezz ta’ dfin f’landfill permess skond id-Direttiva 1999/31/KE;

b)

trattati f’sistemi alternattivi approvati skond il-kundizzjonijiet li jnaqqsu r-riskju għas-saħħa pubblika u dik ta’ l-annimali sakemm ikunu konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

i)

il-materjal li jirriżulta jintbagħat niex jintrema’ ġewwa inċinerazzjoni jew impjanti ta’ koinċinerazzjoni skond id-Direttiva 2000/76/KE (4), jew landfill skond id-Direttiva 1999/31; u

ii)

ma jintużax bħala materjal għall-għalf jew fertilizzant organiku jew biex jtejjeb il-ħamrija;

jew

c)

jintuża għall-għalf mingħajr iktar trattament jew jintuża għal għanijiet oħra mingħajr iktar trattament jekk oġġetti ta' l-ikel bħal dawn ma ġewx f'kuntatt ma' materjali nejja ta' oriġini mill-annimali u l-awtorità kompetenti hija sodisfatta li t-tali użu ma jqiegħdux s-saħħa pubblika u dik ta’ l-annimali f’riskju.

Artikolu 4

Miżuri ta' kontroll

L-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa għall-kontroll tal-konformità mill-operaturi ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Lulju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-3 ta’ Frar 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 273, tal-10.10.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 416/2005 (ĠU L 66, tat-12.3.2005, p. 10).

(2)  ĠU L 117, tal-13.5.2003, p. 22.

(3)  ĠU L 182, tal-16.7.1999, p. 1. Id-Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tat-31.10.2003, p. 1).

(4)  ĠU L 332, tal-28.12.2000, p. 91.