29.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

46


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Diċembru 2006

dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, ta' emenda tal-Konvenżjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali

(2006/957/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2), u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni NU/KEE dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-Konvenzjoni ta' Aarhus) timmira li tagħti d-drittijiet pubbliċi u timponi fuq il-Partijiet u l-awtoritajiet pubbliċi obbligi dwar l-aċċess għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

(2)

Il-Komunità Ewropea, skond it-Trattat, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu, għandha kompetenza, flimkien ma' l-Istati Membri tagħha, sabiex tidħol fi ftehim internazzjonali li jikkontribwixxu għat-twettiq ta' l-objettivi elenkati fl-Artikolu 174(1) tat-Trattat u li timplementa l-obbligi li jirriżultaw.

(3)

Il-Komunità ffirmat il-Konvenzjoni ta' Aarhus fil-25 ta' Ġunju 1998. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fit-30 ta' Ottubru 2001. Il-Komunità approvat il-Konvenzjoni fis-17 ta' Frar 2005, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE (1).

(4)

It-tieni laqgħa tal-Partijiet, imlaqqa' f'27 ta' Mejju 2005, adottat emenda għall-Konvenzjoni ta' Aarhus sabiex l-obbligi imposti fuq il-Partijiet isiru iktar speċifiċi fir-rigward tal-parteċipazzjoni pubblika fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-organiżmi modifikati ġenetikament (OMĠ). Il-liġi relevanti tal-Komunità li tirregola l-OMĠ, u b'mod partikolari d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament (2) u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikati ġenetikament (3), tinkorpora dispożizzjonijiet għall-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-OMĠ, f'konsistenza ma' l-emenda tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

(5)

L-emenda għall-Konvenzjoni ta' Aarhus infetħet għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni mill-Partijiet mis-27 ta' Settembru 2005. Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jippermettu d-depożitar, kemm jista' jkun simultanjament, ta' l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.

(6)

L-emenda għall-Konvenzjoni ta' Aarhus għandha tiġi approvata,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-emenda għall-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-organiżmi modifikati ġenetikament hija b'dan approvata f'isem il-Komunità.

It-test ta' l-emenda għall-Konvenzjoni ta' Aarhus huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   B'dan, il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiddepożitaw l-istrument ta' approvazzjoni ta' l-emenda mas-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, skond l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

2.   Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri li huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Aarhus għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jiddepożitaw malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard mill-1 ta' Frar 2008, l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni ta' l-emenda.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussel, 18 ta' Diċembru 2006

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24).

(3)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.


ANNESS

Emenda lill-konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali

Artikolu 6, paragrafu 11

Għat-test eżistenti, ibdel:

“11.   Mingħajr preġudizzju għall-artikolu 3, paragrafu 5, id-dispożizzjonijiet ta' dan l-artikolu m'għandhomx japplikaw għad-deċiżjonijiet rigward jekk ikunx permess ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent u t-tqegħid fis-suq ta' organiżmi modifikati ġenetikament.”.

Artikolu 6 bis

Wara l-artikolu 6, daħħal artikolu ġdid li jaqra:

“Artikolu 6 bis

Il-parteċipazzjoni pubblika fid-deċiżjonijiet dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent u t-tqegħid fis-suq ta' organiżmi modifikati ġenetikament

1.   Skond il-modalitajiet stabbiliti fl-anness I bis, kull Parti għandha tipprovdi għall-informazzjoni effikaċi u minn kmieni u l-parteċipazzjoni pubblika qabel tieħu deċiżjonijiet rigward jekk ikunx permess ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent u t-tqegħid fis-suq ta' organiżmi modifikati ġenetikament.

2.   Ir-rekwiżiti magħmula mill-Partijiet skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-artikolu għandhom ikunu komplementari u ta' appoġġ reċiproku għad-dispożizzjonijiet tal-qafas nazzjonali tagħhom dwar il-bijosikurezza, b'mod konsistenti ma' l-objettivi tal-Protokoll ta' Kartaġena dwar il-Bijosikurezza.”.

Anness I bis

Wara l-anness I, daħħal anness ġdid li jaqra:

“Anness I bis

Modalitajiet imsemmija fl-artikolu 6 bis

1.

Kull Parti għandha tistipola, fil-qafas regolatorju tagħha, arranġamenti għal informazzjoni effikaċi u l-parteċipazzjoni pubblika għad-deċiżjonijiet suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-artikolu 6 bis, li għandhom jinkludu perijodu ta' żmien raġonevoli, sabiex il-pubbliku jingħata opportunità xierqa sabiex jesprimi opinjoni dwar tali deċiżjonijiet proposti.

