16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

209


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2006/67/KE

ta’ l-24 ta’ Lulju 2006

li timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jżommu ħażniet minimi ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi

(Verżjoni kodifikata)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL- KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 68/414/KEE ta' l-20 ta’ Diċembru 1968 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri tal-KEE li jżommu ħażniet minimi ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi (3) ġiet emendata diversi drabi (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.

(2)

Iż-zejt mhux maħdum u l-prodotti petroliferi impurtati huma importanti sabiex jipprovdu lill-Komunità bi provvisti ta’ enerġija. Kwalunkwe diffikultà, ukoll temporanja, li jkollha l-effett li jitnaqqsu l-provvisti ta’ dawk il-prodotti importati minn Stati terzi jew li tgħolli b’mod sinjifikanti l-prezzijiet tagħhom fis-swieq internazzjonali tista’ tikkawża disturbi serji fl-attività ekonomika tal-Komunità. Il-Komunità għandha għalhekk tkun f’pożizzjoni li tpatti jew għall-inqas tnaqqas kwalunkwe effett negattiv f’każ bħal dak.

(3)

Kriżi fil-kisba ta’ provvisti tista’ sseħħ bla mistennija u huwa għalhekk essenzjali li jittieħdu l-miżuri meħtieġa minnufih sabiex jagħmlu tajjeb għal kull skarsezza possibbli.

(4)

Għalhekk, huwa meħtieġ li tiżdied is-sigurtà tal-provvista ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi fl-Istati Membri billi jiġu stabbiliti u jinżammu ħażniet minimi ta’ l-aktar prodotti importanti ta’ żejt mhux maħdum.

(5)

Arranġamenti organizzattivi għall-ħażniet petrolifiċi m' għandhomx jaffetwaw ħażin it-tħaddim tajjeb tas-suq intern.

(6)

Billi fid-Direttiva 73/238/KEE (5) il-Kunsill iddeċieda dwar miżuri xierqa — inkluż it-teħid minn ħażniet taż-żejt — li għandhom jittieħdu f’każ ta’ diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi lejn il-Komunità; billi l-Istati Membri ħadu fuqhom obbligazzjonijiet simili fil-Ftehim dwar “Programm Internazzjonali ta’ l-Enerġija”.

(7)

Jinħtieġ li l-ħażniet ikunu għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri f’każ li jinqalgħu diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt. L-Istati Membri għandu jkollhom il-poteri u l-kapaċità li jikkontrollaw l-użu tal-ħażniet sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru disponibbli mill-ewwel fl-oqsma li l-aktar jiġu bżonn provvisti ta’ żejt.

(8)

Arranġamenti organizzattivi għaż-żamma ta’ ħażniet għandhom jassikuraw id-disponibilità tal-ħażniet u l-aċċessibilità tagħhom għall-konsumatur.

(9)

Huwa xieraq li arranġamenti organizzattivi għall-manteniment tal-ħażniet ikunu trasparenti, u jassikuraw qsim imparzjali u non-diskriminatorju tal-piż ta’ l-obbligazzjoni li jinżammu l-ħażniet. Informazzjoni dwar l-ispiża meħtieġa biex jinżammu ħażniet ta’ żejt jistgħu jsiru disponibbli mill-Istati Membri għall-partijiet interessati.

(10)

Sabiex jorganizzaw iż-żamma tal-ħażniet, l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għal sistema ibbażata fuq korp jew entità li taħżen, li jkunu iżommu l-ħażniet kollha jew parti minnhom mill-ħażniet li jikkomprendu l-obbligazzjoni tagħhom li jaħżnu. Il-bilanċ, jekk ikun hemm, għandu jkun miżmum minn raffinaturi u minn operaturi oħrajn fis-suq. Is-sħubija bejn il-Gvern u l-industriji hija essenzjali sabiex jitħaddmu mekkaniżmi ta’ żamma ta’ ħażniet effiċjenti u ta’ min joqgħod fuqhom.

(11)

Il-produzzjoni lokali tikkontribwixxi fiha nfisha għas-sigurtà tal-provvista. L-evoluzzjoni tas-suq taż-żejt tista’ tiġġustifika deroga adatta mill-obbligazzjoni li jinżammu ħażniet ta’ żejt għall-Istati Membri bi produzzjoni lokali taż-żejt. Skond il-prinċipju tas-sussidjarjeta' l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżentaw impriżi mill-obbligazzjoni li jżommu ħażniet fir-rigward ta’ ammont li ma jaqbiżx il-kwantità ta’ prodotti li dawk l-impriżi jimmanifatturaw minn żejt mhux maħdum li jkun prodott lokalment.

