1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

254


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2006/117/EURATOM

ta' l-20 ta’ Novembru 2006

dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' vjeġġi ta' skart radjuattiv u ta' kombustibbli nukleari eżawrit

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikoli 31(2) u 32 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni mfassla wara li nkisbet l-opinjoni ta' grupp ta' persuni maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn fost l-esperti xjentifiċi fl-Istati Membri, skond l-Artikolu 31 tat-Trattat, u wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

L-operazzjonijiet involuti fi vjeġġi ta' skart radjuattiv jew kombustibbli eżawrit huma suġġetti għal numru ta' ħtiġijiet taħt strumenti legali Komunitarji u internazzjonali b'mod partikolari rigward it-trasport sigur ta' materjal radjuattiv u l-kondizzjonijiet li taħthom l-iskart radjuattiv jew il-kombustibbli eżawrit jintremew jew jinħażnu fil-pajjiż ta' destinazzjoni.

(2)

Minbarra dawn il-ħtiġijiet, il-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku in ġenerali teħtieġ li l-vjeġġi ta' skart radjuattiv jew ta' kombustibbli eżawrit bejn l-Istati Membri u lejn il-Kommunità u 'l barra minnha jkunu suġġetti għal sistema obbligatorja u komuni ta' awtorizzazzjoni minn qabel.

(3)

Kif ġie dikjarat fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2002 dwar it-twaqqif ta' sistemi nazzjonali għas-sorveljanza u għall-kontroll tal-preżenza ta' materjali radjuattivi fir-riċiklaġġ ta' materjali metalliċi fl-Istati Membri (3), huwa importanti li jitnaqqas ir-riskju radjoloġiku li jirriżulta mill-preżenza ta' materjali radjuattivi fost materjali metalliċi destinati għar-riċiklaġġ.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/3/Euratom tat-3 ta' Frar 1992 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' vjeġġi ta' skart radjuattiv bejn l-Istati Membri u fil- u barra mill-Komunità (4) stabbilixxiet sistema Komunitarja ta' kontroll strett u ta' awtorizzazzjoni minn qabel għal vjeġġi ta' skart radjuattiv li rriżultat sodisfaċenti. Madankollu, hija teħtieġ li tiġi emendata fid-dawl ta' l-esperjenza sabiex jiġu ċċarati u miżjuda kunċetti u definizzjonijiet, sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet li fil-passat ma ġewx kunsidrati, sabiex tiġi simplifikata l-proċedura eżistenti tat-trasport ta' skart bejn l-Istati Membri u sabiex tiġi garantita l-konsistenza ma' diżpożizzjonijiet Komunitarji u internazzjonali oħrajn, u b'mod partikolari mal-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sigurtà ta' l-Immaniġġar ta' Kombustibbli Eżawrit u dwar is-Sigurtà ta' l-Immaniġġar ta' Skart Radjuattiv (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Konvenzjoni Konġunta”), li magħha il-Komunità aderixxiet fit-2 ta' Jannar 2006.

(5)

Fil-qafas tal-Ħames Fażi ta' l-inizjattiva SLIM (Simpler Legislation for the Internal Market — Leġiżlazzjoni Aktar Sempliċi għas-Suq Intern), ġie stabbilit grupp ta' ħidma ta' rappreżentanti ta' l-Istat Membri u ta' utenti sabiex jiġi indirizzat numru ta' kwistjonijiet inkwetanti espressi minn utenti tad-Direttiva 92/3/Euratom, filwaqt li tiġi allinjata, għall-finijiet ta' konformità, ma' l-istrumenti u r-regoli internazzjonali attwali.

(6)

Il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 92/3/Euratom ġiet applikata fil-prattika biss għal vjeġġi ta' kombustibbli eżawrit li għalih ma jkunx hemm maħsub użu ulterjuri, meqjus għalhekk bħala “skart radjuattiv” għall-finijiet ta' dik id-Direttiva. Mill-aspett radjoloġiku, l-esklużjoni ta' l-applikazzjoni ta' tali proċedura ta' superviżjoni u kontroll lil kombustibbli eżawrit, fejn dan ikun maħsub għar-ripproċessar, mhix ġustifikata. Hu għalhekk xieraq li din id-Direttiva tkopri l-vjeġġi kollha ta' kombustibbli eżawrit, kemm jekk ikun maħsub għar-rimi kif ukoll jekk għar-ripproċessar.

(7)

Kull Stat Membru għandu jibqa' responsabbli bis-sħiħ għall-għażla tal-politika proprja tiegħu dwar il-maniġġar ta' l-iskart nukleari u tal-kombustibbli eżawrit li jaqa' fil-ġurisdizzjoni tiegħu, x'uħud bl-għażla tar-ripproċessar tal-kombustibbli eżawrit, oħrajn bil-għan tar-rimi finali ta' kombustibbli eżawrit mingħajr ebda użu ieħor previst. Din id-Direttiva għandha għalhekk tkunu mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istati Membri li jesportaw il-kombustibbli eżawrit tagħhom għar-ripproċessar u xejn f'din id-Direttiva m'għandu jimplika li Stat Membru ta' destinazzjoni għandu jaċċetta vjeġġi ta' skart radjuattiv u kombustibbli eżawrit għat-trattament jew rimi finali ħlief fil-każ ta' ġarr lura. Kwalunkwe rifjut ta' tali vjeġġi għandu jiġi ġġustifikat abbażi tal-kriterji stabbiliti f'din id-Direttiva.

(8)

Is-simplifikazzjoni tal-proċedura eżistenti m'għandhiex tfixxkel id-drittijiet eżistenti ta' l-Istati Membri li joġġezjonaw għal, jew li jimponu kondizzjonijiet fir-rigward ta', vjeġġ ta' skart radjuattiv li jeħtieġ il-kunsens tagħhom. L-oġġezzjonijiet m'għandhomx ikunu arbitrarji u għandhom ikunu bbażati fuq diżpożizzjonijiet nazzjonali, Komunitarji jew internazzjonali relevanti. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi taħt il-liġi internazzjonali, u b'mod partikolari għall-eżerċizzju, minn bastimenti u minn inġenji ta' l-ajru, ta' drittijiet u libertajiet ta' navigazzjoni marittima, fuq xmajjar u ta' l-ajru, kif previst taħt il-liġi internazzjonali.

