1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

72


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ Ottubru 2006

dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni

(2006/702/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 158 tat-Trattat, sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha, il-Komunità timmira li tnaqqas id-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni u l-arretratezza tar-reġjuni jew il-gżejjer l-anqas vantaġġati, inklużi ż-żoni rurali.

(2)

Skond l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandhom jiġu stabbiliti linji gwida strateġiċi dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali sabiex jiddefinixxu qafas indikattiv għall-intervent tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-Fond ta' Koeżjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Fondi”), b'kont meħud ta' linji politiċi Komunitarji relevanti oħra, bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp bilanċjat, armonjuż u sostenibbli tal-Komunità.

(3)

Ir-riżultati tat-tkabbir f'estenzjoni sostanzjali tad-disparitajiet reġjonali fil-Komunità, għalkemm xi uħud mill-ifqar partijiet ta' l-Istati Membri l-ġodda għandhom uħud mill-għola rati ta' tkabbir. Għalhekk, it-tkabbir jippreżenta opportunità, li qatt ma ppreżentat ruħha qabel, għal tisħiħ fit-tkabbir u fil-kompetittività fil-Komunità b'mod ġenerali li għandha tiġi riflessa f'dawn il-linji gwida strateġiċi.

(4)

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2005 ikkonferma li l-Komunità għandha tħaddem ir-riżorsi nazzjonali u Komunitarji adatti kollha — kif ukoll il-politika ta' koeżjoni — sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' l-aġenda mġedda ta' Liżbona, li tikkonsisti minn linji gwida integrati, li jinkludu l-linji gwida ta' politika ekonomika wiesgħa u l-linji gwida għall-impjiegi adottati mill-Kunsill.

(5)

Fil-kisba ta' l-għanijiet stipulati fit-Trattat, u b'mod partikolari dak tat-trawwim ta' konverġenza ekonomika reali, l-azzjonijiet sostnuti bir-riżorsi limitati disponibbli għall-politika ta' koeżjoni għandhom ikunu kkonċentrati fuq il-promozzjoni ta' tkabbir sostenibbli, tal-kompetittività u ta' l-impjiegi b'kont meħud ta' l-aġenda mġedda ta' Liżbona.

(6)

L-għan ta' dawn il-linji gwida strateġiċi għalhekk għandhu jkun li jrawmu żieda fil-kontenut strateġiku tal-politika ta' koeżjoni bil-ħsieb li jsaħħu s-sinerġiji ma' l-għanijiet ta' l-aġenda mġedda ta' Liżbona u li jassistu fil-kisba ta' dawn l-għanijiet.

(7)

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2005 ikkonkluda li kienet meħtieġa żieda fir-responsabbiltà ta' l-għanijiet ta' l-aġenda l-ġdida ta' Liżbona fuq il-post, li tinvolvi atturi reġjonali u lokali u lill-imsieħba soċjali, b'mod partikolari, fiż-żoni fejn hija essenzjali qrubija akbar, bħall-innovazzjoni, l-ekonomija tal-konoxxenza u t-teknoloġiji l-ġodda ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-impjieg, il-kapital uman, l-intraprenditorija, is-sostenn għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-aċċess għall-finanzjament b'riskju tal-kapital. Dawn il-linji gwida strateġiċi jagħrfu l-importanza ta' dan l-involviment.

(8)

Dawn il-linji gwida strateġiċi għandhom jagħrfu wkoll li l-implimentazzjoni b'suċċess tal-politika ta' koeżjoni tiddipendi mill-istabbiltà makroekonomika u r-riformi strutturali fil-livell nazzjonali flimkien ma' medda ta' kundizzjonijiet oħra li jiffavorixxu l-investimenti, li jinkludu implimentazzjoni effettiva tas-suq intern, riformi amministrattivi, tmexxija tajba, ambjent li jiffavorixxi n-negozju, u d-disponibbiltà ta' ħaddiema b'ħiliet ta' livell għoli.

(9)

L-Istati Membri żviluppaw programmi nazzjonali ta' riforma sabiex itejbu l-kondizzjonijiet għat-tkabbir u għall-impjiegi b'kont meħud tal-linji gwida integrati. Dawn il-linji gwida strateġiċi għandhom jagħtu prijorità, għall-Istati Membri u għar-reġjuni, lil dawk iż-żoni ta' investiment sabiex jgħinu jitwettqu l-programmi nazzjonali ta' riforma b'kont meħud tal-bżonnijiet u l-qagħdiet nazzjonali u reġjonali: l-investiment fl-innovazzjoni, l-ekonomija tal-konoxxenza, it-teknoloġiji l-ġodda ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-impjiegi, il-kapital uman, l-intraprenditorija, is-sostenn għall-SMEs jew l-aċċess għall-finanzjament b'riskju tal-kapital.

(10)

Il-linji gwida strateġiċi għandhom jieħdu kont tar-rwol tal-politika ta' koeżjoni fit-twettiq ta' linji politiċi Komunitarji oħra konsistenti ma' l-aġenda mġedda ta' Liżbona.

(11)

Fil-każ ta' reġjuni u ta' l-Istati Membri eliġibbli għas-sostenn taħt l-objettiv ta' Konverġenza, l-għan għandu jkun li jiġi stimulat il-potenzjal tat-tkabbir, sabiex jinkisbu u jinżammu rati għolja ta' tkabbir, anke t-trattament tad-defiċit fin-networks bażiċi ta' l-infrastruttura u t-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva.

(12)

Id-dimensjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni hija importanti u ż-żoni kollha tal-Komunità għandhom ikollhom il-possibbiltà li jikkontribwixxu għat-tkabbir u għall-impjiegi. Għal dan il-għan, il-linji giwda strateġiċi għandhom jieħdu kont tal-ħtiġijiet ta' l-investiment kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f'dawk rurali minħabba r-rwoli rispettivi tagħhom fl-iżvilupp reġjonali u sabiex jippromwovu żvilupp bilanċjat, komunitajiet sostenibbli u l-inklużjoni soċjali.

(13)

L-objettiv tal-koperazzjoni territorjali Ewropea għandu rwol importanti fil-garanzija ta' żvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-territorju tal-Komunità. Il-linji gwida strateġiċi għandhom jikkontribwixxu għas-suċċess ta' l-objettiv territorjali Ewropew li jiddipendi fuq strateġiji kondiviżi ta' żvilupp tat-territorji konċernati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u fuq in-networking speċjalment sabiex ikun żgurat it-trasferiment ta' ideat lejn il-programmi prinċipali ta' koeżjoni nazzjonali u reġjonali.

(14)

Sabiex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli, il-linji gwida strateġiċi għandhom jirriflettu l-bżonn li jittieħed kont tal-ħarsien u t-titjib ambjentali fit-tħejjija ta l-istrateġiji nazzjonali.

(15)

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali huma prinċipji bażiċi tal-politika ta' koeżjoni u għandhom ikunu integrati fil-livelli kollha ta' l-approċċ strateġiku għall-koeżjoni.

(16)

It-tmexxija tajba hija essenzjali fil-livelli kollha għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-politika ta' koeżjoni. Dawn il-linji gwida strateġiċi għandhom jieħdu kont tar-rwol ta' sħubija wiesgħa fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġiji ta' żvilupp li huwa meħtieġ sabiex jiżgura li jkunu jistgħu jiġu amministrati b'suċċess strateġiji kumplessi ta' koeżjoni u tal-bżonn ta' kwalità u effiċjenza fis-settur pubbliku.

(17)

Dawn il-linji gwida strateġiċi jirrappreżentaw qafas indikattiv uniku li l-Istati Membri u r-reġjuni huma mistiedna jużaw meta jiżviluppaw programmi nazzjonali u reġjonali, b'mod partikolari sabiex jivvalutaw il-kontribuzzjoni tagħhom għall-għanijiet tal-Komunità relattivament għall-koeżjoni, għat-tkabbir u għall-impjiegi. B'kont meħud ta' dawn il-linji gwida strateġiċi, kull Stat Membru għandu jħejji l-qafas strateġiku nazzjonali ta' referenza u l-programmi operattivi li jirriżultaw,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-linji gwida strateġiċi”) kif stipulati fl-Anness huma b'dan adottati bħala qafas indikattiv għall-Istati Membri fit-tħejjija ta' l-oqsfa ta' referenza strateġiċi nazzjonali u l-programmi operattivi għall-perjodu 2007 sa' l-2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, 6 ta’ Ottubru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

K. RAJAMÄKI


(1)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.


ANNESS

Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, 2007-2013

1.   DAĦLA: LINJI GWIDA GĦALL-POLITIKA TA' KOEŻJONI, 2007-2013

Skond il-linji gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi ta' l-aġenda mġedda ta' Liżbona, il-programmi sostnuti mill-politika ta' koeżjoni għandhom jippruvaw jimmiraw ir-riżorsi lejn it-tliet prijoritajiet li jmiss (1):

itejbu l-attrazzjoni ta' l-Istati Membri, tar-reġjuni u ta' l-ibliet billi jtejbu l-aċċessibbiltà, jiżguraw kwalità u livell ta' servizzi adegwati, u jħarsu l-ambjent;

jinkoraġġixxu l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u t-tkabbir ta' l-ekonomija tal-konoxxenza permezz tal-kapaċitajiet tar-riċerka u ta' l-innovazzjoni, li jinkludu t-teknoloġiji ġodda ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; u

joħolqu iktar impjiegi, u impjiegi ta' kwalità aħjar, billi jattiraw iktar nies lejn ix-xogħol jew lejn l-attività intraprenditorjali, itejbu l-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi u jżidu l-investiment fil-kapital uman.

Fl-adozzjoni ta' l-aġenda mġedda ta' Liżbona fil-programmi l-ġodda, qed tinġibed l-attenzjoni fuq dawn il-prinċipji:

 

L-ewwel, skond il-varar mill-ġdid ta' l-aġenda stess ta' Liżbona, il-politika ta' koeżjoni għandha tiffoka b'mod iktar qawwi fuq il-konoxxenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u fuq il-kapital uman. Għalhekk, l-isforz finanzjarju totali li jsostni lil dawn l-oqsma ta' azzjoni għandu jiżdied b'mod sinifikanti, kif meħtieġ mid-dispożizzjonijiet il-ġodda ta' l-allokazzjonijiet (2). Barra minn hekk, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom ikunu ispirati mill-aħjar prattika meta din tkun tat riżultati pożittivi li jidhru f'termini ta' tkabbir u impjiegi.

 

It-tieni, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom isegwu l-għan ta' żvilupp sostenibbli u jistimulaw s-sinerġiji bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali. It-tiġdid ta' l-istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-produzzjoni ta' programmi nazzjonali ta' riforma mill-Istati Membri enfasizzaw ir-rwol ta' l-ambjent fit-tkabbir, fil-kompetittività u fl-impjiegi. Il-ħarsien ambjentali jeħtieġ li jitqies fit-tħejjija tal-programmi u l-proġetti sabiex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli.

 

It-tielet, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom ifittxu li jiksbu l-għan ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-istadji kollha tal-preparazzjoni u ta' l-implimentazzjoni tal-programmi u tal-proġetti. Dan jista' jsir permezz ta' azzjonijiet speċifiċi li jinkoraġġixxu l-ugwaljanza, kif ukoll billi jittieħed kont bir-reqqa tal-mod kif proġetti oħra u l-amministrazzjoni tal-Fondi jistgħu jolqtu lill-irġiel u lin-nisa.

 

Ir-raba', l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa sabiex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess, razza u oriġini etnika, regliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali tul l-istadji varji ta' implimentazzjoni tal-Fondi. B'mod partikolari, l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabbiltà hija waħda mill-kriterji li għandhom jiġu rispettati fid-definizzjoni ta' l-operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi u li tagħha għandu jittieħed kont tul l-istadji varji ta' l-implimentazzjoni.

Fit-taqsimiet li ġejjin huma eżaminati l-aspetti ewlenin ta' kull wieħed minn dawn l-oqsma wesgħin permezz ta' linji gwida speċifiċi taħt kull intestatura. Dawn il-linji gwida aktar dettaljati mhumiex se jkunu kollha relevanti għar-reġjuni kollha. L-iktar taħlita adatta ta' investimenti fl-aħħar mill-aħħar tiddipendi fuq l-analiżi tal-punti qawwija u tal-punti dgħajfin ta' kull Stat Membru u reġjun u taċ-ċirkostanzi speċifiċi nazzjonali u reġjonali. Il-linji gwida pjuttost jirrappreżentaw qafas wieħed li l-Istati Membri u r-reġjuni huma mistiedna jużaw meta jiżviluppaw programmi nazzjonali, reġjonali u lokali, b'mod partikolari bil-ħsieb li jivvalutaw il-kontribuzzjoni tagħhom għall-għanijiet tal-Komunità f'termini ta' koeżjoni, tkabbir u impjiegi.

1.1   Linja ta' gwida: Sabiex l-Ewropa u r-reġjuni tagħha jsiru postijiet aktar attraenti għall-investiment u għax-xogħol

Waħda mill-prekondizzjonijiet għat-tkabbir u għall-impjiegi hija li jkun żgurat li l-infrastruttura neċessarja (eż. it-trasport, l-ambjent, l-enerġija) tkun disponibbli għall-impriżi. Infrastruttura moderna u sigura hija fattur importanti fir-rendiment ta' ħafna intrapriżi, li tinċidi fuq l-attrazzjoni ekonomika u soċjali tar-reġjuni. L-investiment fl-infrastruttura f'reġjuni arretrati, b'mod speċjali fl-Istati Membri l-ġodda, se jinkoraġġixxi t-tkabbir u għaldaqstant isaħħaħ il-konverġenza mal-bqija ta' l-Unjoni kif ukoll itejjeb il-kwalità tal-ħajja. Ir-riżorsi m'għandhomx jiġu biss minn għotjiet iżda anki, fejn possibbli, mis-settur privat u minn self, pereżempju mill-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB). Għall-perjodu li jmiss, l-awtoritajiet tal-programm fl-Istati Membri se jkollhom l-opportunità li jagħmlu użu ikbar mill-kompetenza ta' l-EIB sabiex iħejju proġetti xierqa sabiex jingħataw fondi Ewropej taħt l-inizjattiva JASPERS.

1.1.1.   L-espansjoni u t-titjib ta' l-infrastruttura tat-trasport

Li tkun provduta infrastruttura tat-trasport effiċjenti, flessibbli, mingħajr periklu u nadifa jista' jitqies bħala prerekwiżit neċessarju għall-iżvilupp ekonomiku billi din tinkoraġġixxi l-produttività u għaldaqstant, il-prospetti ta' żvilupp tar-reġjuni konċernati billi tiffaċilita l-moviment tan-nies u ta' l-oġġetti. In-networks tat-trasport jinkoraġġixxu l-opportunitajiet għall-kummerċ, waqt li jżidu l-effiċjenza. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta' infrastrutturi tat-trasport fl-Ewropa kollha (b'mod partikolari l-partijiet relevanti tat-tletin proġett prijoritarju għan-Networks Trans-Ewropej tat-Trasport, “il-proġetti Ten-T”), b'attenzjoni partikolari fuq proġetti trans-konfinali, huwa essenzjali sabiex tinkiseb integrazzjoni akbar tas-swieq nazzjonali, b'mod speċjali fi ħdan il-kuntest ta' Unjoni wara t-tkabbir.