(12)

Huwa xieraq li jiġu adottati attitudnijiet li huma diġà segwiti mill-Komunità u l-Istati Membri fl-obbligazzjonijiet u l-patti ta’ ftehim internazzjonali tagħhom. Minħabba f’bidliet fix-xejra tal-konsum taż-żejt, il-bunkers ta’ l-avjazzjoni internazzjonali saru komponent importanti ta’ dan il-konsum.

(13)

Hemm il-ħtieġa li jiġi adattat u simplifikat il-mekkaniżmu ta’ rapportaġġ statistiku tal-Komunità li jirrigwarda ħażniet taż-żejt.

(14)

Il-ħażniet taż-żejt jistgħu, fil-prinċipju, jinżammu fi kwalunkwe post fil-Komunità. Huwa xieraq li tiġi faċilitata ż-żamma ta’ ħażniet barra t-territorju nazzjonali. Huwa meħtieġ li deċiżjonijiet għaż-żamma ta’ ħażniet barra t-territorju nazzjonali jittieħdu mill-Gvern ta’ l-Istat Membru konċernat skond il-ħtiġiet tiegħu u l-konsiderazzjonijiet dwar is-sigurtà ta’ provvista. Fil-każ ta’ ħażniet miżmuma għad-dispożizzjoni ta’ impriża jew korp/entità oħra, regoli aktar dettaljati huma meħtieġa sabiex tkun garantita d-disponibilità u l-aċċessibilità tagħhom f’każ ta’ diffikultajiet fil-provvisti taż-żejt.

(15)

Huwa mixtieq, sabiex tiġi aċċertata t-tmexxija bla intoppi tas-suq intern, li jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ patti ta’ ftehim bejn l-Istati Membri dwar żamma minima ta’ ħażniet sabiex jissaħħaħ l-użu ta’ faċilitajiet ta’ ħażna fi Stati Membri oħrajn. Huwa f’idejn l-Istati Membri konċernati li jieħdu d-deċiżjoni li jikkonkludu tali patti ta’ ftehim.

(16)

Huwa xieraq li tissaħħaħ s-sorveljanza amministrattiva tal-ħażniet u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi effiċjenti għall-kontroll u l-verifika ta’ ħażniet. Huwa meħtieġ reġim ta’ sanzjonijiet sabiex jiġi impost tali kontroll.

(17)

Huwa xieraq li jiġi informat il-Kunsill fuq bażi regolari dwar is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ ħażniet ta’ sigurtà fil-Komunità.

(18)

Peress illi l-għanijiet ta’ din l-azzjoni, partikularment l-għan li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista taż-żejt fil-Komunità, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ min iserraħ fuqhom u trasparenti ibbażati fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, f' rispett sħiħ tar-regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fuq il-livell ta’ Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx li ‘l hinn minn dak li hu meħtieġ biex dawn l-għanijiet jiġu milħuqa.

(19)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligazzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw dawk il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jkunu xierqa sabiex iżommu ġewwa l-Komunità Ewropea f’kull żmien, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10, il-ħażniet tagħhom ta’ prodotti ta’ żejt, mhux raffinat f’livell li jikkorrispondi, għal kull waħda mill-kategoriji ta’ prodotti petroliferi mniżżla fl-Artikolu 2, għal ta’ l-anqas 90 ġurnata konsum intern medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja li tiġi qabel imsemmija fl-Artikolu 4 (2).

2.   Dik il-parti tal-konsum intern li tiġi sodisfatta permezz ta’ derivattivi ta’ prodotti petroliferi li jigu prodotti lokalment mill-Istat Membru konċernat tista’ tiġi mnaqqsa sa massimu ta’ 25 % ta’ dak il-konsum. Id-distribuzzjoni ġewwa l-Istat Membru tar-riżultat ta’ dak it-tnaqqis għandha tiġi deċiża mill-Istat Membru konċernat.

Artikolu 2

Il-kategoriji ta’ prodotti li ġejjin għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-konsum intern:

a)

spirtu tal-vetturi u karburant ta’ l-avjazzjoni (spirtu ta’ l-avjazzjoni u karburant tal-ġettijiet tal-tip petrol);

b)

żejt tal-gass, żejt tad-dijżil, pitrolju u fuel tal-ġettijiet tat-tip pitrolju;

ċ)

żjut karburanti.