(9)

Il-possibbiltà għal Stat Membru ta' destinazzjoni jew ta' transitu li jirrifjuta l-proċedura awtomatika għall-għotja ta' kunsens għal vjeġġi timponi piż amministrattiv mhux ġustifikat u tiġġenera inċertezza. Il-konferma obbligatorja tar-riċevuta ta' l-applikazzjoni mill-awtoritajiet tal-pajjiżi ta' destinazzjoni u ta' transitu, flimkien ma' l-estensjoni tal-perjodu għall-għotja ta' kunsens, għandhom jippermettu li tiġi preżunta l-approvazzjoni taċita b'livell għoli ta' ċertezza.

(10)

L-“awtorizzazzjonijiet” għal vjeġġi fis-sens ta' din id-Direttiva m'għandhom jissostitwixxu ebda ħtieġa nazzjonali speċifika għall-vjeġġi bħal liċenzji tat-trasport.

(11)

Għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent kontra l-perikli li jirriżultaw minn skart radjuattiv, għandu jittieħed kont tar-riskji li jinħalqu barra mill-Komunità. Fil-każ ta' skart radjuattiv u kombustibbli eżawrit li jħalli l-Komunità, il-pajjiż terz ta' destinazzjoni m'għandhux biss ikun infurmat dwar il-vjeġġ, iżda għandu wkoll jagħti l-kunsens tiegħu għalih.

(12)

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni għandhom jikkoperaw u jaħdmu mill-qrib ma' l-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn involuti sabiex jiġi evitat dewmien bla bżonn u sabiex tiġi żgurata l-operazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' kunsens stabbilita minn din id-Direttiva.

(13)

Il-ħtieġa li l-persuna responsabbli għall-vjeġġ tieħu miżuri korrettivi ta' sigurtà fejn meħtieġ fil-każ ta' nuqqas ta' eżekuzzjoni tal-vjeġġ m'għandhiex timpedixxi l-applikazzjoni ta' mekkaniżmi stabbiliti mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali.

(14)

Il-ħtieġa li d-detentur ikun responsabbli għall-ispejjeż li jirriżultaw fil-każ ta' nuqqas ta' eżekuzzjoni tal-vjeġġ m'għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta' mekkaniżmi stabbiliti mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali jew kwalunkwe ftehim kontrattwali bejn id-detentur u kwalunkwe persuna oħra involuta fil-vjeġġ.

(15)

Waqt li skart radjuattiv għandu, sakemm ikun kompatibbli mal-maniġġar sigur ta' tali materjal, jintrema fl-Istat li fih kien iġġenerat hu rikonoxxut li l-Istati Membri għandhom jippromwovu ftehim bejniethom sabiex jiffaċilitaw il-maniġġar sigur u effiċjenti ta' l-iskart radjuattiv jew il-kombustibbli eżawrit mill-Istati Membri li jkunu pproduċuh fi kwantitajiet żgħar u fejn l-istabbiliment ta' faċilitajiet adegwati ma jkunx ġustifikat mill-aspett radjoloġiku.

(16)

Meta jkun ġie konkluż arranġament bejn destinatarju f'pajjiż terz u detentur f'pajjiż terz skond l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni Konġunta, l-istess arranġament jista' jintuża għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

(17)

Għall-finijiet ta din id-Direttiva u fid-dawl ta' l-esperjenza fil-passat hu xieraq li d-dokument standard eżistenti jiġi adattat. Fl-interess taċ-ċarezza, għandu jiġi stabbilit l-obbligu li jiġi stabbilit dokument standard ġdid sad-data tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva. Madankollu, jekk din l-iskadenza ma tiġix rispettata, għandhom jeżistu diżpożizzjonijiet transitorji li jipprovdu għall-użu tad-dokument standard eżistenti. Barra minn hekk, għandhom jeżistu regoli ċari dwar l-użu tal-lingwi li jipprovdu għaċ-ċertezza legali u jevitaw dewmien mhux ġustifikat.

(18)

Ir-rappurtar perjodiku mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jipprovdi rendikont ġenerali utli ta' l-awtorizzazzjonijiet mogħtija fil-Komunità u għandu jidentifika d-diffikultajiet li possibbilment jiltaqgħu magħhom fil-prattika l-Istati Membri u s-soluzzjonijiet li ġew applikati.

(19)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta' Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sigurtà għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku in ġenerali kontra l-perikli li jirriżultaw mir-radjazzjoni jonizzanti (5), tapplika inter alia għat-trasport, għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni mill-Komunità ta' sostanzi radjuattivi u tipprovdi għal sistema ta' rappurtar u ta' awtorizzazzjoni ta' prattika li tinvolvi r-radjazzjoni jonizzanti. Dawn id-diżpożizzjonijiet huma għalhekk relevanti għall-qasam kopert minn din id-Direttiva.

(20)

Fid-dawl ta' dak imsemmi hawn qabel, huwa meħtieġ, għal raġunijiet ta' ċarezza, li titħassar u tiġi sostitwita d-Direttiva 92/3/Euratom. Din id-Direttiva m'għandhiex tippreġudika l-obbligi ta' l-Istati Membri dwar l-iskadenzi tat-termini perentorji għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttiva mħassra.