L-investiment fl-infrastruttura jeħtieġ li jkun adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi u għal-livell ta' żvilupp ekonomiku tar-reġjuni u tal-pajjiżi konċernati. Ġeneralment, dawn il-ħtiġijiet huma l-ogħla fir-reġjuni ta' Konverġenza u fil-pajjiżi koperti mill-Fond ta' Koeżjoni. Tipikament, l-investimenti fl-infrastruttura (kif jiġri f'investimenti oħra) juru li r-rati ta' qligħ qed jonqsu 'l fuq minn ċertu livell ta' għoti ta' fondi. Il-qligħ ekonomiku fuq tali investimenti jkun għoli meta l-infrastruttura tkun skarsa u n-networks bażiċi ma jkunux tlestew, iżda x'aktarx li jonqos ladarba jkun intlaħaq ċertu livell.

Għalhekk għandu jittieħed kont tal-livell ta' l-iżvilupp ekonomiku reġjonali u ta' l-eżistenza ta' finanzjamenti infrastrutturali kbar. Fir-reġjuni u fil-pajjiżi li huma l-inqas żviluppati, ir-rabtiet internazzjonali u interreġjonali jistgħu joffru qligħ ogħla tul perjodu itwal ta' żmien f'termini ta' żieda fil-kompetittività kummerċjali u wkoll billi jkun faċilitat il-moviment tal-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, għal reġjuni b'bażi ekonomika mferrxa u ta' daqs żgħir, u b'mudell ta' urbanizzazzjoni bbażat fuq bliet żgħar, il-kostruzzjoni ta' infrastruttura ta' trasport reġjonali tista' tkun iktar xierqa. F'reġjuni b'networks ta' toroq inadegwati, il-fondi għandhom ikunu disponibbli wkoll sabiex jinbnew kollegamenti ta' toroq li jkunu ekonomikament essenzjali. L-isfidi tal-mobbiltà u ta' l-aċċessibbiltà fiż-żoni urbani għandhom jiġu indirizzati, billi jiġu sostnuti sistemi integrati ta' tmexxija u soluzzjonijiet nodfa tat-trasport.

Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji li jirriżultaw mill-investimenti fit-trasport, l-assistenza mill-Fondi għandha tkun ibbażata fuq numru ta' prinċipji.

L-ewwelnett, għandhom jintużaw kriterji oġġettivi sabiex jiddeterminaw il-livell u n-natura ta' l-investiment infrastrutturali li jkun se jitwettaq. Pereżempju, ir-rati potenzjali ta' qligħ għandhom jiġu kkalkulati skond il-livell ta' żvilupp ekonomiku u n-natura ta' l-attivitajiet ekonomiċi tar-reġjuni konċernati, skond id-densità u l-kwalità prevalenti ta' l-infrastrutturi jew il-grad ta' konġestjoni. Meta jiġu ddeterminati r-rati soċjali tal-qligħ, għandhom jitqiesu wkoll l-implikazzjonijiet ambjentali u soċjali tal-proġetti infrastrutturali prospetttivi.

It-tieni, il-prinċipju ta' sostenibbiltà ambjentali għandu jkun rispettat kemm jista' jkun possibbli, skond il-White Paper  (3) Għandhom jiġu promossi modi li mhumiex ta' ħsara għall-ambjent. Madankollu, ir-rendiment ambjentali u ġenerali ta' kull mezz ta' trasport għandu jkun perfezzjonat, b'mod partikolari rigward l-użu ta' l-infrastruttura fi ħdan il-modi differenti u bejn mod u ieħor (4).

It-tielet, fir-reġjuni ta' Konverġenza u fil-pajjiżi koperti mill-Fond ta' Koeżjoni għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-modernizzazzjoni tas-sistema tal-ferroviji billi jintgħażlu t-taqsimiet ta' prijorità, filwaqt li tkun żgurata l-interoperabbiltà tagħhom fi ħdan il-qafas tas-Sistema Ewropea ta' l-Amministrazzjoni tat-Trasport bil-Ferroviji (ERTMS).

Ir-raba', l-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport għandhom ikunu akkumpanjati minn amministrazzjoni xierqa tat-traffiku, b'attenzjoni partikolari għas-sigurtà, skond l-istandards nazzjonali u tal-Komunità. L-istrateġiji nazzjonali u reġjonali għandhom iqisu l-ħtieġa li tinkiseb qasma modali bbilanċjata (u ċara) li tissodisfa l-ħtiġijiet kemm ekonomiċi kif ukoll ambjentali. L-istrateġiji għandhom jinkludu, pereżempju, sistemi intelliġenti tat-trasport, pjattaformi multi-modali u, b'mod partikolari, teknoloġiji li jkunu użati għall-ERTMS, u għall-Programm ta' Riċerka ATM ta' Spazju ta' l-Ajru Uniku Ewropew (SESAR- għal sistema ta' amministrazzjoni tat-traffiku ta' l-ajru iktar uniformi fl-Ewropa).

Ibbażati fuq il-prinċipji imsemmija hawn fuq, il-linji gwida għall-azzjoni huma kif ġej:

L-Istati Membri u r-reġjuni eliġibbli għall-finanzjament taħt l-objettiv ta' Konverġenza (5) jew il-Fond ta' Koeżjoni għandhom jagħtu prijorità xierqa għal dawk it-30 proġett ta' interess Ewropew meta jaqgħu fi ħdan it-territorju tagħhom. Fi ħdan dan il-grupp ta' proġetti, ir-rabtiet trans-konfinali jixirqilhom attenzjoni speċjali. Proġetti T-TEN oħra, u rabtiet strateġiċi tat-trasport, għandhom jirċievu sostenn fejn tippreżenta ruħha ħtieġa qawwija f'termini ta' kontribuzzjoni minnhom għat-tkabbir u għall-kompetittività.

Se jkun ukoll importanti l-investiment komplementari f'konnesjonijiet sekondarji fil-kuntest ta' strateġija reġjonali u integrata ta' trasport u komunikazzjoni li tkopri ż-żoni urbani u rurali, sabiex ikun żgurat li r-reġjuni jibbenefikaw mill-opportunitajiet maħluqa min-networks il-kbar.

Is-sostenn għall-infrastruttura tal-ferroviji għandu jfittex li jiżgura iktar aċċess. Il-ħlasijiet marbuta mal-linji tal-ferrovija għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-operaturi indipendenti. Għandhom ikabbru wkoll il-ħolqien ta' network interoperattiv fl-UE kollha. Il-konformità u l-applikazzjonijiet ta' l-interoperabbiltà u l-installazzjoni tas-SEATF fuq il-vaguni tal-ferrovija u fuq il-linji għandhom ikunu parti mill-proġetti kollha finanzjati.

Tingħata spinta lin-networks tat-trasport li jkunu sostenibbli ambjentalment, b'mod partikolari fiż-żoni urbani. Din tinkludi faċilitajiet tat-trasport pubbliku (inklużi infrastrutturi tal-park-and-ride), pjanijiet dwar il-mobbiltà, toroq anulari, żieda fis-sigurtà tal-postijiet fejn jiltaqgħu it-toroq u fejn ikun ħafif it-traffiku (passaġġi għaċ-ċiklisti, mogħdijiet għan-nies li jmorru bil-mixi). Tinkludi wkoll azzjonijiet li jipprovdu aċċessibbiltà għas-servizzi komuni tat-trasport pubbliku għal ċertu gruppi partikolari (anzjani, persuni b'diżabbiltà) u li jipprovdu networks ta' distribuzzjoni għal karburanti alternattivi tal-vetturi. Ir-rotot ta' navigazzjoni interni għandhom jikkontribwixxu wkoll għas-sostenibbiltà tan-networks.

Sabiex tkun garantita l-effiċjenza ottimali ta' l-infrastrutturi tat-trasport għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp reġjonali, għandha tingħata attenzjoni sabiex tittejjeb il-konnettività ta' territorji mdawra bl-art, insulari u l-aktar estremi mal-proġetti TEN-T. F'dan ir-rigward, l-iżvilupp ta' rabtiet sekondarji, b'attenzjoni partikolari għall-inter-modalità u għat-trasport sostenibbli, għandhom jgħinu. B'mod partikolari, il-portijiet u l-ajruporti għandhom ikunu kollegati ma' l-intern tal-pajjiż tagħhom.

Għandha tingħata iktar attenzjoni lill-iżvilupp ta' “awtostradi tal-baħar” u lit-trasport bil-baħar tul distanzi qosra bħala alternattiva vijabbli għat-trasport tul distanzi twal fuq it-toroq jew bil-ferrovija.

Meta l-Istati Membri jirċievu sostenn simultanjament kemm mill-Fondi ta' Koeżjoni ki ukoll mill-Fondi Strutturali, fil-programmi għandha ssir distinzjoni bejn it-tipi ta' azzjonijiet finanzjati minn kull wieħed mill-Fondi, bil-Fond ta' Koeżjoni li jkollu ir-rwol ewlieni fis-sostenn għan-networks Trans-Ewropej tat-trasport.

Min-naħa tagħhom, il-Fondi Strutturali għandhom ġeneralment jiffokaw fuq l-iżvilupp ta' infrastruttura marbuta ma' miżuri li jistimulaw it-tkabbir ekonomiku (bħall-iżvilupp tat-turiżmu, it-titjib sabiex tiżdied l-attrazzjoni ta' siti industrijali). Fir-rigward ta' l-infrastruttura tat-toroq, l-investimenti għandhom ikunu konformi ukoll ma' l-għan ġenerali tas-sigurtà fuq it-toroq.

Il-ko-finanzjament mill-Fondi għandu jikkomplementa l-għotjiet mill-baġit għan-Networks Trans-Ewropej filwaqt li jevita duplikazzjoni f'termini ta' l-għajnuna Komunitarja. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-ko-ordinaturi bħala mezz sabiex iqassru ż-żmien bejn l-għażla ta' l-ippjanar tan-network u l-kostruzzjoni fiżika. L-Istati Membri individwalment se jkollhom jiddeterminaw minn qabel l-istrument li huwa l-iktar adatt għall-proġetti ppjanati. Il-fondi tal-politika ta' koeżjoni jistgħu jingħaqdu mal-parti tal-garanzija għas-self ta' l-istrumenti tat-TEN-T.

1.1.2.   It-tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-ħarsien ambjentali u t-tkabbir

L-investimenti ambjentali jistgħu jagħtu kontribut lill-ekonomija fi tliet modi: jistgħu jiżguraw is-sostenibbiltà tat-tkabbir ekonomiku fuq perjodu twil, inaqqsu l-ispejjeż ambjentali esterni għall-ekonomija (eż. spejjeż ta' saħħa, spejjeż ta' tindif jew ta' irkupru ta' danni) u jistimulaw l-innovazzjoni u l-ħolqien ta' l-impjiegi. Il-programmi ta' koeżjoni tal-ġejjieni għandhom ifittxu li jsaħħu s-sinerġiji potenzjali bejn il-ħarsien ambjentali u t-tkabbir. Għandhom ikollhom prijorità għolja f'dan il-kuntest il-provvista ta' servizzi ambjentali bħall-provvista ta' ilma nadif, l-infrastrutturi għat-trattament ta' l-iskart u ta' l-ilma tad-dranaġġ, l-amministrazzjoni tar-riżorsi naturali, id-dekontaminazzzjoni ta' l-art sabiex titħejja għal attivitajiet ekonomiċi ġodda, u l-ħarsien minn ċerti riskji ambjentali (eż. deżertifikazzjoni, nixfiet, nirien u għargħar).

Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji ekonomiċi u minimizzati l-ispejjeż, għandha tingħata prijorità lill-ġlieda kontra t-tniġġis ambjentali fis-sorsi tiegħu. Fis-settur ta' l-amministrazzjoni ta' l-iskart, dan jimplika attenzjoni ffokata fuq il-prevenzjoni ta' l-iskart, fuq ir-riċiklaġġ u l-bijodegradazzjoni ta' l-iskart li jkunu effettivi għall-ispejjeż magħmula u jgħinu joħolqu l-impjiegi.

L-istrateġiji ta' l-iżvilupp għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni preċedenti tal-ħtiġijiet u tal-kwistjonijiet speċifiċi ffaċċjati mir-reġjuni, fejn ikun possibbli billi jintużaw indikaturi xierqa. Għandhom isiru sforzi sabiex titħeġġeġ l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż ambjentali esterni, b'sostenn għat-twaqqif u għall-iżvilupp ta' strumenti li jkunu bbażati fis-suq (ara, pereżempju, l-istrumenti proposti fil-Pjan ta' Azzjoni tat-Teknoloġiji Ambjentali). Ta' min jinnota f'dan il-kuntest l-inizjattiva Superviżjoni Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà, li mill-2008 se tipprovdi tagħrif aġġornat ma' l-Ewropa kollha, dwar il-kopertura ta' l-art/l-użu ta' l-art u l-proprjetajiet ta' l-oċean kif ukoll il-mapep ta' l-inċidenti f'każ ta' diżastri u aċċidenti.

Għalhekk, il-linji gwida rakkomandati għall-azzjoni huma dawn li ġejjin:

L-indirizz tal-ħtiġijiet sinifikanti għall-investiment fl-infrastruttura, b'mod partikolari fir-reġjuni ta' Konverġenza, partikolarment fl-Istati Membri l-ġodda, sabiex dawn ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni ambjentali fl-oqsma ta' l-ilma, ta' l-iskart, u tal-ħarsien tan-natura u ta' l-ispeċi, u tal-bijo-diversità.

Il-garanzija li jeżistu kondizzjonijiet attraenti għall-impriżi u għall-persunal ta' ħila tagħhom. Dan jista' jkun żgurat billi jitħeġġeġ l-ippjanar ta' l-użu ta' l-art li jnaqqas it-tixrid urban, u billi jkun rijabilitat l-ambjent fiżiku, inkluż l-iżvilupp ta' l-assi naturali u kulturali. L-investimenti f'dan il-qasam għandhom ikunu marbuta direttament ma' l-iżvilupp ta' impriżi innovattivi u li joħolqu l-impjiegi fil-postijiet konċernati.

Il-promozzjoni, flimkien ma' l-investimenti fl-enerġija u fit-trasport sostenibbli li huma koperti bnadi oħra, ta' investimenti li jikkontribwixxu għall-impenji ta' Kyoto assunti mill-UE.

It-teħid ta' miżuri ta' prevenzjoni tar-riskju permezz ta' titjib fl-amministrazzjoni tar-riżorsi naturali, permezz ta' riċerka aktar immirata u użu aħjar ta' l-ICTs, u permezz ta' strateġiji politiċi iktar innovattivi dwar l-amministrazzjoni pubblika.

Fejn l-Istati Membri jirċievu sostenn kemm mill-Fondi ta' Koeżjoni kif ukoll mill-Fondi Strutturali, fil-programmi għandha ssir distinzjoni ċara bejn it-tipi ta' azzjonijiet finanzjati minn kull wieħed mill-Fondi, rispettivament.

1.1.3.   Ikun indirizzat l-użu intensiv tas-sorsi tradizzjonali ta' l-enerġija fl-Ewropa

Prijorità relatata hija l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza mill-enerġija tradizzjonali permezz ta' titjib fl-effiċjenza ta' l-enerġija u fl-enerġiji rinnovabbli. L-investimenti f'dawn l-oqsma jikkontribwixxu għall-provvista ċerta ta' l-enerġija għal tkabbir ekonomiku tul perjodu twil ta' żmien, waqt li jaġixxu bħala sors ta' innovazzjoni u jipprovdu opportunitajiet għall-esportazzjoni, u li jkunu effettivi f'termini ta' nfiq jekk il-prezzijiet ta' l-enerġija jibqgħu għoljin.