Provvisti mill-bunkers għal bastimenti li jbaħħru m’għandhomx jiġu inklużi fil-kalkolu tal-konsum intern.

Artikolu 3

1.   Ħażniet miżmuma skond l-Artikolu 1 għandhom ikunu kompletament għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri jekk jinqalghu diffikultajiet rigward il-kisba ta’ provvisti ta’ żejt. L-Istati Membri għandhom jassikuraw ruħhom li jkollhom is-setgħat legali biex jikkontrollaw l-użu ta’ ħażniet f’ċirkostanzi bħal dawk.

F’kull żmien ieħor, l-Istati Membri għandhom jaċċertaw ruħhom mid-disponibilità u l-aċċessibilità ta’ dawn il-ħażniet. Huma għandhom jistabbilixxu arranġamenti li jippermettu l-identifikazzjoni, konteġġjar u kontroll tal-ħażniet.

2.   L-Istati Membri għandhom jaċċertaw ruħhom li japplikaw kondizzjonijiet ġusti u non-diskriminatorji fl-arranġamenti tagħhom ta’ żamma ta’ ħażniet.

Il-piż ta’ l-ispiża li tirrikjedi ż-żamma ta’ ħażniet skond l-Artikolu 1 għandu jkun identifikat permezz ta’ arranġamenti trasparenti. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri sabiex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa rigward il-piż ta’ l-ispiża taż-żamma ta’ ħażniet skond l-Artikolu 1 u sabiex jagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-partijiet interessati.

3.   Sabiex iħarsu l-ħtiġiet tal-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirrikorru għal korp jew entità li jaħżnu li jkunu responsabbli għaż-żamma tal-ħażniet kollha jew parti minnhom.

Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jiddeċiedu li jirrikorru għal korp jew entità konġunta li jaħżnu. F’dak il-każ huma għandhom ikunu konġuntement responsabbli għall-obbligazzjonijiet li joħorġu minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni sommarju statistiku li juri l-ħażniet eżistenti fl-aħħar ta’ kull xahar, redatt skond l-Artikolu 5 (2) u (3) u l-Artikolu 6 u li jispeċifika n-numru ta’ ġranet ta’ konsum medju fis-sena kalendarja preċedenti li dawk il-ħażniet jirrappresentaw. Dan is-sommarju għandu jingħata sa mhux aktar tard mill-25 ġurnata tat-tieni xahar li jigu wara x-xahar li għandu jiġi rappurtat.

2.   L-obbligazzjoni taż-żamma ta’ ħażniet ta’ Stat Membru għandha tkun ibbażata fuq il-konsum intern tas-sena kalendarja li tiġi qabel. Fil-bidu ta’ kull sena kalendarja, l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw mill-gdid l-obbligazzjoni taż-żamma ta’ ħażniet tagħhom sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena u jassikuraw illi huma jkunu jikkonformaw ma’ l-obbligazzjonijiet ġodda tagħhom mill-aktar fis possibbli u, fi kwalunkwe każ, mhux atar tard mill-31 ta’ Lulju ta’ kull sena.

3.   Fis-sommarju statistiku, ħażniet ta’ karburant ta’ l-ajruplani jet tat-tip pitrolju għandhom ikunu rapportati separatament taħt il-kategorija msemmija fl-Artikolu 2(b).

Artikolu 5

1.   Ħażniet meħtieġa li jinżammu mill-Artikolu 1 jistgħu jkunu miżmuma f’forma ta’ żejt mhux maħdum u prodotti intermedji, kif ukoll f’forma ta’ prodotti lesti.