(21)

Konformement mal-Paragrafu 34 tal-ftehim interisitituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (6) l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex ifasslu, għalihom stess u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess li jillustraw, safejn ikun possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni u sabiex jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET PRELIMINARI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi sistema Komunitarja ta' superviżjoni u kontroll ta' vjeġġi transkonfinali ta' skart radjuattiv u ta' kombustibbli eżawrit, sabiex tiġi garantita l-protezzjoni adegwata tal-popolazzjoni.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal vjeġġi transkonifini ta' skart radjuattiv jew ta' kombustibbli eżawrit kull meta:

(a)

il-pajjiż ta' oriġini jew il-pajjiż ta' destinazzjoni jew kwalunkwe pajjiż ta' transitu ikun fil-Komunità, u

(b)

il-kwantitajiet u l-konċentrazzjoni tal-konsenja jaqbżu l-livelli stabbiliti fil-punti (a) u (b) ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 96/29/Euratom.

3.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal vjeġġi ta' sorsi li m'għadhomx jintużaw lil fornitur jew fabbrikant ta' sorsi radjuattivi jew lil installazzjoni rikonoxxuta.

4.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal vjeġġi ta' materjali radjuattivi rkuprati għal użu ulterjuri permezz ta' ripproċessar.

5.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal vjeġġi transkonfinali ta' skart li jkun fih biss materjal radjuattiv, li jinħalaq b'mod naturali, li ma jirriżultax minn xi prattika.

6.   Din id-Direttiva hija bla preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi taħt id-dritt internazzjonali.

Artikolu 2

Ġarr lura relatat ma' operazzjonijiet ta' proċessar u ripproċessar

Din id-Direttiva m'għandhiex tinċidi fuq id-dritt ta' Stat Membru jew ta' intrapriża fl-Istat Membru li lilhom:

(a)

għandu jintbagħat skart radjuattiv għall-proċessar, jew

(b)

għandu jintbgħat materjal ieħor bl-iskop li jiġi rkuprat l-iskart radjuattiv,

li jibgħatu lura l-iskart radjuattiv lejn il-pajjiż ta' oriġini tiegħu wara t-trattament. Lanqas ma għandha tinċidi fuq id-dritt ta' Stat Membru jew ta' intrapriża f'dak l-Istat Membru li lilhom għandu jintbagħat kombustibbli eżawrit għar-ripproċessar li jibgħatu lura lejn il-pajjiż ta' oriġini tiegħu skart radjuattiv irkuprat mill-operazzjoni ta' ripproċessar.

Artikolu 3

Vjeġġi transkonfinali ta' kombustibbli eżawrit għar-ripproċessar

Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' kull Stat Membru sabiex jiddefinixxi l-politika proprja dwar ir-riċiklaġġ tal-kombustibbli eżawrit, din id-Direttiva m'għandhiex tinċidi fuq id-dritt ta' Stat Membru li jesporta kombustibbli eżawrit għar-ripproċessar, b'kont meħud tal-prinċipji tas-suq nukleari komuni, b'mod partikolari l-moviment liberu tal-merkanzija. Dawk il-vjeġġi u l-esportazzjonijiet għandhom ikunu ssorveljati u kkontrollati skond il-proċeduri stabbiliti f'din id-Direttiva.

Artikolu 4

Ġarr lura relatat ma' vjeġġi mhux awtorizzati u skart radjuattiv mhux dikjarat

Din id-Direttiva m'għandhiex tinċidi fuq id-dritt ta' Stat Membru sabiex b'mod sigur jibgħat lura lejn il-pajjiż ta' oriġini tiegħu

(a)

vjeġġi ta' skart radjuattiv u ta' kombustibbli eżawrit li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva iżda li ma ġewx awtorizzati kf dovut skond din id-Direttiva, u

(b)

skart kontaminat bir-radjuattività jew materjal li jkun fih sors radjuattiv fejn dan il-materjal ma jkunx ġie dikjarat bħala skart radjuattiv mill-pajjiż ta' oriġini.

Artikolu 5

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“skart radjuattiv” tfisser materjal radjuattiv f'forma gassuża, likwida jew solida li għalih ma jkunx previst użu ulterjuri mill-pajjiżi ta' oriġini u ta' destinazzjoni, jew minn persuna fiżika jew ġuridika li d-deċiżjoni tagħha tkun aċċettata minn dawn il-pajjiżi, u li jkun kontrollat bħala skart radjuattiv minn korp regolatorju taħt il-qafas leġiżlattiv u regolatorju tal-pajjiżi ta' oriġini u ta' destinazzjoni;

2)

“kombustibbli eżawrit” tfisser kombustibbli nukleari li ġie rradjat fi u mneħħi permanentement mill-qalba ta' reattur; kombustibbli eżawrit jista' jew jiġi kkunsidrat bħala sors utilizzabbli li jista' jiġi ripproċessat jew li jiġi destinat għal rimi finali mingħajr użu ulterjuri previst u trattat bħala skart radjuattiv;

3)

“ripproċessar” tfisser proċess jew operazzjoni, li l-iskop tagħha jkun l-estrazzjoni ta' iżotopi radjuattivi mill-kombustibbli eżawrit għal użu ulterjuri;

4)

“vjeġġ” tfisser l-operazzjonijiet kollha involuti fl-ispostament ta' skart radjuattiv jew ta' kombustibbli eżawrit mill-pajjiż jew l-Istat Membru ta' oriġini għall-pajjiż jew l-Istat Membru ta' destinazzjoni;

5)

“vjeġġ intra-Komunitarju” tfisser vjeġġ li jitwettaq fejn il-pajjiż ta' oriġini u l-pajjiż ta' destinazzjoni jkunu Stati Membri;

6)

“vjeġġ extra-Komunitarju” tfisser vjeġġ li jitwettaq fejn il-pajjiż ta' oriġini u/jew il-pajjiż ta' destinazzjoni jkunu pajjiżi terzi;

7)

“rimi” tfisser it-tqegħid ta' skart radjuattiv jew ta' kombustibbli eżawrit f'impjant awtorizzat, mingħajr il-ħsieb li jerġa' jinġabar;

8)

“ħżin” tfisser iż-żamma ta' skart radjuattiv jew ta' kombustibbli eżawrit f'impjant li jipprovdi għall-konteniment tiegħu, bil-ħsieb li jerġa' jinġabar;