L-investiment f'sorsi tradizzjonali ta' enerġija huwa meħtieġ ukoll, sabiex tkun żgurata provvista ċerta. B'mod partikolari, il-Fondi għandhom jikkonċentraw — fejn ikun hemm evidenza ta' falliment tas-suq u fejn dan ma jmurx kontra l-liberalizzazzjoni tas-suq — fuq it-tlestija tal-konnessjonijiet bejn post u ieħor, b'enfażi speċjali fuq in-networks Trans-Ewropej, fuq it-titjib tar-retikolati ta' l-elettriku u fuq it-tlestija u t-titjib tan-networks li jwasslu u jqassmu l-gass kif ukoll fejn xieraq fi-reġjuni insulari u estremi.

Il-linji gwida għall-azzjoni taħt dan it-titolu huma dawn li ġejjin:

Is-sostenn ta' proġetti ta' titjib fl-effiċjenza ta' l-enerġija, pereżempju fil-bini u t-tixrid ta' mudelli ta' żvilupp ta' enerġija b'intensità baxxa.

Is-sostenn ta' l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji rinnovabbli u alternattivi (bħar-riħ, l-enerġija tax-xemx, l-enerġija tal-bijomassa), anke għat-tisħin u t-tkessiħ, li jistgħu jagħtu vantaġġ lill-UE u għaldaqstant isaħħu l-pożizzjoni kompetittiva tagħha. Investimenti bħal dawn jikkontribwixxu wkoll għall-għan ta' Liżbona li, sa l-2010, 21 % ta' l-elettriku ikun ġenerat minn sorsi rinnovabbli.

Konċentrazzjoni ta' investiment fis-sorsi ta' enerġija tradizzjonali sabiex jiġu żviluppati networks fejn ikun hemm evidenza ta' falliment tas-suq. Dawn l-investimenti jikkonċernaw l-iktar ir-reġjuni ta' Konverġenza.

1.2.   Linja Gwida: It-titjib tal-konoxxenza u ta' l-innovazzjoni għat-tkabbir

L-għanijiet ta' l-Unjoni fir-rigward tat-tkabbir u tal-ħolqien ta' l-impjiegi se jeħtieġu ċaqliq strutturali fl-ekonomija lejn attivitajiet ibbażati fuq il-konoxxenza. Dan jitlob azzjoni fuq numru ta' fronti: li jkunu indirizzati l-livelli baxxi tar-Riċerka u ta' l-Iżvilupp tat-Teknoloġija (RTD), b'mod speċjali fis-settur privat; li titħeġġeġ l-innovazzjoni permezz ta' prodotti, proċessi u servizzi ġodda jew imtejba li jistgħu jlaħħqu mal-kompetizzjoni internazzjonali; li jiżdiedu l-kapaċitàjiet reġjonali u lokali sabiex jiġu ġenerati u assorbiti teknoloġiji ġodda (b'mod partikolari l-ICTs); u li jkun provdut iktar sostenn għat-teħid tar-riskji.

L-infiq fl-RTD bħala persentaġġ tal-GDP qed jiżdied, imma biss b'mod marġinali u, b'1,9 % tal-GDP, għadu ferm lura mill-għan ta' Liżbona li huwa ta' 3 % (6). Filwaqt li d-defiċit fl-investiment kummerċjali fl-RTD jibqa' sinifikanti, hemm sinjali li l-investiment pubbliku f'dan il-qasam qiegħed ikun ukoll taħt pressjoni. Id-distakk fl-RTD u fl-innovazzjoni fi ħdan u bejn il-pajjiżi, b'mod partikolari meta relatat ma' l-infiq kummerċjali fuq l-RTD, huwa ferm ikbar mid-distakk fid-dħul. Minkejja li twettqet taħlita ta' inizjattivi nazzjonali u Komunitarji, jeħtieġ iktar azzjoni sabiex il-ħtiġijiet kummerċjali jitqabblu mal-provvista ta' l-RTD mill-istituzzjonijiet pubbliċi u privati ta' l-RTD. Qiegħed dejjem jikber id-distakk, fl-innovazzjoni, bejn l-Ewropa u ekonomiji oħra li qegħdin fuq quddiem. Jippersisti wkoll distakk fl-innovazzjoni fl-istess Ewropa, billi l-istess Unjoni ġeneralment ma jirnexxiliex tittrasforma l-konoxxenza u l-iżvilupp teknoloġiku fi prodotti u proċessi kummerċjali. Il-politika ta' koeżjoni tista' tgħin sabiex tindirizza l-problemi ewlenin li qed iwasslu għan-nuqqas ta' rendiment ta' l-Ewropa fil-qasam ta' l-innovazzjoni, li jinkludi sistemi mhux effettivi ta' innovazzjoni, dinamiżmu intraprenditorjali mhux suffiċjenti jew dewmien fl-adozzjoni ta' l-ICT min-naħa ta' l-impriżi.

F'dan il-kuntest, huwa neċessarju li jikbru l-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali ta' l-RTD sabiex jappoġġaw l-investiment fl-infrastruttura ta' l-ICT, u jxerrdu t-teknoloġija u l-konoxxenza permezz ta' trasferiment teknoloġiku xieraq u ta' mekkaniżmi ta' skambju ta' konoxxenza. Tista' titħeġġeġ is-sensibilizzazzjoni tal-kuxjenza pubblika sabiex ikun promoss l-użu aħjar tal-potenzjal eżistenti ta' l-RTD permezz ta' “previżjoni” min-naħa tar-reġjuni u permezz ta' metodi oħra ta' ippjanar strateġiku reġjonali, li jinvolvu djalogu regolari u sistematiku mal-partijiet interessati ewlenin. Huwa wkoll importanti li tikber il-kapaċità min-naħa ta' l-impriżi li jinkorporaw l-RTD, b'mod partikolari l-SMEs, permezz ta' azzjonijiet sabiex jiżivluppaw ħiliet u kompetenzi; sabiex jitħeġġeġ il-ħolqien u l-użu ta' sors akbar ta' talent ta' kwalità għolja fil-qasam tar-riċerka fl-Ewropa; sabiex jiżdied l-investiment pubbliku u privat fl-RTD u fl-innovazzjoni; u sabiex jitħeġġu s-sħubijiet ta' l-RTD fir-reġjuni differenti ta' l-Unjoni. Il-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija, pereżempju, joffru l-potenzjal sabiex jadattaw aħjar il-programmi ta' riċerka għall-bżonnijiet tan-negozju; il-politika ta' koeżjoni jista' jkollha rwol importanti fis-sostenn ta' l-implimentazzjoni ta' l-Aġendi Strateġiċi ta' Riċerka tagħhom ma' l-Unjoni anke fir-reġjuni l-inqas żviluppati.

Filwaqt li l-għotjiet diretti jibqgħu importanti, b'mod speċjali fir-reġjuni ta' Konverġenza, hemm il-ħtieġa li l-attenzjoni tkun iffokata fuq il-provvista ta' servizzi kollettivi ta' kummerċ u teknoloġija lil gruppi ta' ditti, sabiex dawn ikunu assistiti sabiex itejbu l-attività innovattiva tagħhom. L-għotjiet diretti lil ditti individwali għandhom ikollhom l-għan li jtejbu l-kapaċità ta' l-RTD u l-innovazzjoni tad-ditta, iktar milli t-tnaqqis temporanju ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha li jiġġeneraw effetti kbar ta' dejn mhux kopert mill-assi. Dan huwa partikolarment importanti fis-setturi tradizzjonali, b'mod partikolari dawk li jkunu esposti għall-kompetizzjoni globali li jeħtieġu sforzi addizzjonali sabiex jibqgħu kompetittivi, kif ukoll fl-SMEs li ta' spiss jirrappreżentaw l-aqwa sors ta' impjiegi fil-livell reġjonali. Fuq kollox, din il-politika jeħtieġ li tkun adattata għall-kondizzjonijiet partikolari ta' kull reġjun, u b'mod partikolari għall-ħtiġijiet ta' l-SMEs. L-istrateġiji nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom ikunu bbażati fuq analiżi komprensiva ta' l-opportunitajiet ta' investiment fl-RTD.

Il-konoxxenza u l-innovazzjoni huma fiċ-ċentru ta' l-isforzi ta' l-Unjoni għall-promozzjoni ta' tkabbir iktar mgħaġġel u għal iktar impjiegi. Żewġ programmi-kwadru relatati huma proposti fuq il-livell ta' l-Unjoni: is-Seba' Programm Kwadru għall-RTD u l-Programm Kwadru għall-Kompetittività u għall-Innovazzjoni (CIP). Is-sinerġija bejn il-politika ta' koeżjoni u dawn l-istrumenti hija essenzjali sabiex il-politika ta' riċerka u l-politika ta' koeżjoni jsaħħu lil xulxin fil-livell reġjonali bl-istrateġiji ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali li juru kif din tinkiseb. Il-politika ta' koeżjoni tista' tgħin lir-reġjuni kollha sabiex jibnu l-kapaċità tagħhom fir-riċerka u fl-innovazzjoni, u b'hekk tagħti kontribut għall-parteċipazzjoni effettiva ta' dawk ir-reġjuni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka u fl-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni ta' l-Unjoni b'mod ġenerali. B'mod partikolari, il-politika ta' koeżjoni għandha żewġ rwoli importanti. L-ewwel wieħed huwa dak li tgħin lir-reġjuni jimplimentaw l-istrateġiji u l-pjanijiet ta' azzjoni ta' innovazzjoni reġjonali li potenzjalment jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kompetittività, kemm fil-livell reġjonali kif ukoll fl-Unjoni kollha; it-tieni rwol huwa dak li tikkontribwixxi sabiex tkabbar il-kapaċità ta' riċerka u innovazzjoni fir-reġjun sa livell fejn dan ikun jista' jieħu sehem fi proġetti ta' riċerka transnazzjonali.

Għalhekk, l-istrateġiji nazzjonali għandhom jikkonċentraw fuq l-investiment fl-RTD, fl-innovazzjoni, fil-kapital uman u fl-intraprenditorija; jiżguraw li dawn l-investimenti jwieġbu għall-ħtiġijiet ta' l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun u li tkun teżisti l-kapaċità li r-riċerka tinbidel fi prodott li jista' jitqiegħed fuq is-suq, f'innovazzjoni ta' proċessi u servizzi; ikabbru t-trasferiment tat-teknoloġija u l-iskambju tal-konoxxenza; jinkoraġġixxu l-iżvilupp, it-tixrid u l-użu ta' l-ICTs fi ħdan id-ditti, u jiżguraw li l-intrapriżi li lesti li jinvestu f'oġġetti u f'servizzi ta' valur miżjud għoli jkollhom l-aċċess għall-finanzjament. Tali strateġiji għandhom jieħdu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-isperimentazzjoni, sabiex iżidu l-kapaċità ta' intervent tal-politika u l-organizzazzjonijiet intermedji sabiex jistimulaw l-atturi reġjonali u lokali, b'mod partikolari l-SMEs, sabiex jinnovaw.

1.2.1.   It-tkabbir u t-titjib fil-miri ta' l-investiment fl-RTD

Il-kompetittività ta' l-intrapriżi Ewropej tiddipendi b'mod kruċjali fuq il-kapaċità tagħhom li jġibu konoxxenza ġdida lis-suq kemm jista' jkun malajr. Is-sostenn pubbliku għall-RTD huwa ġustifikat għaliex jeżistu fallimenti tas-suq u jista' jkun ġustifikat ukoll bil-karattru pubbliku ta' ċerti investimenti ta' l-RTD. Barra minn hekk, kwistjonijiet marbuta mal-pussess tar-riżultati tar-riċerka u mal-ħtieġa li jintlaħaq l-livell meħtieġ f'ċertu setturi tar-riċerka jipprovdu ġustifikazzjoni għas-sostenn mill-gvern għall-RTD.

Meta tiġi implimentata l-politika reġjonali, għandha titqies in-natura speċifika ta' l-RTD. B'mod partikolari, l-RTD teħtieġ azzjoni reċiproka mill-qrib bejn dawk involuti sabiex tingħata spinta lill-formazzjoni ta' punti ta' eċċellenza li jkunu meħtieġa sabiex jintlaħqu l-livelli meħtieġa. Il-viċinanza ġeografika, ngħidu aħna permezz ta' gruppi ta' SMEs u ta' punti ta' innovazzjoni madwar l-istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka, jista' jkollha rwol ewlieni. B'riżultat ta' dan, l-attivitajiet ta' l-RTD bilfors iridu jkunu kkonċentrati fi spazju partikolari filwaqt li trid titrawwem il-kapaċità taż-żoni b'intensità baxxa ta' RTD li jinkorporawhom.

Fl-Istati Membri u fir-reġjuni l-inqas żviluppati, l-RTD għandha tkun żviluppata madwar punti eżistenti ta' eċċellenza u għandu jiġi evitat tixrid żejjed ta' riżorsi f'postijiet differenti. Hawnhekk ukoll, il-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija jistgħu jgħinu jiffokaw l-investimenti fuq l-oqsma ta' prijorità għar-riċerka. L-investimenti għandhom jikkomplementaw ukoll il-prijoritajiet stabbiliti fis-Seba' Programm Kwadru u jappoġġaw l-għanijiet ta' l-aġenda mġedda ta' Liżbona. Għandha tingħata prijorità lill-iżvilupp ta' prodotti, servizzi u ħiliet ġodda u kummerċabbli.

L-azzjonijiet fl-RTD għandhom jimxu mal-politika ta' l-RTD ta' l-UE u mal-ħtiġijiet tar-reġjuni konċernati. F'termini ta' metodu, jeħtieġ li jkunu bbażati fuq metodu analitiku sod, bħal pereżempju l-previżjoni; kif ukoll fuq l-użu ta' indikaturi, bħall-privattivi; fuq ir-riżorsi umani fl-RTD; fuq fejn jinsabu l-istituzzjonijiet privati u pubbliċi tar-riċerka; u fuq l-eżistenza ta' gruppi ta' impriżi innovattivi.

Il-linji gwida għall-azzjoni f'dan il-qasam ta' l-RTD jistgħu jkunu identifikati kif ġej:

It-tisħiħ tal-koperazzjoni fost l-impriżi u bejn l-impriżi u l-istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka/ta' l-edukazzjoni terzjarja, pereżempju billi jkun appoġġat il-ħolqien ta' gruppi reġjonali u trans-reġjonali ta' eċċellenza.

Is-sostenn ta' attivitajiet ta' l-RTD fl-SMEs u trasferiment teknoloġiku (sabiex tingħata l-opportunità li l-SMEs ikollhom aċċess għas-servizzi ta' l-RTD fl-istituzzjonijiet ta' riċerka finanzjati pubblikament).

Is-sostenn ta' inizjattivi trans-konfinali u transnazzjonali mmirati sabiex isaħħu l-kollaborazzjoni fir-riċerka u t-trawwim tal-kapaċità f'oqsma prijoritarji tal-politika ta' riċerka ta' l-UE.

It-tisħiħ tat-trawwim tal-kapaċità fir-Riċerka u fl-Iżvilupp (l-R&D), li jinkludi l-ICT, l-infrastruttura tar-riċerka u l-kapital uman f'oqsma b'potenzjal sinifikanti ta' tkabbir.

