5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

43


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Settembru 2006

dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ kummerċ intrakomunitarju tat-tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvista ta’ annimali tal-kaċċa

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 3940)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/605/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kontrolli veterinarji u żootekniċi, applikabbli għall-kummerċ intrakomunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll ta’ l-influwenza tat-tjur u li tirrevoka d-Direttiva 92/40/KEE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/539/KEE tal-15 ta’ Ottubru 1990 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li tirregola l-kummerċ intrakomunitarju u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta’ tjur u bajd li jfaqqas (3), tistipula l-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ intrakomunitarju u l-importazzjonijiet tat-tjur minn pajjiżi terzi, li jinkludu r-regoli għall-kummerċ intrakomunitarju u l-importazzjonijiet tat-tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur selvaġġ.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/734/KE tad-19 ta’ Ottubru 2005 li tistipula l-miżuri tal-bijosigurtà biex jitnaqqas ir-riskju ta’ trasmissjoni ta’ l-influenza tat-tjur b’ patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-vajrus A ta’ l-influwenza minn għasafar li jgħixu fl-ambjent naturali għal tjur u għasafar oħra miżmuma mill-bniedem, u tipprovdi għal sistema ta’ individwalizzazzjoni minn kmieni f’żoni ta’ riskju partikolari (4), tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu fuq it-territorju tagħhom żoni li jinsabu taħt riskju partikolari għad-dħul u l-okkorrenza ta’ l-influenza tat-tjur b’ patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-vajrus A ta’ l-influwenza bbażata fuq ċertu fatturi ta' riskju.

(3)

Tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tat-tjur selvaġġ jinkludu speċi differenti ta’ tjur imrobbija li jkollhom ir-rix inkluż it-tajr ta’ l-ilma. Tali tjur huma mgħammra fl-għeluq u wara meħlusa fil-beraħ sabiex jikkaċċjawhom u jservu bħala sors ta’ laħam ta' tjur selvaġġ li jkollhom ir-rix.

(4)

It-trobbija tat-tjur maħsub għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti ta’ tjur selvaġġ spiss tinvolvi kuntatt ma’ għasafar slavaġ u għalhekk tista’ toħloq riskju akbar għat-tixrid ta’ l-influwenza tat-tjur b’mod partikolari meta mibgħuta lejn Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.

(5)

L-esperjenzi tat-tifqigħat ta' l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 u varjetajiet oħra ta’ l-influwenza tat-tjur tas-sottotipi H5 u H7 urew li din il-kategorija ta' tjur hija f'riskju partikolari u li miżuri addizzjonali għandhom jittieħdu sabiex jitnaqqsu dawn ir-riskji.

(6)

Huwa xieraq għalhekk li l-Istati Membri jistabbilixxu linji gwida għal prassi tajba tal-bijosigurtà għal dan it-tip ta’ produzzjoni ta’ tajr, li tagħti fid-dettall u tikkumplimenta l-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2005/734/KE b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-irziezet li minnhom ikunu ntbagħtu t-tjur lejn Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.

(7)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula ċerti miżuri preventivi marbuta mas-sorveljanza u ma’ l-individwalizzazzjoni minn kmieni ta’ l-influwenza tat-tjur. Din id-Direttiva teħtieġ l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ sorveljanza għall-influwenza tat-tjur fl-irziezet tat-tjur. Il-linji gwida tal-prassi tajba tal-bijosigurtà, tal-miżuri addizjonali tal-bijosigurtà u ta’ l-ittestjar qabel ma jintbagħtu t-tjur previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jagħtu garanziji ulterjuri għall-kummerċ u l-esportazzjonijiet ta’ tjur ħaj u jnaqqsu r-riskju li tinfirex il-marda.

(8)

L-investigazzjonijiet tal-laboratorju għandhom jitwettqu f’konformità mal-proċeduri stipulati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/437/KE ta’ 31.08.2006 li tapprova Manwal Dijagnostiku għall-influwenza tat-tjur kif stipulat bid-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-firxa

Din id-Deċiżjoni tipprovdi għal:

(a)

miżuri ta’ bijosigurtà li għandhom jiġu applikati f’irziezet li fihom jinżammu t-tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti ta’ l-annimali tal-kaċċa; kif ukoll

(b)

miżuri ta’ sorveljanza li għandhom jiġu applikati meta tjur ta’ produzzjoni maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur selvaġġ, jintbagħtu lejn Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għan ta' din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

(a)