9)

“detentur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, qabel ma twettaq vjeġġ ta' skart radjuattiv jew ta' kombustibbli eżawrit tkun responsabbli taħt il-liġi nazzjonali applikabbli għal tali materjali u li tippjana li twettaq vjeġġ lil kunsinnatarju;

10)

“kunsinnatarju” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li lilha jiġi mibgħut skart radjuattiv jew kombustibbli eżawrit;

11)

“pajjiż jew Stat Membru ta' oriġini” u “pajjiż jew Stat Membru ta' destinazzjoni” rispettivament ifissru kwalunkwe pajjiż jew Stat Membru li minnu ikun ippjanat li jinbeda vjeġġ jew li minnu nbeda vjeġġ, u kwalunkwe pajjiż jew Stat Membru li lejh ikun ppjanat jew iseħħ vjeġġ;

12)

“pajjiż jew Stat Membru ta' transitu” tfisser kwalunkwe pajjiż jew Stat Membru divers mill-pajjiż jew mill-Istat Membru ta' oriġini jew mill-pajjiż jew mill-Istat Membru ta' destinazzjoni, li mit-territorju tiegħu ikun ippjanat jew iseħħ vjeġġ;

13)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità li, taħt il-liġi jew ir-regolamenti tal-pajjiżi ta' oriġini, ta' transitu jew ta' destinazzjoni, ikollhom is-setgħa li jimplimentaw is-sistema ta' superviżjoni u ta' kontroll ta' vjeġġi ta' skart radjuattiv jew ta' kombustibbli eżawrit;

14)

“sors issiġillat” għandha t-tifsira li ngħatatilha mid-Direttiva 96/29/Euratom u tinkludi l-kapsula, fejn applikabbli, li tagħlaq fiha l-materjal radjuattiv bħala parti integrali tas-sors;

15)

“sors li m'għadux jintuża” tfisser sors issiġillat li m'għadux jintuża jew mhux maħsub li jintuża għall-prattika li għaliha ngħatat l-awtorizzazzjoni;

16)

“installazzjoni rikonoxxuta” tfisser impjant li jinsab fit-territorju ta' pajjiż awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak il-pajjiż skond il-liġi nazzjonali għall-ħżin jew għar-rimi fit-tul ta' sorsi ssiġillati jew installazzjoni awtorizzata kif dovut taħt il-liġi nazzjonali għall-ħżin interim ta' sorsi ssiġillati;

17)

“applikazzjoni mimlija kif dovut” tfisser id-dokument standard li jikkonforma mal-ħtiġijiet kollha, kif stabbilit skond l-Artikolu 17.

KAPITOLU 2

VJEĠĠI INTRA-KOMUNITARJI

Artikolu 6

Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' vjeġġ

1.   Detentur li jippjana li jwettaq vjeġġ intra-Komunitarju ta' skart radjuattiv jew ta' kombustibbli eżawrit jew li jirranġa għat-twettiq ta' tali vjeġġ għandu jippreżenta applikazzjoni mimlija kif dovut għall-awtorizzazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini.

2.   L-applikazzjoni tista' tintbagħat fir-rigward ta' aktar minn vjeġġ wieħed, sakemm:

(a)

l-iskart radjuattiv jew il-kombustibbli eżawrit li miegħu huwa konness ikollu essenzjalment l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u radjuattivi, u

(b)

il-vjeġġi għandhom isiru mill-istess detentur lill-istess kunsinnatarju u jinvolvu l-istess awtoritajiet kompetenti, u

(ċ)

fejn vjeġġi jinvolvu transitu minn pajjiżi terzi, tali transitu isir mill-istess stazzjon fil-fruntiera tad-dħul u/jew ħruġ mill-Komunità u mill-istess stazzjon jew stazzjonijiet tal-fruntiera tal-pajjiż jew pajjiżi terzi kkonċernati, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

Artikolu 7

Trasmissjoni ta' l-applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom jibagħtu l-applikazzjoni debitament mimlija msemmija fl-Artikolu 6 għall-kunsens lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni u ta' l-Istati Membri ta' transitu, jekk ikun il-każ.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri involuti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-informazzjoni kollha rigward vjeġġi koperti minn din id-Direttiva tiġi trattata bl-attenzjoni dovuta u protetta kontra kwalunkwe użu ħażin.

Artikolu 8

Konferma tar-riċevuta u talba għall-informazzjoni

1.   Fi żmien 20 jum wara li jirċievu l-applikazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni u transitu għandhom jivverifikaw li l-applikazzjoni tkun mimlija kif dovut, fis-sens ta' l-Artikolu 5(17).

2.   Fil-każ li l-applikazzjoni tkun mimlija kif dovut, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni għandhom jibagħtu konferma tar-riċevuta lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini u jibagħtu kopja tagħha lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kkonċernati, mhux aktar tard minn 10 ijiem wara l-iskadenza tal-perjodu ta' 20 jum stabbilit fil-paragrafu 1.

3.   Fejn kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kkonċernati tikkunsidra li l-applikazzjoni mhix mimlija kif dovut, hija għandha titlob l-informazzjoni nieqsa mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini u tinforma lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra dwar tali talba. Din it-talba m'għandhiex issir aktar tard mill-iskadenza tal-perjodu stipulat fil-paragrafu 1.

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom jittrasmettu l-informazzjoni mitluba lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

Mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-data li jirċievu l-informazzjoni nieqsa u wara l-iskadenza tal-perjodu ta' 20 jum stabbilit fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni għandhom jibagħtu konferma tar-riċevuta lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini u jibagħtu kopja tagħha lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kkonċernati.

4.   Il-perjodi ta' żmien stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3 għall-ħruġ tal-konferma tar-riċevuta jistgħu jitqassru jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' destinazzjoni u ta' transitu jkunu sodisfatti li l-applikazzjoni mtliet kif dovut.