Il-programmi — b'mod partikolari għar-reġjuni eliġibbli taħt l-objettiv tal-Konverġenza — jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' l-infrastruttura ta' l-RTD (inklużi n-networks reġjonali għad-data ta' veloċità kbira bejn u fi ħdan l-istabbilimenti tar-riċerka), l-infrastruttura ta' l-edukazzjoni, ta' tagħmir u strumenti kemm fl-istituzzjonijiet ta' riċerka finanzjati b'mod pubbliku kif ukoll fl-impriżi, sakemm dawn l-investimenti jkunu marbuta direttament ma' l-għanijiet ta' żvilupp ekonomiku reġjonali. Dan jista' jinkludi infrastruttura ta' riċerka li l-istudji ta' probabbiltà għaliha jkunu ġew finanzjati minn Programmi Kwadru preċedenti. Is-sostenn għall-prijoritajiet tas-Seba' Programm Kwadru għandu jfittex li jiżviluppa l-potenzjal sħiħ taċ-ċentri ta' eċċellenza emerġenti u eżistenti u jkabbar l-investiment fil-kapital uman, b'mod partikolari billi jħarreġ riċerkaturi fil-livell nazzjonali u billi joħloq kondizzjonijiet sabiex jattira lil riċerkaturi li ġew imħarrġa barra mill-pajjiż.

1.2.2.   Il-faċilitazzjoni ta' l-innovazzjoni u l-promozzjoni ta' l-imprenditorjat

L-innovazzjoni hija r-riżultat ta' proċessi komplessi u li jinteraġixxu, inkluża l-kapaċità ta' l-intrapriżi li jgħaqqdu l-konoxxenza komplementari minksuba mingħand persuni oħra involuti fis-suq, minn organizzazzjonijiet u minn istituzzjonijiet.

L-investimenti fl-innovazzjoni jirrappreżentaw prijorità ewlenija għall-politika ta' koeżjoni skond il-kompetittività u l-programmi ta' impjieg ta' Konverġenza u Reġjonali. Il-ko-finanzjament tagħhom għandu jkun il-prijorità prinċipali fir-reġjuni koperti minn dan ta' l-aħħar, fejn huwa meħtieġ li r-riżorsi finanzjarji limitati jkunu kkonċentrati sabiex jintlaħaq il-livell meħtieġ u jkun ġenerat effett stimulanti.

L-għan ewlieni għandu jkun li jitrawwem ambjent kummerċjali li jagħti spinta lill-produzzjoni, lit-tixrid u użu ta' konoxxenza ġdida min-naħa ta' l-impriżi. Sabiex jinħolqu sistemi ta' innovazzjoni reġjonali effiċjenti, huwa meħtieġ li l-atturi ekonomiċi, soċjali u politiċi jiġu f'kuntatt ma' l-aħjar teknoloġija u prattika tan-negozju fid-dinja, li tmur lilhinn mil-livell nazzjonali jew lokali. F'dan ir-rigward, irid ikun hemm tiftix għal koperazzjoni maċ-Ċentri tat-Trażmissjoni l-Innovazzjoni u ma' l-Euro-Info-Centres li huma finanzjati taħt il-programm CIP, b'mod speċjali fil-qasam tat-teknoloġija u t-tixrid ta' l-informazzjoni transnazzjonali.

Huwa meħtieġ li l-kumpanniji li jkunu għadhom fil-bidu, b'mod partikolari dawk marbuta ma' l-RTD ikunu appoġġati bil-għan li jiżviluppaw sħubijiet ma' istituzzjonijiet tar-riċerka bbażati fuq viżjoni tul perjodu twil ta' żmien u fuq direzzjoni ċara tas-suq. Il-politika ta' koeżjoni għandha tfittex li tikkumpensa għall-falliment tas-suq li jfixkel l-innovazzjoni u l-intraprenditorija. L-azzjonijiet għandhom ifittxu li jibnu fuq il-punti eżistenti ta' attività sabiex ikun utilizzat il-potenzjal reġjonali għall-RTD u sabiex jitrawmu n-networking u l-koperazzjoni teknoloġika fi ħdan u bejn ir-reġjuni.

L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet tar-riċerka, is-settur privat u s-settur pubbliku jutilizzaw b'mod sħiħ is-sinerġiji potenzjali ta' bejniethom.

F'termini ta' metodu, l-istrateġiji ta' l-iżvilupp ekonomiku għandhom jittejbu permezz tal-ġbir ta' data dwar attivitajiet innovattivi eżistenti fir-reġjuni konċernati, pereżempju, dwar kif il-privat jikseb privattiva jew dwar in-natura, l-iskop u l-potenzjal ta' l-iżvilupp ta' gruppi eżistenti ta' attivitajiet innovattivi, inklużi dawk li jinvolvu kemm lill-istituzzjonijiet privati ta' riċerka kif ukoll lil dawk pubbliċi. F'dan ir-rigward, huma wkoll ta' għajnuna l-Istħarriġ dwar l-Innovazzjoni fil-Komunità u l-Iscoreboard Ewropew ta' l-Innovazzjoni.

Il-linji gwida għall-azzjoni relatati ma' dan it-titolu huma dawn li ġejjin:

L-innovazzjoni u l-edukazzjoni reġjonali ta' l-RTD ikunu provduti b'mod iktar effiċjenti u aċċessibbli għad-ditti, b'mod partikolari għall-SMEs, pereżempju, billi jiġu stabbiliti punti ta' eċċellenza, li jġibu flimkien lill-SMEs b'teknoloġiji ta' livell għoli u l-istituzzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija, jew billi jkunu żviluppati u jinħolqu gruppi reġjonali madwar kumpanniji kbar.

Il-provvista ta' servizzi ta' sostenn għan-negozju sabiex jippermettu lill-intrapriżi, u b'mod speċjali lill-SMEs, iżidu l-kompetittività u jsiru internazzjonali, b'mod partikolari billi jaħtfu l-opportunitajiet maħluqa mis-Suq Intern. Is-servizzi tan-negozju għandhom jagħtu prijorità lill-utlizzazzjoni tas-sinerġiji (pereżempju it-trasferiment tat-teknoloġija, iż-żoni fejn issir ir-riċerka xjentifika, iċ-ċentri tal-komunikazzjoni ta' l-ICT, l-inkubaturi u servizzi relatati, il-koperazzjoni mal-gruppi) u jagħtu iktar sostenn tradizzjonali fl-oqsma ta' amministrazzjoni, bejgħ, għajnuna teknika, reklutaġġ, u servizzi oħra professjonali u kummerċjali.

Il-garanzija ta' l-użu sħiħ tal-punti ta' forza Ewropej fil-qasam ta' l-eko-innovazzjonijiet. Flimkien mat-titjib tal-prattika ta' l-SMEs, l-eko-innovazzjonijiet għandhom jitħeġġu permezz ta' l-introduzzjoni ta' sistemi ta' amministrazzjoni ambjentali. Billi jinvestu issa f'dan il-qasam, l-impriżi ta' l-UE se jkunu f'pożizzjoni ta' saħħa fil-futur qarib meta reġjuni oħra jibdew japprezzaw il-ħtieġa ta' teknoloġiji bħal dawn. Dan huwa qasam b'rabta ċara mal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u għall-Innovazzjoni.

Il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija u l-faċilitazzjoni tal-ħolqien u l-iżvilupp ta' ditti ġodda. Għandha ssir ukoll enfażi fuq il-promozzjoni ta' kumpanniji tat-tip spin-out u kumpanniji tat-tip spin-off minn istituzzjonijiet ta' riċerka jew ditti li jużaw teknika differenti (pereżempju, is-sensibilizzazzjoni tal-kuxjenza pubblika; il-ħolqien ta' prototipi; it-tagħlim privat u l-għoti ta' sostenn maniġerjali u teknoloġiku lil intraprendituri potenzjali).

Huwa importanti li jkun żgurat li l-kumpanniji, inklużi l-SMEs, jistgħu jagħmlu użu kummerċjali mir-riżultati tar-riċerka.

Is-servizzi tan-negozju għandhom preferibbilment jitwettqu mis-settur privat jew minn organizzazzjonijiet li jinkludu kemm lill-pubbliku kif ukoll lill-privat. Is-servizzi għandhom ikunu ta' l-ogħla livell, disponibbli minnufih, faċli sabiex wieħed ikollu aċċess għalihom u jwieġbu għall-ħtiġijiet ta' l-SMEs. Il-kwalità tas-servizzi għandha tkun definita u monitorjata u għandu jkun hemm koerenza bejn il-fornituri tas-servizz, eż. billi jiġu stabbiliti sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u one-stop shops.

Il-proċeduri amministrattivi spiss huma wisq kumplessi. L-informazzjoni u s-sostenn inizjali għandhom ikunu disponibbli minn network ta' one-stop shops, li jistgħu jipprovdu kollegament bejn is-settur pubbliku u l-applikant għall-għotja; dan għandu jinkludi l-azzjonijiet differenti li huma ko-finanzjati mill-politika ta' koeżjoni. Dawn il-fornituri għandhom ikollhom kompetenza fil-firxa sħiħa ta' l-għajnuniet ta' l-Istat — b'mod indipendenti mir-responsabbiltajiet nazzjonali u reġjonali — u miri għall-effiċjenza tal-ħidma tagħhom li jkunu monitorjati regolarment.

Fejn iċ-ċirkostanzi jkunu adatti, għandu jkun disponibbli sostenn li jkun magħmul apposta għal kategoriji speċifiċi ta' negozju (eż. kumpanniji li għadhom jibdew jew li ġew trasferiti reċentement) jew għall-intraprendituri (eż. żgħażagħ, nisa, ħaddiema ikbar fl-età, jew dawk li jkunu ġejjin minn komunitajiet ta' minoranza etnika). L-edukazzjoni fl-intraprenditorija għandha tkun ukoll inkoraġġita fl-iskejjel.

1.2.3.   Il-promozzjoni tas-soċjetà ta' l-informazzjoni għal kulħadd

It-tixrid ta' l-ICT fl-ekonomija ta' l-Unjoni kollha jirrappreżenta lieva ewlenija sabiex jittejbu l-livelli tal-produttività u l-kompetittività tar-reġjuni. It-tixrid ta' l-ICT jinkoraġġixxi wkoll l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-metodi ta' produzzjoni u l-ħolqien ta' negozji u servizzi privati ġodda. It-twettiq effiċjenti u effettiv tas-servizzi pubbliċi — b'mod partikolari l-gvern elettroniku (“gvern elettroniku”) u s-servizzi ta' informazzjoni dwar is-saħħa b'mezzi elettroniċi (“saħħa elettronika”) — għandu potenzjal sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku u sabiex ikun hemm servizzi ġodda. It-tixrid tat-teknoloġija jista' jikkontribwixxi għal żvilupp reġjonali billi jiffavorixxi l-ħolqien u t-tkabbir ta' punti ta' eċċellenza fl-attivitajiet ta' l-ICT u billi jiżviluppa l-kapaċità ta' kollegament u networking fost l-intrapriżi u b'mod partikolari fost l-SMEs. Il-miżuri għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi bil-għan li jiffaċilitaw u jistimulaw l-investiment privat fl-ICT filwaqt li tkun garantita l-kompetizzjoni fis-settur ta' l-ICT.

Il-miżuri tal-politika għandhom għalhekk jiffokaw fuq il-konnettività. Dan jinkludi t-titjib tas-servizzi ta' sostenn ta' l-innovazzjoni għall-SMEs bl-għan partikolari li jiġi inkoraġġit it-trasferiment tat-teknoloġija bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-intrapriżi. Teħtieġ ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa fl-ekonomija tal-konoxxenza u sabiex tiżviluppa il-kontenut permezz tat-twettiq ta' applikazzjonijiet u servizzi (bħall-“gvern elettroniku”, in-“negozju elettroniku”, it-“tagħlim elettroniku” u s-“saħħa elettronika”), li jipprovdu alternattivi interessanti għal mudelli oħra li jwasslu servizz li spiss iġibu magħhom iktar spejjeż. Dan huwa partikolarment relevanti għal żoni remoti u li ftit li xejn ikunu ppopolati kif ukoll għar-reġjuni estremi, il-ġżejjer jew żoni li huma żvantaġġati naturalment. Ovvjament l-użu u l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi li jkunu bbażati fuq il-kontenut jista' jaħdem biss jekk l-infrastruttura xierqa tkun disponibbli u tista' tiflaħ għas-servizzi tal-broadband. Huwa għalhekk importanti li min-naħa għall-oħra ta' l-Unjoni jkun hemm infrastruttura xierqa tal-komunikazzjoni broadband li tkun disponibbli bi prezz aċċessibbli.

Bħala regola ġenerali, l-investiment fl-infrastruttura ta' l-ICT għandu jqis l-iżvilupp teknoloġiku mgħaġġel, ir-rispett tal-prinċipji ta' newtralità teknoloġika u ta' l-aċċess miftuħ. Il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u ma' l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi hija essenzjali.

Huwa meħtieġ li l-azzjonijiet ikunu bbażati fuq indikaturi tal-kuntest relatati ma' l-istruttura ekonomika eżistenti (li tinkludi l-ispeċjalizzazzjoni industrijali; il-livell ta' l-iżvilupp ekonomiku; il-kwalità tal-kapaċità ta' kollegament ma' l-ICTs u s-sinerġiji potenzjali bejn il-punti reġjonali ta' l-attività ekonomika). L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet reġjonali għandha tqis l-inizjattivi eżistenti ta' l-Unjoni favur l-ICTs, b'mod partikolari l-2010 — Soċjetà Ewropea ta' l-Informazzjoni għat-tkabbir u għall-impjiegi (7).

Peress li l-ICTs huma mifruxa fis-setturi kollha ta' l-ekonomija u tas-soċjetà, huwa importanti ħafna li l-Istati Membri u r-reġjuni jiżviluppaw strateġiji kompatibbli ta' soċjetà ta' l-informazzjoni li jiżguraw koerenza u integrazzjoni fost is-setturi, billi jibbilanċjaw il-miżuri ta' provvista u domanda fuq il-bażi tal-kondizzjonijiet lokali meħtieġa, tal-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, u ta' sostenn qawwi pubbliku u politiku.

Il-linji gwida għall-azzjoni huma kif ġej:

Il-garanzija ta' l-użu ta' l-ICTs min-naħa tad-ditti u tal-familji u jitħeġġeġ l-iżvilupp permezz ta' sostenn bilanċjat għall-provvista u għad-domanda ta' prodotti u servizzi kemm pubbliċi kif ukoll privati ta' l-ICT, kif ukoll permezz ta' żieda fl-investiment fil-kapital uman. Dawn l-azzjonijiet għandhom iżidu l-produttività, jagħtu spinta lil ekonomija diġitali miftuħa u l-kompetittiva u lil soċjetà inklussiva (pereżempju, it-titjib fl-aċċessibbiltà għal persuni b'diżabbiltà u għall-anzjani), u b'hekk jinkoraġġixxu t-tkabbir u l-impjiegi.

Il-garanzija tad-disponibbiltà ta' l-infrastruttura ta' l-ICT u s-servizzi relatati f'sitwazzjonijiet fejn is-suq jonqos milli jipprovdiha bi prezz aċċessibbli u f'livell adegwat sabiex tappoġġa s-servizzi meħtieġa, b'mod speċjali f'żoni remoti u rurali u fl-Istati Membri l-ġodda.

