8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1045


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-20 ta' Lulju 2006

li tissostitwixxi l-Anness għad-Deċiżjoni 2005/769/KE li tistabbilixxi r-regoli għall-akkwist ta' għajnuna fl-ikel minn NGOs awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex jixtru u jimmobilizzaw prodotti sabiex ikunu fornuti taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/96

(2006/541/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/96 tas-27 ta' Ġunju 1996 rigward il-politika ta' l-għajnuna ta' l-ikel u t-tmexxija ta' l-għajnuna ta' l-ikel u l-ħidmiet speċjali b'appoġġ għas-sigurtà ta' l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 (1) tiegħu,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2005/769/KE li jistabbilixxi r-regoli għall-akkwist ta' għajnuna f'ikel mill-NGOs awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex jixtru u jimmobilizzaw prodotti sabiex ikunu fornuti taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/96 u li jirrevoka d-Deċiżjoni tat-3 ta' Settembru 1998 (2), il-Kummissjoni adottat ir-regoli għall-akkwist ta' għajnuna f'ikel minn organizzazzjonijiet mhux governattivi awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex jixtru u jimmobilizzaw prodotti sabiex ikunu fornuti taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/96.

(2)

Regolament (KE) Nru 2110/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Diċembru 2005 dwar l-aċċess għall-assistenza esterna tal-Komunità, li daħlet fis-seħħ fit-28 ta' Diċembru 2005, jipprevedi l-ħelsien ta' l-għajnuna mill-irbit fil-qafas ta' l-assistenza esterna tal-Komunità, u b'konsegwenza jimmodifika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/96 f'dak li jirrigwarda r-regoli ta' l-oriġini tal-prodotti li għandhom jinxtraw u r-regoli ta' nazzjonalità għall-parteċipazzjoni fi proċeduri ta' sejħiet għall-offerti.

(3)

Sabiex ikun preferut ix-xiri lokali u reġjonali, għandu jkun iċċarat li l-prodotti li jinxtraw fis-suq tal-Komunità biss għandhom ikunu konsistenti mal-ħtiġijiet stabbiliti fil-Komunikati mill-Kummissjoni marbuta mal-karatteristiċi (3) u l-ippakkjar (4) ta' prodotti li għandhom ikunu fornuti bħala għajnuna f'ikel mill-Komunità, filwaqt li l-prodotti mixtrija fis-suq lokali jew reġjonali għandhom ikunu kompatibbli ma' l-istandards lokali, jekk hemm, jew inkella ma' standards oħra rikonoxxuti internazzjonalment.

(4)

Il-ħelsien mill-irbiet ta' għajnuna jeħtieġ flessibbiltà addizzjonali għal termini kuntrattwali ta' konsenja, u hu għalhekk xieraq li jkun previst li sejħiet għall-offerti mnedija u kuntratti ta' forniment meħuda minn organizzazzjonijiet mhux governattivi għal prodotti li għandhom ikunu fornuti bħala għajnuna f'ikel jispeċifikaw kundizzjonijiet ta' konsenja skond l-aħħar edizzjoni tat-Termini Kummerċjali Internazzjonali (Incoterms), maħruġa mill-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (5).

(5)

Għalhekk hu xieraq li tkun prevista l-ispezzjoni tal-prodotti u l-kunsinja minn aġenzija ta' sorveljanza rikonoxxuta internazzjonalment.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/769/KE għandha għalhekk tkun emendata kif xieraq.

(7)

Skond l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1292/96, il-Kumitat ta' l-Għajnuna u s-Sigurtà fl-Ikel ikun infurmat dwar il-miżura preżenti,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness li jinsab mad-Deċiżjoni 2005/769/KE jiġi sostitwit bit-test ta' l-Anness li jinsab ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tibda sseħħ fid-data meta tiġi ppubblikata.

Magħmul fi Brussell, nhar l-20 ta' Lulju 2006.

Għall-Kummissjoni

Louis MICHEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 166, 5.7.1996, p. 1. Regolament, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2110/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 1).

(2)  ĠU L 291, 5.11.2005, p. 24.

(3)  ĠU C 312, 31.10.2000, p. 1.