Artikolu 9

Kunsens u rifjut

1.   Mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tal-konferma tar-riċevuta l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kollha kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini bil-kunsens tagħhom jew bil-kondizzjonijiet li huma jikkunsidraw meħtieġa sabiex jagħtu l-kunsens tagħhom, jew bir-rifjut tagħhom li jagħtu l-kunsens.

Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni jew ta' kwalunkwe Stat Membru ta' transitu jistgħu jitolbu perjodu ulterjuri ta' mhux aktar minn xahar addizzjonalment għall-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu sabiex jgħarrfu bil-pożizzjoni tagħhom.

2.   Jekk ma' l-iskadenza tal-perjodi msemmija fil-paragrafu 1 ma tkun ġiet riċevuta ebda tweġiba mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni u/jew l-Istati Membri ta' transitu intiżi, dawk il-pajjiżi għandhom jitqiesu li jkunu taw il-kunsens tagħhom għall-vjeġġ mitlub.

3.   Għandhom jingħataw raġunijiet mill-Istati Membri għal kwalunkwe rifjut għall-għoti ta' kunsens, jew għall-kondizzjonijiet marbutin mal-kunsens tagħhom, li għandhom ikunu bbażati:

(a)

għall-Istat Membri ta' transitu, fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali, Komunitarja jew internazzjonali relevanti applikabbli għat-trasport ta' materjal radjuattiv;

(b)

għall-Istat Membru ta' destinazzjoni, fuq il-leġiżlazzjoni relevanti applikabbli għall-immaniġġar ta' l-iskart radjuattiv jew tal-kombustibbli eżawrit jew fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali, Komunitarja jew internazzjonali relevanti applikabbli għat-trasport ta' materjal radjuattiv.

Kwalunkwe kondizzjoni imposta mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, kemm jekk ikunu l-pajjiż ta' transitu kif ukoll jekk ikunu l-pajjiż ta' destinazzjoni, ma tistax tkun aktar stretta minn dawk stabbiliti għal vjeġġi simili f'dawk l-Istati Membri.

4.   L-Istat jew Stati Membri li jkunu taw kunsens għat-transitu ta' vjeġġ partikolari ma jistgħux jirrifjutaw li jagħtu kunsens għall-ġarr lura fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta l-kunsens inizjali kien jikkonċerna materjal mibgħut għal għanijiet ta' trattament jew ripproċessar, jekk il-ġarr lura jikkonċerna skart radjuattiv jew prodotti oħrajn ekwivalenti għall-materjal oriġinali wara trattament jew ripproċessar, u l-liġi relevanti kollha tkun osservata,

(b)

taħt iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 12, jekk il-ġarr lura jitwettaq taħt l-istess kondizzjonijiet u bl-istess speċifikazzjonijiet.

5.   Id-dewmien mhux ġustifikat u/jew nuqqas ta' koperazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ieħor għandhom jiġu rapportati lill-Kummissjoni.

Artikolu 10

Awtorizzazzjoni ta' vjeġġi

1.   Jekk ikunu ngħataw il-kunsensi kollha meħtieġa għall-vjeġġ, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom ikollhom id-dritt jawtorizzaw lid-detentur sabiex iwettaq il-vjeġġ u għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ta' destinazzjoni u lil kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż terz ta' transitu kif meħtieġ.

2.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 m'għandha bl-ebda mod tinċidi fuq ir-responsabbiltà tad-detentur, tat-trasportaturi, tas-sid, tal-kunsinnatarju jew ta' kwalunkwe persuna oħra fiżika jew ġuridika involuta fil-vjeġġ.

3.   Awtorizzazzjoni waħda tista' tkopri aktar minn vjeġġ wieħed, fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(2) jiġu sodisfatti.

4.   Kwalunkwe awtorizzazzjoni għandha tkun valida għal perjodu ta' mhux aktar minn tliet snin.

Meta jkun qed jiġi stabbilit dan il-perjodu ta' validità, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta' kwalunkwe kondizzjoni disposta fil-kunsens mogħti mill-Istati Membri ta' destinazzjoni jew ta' transitu.

Artikolu 11

Konferma tar-riċevuta tal-vjeġġ

1.   Fi żmien 15-il jum minn meta jirċevih, il-kunsinnatarju għandu jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni konferma tar-riċeżżjoni ta' kull vjeġġ.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni għandhom jibgħatu kopji tal- konferma tar-riċeżżjoni lill-Istat Membru ta' oriġini u lil kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż terz ta' transitu.

3.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom jibgħatu kopja tal-konferma tar-riċeżżjoni lid-detentur oriġinali.

Artikolu 12

Nuqqas ta' eżekuzzjoni tal-vjeġġ

1.   L-Istat Membru ta' destinazzjoni, ta' oriġini jew ta' transitu jista' jiddeċiedi li l-vjeġġ ma jistax jitwettaq jekk ma jkunx għad hemm konformità mal-kondizzjonijiet għall-vjeġġ skond din id-Direttiva, jew jekk dawn m'humiex konformi ma' l-awtorizzazzjonijiet jew il-kunsensi mogħtija skond din id-Direttiva.

Tali Stat Membru għandu minnufih jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħrajn involuti fil-vjeġġ b'din id-deċiżjoni.

2.   Fejn vjeġġ ma jistax jitwettaq jew jekk ma jkunx hemm konformità mal-kondizzjonijiet għall-vjeġġ skond din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom jiżguraw li l-iskart radjuattiv jew il-kombustibbli eżawrit in kwistjoni jittieħed lura mid-detentur, sakemm ma jkunx jista' jsir arranġament sigur alternattiv. Dawn l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-persuna responsabbli għall-vjeġġ tieħu miżuri korrettivi ta' sigurtà fejn meħtieġ.