1.2.4.   It-titjib ta' l-aċċess għall-finanzjament

Ingredjent ieħor ewlieni għall-promozzjoni tal-konoxxenza u ta' l-innovazzjoni huwa li jkun faċilitat l-aċċess għall-finanzjament. Sabiex jitrawmu t-tkabbir u l-ħolqien ta' l-impjiegi, għandu jkun redditizzju biżżejjed għall-intraprendituri u għall-intrapriżi li jinvestu fl-iżvilupp u fil-produzzjoni ta' oġġetti u servizzi barra milli jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq, pereżempju, attivitajiet maħsuba għall-gwadann mill-kiri.

L-aċċess għall-finanzjament f'dan il-kuntest huwa spiss diffiċli, u għaldaqstant joħloq ostaklu għat-tkabbir u għall-ħolqien ta' l-impjiegi. Huwa importanti li jittejjeb l-aċċess għall-kapital kemm għall-attivitajiet ta' l-RTD kif ukoll għall-intrapriżi li jkunu għadhom jibdew. Jeħtieġ li jkunu żviluppati swieq ta' kapital b'riskju relatati ma' l-attivitajiet ta' innovazzjoni flimkien mat-twaqqif ta' ambjent regolatorju aħjar li jagħmel l-intraprenditorija iktar faċli.

Dawn il-programmi għandhom jitwettqu f'koperazzjoni mill-qrib mal-Fond Ewropew ta' l-Investiment (EIF) taħt l-inizjattiva JEREMIE sabiex ikunu żviluppati r-riżorsi finanzjarji fiż-żoni fejn l-intraprenditorija tkun imfixkla min-nuqqasijiet tas-suq minħabba r-riskji kbar assoċjati ma' l-attivitajiet ta' l-RTD. Irid jitqies ukoll l-impatt tas-sostenn tal-gvern għall-ħolqien tan-negozju, sabiex tkun evitata l-preklużjoni ta' l-investiment privat u ta' miżuri li jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni. Il-koordinazzjoni bejn il-fondi għandhom jittejbu.

Il-kapital azzjonarju tal-privat u ta' proġetti ta' riskju u l-fondi rotativi għall-kumpanniji li għadhom jibdew għandhom ikollhom rwol essenzjali bħala magna ta' l-intraprenditorija, ta' l-innovazzjoni u tal-ħolqien ta' l-impjiegi; l-istituzzjonijiet tas-settur pubbliku mhux dejjem ikunu adattati sabiex jittieħed xi riskju. Il-prijorità għandha tkun dik li jinħolqu jew jiżdiedu l-fornituri tal-kapital li jitqiegħed f'riskju kbir u tal-garanziji tal-bank, fejn ikun hemm nuqqas tas-suq. Tipikament, dawn se jkunu iktar effettivi jekk jipprovdu pakkett integrat ta' sostenn, li jibda mit-taħriġ li jseħħ qabel il-bidu jew it-tkabbir ta' l-intrapriża.

Fuq il-bażi ta' dawn il-prinċipji, il-linji gwida għall-azzjoni:

Is-sostenn ta' strumenti mingħajr għotjiet bħal self, finanzjament fis-sod ta' dejn għal dejn subordinat, strumenti konvertibbli (dejn mezzanin) u kapital ta' riskju (eż. kapital allokat għal xi proġett u kapital ta' riskju). L-għotjiet għandhom jintużaw sabiex jinbnew u jinżammu infrastrutturi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament (eż. uffiċċji ta' trasferiment ta' teknoloġija, inkubaturi, networks ta' “business angels” (persuni li jinvestu kapital privat f'kumpannija li għadha kemm bdiet, speċjalment jekk jingħataw lura ishma fil-kumpannija), programmi ta' tħejjija ta' investiment). Għandhom ikunu sostnuti mekkaniżmi ta' garanzija u ta' garanzija reċiproka, b'mod partikolari sabiex ikun faċilitat l-aċċess għall-mikro-kreditu min-naħa ta' l-SMEs. L-EIB u l-EIF jistgħu jipprovdu dħul importanti f'dan ir-rigward.

L-iżvilupp ta' approċċ integrat li simultanjament isostni l-innovazzjoni, it-trasferiment tiegħu fl-attività l-ġdida kummerċjali u d-disponibbiltà tal-kapital ta' riskju.

Jintlaħqu ċerti gruppi speċifiċi, pereżempju intraprendituri żgħażagħ jew nisa jew dawk li jkunu ġejjin minn gruppi żvantaġġati.

Huwa partikolarment importanti li ssir ħidma mill-qrib ma' l-EIF fid-dawl tal-kompetenza li dan żviluppa matul numru ta' snin, sabiex l-SMEs jingħataw is-sostenn meħtieġ, filwaqt li simultanjament ikun żviluppat is-suq Ewropew ta' riskju ta' kapital. Dan jista' jinvolvi l-parteċipazzjoni fl-inizjattiva JEREMIE.

1.3.   Linja ta' gwida: Atar impjiegi u impjiegi ta' kwalità aħjar

Fit-tnedija mill-ġdid ta' l-istrateġija ta' Liżbona, il-Kunsill Ewropew approva uffiċjalment sett wieħed ta' Linji Gwida li jiġbru flimkien il-Linji Gwida Ġenerali tal-Politika Ekonomika u l-Linji Gwida ta' l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi (8), sabiex b'hekk ġiet integrata l-politika makro-ekonomika, dik mikro-ekonomika flimkien mal-politika tax-xogħol għat-tkabbir u għall-impjiegi. Skond l-abbozz tar-regolamenti tal-Fond (9), fil-qasam ta' l-impjiegi u tar-riżorsi umani, il-prijoritajiet tal-Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni huma dawk ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi (10) supplimentati mir-Rakkomandazzjonijiet ta' l-UE dwar l-Impjiegi li jipprovdu prijoritajiet speċifiċi għall-pajjiżi differenti.

It-triq li twassal għal impjieg għal kulħadd u għal iktar produttività tiddipendi minn firxa wiesgħa ta' azzjonijiet, inklużi dawk li diġà ġew diskussi aktar 'il fuq. L-investiment fl-infrastruttura, l-iżvilupp tan-negozju u r-riċerka jtejbu l-opportunitajiet sabiex wieħed isib impjieg, kemm fuq perjodu qasir ta' żmien minħabba l-effett inizjali kif ukoll fuq perjodu itwal ta' żmien minħabba l-effett pożittiv tagħhom fuq il-produttività u l-kompetittività. Sabiex l-impjiegi li jirriżultaw minn dawn l-investimenti jkunu l-akbar numru possibbli u joħolqu impjiegi permanenti ta' kwalità għolja, l-kapital uman għandhu jkun aktar żviluppat u mtejjeb

F'termini ta' żvilupp ta' kapital uman, il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jenfażizzaw tlitt azzjonijiet prijoritarji għall-istrateġiji politiċi ta' l-Istati Membri:

jiġu attirati u miżmuma iktar nies fl-impjiegi u jiġu modernizzati s-sistemi ta' ħarsien soċjali;

tittejjeb l-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi u l-flessibbiltà tas-swieq tax-xogħol;

jiżdied l-investiment fil-kapital uman permezz ta' edukazzjoni u snajja’ aħjar.

Barra min dawn il-prijoritajiet, għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-investimenti għal effiċjenza aħjar fl-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll lill-infrastrutturi ta' l-edukazzjoni, soċjali, tas-saħħa u kulturali.

Il-politika ta' koeżjoni għandha tkun iffokata sabiex tindirizza l-isfidi speċifiċi ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi f'kull Stat Membru, billi ssostni azzjonijiet li jaqgħu taħt l-objettivi ta' konverġenza u kompetittività reġjonali u ta' l-impjieg filwaqt li tqis l-ambitu ta' l-attivitajiet definiti fil-qafas leġiżlattiv. Il-firxa ta' azzjonijiet eliġibbli u ta' riżorsi finanzjarji hija ikbar għall-objettiv ta' l-ewwel. Għal ta' l-aħħar, ir-riżorsi ta' l-UE jeħtieġu li jkunu ferm iktar iffokati sabiex jinkiseb impatt sinifikanti.

Il-programmi ta' l-impjiegi u ta' żvilupp tar-riżorsi umani għandhom iqisu l-isfidi u l-prijoritajiet li huma speċifiċi għal kull pajjiż, kif inhu enfażizzat fir-Rakkomandazzjonijiet dwar l-Impjiegi u fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma. Il-programmi, kemm jekk amministrati fil-livell nazzjonali kif ukoll jekk amministrati fil-livell reġjonali, għandhom jindirizzaw effikaċement id-differenzi territorjali u jkunu adatti għaż-żoni differenti.

Fl-aħħar, waħda mill-aspetti l-aktar viżibbli tal-valur Ewropew miżjud fil-perjodu ta' bejn l-2000-2006 tal-Fondi Strutturali kien is-sostenn lill-Istati Membri u lir-reġjuni sabiex jaqsmu l-esperjenzi, u jibnu networks, u b'hekk jippromwovu l-innovazzjoni. F'dan il-kuntest, l-esperjenza miksuba permezz ta' l-Inizjattiva Komunitarja EQUAL għandha tiġi kapitalizzata permezz ta' l-ugwaljanza tal-prinċipji li fuqhom inbniet — l-innovazzjoni; it-transnazzjonalità; l-isħubija; u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

1.3.1.   L-attrazzjoni u ż-żamma ta' aktar nies fl-impjieg u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-ħarsien soċjali

Huma vitali t-twessigħ tal-bażi ta' l-attività ekonomika u t-tiżjid tal-livelli ta' l-impjiegi u t-tnaqqis tal-qgħad sabiex ikun sostnut it-tkabbir ekonomiku, jitħeġġu s-soċjetajiet inklussivi u jkun miġġieled il-faqar. Li tiżdied il-parteċipazzjoni fl-impjiegi huwa speċjalment neċessarju minħabba t-tnaqqis mistenni fil-popolazzjoni ta' l-età tax-xogħol. Fil-qafas tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, il-Linji Gwida għall-azzjoni taħt din l-intestatura huma li ġejjin:

L-implimentazzjoni ta' strateġiji politiċi ta' l-impjieg maħsuba sabiex jinkiseb impjieg għal kulħadd, sabiex jittejbu l-kwalità u l-produttività fuq il-post tax-xogħol, u sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali.

Il-promozzjoni ta' l-approċċ taċ-“ċiklu tal-ħajja” lejn ix-xogħol.

Il-garanzija ta' swieq tax-xogħol inklussivi, it-tiżjid ta' l-attrazzjoni tax-xogħol, u l-ħolqien ta' impjiegi li jrendu għal dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol, inklużi n-nies żvantaġġati u dawk li mhumiex attivi.

It-titjib tal-modi kif jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

L-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq identifikazzjoni preċedenti tal-ħtiġijiet permezz ta', pereżempju, l-użu ta' indikaturi nazzjonali u/jew reġjonali relevanti bħall-qgħad u r-rati ta' parteċipazzjoni, ir-rati ta' qgħad fuq perjodu twil ta' żmien, ir-rati tal-popolazzjoni li tkun mhedda mill-faqar u l-livell tad-dħul. Għandha tinġibed l-attenzjoni fuq il-livell lokali, fejn id-differenzi kbar jistgħu ma jiġux perċepiti mill-istatistika tal-livell reġjonali.

Il-preżenza ta' istituzzjonijiet effiċjenti u effettivi tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari servizzi tax-xogħol li jkunu jistgħu jirrispondu għall-isfidi ta' ristrutturazzjoni ekonomika u soċjali aċċelerata u tat-tixjiħ demografiku, hija essenzjali sabiex ikun sostnut il-forniment tas-servizzi lil dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol, lin-nies qiegħda u lil dawk żvantaġġati, u jistgħu jkunu sostnuti mill-Fondi Strutturali. Dawn l-istituzzjonijiet għandhom rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u sabiex jipprovdu servizzi fuq bażi personalizzata bil-għan li jinkoraġġixxu l-mobbiltà fl-impjiegi u l-mobbiltà ġeografika u sabiex jitqabblu l-provvista u d-domanda fir-rigward tax-xogħol, anke fil-livell lokali. Għandhom jgħinu sabiex ikunu antiċipati n-nuqqasijiet u l-ostakli fis-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet fil-qasam ta' l-impjiegi u tas-snajja’. B'riżultat ta' dan l-amministrazzjoni pożittiva tal-migrazzjoni ekonomika tkun assistita wkoll. L-aċċess faċli, u t-trasparenza, tas-servizzi offruti huma kruċjali. In-network EURES għandu rwol ċentrali fiż-żieda tal-mobbiltà ġeografika u ta' l-impjiegi, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali (11).

Prijorità importanti għandha tkun dik li jissaħħu l-miżuri attivi u preventivi tas-suq tax-xogħol sabiex jingħelbu l-ostakli li wieħed jiffaċċja sabiex jidħol, jew jibqa', fis-suq tax-xogħol u sabiex titħeġġeġ l-mobbiltà ta' dawk li jfittxu x-xogħol, għan-nies qiegħda u għal dawk li mhumiex attivi, għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien kif ukoll għal dawk li jkunu mhedda mill-qgħad, b'attenzjoni partikolari għall-ħaddiema mingħajr sengħa. L-azzjoni għandha tiffoka fuq il-provvista ta' servizzi personalizzati, li jinkludu għajnuna fit-tiftix għax-xogħol, fit-taħriġ u sabiex wieħed isib l-aħjar impjieg għalih u fit-taħriġ sabiex jiġu rranġati l-ħiliet ta' min qiegħed ifittex x-xogħol u l-ħaddiema għall-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol lokali. Għandu jitqies il-potenzjal kollu għall-ħolqien ta' xogħol indipendenti u ta' negozju, u anki tal-ħiliet ta' l-ICT u tal-konoxxenza tal-qasam diġitali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawn li ġejjin:

l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew taż-Żgħażagħ, billi jkun faċilitat l-aċċess għax-xogħol għaż-żgħażagħ, billi titħaffef it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, anke permezz ta' gwida għall-għażla tal-karriera, ta' għajnuna fil-kisba sħiħa ta' l-edukazzjoni, ta' aċċess għal taħriġ apprendistati adatti;

l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għall-ugwaljanza bejn is-sessi bl-integrazzjoni u b'azzjoni speċifika sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol, sabiex tonqos is-segregazzjoni ta' l-impjiegi u jkunu indirizzati d-differenzi fil-ħlas bejn in-nisa u l-irġiel u l-istereotipi marbuta mas-sess u sabiex jitħeġġu ambjenti tax-xogħol li jiffavorixxu iktar il-familja, u sabiex ma jkunx hemm kunflitti bejn il-ħajja professjonali u dik privata. Għal persuni dipendenti huwa kruċjali li jiġi faċilitat l-aċċess għal servizzi ta' kura għat-tfal u għal servizzi oħra ta' kura, flimkien mat-tfittxija ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrateġiji politiċi u fil-miżuri, mas-sensibilizzazzjoni tal-kuxjenza pubblika u d-djalogu fost il-partijiet interessati;

azzjoni speċifika sabiex jissaħħaħ l-aċċess għall-migranti għas-suq tax-xogħol u sabiex tkun faċilitata l-integrazzjoni soċjali tagħhom, permezz tat-taħriġ u tat-tisħiħ tal-kompetenzi miksuba barra mill-pajjiż, ta' gwida personalizzata, ta' taħriġ fl-ilsna, ta' sostenn xieraq għall-intraprenditorija u għas-sensibilizzazzjoni fost min iħaddem u fost il-ħaddiema migranti dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, u tat-tisħiħ ta' l-infurzar tar-regoli kontra d-diskriminazzjoni.