2.   Fis-sommarju statistiku tal-ħażniet hekk eżistenti fit-tmiem ta’ kull xahar:

a)

il-prodotti lesti għandhom ikunu kalkolati skond it-tunnellaġġ attwali tagħhom.

b)

iż-żejt mhux maħdum u prodotti intermedji għandhom ikunu kalkolati:

i)

fil-proporzjonijiet tal-kwantitajiet għal kull kategorija ta’ prodotti miksuba matul is-sena kalendarja preċedenti mir-raffineriji ta’ l-Istat Membru konċernat;

ii)

jew fuq il-bażi tal-programmi ta’ produzzjoni tar-raffineriji ta’ l-Istat Membru konċernat għas-sena kurrenti;

jew

iii)

fuq il-bażi tal-proporzjon bejn il-kwantità totali manifatturata matul is-sena kalendarja preċedenti fl-Istat Membru konċernat ta’ prodotti koperti mill-obbligazzjoni sabiex iżommu ħażniet u l-ammont totali ta’ żejt mhux maħdum użat matul dik is-sena: għal mhux aktar minn 40 % ta’ l-obbligazzjoni totali għall-ewwel u t-tieni kategoriji (żjut ta’ petrol u dijżil) u sa mhux aktar minn 50 % għat-tielet kategorija (żjut karburanti).

3.   Komponenti għat-taħlit, meta intiżi biex jiġu proċessati fil-prodotti finali elenkati fl-Artikolu 2, jistgħu jiġu sostitwiti bil-prodotti li huma intiżi għalihom.

Artikolu 6

1.   Meta jkun qed jiġi ikkalkulat il-livell ta’ ħażniet minimi li għalih jipprovdi l-Artikolu 1, dawk il-kwantitajiet biss li jkunu miżmuma skond l-Artikolu 3(1) għandhom jiġu inklużi fis-sommarju statistiku.

2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, dan li ġej jista’ jiġi inkluż fil-ħażniet:

a)

provvisti fuq tankers taż-żejt fil-port għall-iskop ta’ skarikar, ġaladarba l-formalitajiet tal-port ikunu ġew kompletati;

b)

provvisti miżmuma f’portijiet ta’ skariku;

ċ)

provvisti miżmuma f’tankijiet fid-daħla għal pajpijiet taż-żejt;

d)

provvisti miżmuma f’tankijiet ta’ raffineriji, ħlief għal dawk il-provvisti f’pajpijiet u f’impjant tar-raffinerija;

e)

provvisti miżmuma fil-ħażna minn raffineriji u minn ditti li jimpurtaw, jaħżnu jew ibiegħu bl-ingrossa;

f)

provvisti miżmuma fil-ħażna minn konsumaturi fuq skala kbira, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar l-obbligazzjoni li jinżammu ħażniet permanenti;

ġ)

provvisti miżmuma fi braken u bastimenti kostali li jagħmlu xogħol ta’ trasport bejn fruntieri nazzjonali, sakemm ikun possibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jżommu kontroll fuq dawk il-provvisti u sakemm il-provvisti jkunu jistgħu jsiru disponibbli minnufih.

3.   Dan li ġej għandu, b’mod partikolari, jiġi eskluż mis-sommarju statistiku: żejt mhux maħdum lokali li għadu ma ġiex imtella’; provvisti intiżi għall-bunkers ta’ bastimenti li jbaħħru; provvisti fi transitu dirett minbarra l-ħażniet imsemmija f’Artikolu 7 (1); provvisti f’pajplajns, f’tankers tat-triq, u vaguni-tankijiet ferrovjarji, fit-tankijiet tal-ħażna ta’ ħwienet li jbiegħu bl-imnut, u dawk miżmuma minn konsumaturi zgħar.

Kwantitajiet miżmuma għand il-forzi armati u dawk li jkunu qed jinżammu għalihom mill-kumpaniji taż-żejt għandhom ukoll jiġu esklużi mis-sommarju statistiku.

Artikolu 7

1.   Għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jistgħu jiġu stabbiliti ħażniet, taħt patti ta’ ftehim bejn il-Gvernijiet, ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru, akkont ta’ impriżi, jew korpi/entitajiet, stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Huwa l-Gvern ta’ l-Istat Membru konċernat li għandu jiddeċiedi jekk iżommx jew le parti mill-ħażniet tiegħu barra mit-territorju nazzjonali.

L-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu huma miżmuma l-ħażniet fi hdan il-qafas ta’ dak il-ftehim m’għandux jopponi għat-trasferiment ta’ dawn il-ħażniet lejn l-Istati Membri l-oħrajn li għan-nom tagħhom il-ħażniet huma miżmuma taħt dak il-ftehim. Huwa għandu jivverifika fuq dawk il-ħażniet skond il-proċeduri speċifikati f’dak il-ftehim iżda m’għandux jinkludihom fis-sommarju tiegħu ta’ l-istatistika. L-Istat Membru li f’ismu l-ħażniet ikunu qed jinżammu jista’ jinkludihom fis-sommarju statistiku tiegħu.