3.   Il-kunsinnatarju għandu jkun responsabbli għall-ispejjeż li jirriżultaw fejn il-vjeġġ ma jistax jitwettaq.

KAPITOLU 3

VJEĠĠI EXTRA-KOMUNITARJI

Artikolu 13

Importazzjonijiet fil-Komunità

1.   Meta skart radjuattiv jew kombustibbli eżawrit li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva ikollu jidħol fil-Komunità minn pajjiż terz, u l-pajjiż ta' destinazzjoni ikun Stat Membru, il-kunsinnatarju għandu jippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru. L-applikazzjoni tista' tintbagħat fir-rigward ta' aktar minn vjeġġ wieħed, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(2).

L-applikazzjoni għandha tinkludi prova li l-kunsinnatarju għamel arranġament mad-detentur stabbilit fil-pajjiż terz, u li kien ġie aċċettat mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak il-pajjiż terz, li jobbliga lid-detentur sabiex jieħu lura l-iskart radjuattiv jew il-kombustibbli eżawrit f'każ li vjeġġ ma jistax jitwettaq skond din id-Direttiva, kif previst fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni għandhom jibagħtu l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għall-kunsens lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' transitu, jekk ikun il-każ.

Għandhom japplikaw l-Artikoli 8 u 9.

3.   Jekk jkunu ngħataw il-kunsensi kollha meħtieġa għall-vjeġġ, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni għandhom ikollhom id-dritt li jawtorizzaw lil-kunsinnatarju sabiex iwettaq il-vjeġġ u għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż terz ta' oriġini jew ta' transitu kif meħtieġ.

Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10(2), (3) u (4).

4.   Fi żmien 15-il jum wara li jkun rċieva l-vjeġġ, il-kunsinnatarju għandu jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni konferma tar-riċevuta ta' kull vjeġġ. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni għandhom jibagħtu kopji tal-konferma lill-pajjiż ta' oriġini u lil kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż terz ta' transitu.

5.   L-Istat Membru ta' destinazzjoni jew kwalunkwe Stat Membru ta' transitu jista' jiddeċiedi li l-vjeġġ ma jistax jitwettaq jekk ma jkunx għad hemm konformità mal-kondizzjonijiet għall-vjeġġ skond din id-Direttiva, jew jekk dawn mhumiex konformi ma' l-awtorizzazzjonijiet jew il-kunsensi maħruġa skond din id-Direttiva. Tali Stat Membru għandu jinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' oriġini b'din id-deċiżjoni.

6.   Il-kunsinnatarju għandu jkun responsabbli għall-ispejjeż li jirriżultaw fejn il-vjeġġ ma jistax jitwettaq.

Artikolu 14

Transitu li jgħaddi mill-Komunità

1.   Fejn skart radjuattiv jew kombustibbli eżawrit ikollu jidħol fil-Komunità minn pajjiż terz u l-pajjiż ta' destinazzjoni mhuwiex Stat Membru, il-persuna fiżika jew ġuridika li jkollha r-responsabbiltà għall-immaniġġar tal-vjeġġ fl-Istat Membru li mill-post tad-dwana tiegħu ikollu jidħol għall-ewwel darba fil-Komunità l-iskart radjuattiv jew il-kombustibbli eżawrit (“l-ewwel Stat Membru ta' transitu”) għandha tippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru. L-applikazzjoni tista' tintbagħat fir-rigward ta' aktar minn vjeġġ wieħed, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(2).

L-applikazzjoni għandha tinkludi prova li l-kunsinnatarju stabbilit fil-pajjiż terz għamel arranġament mad-detentur stabbilit fil-pajjiż terz, u li kien aċċettat mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak il-pajjiż terz, li jobbliga lil dak id-detentur sabiex jieħu lura l-iskart radjuattiv jew il-kombustibbli eżawrit f'każ li vjeġġ ma jistax jitwettaq skond din id-Direttiva, kif previst fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-ewwel Stat Membru ta' transitu għandhom jibgħatu l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għall-kunsens lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra ta' transitu, jekk ikun il-każ.

L-Artikoli 8 u 9 għandhom japplikaw.

3.   Jekk ikunu ngħataw il-kunsensi kollha meħtieġa għall-vjeġġ, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-ewwel Stat Membru ta' transitu għandhom ikollhom id-dritt li jawtorizzaw lill-persuna responsabbli msemmija fil-paragrafu 1 sabiex twettaq il-vjeġġ u għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż terz ieħor ta' transitu jew ta' oriġini kif meħtieġ.

Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10(2), (3) u (4).

4.   Il-persuna responsabbli msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-ewwel Stat Membru ta' transitu li l-iskart radjuattiv jew il-kombustibbli eżawrit wasal fid-destinazzjoni tiegħu fil-pajjiż terz fi żmien 15-il jum mid-data meta jasal u għandha tindika l-aħħar post tad-dwana fil-Komunità li minnu għadda l-vjeġġ.

In-notifika għandha tkun sostanzjata b'dikjarazzjoni jew ċertifikazzjoni mill-kunsinnatarju li tiddikjara li l-iskart radjuattiv jew il-kombustibbli eżawrit wasal fid-destinazzjoni proprja tiegħu u tindika l-post tad-dwana ta' dħul fil-pajjiż terz.

5.   Stat Membru ta' transitu jista' jiddeċiedi li l-vjeġġ ma jistax jitwettaq jekk ma jkunx għad hemm konformità mal-kondizzjonijiet għall-vjeġġ skond din id-Direttiva, jew jekk dawn m'humiex konformi ma' l-awtorizzazzjonijiet jew il-kunsensi maħruġa skond din id-Direttiva. Tali Stat Membru għandu jinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' oriġini b'din id-deċiżjoni. Il-persuna responsabbli msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun responsabbli għall-ispejjeż li jirriżultaw fejn il-vjeġġ ma jistax jitwettaq.

Artikolu 15

Esportazzjonijiet 'il barra mill-Komunità

1.   Fejn skart radjuattiv jew kombustibbli eżawrit irid jiġi esportat mill-Komunità lejn pajjiż terz, id-detentur għandu jippreżenta applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini. L-applikazzjoni tista' tintbagħat fir-rigward ta' aktar minn vjeġġ wieħed, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(2).