Prijorità importanti oħra għandha tkun dik li jkunu żgurati swieq tax-xogħol inklussivi għall-persuni żvantaġġati jew mhedda bl-esklużjoni soċjali, bħal pereżempju dawk li jitilqu kmieni mill-iskola, dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil, minoranzi u persuni b'diżabbiltà. Dan jitlob firxa iktar wiesgħa ta' sostenn sabiex jinħolqu toroq li jwasslu għall-integrazzjoni u jiġġieldu d-diskriminazzjoni. L-għan għandu jkun li:

tittejjeb il-possibbiltà tagħhom li jkunu impjegati billi tikber il-parteċipazzjni fl-edukazzjoni vokazzjonali u fit-taħriġ, fir-rijabilitazzjoni u fl-inċentivi xierqa u fl-arranġamenti tax-xogħol, kif ukoll fis-sostenn soċjali u s-servizzi ta' kura meħtieġa, anke permezz ta' l-iżvilupp ta' l-ekonomija soċjali;

tkun miġġielda d-diskriminazzjoni u titħeġġeġ l-aċċettazzjoni tad-diversità fil-post tax-xogħol permezz ta' kampanji ta' taħriġ u ta' sensibilizzazzjoni tal-kuxjenza pubblika li fihom ikunu involuti b'mod sħiħ il-komunitajiet lokali u l-intrapriżi.

1.3.2.   Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi u fil-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol

Fid-dawl tal-pressjoni li dejjem tikber mill-globalizzazzjoni, inklużi l-iskossi ħesrem lill-kummerċ, u minħabba l-introduzzjoni kontinwa ta' teknoloġiji ġodda, l-Ewropa għandha żżid il-kapaċità tagħha sabiex tantiċipa, tagħti bidu u tassorbi l-bidla ekonomika u soċjali. Fil-qafas tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, il-linji gwida għall-azzjoni tħat din l-intestatura huma li ġejjin:

Il-promozzjoni tal-flessibbiltà flimkien mas-sigurtà ta' l-impjieg, u tnaqqis tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, b'kont meħud tar-rwol tas-sħab soċjali.

Il-garanzija ta' żviluppi dwar l-ispejjeż tax-xogħol li jiffavorixxu l-impjiegi u mekkaniżmi fl-iffissar tal-pagi.

L-attenzjoni ewlenija għandha tkun fuq l-azzjonijiet li jinkoraġġixxu l-investiment fir-riżorsi umani min-naħa ta' l-intrapriżi, b'mod speċjali l-SMEs, u min-naħa tal-ħaddiema permezz ta' strateġiji u sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja li jipprovdu lill-impjegati, b'mod partikolari lill-ħaddiema li ma jkunux tas-sengħa u dawk ikbar fl-età, bil-ħiliet neċessarji sabiex jadattaw irwieħhom għall-ekonomija tal-konoxxenza u sabiex itawlu l-ħajja tagħhom tax-xogħol. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil:

l-iżvilupp ta' strateġiji u sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja inklużi mekkaniżmi bħal fondi reġjonali u settorali, bil-għan li jiżdied l-investiment mill-intrapriżi u tiżdied il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-taħriġ;

l-implimentazzjoni ta' tali strateġiji permezz ta' kontribuzzjonijiet għall-finanzjament ta' l-iskemi u ta' l-attivitajiet ta' taħriġ. Għandha tingħata prijorità lill-intraprenditorija u lill-SMEs, anke lill-faċilitazzjoni ta' l-aċċess tagħhom għal sorsi esterni ta' kompetenza, inġinerija finanzjarja, bħall-istrument JEREMIE u soluzzjonijiet ta' taħriġ — bl-enfażi fuq il-ħiliet relatati ma' l-ICT u ma' l-amministrazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għaż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema li ma jkunux tas-sengħa jew li jkunu ikbar fl-età fit-taħriġ u fit-taħriġ mill-ġdid.

Huma partikolarment importanti l-antiċipazzjoni aħjar u l-amministrazzjoni pożittiva tar-ristrutturazzjoni ekonomika, b'mod speċjali b'riżultat tal-bidliet marbuta mal-ftuħ tal-kummerċ. Għandha tingħata attenzjoni għall-ħolqien ta' sistemi ta' monitoraġġ li jinvolvu lis-sħab soċjali, lill-intrapriżi u lill-komunitajiet lokali, sabiex ikunu osservati bir-reqqa l-bidliet soċjo-ekonomiċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, u sabiex ikunu valutati t-tendenzi futuri ta' l-ekonomija u tas-swieq tax-xogħol. Għandu jkun hemm sostenn għall-programmi li għandhom l-għan li jimmodernizzaw is-swieq tax-xogħol u jantiċipaw il-bidliet gradwali fl-Unjoni kollha b'mod partikolari f'setturi bħall-agrikoltura, it-tessuti, il-karozzi u l-minjieri, flimkien ma' miżuri attivi sabiex jissaħħaħ il-benesseri ekonomiku tar-reġjuni. Hemm post ukoll għal servizzi speċifiċi għax-xogħol, għat-taħriġ u għas-sostenn tal-ħaddiema fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-kumpannija jew tas-settur, bħal pereżempju skemi ta' rispons rapidu fil-każ ta' sensji kollettivi.

Għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-iżvilupp u lit-tixrid tal-konoxxenza dwar forom innovattivi u adattabbli ta' l-organizzazzjoni tax-xogħol sabiex jinkiseb vantaġġ mit-teknoloġiji l-ġodda — inklużi t-teleworking, it-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol (pereżempju s-sigurtà industrijali), iż-żieda fil-produttività u l-promozzjoni ta' rikonċiljazzjoni aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja fi ħdan il-familja. Dan jista' jinkludi wkoll is-sensibilizzazzjoni dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, l-iżvilupp ta' kuxjenza dwar id-drittijiet ta' l-impjieg, l-inizjattivi għall-ħarsien tal-kodiċi tax-xogħol, it-tnaqqis ta' l-ekonomija li ma tidhirx u modi kif xogħol mhux dikjarat jista' jinbidel f'impjieg regolari.

L-imsieħba soċjali għandhom rwol importanti fit-twaqqif ta' mekkaniżmi li jiżguraw il-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol. Għalhekk l-Istati Membri għandhom iħeġġu s-sehem ta' l-imsieħba soċjali fl-attivitajiet taħt din il-prijorità. Barra minn hekk, taħt l-objettiv ta' Konverġenza, għandu jiġi allokat ammont xieraq tar-riżorsi tal-Fond Ewropew Soċjali (ESF) għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, li għandu jinkludi taħriġ, miżuri tan-networking, it-tisħiħ tad-djalogu soċjali u l-attivitajiet meħudha b'mod konġunt mill-imsieħba soċjali.

1.3.3.   It-tiżjid ta' investiment fil-kapital uman permezz ta' edukazzjoni aħjar u ta' ħiliet

L-Ewropa jeħtiġilha tinvesti iktar fil-kapital uman. Wisq nies ma jidħlux, jew ma jibqgħux, fis-suq tax-xogħol, minħabba nuqqas ta' ħiliet li jinkludu dawk alfabetiċi u numeriċi bażiċi, jew minħabba tlaqqigħ żbaljat bejn il-ħiliet u l-postijiet tax-xogħol. Sabiex jitjieb l-aċċess għall-impjiegi għall-ħaddiema ta' kull età u sabiex jiżdiedu l-livelli ta' produttività u l-kwalità fix-xogħol, hemm il-ħtieġa li jiżdied l-investiment fil-kapital uman u li jkunu żviluppati u implimentati strateġiji nazzjonali effettivi ta' tagħlim tul il-ħajja għall-benefiċċju ta' l-individwi, l-intrapriżi, l-ekonomija u s-soċjetà. Fil-qafas tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, il-linji gwida għall-azzjoni taħt din l-intestatura huma li ġejjin:

L-espansjoni u t-titijib ta' l-investiment fil-kapital uman.

L-adozzjoni ta' sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ sabiex ikunu sodisfatti rekwiżiti ta' kompetenzi ġodda.

Jeħtieġ li r-riformi fit-taħriġ tas-suq tax-xogħol sabiex ikunu attirati iktar persuni fid-dinja tax-xogħol u sabiex tiżdied l-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi jsiru flimkien mar-riformi fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ. F'perjodi preċedenti ta' programmazzjoni, il-Fondi Strutturali investew b'mod sostanzjali fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ. Fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, l-investiment fil-kapital uman għandu jissaħħaħ billi tingħata attenzjoni partikolari għall-għanijiet ta' Liżbona skond il-linji gwida integrati għat-tkabbir u għall-impjiegi. Il-prijoritajiet ġenerali li ġejjin għandhom ikunu indirizzati:

jitwessgħu u jittejbu l-investimenti fil-kapital uman inkluż l-iżvilupp ta' inċentivi xierqa u ta' mekkaniżmi li jqassmu l-ispejjeż għall-intrapriżi, għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-individwi;

ikunu sostnuti strateġiji koerenti u komprensivi ta' tagħlim tul il-ħajja, b'attenzjoni partikolari sabiex ikunu indirizzati l-ħiliet meħtieġa għall-ekonomija tal-konoxxenza, inkluż sostenn għall-koperazzjoni u t-twaqqif ta' sħubijiet bejn l-Istati Membri, reġjuni u bliet f'termini ta' edukazzjoni u taħriġ sabiex ikun faċilitat l-iskambju ta' esperjenzi u ta' prattika tajba, li jinkludu proġetti innovattivi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex ikunu indirizzati l-ħtiġijiet tal-gruppi żvantaġġati;

ikunu sostnuti t-tfassil u l-introduzzjoni ta' riformi fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ bl-użu, fejn ikun relevanti, ta' referenzi u prinċipji komuni Ewropej, b'mod partikolari sabiex tiżdied ir-relevanza tas-suq tax-xogħol ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ;

jissaħħu r-rabtiet bejn l-universitajiet, iċ-ċentri tar-riċerka u tat-teknoloġija u l-intrapriżi, b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet ta' networking u ta' azzjonijiet konġunti.

Taħt l-objettiv ta' Konverġenza, ħafna Stati Membri u reġjuni jħabbtu wiċċhom ma' sfidi sinifikanti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Ir-riżorsi finanzjarji għandhom ikunu użati sabiex ikunu implimentati r-riformi, li għandhom jindirizzaw il-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin:

ikunu provduti adegwatament edukazzjoni u taħriġ li jkunu attraenti, aċċessibbli u ta' kwalità għolja fil-livelli kollha, inklużi t-titjib tal-kompetenzi u kwalifiki tal-persunal, il-promozzjoni ta' mezzi flessibli ta' tagħlim u għażliet ġodda li jibdew mill-istadju ta' l-iskola jew ta' qabel l-iskola, azzjonijiet sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti n-numru ta' studenti li jitilqu l-iskola kmieni u sabiex jinkisbu rati ogħla fin-numru ta' studenti li jlestu sa l-aħħar l-edukazzjoni sekondarja tagħhom u aċċess imtejjeb għall-edukazzjoni skolastika u pre-skolastika;

sostenn għall-modernizzazzjoni ta' l-edukazzjoni terzjarja u l-iżvilupp tal-potenzjal uman fir-riċerka u fl-innovazzjoni, permezz ta' studji post-gradwazzjoni, b'taħriġ ulterjuri għar-riċerkaturi, u billi jkunu attirati iktar żgħażagħ fl-istudji xjentifiċi u tekniċi;

il-promozzjoni tal-kwalità u l-attrazzjoni ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inklużi l-apprendistati u l-edukazzjoni ta' l-intraprenditorija;

fejn meħtieġ, tkun żgurata iktar mobbiltà fil-livelli reġjonali, nazzjonali jew transnazzjonali, u li jkunu inkoraġġiti oqfsa u sistemi li jsostnu t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-validazzjoni tat-tagħlim non-formali u dak informali;

investiment fl-infrastruttura ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ inklużi fl-ICTs, fejn tali investimenti ikunu neċessarji għall-implimentazzjoni ta' riforma u/jew fejn dawn jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti sabiex tiżdied il-kwalità u l-effikaċja tas-sistema edukattiva u tat-taħriġ.

1.3.4.   Il-kapaċità amministrattiva

Fil-perjodi preċedenti ta' programmazzjoni, il-Fondi, permezz ta' l-assistenza teknika, saħħew il-kapaċità amministrattiva ta' l-Istati Membri u ta' l-awtoritajiet amministrattivi fl-implimentazzjoni tar-regolamenti. Dan se japplika wkoll għall-perjodu mill-2007 sa l-2013.

Aktar mill-amministrazzjoni tal-Fondi u lil hinn minnha, il-kapaċità amministrattiva effettiva ta' l-amministrazzjonijiet pubbliċi u tas-servizzi pubbliċi jiġifieri amministazzjoni intelliġenti, hija kondizzjoni meħtieġa fundamentali għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi. Għaldaqstant, fuq il-linja ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona li titlob leġiżlazzjoni, tfassil u twassil ta' politika aħjar sabiex jinħolqu l-kondizzjonijiet għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien ta' l-impjiegi, il-Fondi se jsostnu l-investiment fil-kapital uman u fil-faċilitajiet ta' l-ICT relatati tas-servizzi amministrattivi u pubbliċi fil-livelli territorjali kollha.

Għall-pajjiżi u għar-reġjuni tal-Koeżjoni li jaqgħu taħt l-objettiv ta' Konverġenza, iż-żieda fil-produttività u fil-kwalità fuq il-post tax-xogħol fis-settur privat — b'mod speċjali fl-oqsma ekonomiċi, ta' l-impjiegi, soċjali, edukattivi, tas-saħħa, ambjentali u ġudizzjarji — hija essenzjali sabiex jintlaħqu u jkunu aċċelerati r-riformi, sabiex tiżdied il-produttività u t-tkabbir fl-ekonomija aktar wiesgħa u sabiex jitħeġġu l-koeżjoni soċjali u territorjali u l-iżvilupp sostenibbli. Il-Fondi Strutturali jista' jkollhom rwol importanti fis-sostenn għat-tfassil u għall-implimentazzjoni ta' politika effettiva, li tinvolvi l-partijiet relevanti kollha, f'firxa wiesgħa ta' oqsma.

Għalhekk, il-pajjiżi u r-reġjuni tal-Koeżjoni taħt l-objettiv ta' Konverġenza huma msejħa sabiex jibnu amministrazzjonijiet u servizzi pubbliċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. L-azzjonijiet f'dan il-qasam għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta' kull Stat Membru. Għaldaqstant, konformement mal-prinċipju ta' konċentrazzjoni, l-Istati Membri huma mistiedna sabiex iwettqu analiżi komprensiva sabiex jidentifikaw l-oqsma tal-politika li jeħtieġu l-iktar sostenn għall-kapaċità amministrattiva. L-investiment għandu jikkonċentra fuq dawk l-oqsma tal-politika fejn ikun hemm l-ikbar ostakli għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku u fuq l-elementi ewlenin tar-riformi amministrattivi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun indirizzata b'mod adegwat il-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza u t-trasparenza fl-amministrazzjonijiet pubbliċi u li jkunu modernizzati s-servizzi pubbliċi. Il-linji gwida għall-azzjoni taħt din l-intestatura huma dawn li ġejjin:

Is-sostenn tat-tfassil tajjeb tal-politika u tal-programmi, ta' monitoraġġ, ta' valutazzjoni u ta' stimi ta' l-impatt, permezz ta' studji, statistika, perizja, u previżjoni, sostenn għall-koordinament inter-dipartimentali u djalogu bejn il-korpi pubbliċi u privati relevanti;

It-tisħiħ ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fit-twettiq ta' strateġiji politiċi u ta' programmi, anke fir-rigward tal-ħarsien mill-kriminalità u ta' l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, b'mod speċjali permezz tad-determinazzjoni ta' ħtiġijiet ta' taħriġ, reviżjoni ta' l-iżvilupp tal-karriera, valutazzjoni, proċeduri ta' verifika soċjali, implimentazzjoni ta' prinċipji marbuta ma' gvern miftuħ, taħriġ għal diretturi u persunal u sostenn speċifiku lil servizzi ewlenin, ispettorati u atturi soċjo-ekonomiċi.