Flimkien mas-sommarju statistiku, kull Stat Membru għandu jibgħat rapport lill-Kummissjoni dwar il-ħażniet miżmuma ġewwa t-territorju tiegħu għall-benefiċċju ta’ Stat Membru ieħor, kif ukoll il-ħażniet, miżmuma fi Stati Membri oħrajn għall-benefiċċju tiegħu stess. Fiż-żewġ każijiet, is-siti tal-ħażna u/jew kumpanniji li jżommu l-ħażniet, kwantitajiet u kategorija tal-prodotti — jew żejt mhux maħdum — maħżuna, għandhom ikunu indikati fir-rapport.

2.   Abbozzi tal-patti ta’ ftehim imsemmija f’paragrafu 1, l-ewwel sentenza għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni, li tista twassal il-kummenti tagħha lill-Gvernijiet konċernati. L-arranġamenti, ġaladarba konklużi, għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni, li għandha tinforma bihom lill-Istati Membri l-oħrajn.

Il-patti ta’ ftehim għandhom jissoddisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

għandhom jikkonċernaw żejt mhux maħdum u l-prodotti kollha ta’ żejt mhux raffinat previsti minn din id-Direttiva;

b)

għandhom jippreskrivu l-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għaż-żamma ta’ ħażniet bil-għan li jitħares il-kontroll u d-disponibilità ta’ dawn il-ħażniet;

ċ)

għandhom jispeċifikaw il-proċedura għall-verifika u l-identifikazzjoni tal-ħażniet li hemm provdut għalihom, inter alia, il-metodi għat-twettieq u l-kooperazzjoni dwar spezzjonijiet;

d)

dawn għandhom bħala regola ġenerali jsiru għal perjodu mhux limitat;

e)

dawn għandhom jiddikjaraw li, fejn issir dispożizzjoni għal terminazzjoni unilaterali, dan ta’ l-aħħar m’għandux ikun japplika f’każ ta’ kriżi ta’ provvista u li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha tirċievi informazzjoni minn qabel dwar kull terminazzjoni.

3.   Meta ħażniet stabbiliti taħt patti ta’ ftehimbħal dawn ma jkunux proprjetà ta’ impriża, jew korp/entità, li jkunu responsabbli li jżommu ħażniet, iżda huma miżmuma għad-dispożizzjoni ta’ din l-impriża, jew korp/entità, minn impriża oħra, għandhom jitħarsu dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-impriża benefiċjarja, jew korp/entità, għandu jkollha d-dritt kuntrattwali li takkwista dawn il-ħażniet matul il-perjodu tal-kuntratt; il-metodoloġija biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet ta’ dak l-akkwist għandha tiġi miftiehma bejn il-partijiet konċernati;

b)

il-perjodu minimu ta’ dak il-kuntratt għandu jkun ta’ disgħin ġurnata;

ċ)

is-sit tal-ħażna u/jew kumpanniji li jżommu l-ħażniet għad-dispożizzjoni ta’ l-impriża benefiċjarja, jew korp/entità, kif ukoll il-kwantità u l-kategorija ta’ prodott, jew żejt mhux maħdum, maħżun f’dak is-sit għandu jkun speċifikat;

d)

id-disponibilità attwali tal-ħażniet għall-impriża benefiċjarja, jew korp/entità, għandha tkun garantita, f’kull żmien matul il-perjodu tal-kuntratt, mill-impriża jew korp/entità li għandha l-ħażniet għad-dispożizzjoni ta’ l-impriża benefiċjarja, jew korp/entità;

e)

l-impriża jew korp/entità li tkun qed iżżomm il-ħażniet impoġġija għad-dispożizzjoni ta’ l-impriża benefiċjarja, jew korp/entità, għandha tkun waħda li tkun taqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu ikunu jinstabu l-ħażniet f’dak li jirrigwarda l-kompetenzi ġuridiċi ta' dak l-Istat Membru li jikkontrolla u jivverifika l-eżistenza tal-ħażniet.

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa u jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jaċċertaw ruħhom mill-kontroll u sorveljanza tal-ħażniet. Huma għandhom jattwaw mekkaniżmi sabiex jivverifikaw il-ħażniet skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu kull miżura meħtieġa sabiex jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Il-penali stipulati għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

Artikolu 10

1.   Jekk jinqalgħu diffikultajiet rigward il-provvisti ta’ żejt tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha, fuq talba ta’ xi wieħed mill-Istati Membri jew fuq inizjattiva tagħha stess, torganizza konsultazzjoni bejn l-Istati Membri.