(4)  ĠU C 267, 13.9.1996, p. 1.

(5)  http://www.iccwbo.org.


ANNESS

“ANNESS

L-organizzazzjoni mhux governattiva li tkun il-benefiċjarja ta' l-għajnuna komunitarja (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘l-NGO’) għandha tkun responsabbli għall-konformità mar-regoli li ġejjin għax-xiri ta' prodotti taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/96 bħala għajnuna f'ikel mill-Komunità, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ħtiġijiet addizzjonali ta' tmexxija finanzjarja inklużi fil-kuntratt konkluż mal-benefiċjarju għall-implimentar tal-politika ta' l-għajnuna f'ikel.

1.   POST TAX-XIRI TAL-PRODOTTI

Skond il-kundizzjonijiet stabbiliti għal forniment partikolari, il-prodotti għandhom jinxtraw mill-pajjiż li qed jirċievi, jew f'wieħed mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw imniżżla fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1292/96, li jekk possibbli jkunu jappartjenu għall-istess reġjun ġeografiku tal-pajjiż li jirċievi, jew fi Stat Membru tal-Komunità Ewropea.

L-oriġini tal-fornimenti u l-materjal għandhom ikunu determinati b'konformità mar-regoli ta' oriġini, u d-derogi tagħhom, stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2110/2005.

F'ċirkostanzi ta' eċċezzjoni u skond il-proċedura mesmmija fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1292/96, il-Kummissjoni tista' tawtorizza prodotti sabiex jinxtraw minn suq ta' pajjiż ieħor minbarra dawk imniżżla fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1292/96, jew ta' Stat Membru tal-Komunità Ewropea.

2.   KARATTERISTIĊI TAL-PRODOTTI

Il-prodotti għandhom kemm jista' jkun ikunu jaqblu mad-drawwiet nutrittivi tal-popolazzjoni benefiċjarja. Sa fejn hu possibbli, għandha tingħata priorità lil xiri fil-pajjiż ta' ħidma jew f'pajjiż ġar.

Il-karatteristiċi tal-prodotti u l-ippakkjar tagħhom għandhom iħarsu l-istandards ta' kwalità stabbiliti fil-leġiżlazzjoni domestika tal-pajjiż ta' oriġini u/jew tal-pajjiż ta' destinazzjoni, skond liema leġiżlazzjoni jkollha l-ogħla standard ta' kwalità. Fejn ma jkunx hemm leġiżlazzjoni lokal, standards rikonoxxuti internazzjonalment bħall-Codex Alimentarius għandhom ikunu rispettati sa fejn ikun possibbli.

Fil-każ li prodotti jinxtraw fil-Komunità Ewropea, il-karatteristiċi tagħhom għandhom ikunu konsistenti mal-ħtiġijiet stabbiliti fil-Komunikat mill-Kummissjoni marbut mal-karatteristiċi ta' prodotti li għandhom ikunu fornuti bħala għajnuna f'ikel tal-Komunità (1) Barra minn hekk, l-ippakkjar għandu jkun konsistenti mal-ħtiġijiet stabbiliti fil-Komunikat mill-Kummissjoni marbut ma' l-ippakkjar ta' prodotti sabiex ikunu fornuti bħala għajnuna f'ikel mill-Komunità (2).

3.   REGOLI TA' NAZZJONALITÀ

L-eliġibilità għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri tas-sejħiet għal offerti għandha tkun determinata skond ir-regoli ta' eliġibilità, u d-derogi li joħorġu minnhom, stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2110/2005.

L-offerent għandu jkun reġistrat legalment u f'qagħda li juri evidenza ta' dan jekk mitlub.