2.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom:

(a)

jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' destinazzjoni dwar il-vjeġġ ippjanat u jitlobu l-kunsens tagħhom; u

(b)

jibagħtu l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għall-kunsens lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri ta' transitu, jekk ikun il-każ.

Għandu japplika l-Artikolu 8.

3.   Jekk jkunu ngħataw il-kunsensi kollha meħtieġa għall-vjeġġ, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom ikollhom id-dritt li jawtorizzaw lid-detentur sabiex iwettaq il-vjeġġ u għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ta' destinazzjoni u lil kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż terz ta' transitu fejn meħtieġ.

Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10(2), (3) u (4).

4.   Id-detentur għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini li l-iskart radjuattiv jew il-kombustibbli eżawrit wasal fid-destinazzjoni tiegħu fil-pajjiż terz fi żmien 15-il jum mid-data meta jasal u għandu jindika l-aħħar post tad-dwana fil-Komunità li minnu għadda il-vjeġġ.

In-notifika għandha tkun sostanzjata b'dikjarazzjoni jew ċertifikazzjoni mill-kunsinnatarju li tiddikjara li l-iskart radjuattiv jew il-kombustibbli eżawrit wasal fid-destinazzjoni proprja tiegħu u tindika l-post tad-dwana ta' dħul fil-pajjiż terz.

5.   L-Istat Membru ta' oriġini jew kwalunkwe Stat Membru ta' transitu jista' jiddeċiedi li l-vjeġġ ma jistax jitwettaq jekk ma għadx hemm konformità mal-kondizzjonijiet għall-vjeġġ skond din id-Direttiva, jew jekk dawn mhumiex konformi ma' l-awtorizzazzjonijiet jew il-kunsensi maħruġa skond din id-Direttiva. Tali Stat Membru ta' transitu għandu minnufih jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini b'din id-Deċiżjoni.

Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12(2) u (3).

Artikolu 16

Esportazzjonijiet projbiti

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri m'għandhomx jawtorizzaw vjeġġi:

(a)

lejn destinazzjoni 'l isfel mil-lattitudni 60° Nofsinhar, jew

(b)

lejn Stat li jkun Parti għall-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, (Ftehim ta' Kotonù AKP-KE) li ma jkunx Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2, jew

(ċ)

lejn pajjiż terz li, fl-opinjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini, skond il-kriterji msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ma jkollux il-kapaċità amministrattiva u teknika u struttura regolatorja għall-immaniġġar sigur ta' l-iskart radjuattiv jew tal-kombustibbli eżawrit, kif dikjarjat fil-Konvenzjoni Konġunta. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont debitu ta' kwalunkwe informazzjoni relevanti minn Stati Membri oħra. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konsultattiv, kif stabbilit taħt l-Artikolu 21, fuq bażi annwali.

2.   Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, tistabbilixxi kriterji, b'kont debitu meħud ta', inter alia, l-Istandards ta' Sigurtà ta' l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA), li jgħinu lill-Istati Membri sabiex jivvalutaw jekk ikunux sodisfatti l-ħtiġijiet għall-esportazzjoni.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 17

Użu ta' dokument standard

1.   Għandu jintuża dokument standard għall-vjeġġi kollha fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

2.   Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, tistabbilixxi d-dokument standard li għandu jinkludi bħala anness lista tal-ħtiġijiet minimi ta' applikazzjoni mimlija debitament.

Id-dokument standard u l-annessi tiegħu għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u jsir disponibbli f'forma elettronika mhux aktar tard mill-25 ta’ Diċembru 2008. Jekk meħtieġ, għandu jiġi aġġornat skond l-istess proċedura.

3.   L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għandha timtela u kwalunkwe dokumentazzjoni u informazzjoni oħra msemmija fl-Artikoli 13, 10, 14 u 15 għandha tiġi fornita f'lingwa aċċettabbli għall-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li lilu tiġi preżentata l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni skond din id-Direttiva.

Għandha tiġi fornita mid-detentur, fuq it-talba ta' l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' destinazzjoni jew transitu, traduzzjoni awtentikata f'lingwa aċċettabbli għalihom.

4.   Kawlunkwe ħtieġa addizzjonali għall-awtorizzazzjoni ta' vjeġġ għandha tinthemeż mad-dokument standard.

5.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dokument ieħor ta' akkumpanjament meħtieġ taħt dispożizzjonijiet legali relevanti oħra, id-dokument standard mimli li jiċċertifika l-konformità debita mal-proċedura ta' awtorizzazzjoni għandu jakkumpanja kull vjeġġ li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, inklużi każijiet fejn l-awtorizzazzjoni tkun relatata ma' aktar minn vjeġġ wieħed f'dokument wieħed.

6.   Dawn id-dokumenti għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' oriġini u ta' destinazzjoni u ta' kwalunkwe pajjiż ta' transitu.

Artikolu 18

Awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-25 ta’ Diċembru 2008 l-isem jew l-ismijiet u l-indirizz jew indirizzi ta' l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa għal komunikazzjoni rapida ma' tali awtoritajiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jibgħatu regolarment lill-Kummissjoni kwalunkwe tibdil lil tali data.

Artikolu 19

Trasmissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għal sistema sigura u effettiva ta' trasmissjoni tad-dokumenti u informazzjoni relatati mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm fis-seħħ pjattaforma ta' komunikazzjoni elettronika sabiex tippubblika

(a)

l-isem jew l-ismijiet u l-indirizz jew indirizzi ta' l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru,

(b)

il-lingwi aċċettabbli għall-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru u

(ċ)

il-kondizzjonijiet ġenerali u l-ħtiġijiet addizzjonali kollha, jekk ikun hemm, meħtieġa għall-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru sabiex jiġi awtorizzat vjeġġ.