2.   Ħlief f’każijiet ta’ urġenza partikulari jew biex jintlaħqu ħtiġiet lokali minuri, l-Istati Membri għandhom iżommu lura, qabel il-konsultazzjoni imsemmija f’paragrafu 1, milli jieħdu mill-ħażniet tagħhom xi kwantità li ġġiegħel lil dawn il-ħażniet jinżlu taħt il-livell minimu obbligatorju.

3.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’kull teħid mill-ħażniet ta’ riserva tagħhom u għandhom jikkomunikaw mill-aktar fis possibbli:

a)

id-data li fiha l-ħażniet ikunu waqgħu taħt il-livell minimu obbligatorju;

b)

ir-raġunijiet għal dak it-teħid;

ċ)

il-miżuri, jekk ikun hemm, meħuda sabiex jiġġeddu l-ħażniet;

d)

valutazzjoni, jekk inkun possibbli, ta’ l-isvilupp probabbli tas-sitwazzjoni rigward il-ħażniet sakemm dawn jibqgħu taħt il-minimu obbligatorju.

Artikolu 11

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta regolarment lill-Kunsill rapport dwar is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ ħażniet fil-Komunità, inkluż fejn xieraq dwar il-ħtieġa ta’ armonizzazzjoni sabiex jiġi aċċertat kontroll effettiv u sorveljanza ta’ ħażniet.

Artikolu 12

Id-Direttiva 68/414/KEE qegħda tigi mħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward it-termini ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi u ta' l-applikazzjoni mniżżla fl-Anness I, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jiftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 13

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, 24 ta’ Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

M. PEKKARINEN


(1)  ĠU C 226 E, 15.9.2005, p. 44.

(2)  ĠU C 112, 30.4.2004, p. 39.

(3)  ĠU L 308, 23.12.1968, p. 14. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 98/93/KE (ĠU L 358, 31.12.1998, p. 100).

(4)  Ara l-Anness I, Parti A.

(5)  ĠU L 228, 16.8.1973, p. 1.


ANNESS I

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emendi tagħha

Direttiva tal-Kunsill 68/414/KEE

(ĠU L 308, 23.12.1968, p. 14)

Direttiva 72/425/KEE tal-Kunsill

(ĠU L 291, 28.12.1972, p. 154)

Direttiva tal-Kunsill 98/93/KE

(ĠU L 358 31.12.1998, p. 100)


PARTI B

Lista tat-termini ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(previst fl-Artikolu 12)

Direttivi

Terminu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Data ta' applikazzjoni

68/414/KEE

1 ta’ Jannar 1971

1 ta' Jannar 1971

98/93/KE

1 ta’ Jannar 2000 (1)

 


(1)  L-1 ta' Jannar 2003 għar-Repubblika tal-Greċja f' dak li għandu x' jaqsam ma' l-obbligazzjonijiet tad-Direttiva 98/93/KE fir-rigward ta’ l-inklużjoni ta’ provvisti tal-bunkers għall-avjazzjoni internazzjonali fil-kalkolu tal-konsum intern. Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/93/KE.


ANNESS II

Tabella Ta’ Korrelazzjoni

Direttiva 68/414/KEE

Din id- Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2, l-ewwel paragrafu, sentenza tal-bidu

Artikolu 2, l-ewwel paragrafu, sentenza tal-bidu

Artikolu 2, l-ewwel inċiż ta’ l-ewwel paragrafu

Artikolu 2, l-ewwel paragrafu, punt a

Artikolu 2, it-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu

Artikolu 2, l-ewwel paragrafu, punt b

Artikolu 2, it-tielet inċiż ta’ l-ewwel paragrafu

Artikolu 2, l-ewwel paragrafu, punt ċ

Artikolu 2, it-tieni paragrafu

Artikolu 2, it-tieni paragrafu

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4, l-ewwel paragrafu

Artikolu 4(1)

Artikolu 4, it-tieni paragrafu

Artikolu 4(2)

Artikolu 4, it-tielet paragrafu

Artikolu 4(3)

Artikolu 5, l-ewwel paragrafu

Artikolu 5(1)