1.3.5.   Għajnuna sabiex tinżamm forza tax-xogħol b'saħħitha

Fid-dawl ta' l-istruttura demografika ta' l-UE, tal-popolazzjoni li qed tixjiħ u tat-tnaqqis probabbli fil-forza tax-xogħol fis-snin li ġejjin, huwa essenzjali li l-Unjoni tieħu passi sabiex iżżid in-numru tas- snin produttivi ta' xogħol għall-membri tal-forza tax-xogħol tagħha. L-investiment fil-promozzjoni tas-saħħa u tal-prevenzjoni tal-mard se jgħin sabiex tinżamm parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà għall-ikbar numru ta' ħaddiema possibbli, u b'dan il-mod tinżamm il-kontribuzzjoni ekonomika tagħhom u jitnaqqsu l-livelli ta' dipendenza. Dan għandu effett dirett fuq il-produttività u l-kompetittività, u għandu wkoll benefiċċji inċidentali importanti għall-kwalità tal-ħajja b'mod ġenerali.

Bejn ir-reġjuni Ewropej hemm differenzi kbar fl-istat tas-saħħa u fl-aċċess għall-kura tas-saħħa. Huwa għalhekk importanti għall-politika ta' koeżjoni li tikkontribwixxi għall-faċilitajiet ta' kura tas-saħħa, sabiex b'hekk tgħin ħalli jiżdied n-numru ta' snin produttivi ta' xogħol b'mod partikolari fl-Istati Membri u r-reġjuni l-anqas żviluppati. It-titjib fis-saħħa tal-Komunità u l-azzjoni preventiva għandhom rwol importanti fit-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi marbuta mas-saħħa. Kura tajba tas-saħħa tirriżulta f'parteċipazzjoni ikbar fis-suq tax-xogħol, ħajja itwal ta' xogħol, iktar produttività u inqas spejjeż soċjali u għall-kura tas-saħħa.

Għall-politika ta' koeżjoni huwa importanti li, b'mod speċjali fir-reġjuni arretrati, ikun hemm kontribut għat-titjib tal-faċilitajiet ta' kura fuq perjodu twil ta' żmien u jkun hemm investiment fit-titjib ta' l-infrastruttura tas-saħħa, b'mod partikolari meta n-nuqqas ta' dawn l-infrastrutturi jew l-iżvilupp mhux suffiċjenti tagħhom jirrappreżenta ostaklu ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun indirizzata l-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza fis-sistemi tal-kura tas-saħħa permezz ta' investimenti fl-ICT, fil-konoxxenza u fl-innovazzjoni. Il-linji gwida għall-azzjoni taħt din l-intestatura huma dawn li ġejjin:

Il-prevenzjoni tar-riskji marbuta mas-saħħa sabiex jiżdiedu l-livelli tal-produttività permezz ta' kampanji ġeneriċi ta' informazzjoni dwar is-saħħa u billi jkun żgurat trasferiment ta' konoxxenza u ta' teknoloġija u l-garanzija ta' servizzi tas-saħħa li jkollhom il-ħiliet, il-prodotti u t-tagħmir meħtieġ sabiex jipprevjenu r-riskji u jimminimizzaw il-ħsara potenzjali.

It-trattament tad-defiċjenzi fl-infrastruttura tas-saħħa u l-promozzjoni ta' provvista effiċjenti ta' servizzi fejn ikun qed jiġi milqut l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni u l-Istati Membri inqas prosperużi. Din l-azzjoni trid tkun ibbażata fuq analiżi bir-reqqa tal-livell ottimali tal-forniment tas-servizzi u tat-teknoloġija adatta, bħal pereżempju t-telemedicine u l-potenzjal ta' effiċjenza ekonomika ta' servizzi ta' informazzjoni dwar is-saħħa b'mezzi elettroniċi.

2.   ID-DIMENSJONI TERRITORJALI TAL-POLITIKA TA' KOEŻJONI

Waħda mill-karatteristiċi tal-politika ta' koeżjoni — f'kuntrast ma' linji politiċi settorali — tinsab fil-kapaċità tagħha li tadatta ruħha għall-ħtiġijiet u għall-karatteristiċi partikolari ta' l-isfidi u l-opportunitajiet ġeografiċi speċifiċi. Skond il-politika ta' Koeżjoni, il-ġeografija tgħodd. Għalhekk, meta jkunu qed jiżviluppaw il-programmi tagħhom u jikkonċentraw ir-riżorsi fuq il-prijoritajiet ewlenin, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn iċ-ċirkostanzi ġeografiċi.

L-inklużjoni tad-dimensjoni territorjali se tgħin tiżviluppa komunitajiet sostenibbli u tipprevjeni l-iżvilupp mhux kostanti fir-reġjuni milli jnaqqas il-potenzjal globali tat-tkabbir. Tali approċċ jeħtieġ ukoll li l-problemi speċifiċi u l-opportunitajiet ta-żoni urbani u rurali jkunu jistgħu jiġu ttrattati kif ukoll dawk tat-territorji partikolari bħaż-żoni trans-konfinali u żoni transnazzjonali usa', jew reġjuni li għandhom żvantaġġi oħra minħabba l-insularità tagħhom, minħabba n-natura remota tagħhom (bħar-reġjuni estremi jew ir-reġjuni ta' l-Artiku), minħabba popolazzjoni skarsa jew minħabba li huma reġjuni muntanjużi. Jista' jkun li jkollhom jiġu indirizzati wkoll ir-restrizzjonijiet ambjentali u demografiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żoni tal-kosti. L-implimentazzjoni b'suċċess ta' l-azzjonijiet għall-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali teħtieġ l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi li jistgħu jgħinu jiggarantixxu trattament ġust għat-territorji kollha abbażi tal-kapaċitajiet individwali tagħhom bħala fattur ta' kompetittività. B'hekk, it-tmexxija tajba hija importanti sabiex id-dimensjoni territorjali tiġi indirizzata b'suċċess.

Tabilħaqq, għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi, il-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali għandha tagħmel parti mill-isforzi sabiex it-territorju Ewropew jkollu l-opportunità jikkontribwixxi għall-aġenda tat-tkabbir u l-impjiegi. B'mod aktar speċifiku, dan ifisser li għandha tingħata tifsira differenti lill-koezjoni territorjali, marbuta ma' l-istorja, il-kultura jew il-qagħda istituzzjonali ta' kull Stat Membru.

L-iżvilupp ta' l-isħubiji ta' kwalità għolja huwa essenzjali wkoll, billi jintegra l-atturi tal-livelli kollha, dawk nazzjonali, reġjonali, urbani, rurali u lokali. Is-suċċess fil-qasam tal-koeżjoni territorjali għalhekk jiddipendi fuq strateġija komprensiva li tistabbilixxi l-qafas li fih ikunu segwiti l-għanijiet u l-azzjonijiet speċifiċi.

Fil-qafas tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jiddelegaw lill-ibliet il-fondi li jindirizzaw il-kwisjonijiet urbani fi ħdan il-programmi l-ġodda. Sabiex jinkisbu l-benefiċċji kollha tas-sħubija, l-ibliet għandhom ikunu involuti tul il-proċess kollu. Dan jista' jinkludi r-responsabbiltà għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-parti sub-delegata tal-programm.

Il-qafas ġdid leġiżlattiv jipprovdi wkoll għal għajnuna speċjali għar-reġjuni estremi sabiex jiġu trattati l-ispejjeż għoljin tad-distanza li jaffaċċjaw. Sfida partikolari se tkun li jiġi żgurat li din l-għajnuna tikkontribwixxi għat-twettiq ta' l-istrateġija tal-programm sħiħ f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-għajnuna għall-ħolqien ta' tkabbir sostenibbli u impjiegi.

2.1.   Il-kontribuzzjoni ta' l-ibliet għat-tkabbir u għall-impjiegi

Kif spjegat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika ta' koeżjoni u l-ibliet, aktar minn 60 % tal-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea tgħix f'żoni urbani ta' aktar minn 50 000 abitant (12). Fl-ibliet, u ġeneralment fiż-żoni urbani, jinsabu l-iżjed l-impjiegi, negozji u istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla u huma ewlenin fil-kisba tal-koeżjoni soċjali. L-ibliet Ewropej jiġbdu lil dawk b'ħiliet ta' livell għoli, u b'hekk sikwit jinħoloq ċiklu virtwuż li jistimula l-innovazzjoni u l-kummerċ u jżid l-attrazzjoni tagħhom għal talenti ġodda.

L-ibliet u-żoni urbani jikkonċentraw mhux biss l-opportunitajiet iżda wkoll l-isfidi u għandhom jitqiesu l-problemi speċifiki li ż-żoni urbani jħabbtu wiċċhom magħhom, bħall-qgħad u l-esklużjoni soċjali (inkluża l-problema tal-“fqar li jaħdmu”), ir-rati għoljin, u li jiżdedu, tal-kriminalità, iżjed konġestjoni u l-eżistenza ta' nħawi ta' deprivazzjoni fi ħdan il-limiti tal-belt.

Il-programmi li jiffokaw fuq iż-żoni urbani jistgħu jieħdu bosta suri differenti. L-ewwel nett, hemm azzjonijiet sabiex jippromwovu l-ibliet bħala muturi ta' l-iżvilupp reġjonali. Tali azzjonijiet għandhom jimmiraw it-titjib fil-kompetittività, pereżempju permezz ta' gruppi. L-azzjonijiet sostnuti jinkludu miżuri li jinkoraġġixxu l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' servizzi li jinkludu s-servizzi tal-manifattur. Huwa wkoll importanti li jkun attirat u jinżamm persunal li jkollu ħiliet ta' l-ogħla livell (b'miżuri relatati ma' l-aċċessibbiltà, mal-forniment ta' servizzi kulturali eċċ).

It-tieni, hemm azzjonijiet li jippromwovu l-koeżjoni interna ġewwa ż-żoni urbani li jippruvaw itejbu l-qagħda tad-distretti fi kriżi. Dan mhux talli jġib benefiċċji diretti għad-distretti nfushom, iżda jgħinhom ibattlu ftit mill-pressjoni bejn it-tifrix eċċessiv ta' subborgi bl-għan ta' kwalità ta' ħajja aħjar.

F'dan il-kuntest, u speċjalment fl-ibliet industrijali l-qodma, huma importanti dawk il-miżuri li jippruvaw jirrijabilitaw l-ambjent fiżiku, jiżviluppaw mill-ġdid is-siti brownfield speċjalment fl-ibliet industrijali l-qodma, u jżommu u jiżviluppaw il-wirt storiku u kulturali b'benefiċċji inċidentali potenzjali għall-iżvilupp tat-turiżmu sabiex jinħolqu bliet aktar attraenti fejn in-nies ikunu jridu jgħixu. Ir-riġenerazzjoni ta' l-ispazji pubbliċi eżistenti u tas-siti industrijali jista' jkollha rwol importanti fil-prevenzjoni tal-proċess ta' ħolqien ta' subborgi u tifrix ta' l-ibliet, bh'ekk tgħin fil-ħolqien ta' l-infrastrutturi neċessarji għal żvilupp ekonomiku sostenibbli. B'mod aktar ġenerali, bit-titjib fl-ippjanar, fit-tfassil u fil-manutenzjoni taż-żoni pubbliċi, l-ibliet jistgħu “jippjanaw l-eliminazzjoni” tal-kriminalità, jgħinu sabiex joħolqu toroq attraenti, ġonna u spazji miftuħa li jkunu protetti jew li jinħassu protetti. Fl-inħawi urbani hemm rabta qawwija bejn id-dimensjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Ambjent urban ta' kwalità għolja jikkontribwixxi wkoll għall-prijorità ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona li l-Ewropa ssir post aktar attraenti sabiex tgħix u tinvesti fih (13).

It-tielet, hemm azzjonijiet li jippromwovu żvilupp bilanċjat, poliċentriku permezz ta' l-iżvilupp tan-network urban fil-livelli nazzjonali u Komunitarji li jinkludi r-rabtiet bejn l-ibliet l-aktar b'saħħithom ekonomikament u żoni urbani oħra li jinkludu l-ibliet iż-żgħar u ta' daqs medju. Dan ser jeħtieġ it-teħid ta' għażliet strateġiċi fl-identifikazzjoni u t-tisħiħ ta' ċentri tat-tkabbir u, ta' l-istess importanza, it-twaqqif tan-networks li jorbtuhom kemm f'termini fiżiċi (l-infrastruttura, it-teknoloġiji ta' l-informazzjoni, eċċ) kif ukoll f'dawk umani (azzjonijiet li jippromwovu l-koperazzjoni eċċ). Billi dawn iċ-ċentri jservu territorji usa', li jinkludu l-hinterland rurali immedjat, huma jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli u bilanċjat ta' l-Istati Membri u l-Komunità b'mod ġenerali. Bl-istess mod, iż-żoni rurali jipprovdu servizzi lis-soċjetà aktar mifruxa, pereżempju, fis-sura ta' opportunitajiet rikreattivi u pajsaġġi apprezzati ħafna. Għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-interface urban-rurali.

Ibbażati fuq esperjenzi preċedenti, hemm numru ta' prinċipji ewlenin fl-azzjonijiet urbani. L-ewwel nett, l-isħab prinċipali fl-ibliet u fl-awtoritajiet lokali għandhom rwol importanti fil-kisba ta' dawn l-għanijiet. Kif imsemmi hawn fuq, l-Istati Membri jistgħu jiddelegaw ir-responsabbiltà lill-ibliet għall-iżvilupp urban. Dan hu partikolarment importanti fejn il-prossimità tgħodd, pereżempju, sabiex tirrispondi għall-isfidi ta' natura l-aktar lokali bħall-esklużjoni soċjali jew nuqqas ta' aċċess għal servizzi ewlenin.

It-tieni, it-tħejjija ta' pjan ta' żvilupp għar-riġenerazzjoni ta' l-ibliet mifrux fuq perjodu medju jew perjodu twil ta' żmien huwa ġeneralment prerekwiżit għas-suċċess għax jiżgura l-koerenza ta' l-investimenti u tal-kwalità ambjentali tagħhom. Dan se jgħin ukoll sabiex ikunu żgurati l-impenn u l-parteċipazzjoni tas-settur privat fit-tiġdid urban. B'mod ġenerali, huwa meħtieġ approċċ multi-dixxiplinarju jew integrat. Għal azzjonijiet ibbażati fuq iż-żona, pereżempju, sabiex titħeġġeġ l-inklużjoni soċjali, dan jeħtieġ azzjonijiet li jippruvaw itejbu l-kwalità tal-ħajja (li tinkludi l-ambjent u d-djar) jew il-livell ta' servizzi għaċ-ċittadini jkunu konġunti ma' azzjonijiet li jippromwovu l-iżvilupp ta' attivitajiet ġodda u ħolqien ta' impjieg sabiex jiżguraw il-ġejjieni fuq medda ta' żmien twila taż-żoni konċernati. L-inizjattiva l-ġdida JESSICA hi mfassla sabiex tippromwovi u tiffaċilita l-iżvilupp tal-prodotti ta' l-inġinerija finanzjarja sabiex isostnu l-proġetti inklużi fil-pjanijiet ubani ta' l-iżvilupp.