Artikolu 20

Rapporti regolari

1.   Sal-25 ta’ Diċembru 2011 u kull tliet snin wara dan, l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni rapporti dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

2.   Abbażi ta' dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, tistabbilixxi rapport sommarju għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, b'attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4.

Artikolu 21

Kumitat konsultattiv

1.   Fit-twettiq tal-kompiti stabbiliti fl-Artikoli 16(2), 17(2), 19(1) u fl-Artikolu 20(2) il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat ta' natura konsultattiva magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

2.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-Kumittat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f'limitu ta' żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni, jekk meħtieġ billi jittieħed vot.

3.   L-opinjoni għandha tiġi rreġistrata fil-minuti. Kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt jitlob li l-pożizzjoni tiegħu tiġi rreġistrata fil-minuti.

4.   Il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat. Hija għandha tinforma lill-Kumitat dwar il-mod kif ittieħed kont ta' l-opinjoni tiegħu.

Artikolu 22

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel l-25 ta’ Diċembru 2008. Huma għandhom minnufih jikkomunikawhom lill-Kummissjoni.

Meta jiġu adottati mill-Istati Membri, dawn il-miżuri għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 23

Tħassir

1.   Id-Direttiva 92/3/Euratom hija b'dan revokata b'effett mill-25 ta’ Diċembru 2008, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri relatati mal-limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva.

2.   Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 24

Dispożizzjonijiet transitorji

1.   Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tkun ġiet debitament approvata minn jew preżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' oriġini qabel l-25 ta’ Diċembru 2008, id-Direttiva 92/3/Euratom għandha tapplika għall-operazzjonijiet kollha ta' vjeġġi koperti mill-istess awtorizzazzjoni.

2.   Meta jiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni preżentati qabel l-25 ta’ Diċembru 2008, għal aktar minn vjeġġ wieħed ta' skart radjuattiv jew kombustibbli eżawrit lejn pajjiż terz ta' destinazzjoni, l-Istat Membru ta' oriġini għandu jieħu kont taċ-ċirkostanzi kollha relevanti, u b'mod partikolari:

(a)

l-iskeda ta' żmien ippjanata għat-twettiq tal-vjeġġi kollha koperti mill-istess applikazzjoni;

(b)

il-ġustifikazzjoni sabiex il-vjeġġi kollha jiġu inklużi fl-istess applikazzjoni;

(ċ)

jekk tkunx adegwata l-awtorizzazzjoni ta' numru ta' vjeġġi aktar baxx minn dak kopert mill-applikazzjoni.

3.   Sa meta jsir disponibbli d-dokument standard previst fl-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva, id-dokument standard stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/552/Euratom (7) għandu jintuża mutatis mutandis għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-publikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Novembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  ĠU C 286, 17.11.2005, p. 34.

(2)  Opinjoni mogħtija fil-5 ta' Lulju 2006 (għadha mhijiex ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 7.

(4)  ĠU L 35, 12.2.1992, p. 24.

(5)  ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1.

(6)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(7)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/552/Euratom ta' l-1 ta' Ottubru 1993 li tistabbilixxi d-dokument standard għas-superviżjoni u l-kontroll ta' spedizzjonijiet ta' skart radjuattiv imsemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 92/3/Euratom (ĠU L 268, 29.10.1993, p. 83).


ANNESS

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 92/3/Euratom

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 5

Artikolu 3

L-ewwel premessa

Artikolu 4(1) l-ewwel sentenza

Artikolu 6(1)

Artikolu 4(1) it-tieni sentenza

Artikolu 7(1)

Artikolu 4(2)

Artikolu 17(1)

Artikolu 4(3)

xejn

Artikolu 5(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 5(2)

Artikolu 10(4)

Artikolu 6(1) l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(1)

Artikolu 6(1) it-tieni subparagrafu

Artikolu 17(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 9(3)

Artikolu 6(3)

Artikolu 9(1) it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(4)

Artikolu 9(2)

Artikolu 7(1)

Artikolu 10(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 17(1)

Artikolu 7(3)

Artikolu 10(2)

Artikolu 8

Artikolu 17(5)

Artikolu 9(1), l-ewwel parti tas-sentenza

Artikolu 11(1)

Artikolu 9(1), l-aħħar parti tas-sentenza

Artikolu 17(1)

Artikolu 9(2), l-ewwel sentenza

Artikolu 11(2)

Artikolu 9(2), it-tieni sentenza

Artikolu 11(3)

Artikolu 10(1)

Artikolu 13

Artikolu 10(1), l-aħħar parti ta' l-ewwel sentenza

Artikolu 17(1)

Artikolu 10(2)

Artikolu 14

Artikolu 10(3)

Artikolu 13

Artikolu 11

Artikolu 16(1)

Artikolu 12(1)

Artikolu 15(1)

Artikolu 12(2)

Artikolu 15(3)

Artikolu 12(3)

Artikolu 10(2)

Artikolu 12(4)

Artikolu 17(1)

Artikolu 12(5)

Artikolu 15(4) l-ewwel subparagrafu

Artikolu 12(6)

Artikolu 15(4) it-tieni subparagrafu

Artikolu 13

Artikolu 1(3)

Artikolu 14

Artikolu 2

Artikolu 15(1)

Artikolu 12(2)

Artikolu 15(2)

Artikolu 13(1) it-tieni subparagrafu

Artikolu 16

Artikolu 9(4)

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 18

Artikolu 20

Artikolu 19

Artikolu 21

Artikolu 20 (l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi)

Artikolu 17(1)

Artikolu 20, ir-raba' inċiż

Artikolu 16(2)

Artikolu 20, il-ħames inċiż

Artikolu 20(2)

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 22

Artikolu 26

 

Artikolu 3 (ġdid)

 

Artikolu 4 (ġdid)

 

Artikolu 8 (ġdid)

 

Artikolu 19 (ġdid)

 

Artikolu 23 (ġdid)

 

Artikolu 24 (ġdid)

 

Artikolu 25 (ġdid)