8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1282


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta' Awwissu 2006

li tirrikonoxxi fil-prinċipju l-kompletezza tad-dokumenti li tressqu għal eżami dettaljat bil-ħsieb ta' l-inklużjoni possibbli tal-chromafenozide, halosufuron, tembotrione, valiphenal u Zucchini yellow mosaic virus — tal-varjazzjoni dgħajfa fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 3820)

(Test b' rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/586/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u partikolarment l-Artikolu 6(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 91/414/KEE tistipula l-iżvilupp ta' lista tal-Komunità ta' sustanzi attivi awtorizzati għall-inkorporazzjoni fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

(2)

Dokument għas-sustanza attiva chromafenozide ntbagħat minn Calliope S.AS, lill-awtoritajiet ta' l-Ungerija fit-12 ta' Diċembru 2004 b'applikazzjoni għall-inklużjoni fl-Anness 1 tad-Direttiva 91/414/KEE. Għall-halosulfuron intbagħat dokument minn Nissan Chemical Europe S.A.R.L. lill-awtoritajiet ta' l-Italja fid-19 ta' Mejju 2005 flimkien ma' applikazzjoni għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Għat-tembrotrione tressaq dokument minn Bayer CropScience AG lill-awtoritajiet ta' l-Awstrija fil-25 ta' Novembru 2005 b'applikazzjoni għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Għall-valiphenal tressaq dokument minn ISAGRO SpA lill-awtoritajiet ta' l-Ungerija fit-2 ta' Settembru 2005 b'applikazzjoni għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Għaz-Zucchini yellow mosaic virus — tal-varjazzjoni dgħajfa tressaq dokument minn Central Science Laboratory lill-awtoritajiet tar-Renju Unit fis-16 ta' Marzu 2005 b'applikazzjoni għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 911/414/KEE.

(3)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit, ta' l-Awstrija, ta' l-Italja u ta' l-Ungerija indikaw lill-Kummissjoni li, fuq eżami preliminari, id-dokumenti għas-sustanzi attivi kkonċernati jidher li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' data u informazzjoni stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-dokumenti li tressqu jidhru wkoll li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' data u informazzjoni stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 91/414/KEE fir-rigward ta' prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva kkonċernata. Fi qbil ma' l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, id-dokumenti tressqu mill-applikanti rispettivi lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra, u kienu riferuti lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali.

(4)

Permezz ta' din id-Deċiżjoni għandu jiġi formalment ikkonfermat fuq livell Komunitarju li d-dokumenti jitqiesu li fil-prinċipju huma f'konformità mar-rekwiżiti ta' data u informazzjoni stabbiliti fl-Anness II u, għal mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva kkonċernata, mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 91/414/KEE.

(5)

Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tagħmel ħsara lid-dritt tal-Kummissjoni li titlob lill-applikant iressaq aktar data jew informazzjoni sabiex jiċċara ċerti punti fid-dokument.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 91/414/KEE, id-dokumenti li jikkonċernaw s-sustanzi attivi identifikati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, li tressqu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bil-ħsieb li tinkiseb l-inklużjoni ta' dawk is-sustanzi fl-Anness I ma' din id-Direttiva, jissodisfaw fil-prinċipju r-rekwiżiti dwar data u informazzjoni stabbiliti fl-Anness II ta' din id-Direttiva.

Id-dokumenti jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti dwar data u informazzjoni stabbiliti fl-Anness III ta' din id-Direttiva fir-rigward ta' prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih s-sustanza attiva, fid-dawl ta' l-użi proposti.

Artikolu 2

L-Istati Membri relaturi għandhom ifittxu li jiksbu eżami fil-fond tad-dokumenti kkonċernati u għandhom jirrappurtaw il-konklużjonijiet tagħhom ta' l-eżami flimkien ma' xi rakkomandazzjonijiet għall-inklużjoni jew in-non-inklużjoni tas-sustanza attiva kkonċernata fl-Anness I tad-Direttiva 91/44/KEE u kull kondizzjoni marbuta ma' dan lill-Kummissjoni Ewropea malajr kemm jista' jkun u mhux iktar tard minn perjodu ta' sena mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar il-25 ta' Awwissu 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bi Direttiva 2006/41/KEE ĠU L 187, 7.8.2006, p. 24.


ANNESS

IS-SUSTANZI ATTIVI KKONĊERNATI MINN DIN ID-DEĊIŻJONI

Nru

Isem Komuni, Numru ta' l-Identifikazzjoni CIPAC

L-applikant

Id-data ta' l-applikazzjoni

Stat Membru Relatur

1

Chromafenozide

Nru. CIPAC s’issa mhux allokat

Calliope S.AS

It-12 ta' Diċembru 2004

HU

2

Halosulfuron

Nru. CIPAC s’issa mhux allokat

Nissan Chemical Europe S.A.R.L.

Id-19 ta' Mejju 2005

IT

3

Tembotrione

CIPAC-Nru: s’issa mhux allokat

Bayer CropScience AG

Il-25 ta' Novembru 2005

AT

4

Valiphenal

CIPAC: s’issa mhux allokat

ISAGRO SpA

It-2 ta' Settembru 2005.

HU

5

Zucchini yellow mosaic virus – varjazzjoni dgħajfa

Nru CIPAC mhux applikabbli

Central Science Laboratory

Is-16 ta' Marzu 2005

UK