Artikolu 5, it-tieni paragrafu, sentenza tal-bidu, l-ewwel parti tal-frażi

Artikolu 5(2) sentenza tal-bidu

Artikolu 5, l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu, it-tieni parti tal-frażi

Artikolu 5(2)(a)

Artikolu 5, it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu, it-tielet parti tal-frażi

Artikolu 5(2)(b) sentenza tal-bidu

Artikolu 5, it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu

Artikolu 5(2)(ċ)

Artikolu 5, it-tielet paragrafu

Artikolu 5(3)

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(2) l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 7(1) l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 6(2) it-tieni sub-paragrafu

Artikolu 7(1) it-tieni sub-paragrafu

Artikolu 6(2) it-tielet sub-paragrafu

Artikolu 7(1) it-tielet sub-paragrafu

Artikolu 6(2) ir-raba sub-paragrafu

Artikolu 7(2) l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 6(2) il-ħames sub-paragrafu, sentenza tal-bidu

Artikolu 7(2) it-tieni sub-paragrafu, sentenza tal-bidu

Artikolu 6(2) l-ewwel inċiż tal-ħames sub-paragrafu

Artikolu 7(2) it-tieni sub-paragrafu, punt a

Artikolu 6(2) it-tieni inċiż tal-ħames sub-paragrafu

Artikolu 7(2) it-tieni sub-paragrafu, punt b

Artikolu 6(2) it-tielet inċiż tal-ħames sub-paragrafu

Artikolu 7(2) it-tieni sub-paragrafu, punt ċ

Artikolu 6(2) ir-raba’ inċiż tal-ħames sub-paragrafu

Artikolu 7(2) it-tieni sub-paragrafu, punt d

Artikolu 6(2) il-ħames inċiż tal-ħames sub-paragrafu

Artikolu 7(2) it-tieni sub-paragrafu, punt e

Artikolu 6(2) is-sitt sub-paragrafu, sentenza tal-bidu

Artikolu 7(3) sentenza tal-bidu

Artikolu 6(2) l-ewwel inċiż tas-sitt sub-paragrafu

Artikolu 7(3)(a)

Artikolu 6(2) it-tieni inċiż tas-sitt sub-paragrafu

Artikolu 7(3)(b)

Artikolu 6(2) it-tielet inċiż tas-sitt sub-paragrafu

Artikolu 7(3)(ċ)

Artikolu 6(2) ir-raba’ inċiż tas-sitt sub-paragrafu

Artikolu 7(3)(d)

Artikolu 6(2) il-ħames inċiż tas-sitt sub-paragrafu

Artikolu 7(3)(e)

Artikolu 6(3) l-ewwel sub-paragrafu, sentenza tal-bidu

Artikolu 6(2) sentenza tal-bidu

Artikolu 6(3) l-ewwel inċiż ta’ l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 6(2)(a)

Artikolu 6(3) it-tieni inċiż ta’ l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 6(2)(b)

Artikolu 6(3) it-tielet inċiż ta’ l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 6(2)(ċ)

Artikolu 6(3) ir-raba’ inċiż ta’ l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 6(2)(d)

Artikolu 6(3) il-ħames inċiż ta’ l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 6(2)(e)

Artikolu 6(3) is-sitt inċiż ta’ l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 6(2)(f)

Artikolu 6(3) is-seba’ inċiż ta’ l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 6(2)(ġ)

Artikolu 6(3) l-ewwel sentenza tat-tieni sub-paragrafu

Artikolu 6(3) l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 6(3) it-tieni sentenza tat-tieni sub-paragrafu

Artikolu 6(3) it-tieni sub-paragrafu

Artikolu 6a

Artikolu 8

Artikolu 6b

Artikolu 9

Artikolu 7, l-ewwel paragrafu

Artikolu 10(1)

Artikolu 7, it-tieni paragrafu

Artikolu 10(2)

Artikolu 7, it-tielet paragrafu, sentenza tal-bidu

Artikolu 10(3) sentenza tal-bidu

Artikolu 7, l-ewwel inċiż tat-tielet paragrafu

Artikolu 10(3)(a)

Artikolu 7, it-tieni inċiż tat-tielet paragrafu

Artikolu 10(3)(b)

Artikolu 7, it-tielet inċiż tat-tielet paragrafu

Artikolu 10(3)(ċ)

Artikolu 8

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 9

Artikolu 14

Anness I

Anness II