“tjur” għandha tfisser tiġieġ, dundjani, fargħuni, papri, wiżż, summien, ħamiem, faġani u perniċi u ratiti (Ratitae) imkabbra jew miżmuma mill-bniedem għat-tgħammir, għall-produzzjoni tal-laħam jew tal-bajd għall-konsum, jew għall-popolament mill-ġdid tal-provvista tat-tjur;

(b)

“tjur għat-tgħammir” għandha tfisser tjur ta' 72 siegħa jew aktar, imkabbra għall-produzzjoni tal-laħam u/jew tal-bajd għall-konsum jew għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur;

(ċ)

“tjur selvaġġ” tfisser għasafar selvaġġi li l-bniedem jikkaċċja għall-konsum.

Artikolu 3

Linji gwida għal prassi tajba ta’ bijosigurtà

L-Istati Membri, flimkien mal-produtti li jżommu t-tjur għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti ta’ tjur selvaġġ, għandhom jiżviluppaw linji gwida għal prassi tajba ta’ bijosigurtà għal tali irziezethuma u jqisu l-miżuri tal-bijosigurtà tad-Deċiżjoni 2005/734/KE (“linji gwida għal prassi tajba tal-bijosigurtà”).

Artikolu 4

Kondizzjonijiet biex jintbagħtu tjur għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti ta’ tjur selvaġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jintbagħat lil Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi mit-tjur għat-tgħammir maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti ta’ tjur selvaġġ ikun awtorizzat biss jekk ir-razzett li bagħat dawn it-tjur kien:

(a)

suġġett għal spezzjoni minn uffiċċjal veterinarju li kkonferma li r-razzett huwa konformi mal-linji gwida għal prassi tajba tal-bijosigurtà; kif ukoll

(b)

matul il-perjodu ta’ xahrejn qabel id-data li fiha ntbagħtu t-tjur,

(i)

jew inkluż fil-programm ta’ sorveljanza uffiċjali għall-influwenza tat-tjur kif stipulat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/94/KE;

jew

(ii)

suġġett għal investigazzjoni seroloġika, b’riżultati negattivi għas-sottotipi H5 u H7 tal-vajrus ta’ l-influenza tat-tjur, f’kull każ fuq kampjuni meħuda b’mod każwali mill-qatgħa ta’ oriġini li minnha l-konsenja ttieħdet, kif ġej:

50 kampjun fil-każ ta’ papri u wiżż, jew

20 kampjun fil-każ ta’ tjur ieħor;

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jintbagħat lil Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi mit-tjur għat-tgħammir maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti ta’ tjur selvaġġ u li għandu anqas minn xahar, ikun awtorizzat biss jekk:

(a)

ir-razzett li jibgħat it-tjur ikun konformi mal-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1; kif ukoll

(b)

titwettaq investigazzjoni virali għall-influwenza tat-tjur jew permezz ta’ l-isolament tal-vajrus jew permezz ta’ PCR fuq 20 kampjun anali (cloacal) jew 20 kampjun trakeali jew orofarinġali mit-tjur li se jintbagħtu, matul il-perjodu ta' ġimgħa qabel id-data li fiha se jintbagħtu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li qabel jibagħtu t-tjur għat-tgħammir imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-eżami tas-saħħa tal-qatgħa ta' oriġini meħtieġ mill- Artikolu 10a(1)(c) tad-Direttiva 90/539/KEE jitwettaq matul l-24 siegħa qabel il-ħin tat-tluq tal-konsenja.

4.   L-Istat Membru għandu jiżgura li t-testijiet tal-laboratorju stipulati fil-paragrafi 1(b) u 2 ta’ dan l-Artikolu jitwettqu f’konformità mal-Manwal Dijagnostiku stabbilit f’konformità ma’ l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2005/94/KE.

Artikolu 5

Ċertifikazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċertifikati tas-saħħa stipulati fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 90/539/KEE li jakkumpanjaw il-konsenji tat-tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti ta' tjur selvaġġ mibgħuta lil Stati Membri oħra għandu jkollhom dan li ġej:

“Din il-konsenja tikkonforma mal-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2006)3940 finali.”

Artikolu 6

Miżuri ta’ konformità

L-Istati Membri għandhom minnufih jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawn il-miżuri. Huma għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 7

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar is-6 ta’ Settembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).

(2)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(3)  ĠU L 303, 31.10.1990, p. 6. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(4)  ĠU L 274, 20.10.2005, p. 105. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/405/KE (ĠU L 158, 10.6.2006, p. 14).