B'mod ġenerali, is-servizzi u l-programmi integrati ta' sostenn għandhom jiffokaw fuq dawk il-gruppi li l-aktar għandhom bżonn, bħall-immigranti, iż-żgħażagħ u n-nisa. Iċ-ċittadini kollha għandhom jitħeġġu jieħdu sehem kemm fl-ippjanar kif ukoll il-forniment ta' servizzi.

2.2.   Sostenn għad-diversifikazzjoni ekonomika taż-żoni rurali, żoni tas-sajd u żoni bi żvantaġġ naturali

Il-politika ta' koeżjoni jista' jkollha rwol importanti wkoll fis-sostenn tar-riġenerazzjoni ekonomika taż-żoni rurali, billi jkunu komplementati l-azzjonijiet sostnuti mill-fond il-ġdid ta' l-iżvilupp rurali (il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali- FAEŻR) (14). Dan l-approċċ komplementari għandu jipprova jsostni r-ristrutturazzjoni u d-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija fiż-żoni rurali Ewropej.

Hemm il-ħtieġa li titħeġġeġ is-sinerġija bejn l-istrateġiji politiċi ta' l-iżvilupp rurali, strutturali u ta' l-impjiegi. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sinerġija u l-konsistenza bejn l-azzjonijiet li għandhom ikunu finanzjati mill-ERDF, mill-Fond ta' Koeżjoni, mill-FSE, mill-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) u mill- FAEŻR fuq territorju partikolari u f'qasam partikolari ta' attività. Il-prinċipji ta' gwida ewlenin fir-rigward tal-linja ta' demarkazzjoni u tal-mekkaniżmi ta' koordinament bejn l-azzjonijiet sostnuti mill-Fondi differenti għandhom ikunu definiti fil-livell ta' qafas nazzjonali ta' referenza strateġika/pjan strateġiku nazzjonali.

Għall-politika ta' koeżjoni, l-azzjoni favur iż-żoni rurali jew għaż-żoni b'diżabbiltajiet naturali, li jinkludu r-reġjuni tal-gżejjer, għandha tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda permezz tad-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija rurali. Dan jinkludi l-isforzi għas-sostenn tal-fornitment ta' livell minimu ta' aċċess għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali sabiex ikunu attirati ditti u persunal kwalifikat u sabiex tkun limitata l-emigrazzjoni. F'dan il-kuntest, huwa meħtieġ il-kollegament man-networks ewlenin nazzjonali u Ewropej. Barra minn hekk, il-politika ta' koeżjoni għandha tappoġġa l-kapaċità endoġenika tat-territorji rurali bil-promozzjoni, pereżempju, tal-bejgħ ta' prodotti fil-livelli nazzjonali u globali, u bil-promozzjoni ta' l-innovazzjoni tal-proċessi u tal-prodott fl-attivitajiet ekonomiċi eżistenti.

Il-kisba ta' massa kiritika meħtieġa għall-forniment ta' servizzi b'mod effiċjenti — li jinkludu servizzi għal ħaddiema b'saħħithom msemmija hawn fuq — hi sfida partikolari. Il-garanzija ta' aċċess universali għas-servizzi kollha, b'mod partikolari f'żoni b'popolazzjoni skarsa, tista' jinkiseb permezz ta' investiment fiċ-ċentri ta' l-iżvilupp f'żoni rurali (pereżempju f'ibliet żgħar jew ta' daqs medju) u bl-iżvilupp ta' gruppi ekonomiċi msejsa fuq assi lokali flimkien ma' l-użu ta' teknoloġiji ġodda ta' l-informazzjoni.

Bosta reġjuni rurali jiddipendu b'mod esterm fuq it-turiżmu. Dawn ir-reġjuni jeħtieġu metodu integrat imfassal apposta għall-kwalità, li jiffoka fuq is-sodisfazzjon tal-konsumatur u li jkun ibbażat fuq id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' l-iżvilupp sostenibbli. L-azzjonijiet għandhom jieħdu vantaġġ minn, u jfittxu li jżommu, il-kwalitajiet naturali u kulturali li jista' jkollhom benefiċċji inċidentali importanti billi jħarsu u jiżviluppaw l-ambjenti naturali u jsostnu l-investiment fil-bijodiversità. Il-metodu integrat għandu jfittex li jkollu impatt pożittiv fuq is-settur tat-turiżmu, fuq l-ekonomija lokali, fuq il-persuni li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu, fuq il-viżitaturi u fuq il-popolazzjoni lokali, kif ukoll fuq il-wirt naturali u kulturali.

Għal dak li jirrigwarda t-taqsima tas-sajd, ir-ristrutturazzjoni ekonomika taż-żoni mal-kosti li jiddipendu mis-sajd u l-ġżejjer iż-żgħar tkun ta' sikwiet sfida partikolari minħabba raġunijiet ġeografiċi, u l-politika ta' koeżjoni jista' jkollha rwol importanti sabiex tikkomplimenta l-azzjonijiet sostnuti mill-EFF.

2.3.   Koperazzjoni

Il-miżuri li jinkoraġġixxu l-koperazzjoni trans-konfinali, transnazzjonali u interreġjonali, li jinkludu l-koperazzjoni marittima fejn xieraq, għandhom jikkomplementaw it-tliet prijoritajiet indikati aktar 'il fuq. Għaldaqstant, il-koperazzjoni aktar mill-qrib fir-reġjuni ta' l-UE għandha tgħin sabiex tħaffef aktar l-iżvilupp ekonomiku u l-kisba ta' livell ogħla fit-tkabbir. Il-fruntieri nazzjonali spiss huma ostaklu għall-iżvilupp tat-territorju Ewropew kollu, u jistgħu jillimitaw il-potenzjal tiegħu għal kompetittività sħiħa. Fil-kuntest tal-koperazzjoni trans-konfinali u tal-koperazzjoni transnazzjonali, it-trasport, l-amministrazzjoni ta' l-ilma u l-ħarsien ta' l-ambjent huma eżempji ċari ta' l-isfidi li jeħtieġu metodu ffokat u integrat li jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-implimentazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jeżaminaw li-possibbiltà li joħolqu Raggruppament Ewropew għall-Koperazzjoni Territorjali sabiex jieħdu rwol ta' l-awtorità li tmexxi għal ċerti programmi ta' koperazzjoni.

2.4.   Il-koperazzjoni trans-konfinali

Il-mira tal-koperazzjoni trans-konfinali fl-Ewropa hija dik li jkunu integrati żoni diviżi mill-fruntieri nazzjonali li jħabbtu wiċċhom ma' problemi komuni li jeħtieġu soluzzjonijiet komuni. Sfidi bħal dawn huma ffaċċjati mir-reġjuni kollha ta' l-Unjoni bħala riżultat tal-frammentazzjoni tas-swieq għax-xogħol u l-kapital, in-networks ta' l-infrastruttura, il-kapaċità fiskali, u l-istituzzjonijiet.

Għalkemm, il-programmi ta' koperazzjoni għandhom ikunu magħmula apposta skond is-sitwazzjoni partikolari ffaċċjata minn kull wieħed mir-reġjuni li jinsab fuq fruntiera, huwa importanti li jsir sforz sabiex l-għajnuna tkun ikkonċentrata fuq il-prijoritajiet ewlenin bħala sostenn għat-tkabbir u għall-ħolqien ta' l-impjiegi.

Ġeneralment, ir-rakkomandazzjonijiet li japplikaw għall-koperazzjoni trans-konfinali futura mhux dejjem ikunu relevanti minħabba d-diversità kbira tas-sitwazzjonijiet. Fl-istess ħin, fid-dawl ta' l-ostakoli li jinħolqu minħabba l-fruntieri, punt tat-tluq utli huwa t-titjib ta' l-infrastruttura eżistenti tat-trasport u tal-komunikazzjoni u l-iżvilupp, fejn meħtieġ, ta' kollegamenti ġodda. Dawn huma prerekwiżiti sabiex ikunu stabbiliti jew żviluppati kuntatti trans-konfinali.

Il-koperazzjoni trans-konfinali għandha tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kompetittività tar-reġjuni li jinsabu fuq fruntiera. Barra minn hekk, għandha tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ekonomika u soċjali, b'mod speċjali fejn hemm differenzi ekonomiċi kbar fuq kull naħa. L-azzjonijiet jinkludu l-inkoraġġiment tat-trasferiment tal-konoxxenza u ta' know-how, l-iżvilupp ta' attivitajiet trans-konfinali ta' negozju, il-potenzjal għall-edukazzjoni/għat-taħriġ u għall-kura tas-saħħa trans-konfinali u l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol trans-konfinali; u l-amministrazzjoni konġunta tat-theddid għall-ambjent u dak komuni għat-tnejn. Meta diġà jkun hemm il-kondizzjonijiet bażiċi għall-koperazzjoni trans-konfinali, il-politika ta' koeżjoni għandha tiffoka l-għajnuna fuq azzjonijiet li jipprovdu valur miżjud għall-attivitajiet ta' trans-konfinali: pereżempju, li tiżdied il-kompetittività trans-konfinali permezz ta' l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp; li jkun hemm kollegament bejn in-networks intanġibbli (is-servizzi) jew in-networks fiżiċi (it-trasport) sabiex tkun imsaħħa l-identità trans-konfinali bħala karatteristika ewlenija taċ-ċittadinanza Ewropea; li titħeġġeġ l-integrazzjoni trans-konfinali tas-suq tax-xogħol; l-amministrazzjoni trans-konfinali ta' l-ilmijiet u l-kontroll ta' l-għargħar; tmexxija konġunta ta' riskji naturali u teknoloġiċi.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-isfidi u opportunitajiet li jirriżultaw mill-bidliet fil-fruntieri esterni ta' l-Unjoni wara t-tkabbir. Hawnhekk, hawn il-bżonn li jippromwovu l-azzjonijiet trans-konfinali koerenti li jħeġġu l-attività ekonomika miż-żewġ naħat, u li jneħħu l-ostakoli għall-iżvilupp. Għal dan il-għan, il-politika ta' koeżjoni u l-Istrument il-ġdid għall-Viċinat Ewropew u s-Sħubija u, fejn xieraq, l-Istrument il-ġdid għal qabel l-Adeżjoni, jeħtieġu joħolqu qafas koerenti għal tali azzjonijiet.

2.5.   Koperazzjoni transnazzjonali

Fiż-żoni transnazzjonali hemm il-ħtieġa li tiżdied l-integrazzjoni u l-koeżjoni ekonomika u soċjali. Il-programmi ta' koperazzjoni transnazzjonali jfittxu li jżidu l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta' importanza strateġika.

Is-sostenn għandu għalhekk jingħata lill-azzjonijiet li jfittxu li jtejbu l-kollegament fiżiku bejn it-territorji (eż. l-investimenti fi trasport sostenibbli) kif ukoll il-kollegamenti intanġibbli (networks, skambji bejn ir-reġjuni u bejn il-partijiet involuti).

L-azzjonijiet kunsidrati jinkludu l-ħolqien ta' rotot Ewropej tat-trasport (b'mod partikolari taqsimiet trans-konfinali) u azzjonijiet sabiex ikunu evitati riskji naturali (p.e. nirien, nixfiet u għargħar), l-amministrazzjoni ta' l-ilma fil-livell tal-baċini tax-xmajjar, il-koperazzjoni marittima integrata, il-promozzjoni ta' żvilupp urban sostenibbli u n-networks ta' l-R&D/innovazzjoni.

Il-mappa preżenti taż-żoni għall-koperazzjoni transnazzjonali ġiet emendata sabiex tiżgura li dawn joħolqu l-kondizzjonijiet sabiex ikunu implimentati azzjonijiet strutturali bażiċi. Ġew imfassla b'tali mod li jieħdu kont tal-koerenza territorjali u l-kriterji funzjonali ta' natura ġeografika, pereżempju, baċin ta' xmara jew żona tal-kosta komuni, żona muntanjuża komuni maqsuma minn rotta ewlenija ta' trasport. Kriterji oħra, bħal strutturi storiċi jew istituzzjonali, jew koperazzjoni jew Konvenzjonijiet eżistenti, huma relevanti wkoll.

2.6.   Il-koperazzjoni interreġjonali

Il-programmi ta' koperazzjoni interreġjonali għandhom jiffokaw fuq l-istrateġija mġedda ta' Lisbona: it-tisħiħ ta' l-innovazzjoni, ta' l-SMEs u ta' l-intraprenditorija, ta' l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskji. Barra minn hekk, se jitħeġġeġ ukoll l-iskambju ta' l-esperjenzi u ta' l-aħjar prattika fir-rigward ta' l-iżvilupp urban, il-modernizzazzjoni tas-servizzi tas-settur pubbliku (bħas-saħħa u l-iggvernar bl-użu ta' l-ICT) u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' koperazzjoni kif ukoll l-istudji u l-ġbir ta' informazzjoni. Il-koperazzjoni interreġjonali tista' tkun appoġġata wkoll fi ħdan il-programmi għall-konverġenza u għall-kompetittività reġjonali u għall-impjiegi. Barra minn hekk, se jitħeġġeġ ukoll l-iskambju ta' l-esperjenzi u ta' l-aħjar prattika fir-rigward ta' l-iżvilupp urban, ta' l-inklużjoni soċjali, tar-relazzjonijiet bejn l-ibliet u ż-żoni rurali, u ta' l-implimentazzjoni ta' programmi ta' koperazzjoni.


(1)  Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa — “Naħdmu flimkien għat-tkabbir u għall-impjiegi — bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona” COM(2005) 24, 2.2.2005.

(2)  L-Artikolu 9 tar-Regolament Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999. (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).

(3)  “Politika Ewropea tat-trasport għall-2010: Żmien ta' deċiżjoni” COM(2001) 370.

(4)  “Żomm l-Ewropa mobbli. Mobbiltà sostenibbli għall-kontinent Ewropew” — COM(2006) 314, 22.6.2006.

(5)  ĠU L 167, 30. 04.2004, p. 1.

(6)  “Investiment fir-riċerka; pjan ta' azzjoni għall-Ewropa” COM(2003) 226, 30.4.2003.

(7)  COM(2005) 229.

(8)  ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.

(9)  L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament KE Nru 1784/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 12).

(10)  COM(2005) 141,12.4.2005.

(11)  Stabbilit fl-1993, l-EURES huwa network ta' koperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizzi ta' Impjieg Pubbliċi ta' l-Istati Membri taż-ŻEE (l-Istati Membri ta' l-UE kif ukoll in-Norveġja, l-Islanda u L-Liechtenstein) u organizzazzjonijiet sħab oħra.

(12)  Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament “Politika ta' Koeżjoni u l-ibliet: il-kontribuzzjoni urbana għat-tkabbir u l-impjiegi fir-reġjuni”. COM(2006) 385 finali, 12.7.2006.

(13)  L-Istrateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban COM(2005) 718 finali.

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1685/2005. ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.