2.

Jekk ikun xieraq, Parti tista' tipprovdi, fil-qafas regolatorju tagħha, għal eċċezzjonijiet fil-proċedura tal-parteċipazzjoni pubblika stabbilita f'dan l-anness:

(a)

Fil-każ tar-rilaxx intenzjonat ta' organiżmu modifikat ġenetikament (OĠM) fl-ambjent għal kwalunkwe skop għajr it-tqegħid fis-suq tiegħu, jekk:

(i)

Tali rilaxx taħt kondizzjonijiet bijoġeografiċi komparabbli diġà ġie approvat fi ħdan il-qafas regolatorju tal-Parti kkonċernata;

u

(ii)

Tkun inkisbet minn qabel, esperjenza biżżejjed bir-rilaxx ta' l-OĠM in kwistjoni f'ekosistemi komparabbli.

(b)

Fil-każ tat-tqegħid fis-suq ta' OĠM, jekk:

(i)

Diġà kien approvat fi ħdan il-qafas regolatorju tal-Parti kkonċernata;

jew

(ii)

Huwa maħsub għar-riċerka jew għall-kollezzjoni ta' kulturi.

3.

Mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni applikabbli dwar il-kunfidenzjalità skond id-dispożizzjonijiet ta' l-artikolu 4, kull Parti għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku, b'mod adegwat, fil-ħin u effikaċi, sommarju tan-notifiki introdotti sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni għar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent jew għat-tqegħid fis-suq ta' OĠM fit-territorju tagħha, kif ukoll ir-rapport ta' valutazzjoni, fejn disponibbli, u skond il-qafas nazzjonali tagħha dwar il-bijosikurezza.

4.

Fl-ebda każ il-Partijiet m'għandhom jikkunsidraw l-informazzjoni li ġejja bħala kunfidenzjali:

(a)

Deskrizzjoni ġenerali ta' l-organiżmu jew l-organiżmi modifikati ġenetikament ikkonċernati, l-isem u l-indirizz ta' l-applikant għall-awtorizzazzjoni tar-rilaxx intenzjonat, l-użi maħsuba u, jekk xieraq, il-post tar-rilaxx.

(b)

Il-metodi u l-pjanijiet għall-monitoraġġ ta' l-organiżmu jew l-organiżmi modifikati ġenetikament ikkonċernati u għal reazzjoni ta' emerġenza.

(ċ)

Il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali.

5.

Kull Parti għandha tiżgura trasparenza fil-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tipprovdi aċċess għall-informazzjoni proċedurali relevanti lill-pubbliku. Din l-informazzjoni għandha tinkludi, per eżempju:

(i)

In-natura tad-deċiżjonijiet possibbli.

(ii)

L-awtorità pubblika responsabbli għat-teħid tad-deċiżjoni.

(iii)

L-arranġamenti għall-parteċipazzjoni pubblika stabbiliti skond il-paragrafu 1.

(iv)

Indikazzjoni ta' l-awtorità pubblika li mingħandha tkun tista' tinkiseb informazzjoni relevanti.

(v)

Indikazzjoni ta' l-awtorità pubblika fejn jistgħu jitressqu kummenti u ta' l-iskeda taż-żmien għat-trasmissjoni tal-kummenti.

6.

Id-dispożizzjonijiet magħmula skond il-paragrafu 1 għandhom jippermettu lill-pubbliku jressaq kwalunkwe kumment, analiżi jew opinjoni li jikkunsidra relevanti għar-rilaxx intenzjonat propost, inkluż it-tqegħid fis-suq, bi kwalunkwe mod xieraq.

7.

Kull Parti għandha tagħmel ħilitha sabiex tiżgura li, meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar jekk għandux ikun permess ir-rilaxx intenzjonat ta' OĠM fl-ambjent, inkluż it-tqegħid fis-suq, ir-riżultati tal-proċedura tal-parteċipazzjoni pubblika organizzata skond il-paragrafu 1 ikunu kkunsidrati kif dovut.

8.

Il-Partijiet għandhom jipprovdu li meta tittieħed deċiżjoni suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-anness minn awtorità pubblika, it-test tad-deċiżjoni għandu jsir disponibbli għall-pubbliku flimkien mar-raġunijiet u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata.”.