4.   BAŻI GĦAL ESKLUŻJONI MILL-PARTEĊIPAZZJONI FIL-PROĊEDURI TA' AKKWIST U MILL-GĦOTI TA' KUNTRATTI

4.1.   Bażi għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta' akkwist

L-offerenti jkunu esklużi mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta' akkwist jekk:

(a)

ikunu falluti jew ser jagħlqu, l-interessi tagħhom ikunu qed jiġu amministrati mill-qrati, ikunu daħlu f'arranġament mal-kredituri, ikunu ssospendew l-attivitajiet kummerċjali tagħhom, ikunu soġġetti ta' proċeduri rigward dawn il-kwistjonijiet, jew jekk ikunu jinsabu f'xi sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili taħt il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali;

(b)

ikunu kundannati għal reat li jirrigwarda l-kondotta professjonali tagħhom b'sentenza li jkollha s-saħħa ta' res judicata;

(ċ)

ikunu nstabu ħatja ta' kondotta professjonali ħażina gravi ppruvata bi kwalunkwe mezz li l-benefiċjarju ta' l-għotja jkun f'qagħda li jiġġustifika;

(d)

ma jkunux issodisfaw l-obbligi marbuta mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew il-ħlas tat-taxxa b'konformità mad-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż li fih ikunu stabbiliti jew ma' dawk tal-pajjiż tal-benefiċjarju ta' l-għotja jew dawk tal-pajjiż fejn għandu jitwettaq il-kuntratt;

(e)

kienu s-suġġett ta' sentenza li għandha s-saħħa ta' res judicata għal frodi, korruzzjoni, involviment f'organizzazzjoni kriminali jew f'attività oħra illegali li hija ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Komunità;

(f)

wara proċedura oħra ta' xiri pubbliku jew proċedura ta' għotja ta' finanzjament mill-baġit tal-Komunità, ġew dikjarati li huma qegħdin fi ksur serju ta' kuntratt minħabba li ma rrispettawx l-obbligi kuntrattwali tagħhom.

L-offerenti għandhom juru li ma jinsabu fl-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet stipulati hawn fuq.

4.2.   Esklużjoni mill-għoti tal-kuntratti

Il-kuntratti jistgħu ma jingħatawx lil offerenti li, waqt il-proċedura ta' akkwist:

(a)

ikunu suġġetti għal kunflitt ta' interessi;

(b)

ikunu ħatja ta' dikjarazzjonijiet foloz billi jfornu tagħrif mitlub mill-benefiċjarju ta' l-għotja bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura tal-kuntratt jew li naqsu li jfornu dan it-tagħrif.

5.   PROĊEDURI TA' L-GĦOTI

5.1.   Dispożizzjonijiet ġenerali

L-NGO għandha tniedi stedina internazzjonali miftuħa għall-offerti ta' kuntratti ta' forniment b'valur ta' EUR 150 000 jew aktar. Fil-każ ta' stedina internazzjonali miftuħa għall-offerti, l-NGO għandha tippubblika avviż ta' sejħa għall-offerti fil-medja xierqa kollha, partikolarment fuq is-sit internet ta' l-NGO, fl-istampa internazzjonali u fl-istampa nazzjonali tal-pajjiż li fih tkun ser isseħħ l-Azzjoni, jew f'ġurnali oħra ta' speċjalizzazzjoni.

Kuntratti ta' forniment għall-valur ta' EUR 30 000 jew aktar imma anqas minn EUR 150 000 għandhom jingħataw permezz ta' proċedura ta' sejħiet għal offerti miftuħa ippubblikata lokalment. Fil-każ ta' proċedura lokali miftuħa ta' sejħa għal offerti, l-avviż tas-sejħa għandu jkun ippubblikat fil-medja xierqa imma biss fil-pajjiż fejn isseħħ l-Azzjoni. Madankollu għandha tagħti lil fornituri eliġibbli oħra l-istess opportunitajiet bħal kumpaniji lokali.

Kuntratti ta' forniment b'valur ta' inqas minn EUR 30 000 għandhom jingħataw permezz ta' proċedura kompetittiva negozjata mingħar publikazzjoni, li fiha l-NGO tikkonsulta mill-inqas tliet fornituri li tagħżel hi u tinnegozja t-termini tal-kuntratt ma' wieħed jew aktar minnhom.

Kuntratti ta' forniment b'valur ta' inqas minn EUR 5 000 jistgħu jingħataw bi proċedura negozjata fuq il-bażi ta' sejħa waħdanija.

Il-limiti ta' żmien għat-tressiq ta' offerti u talbiet ta' parteċipazzjoni għandu jkun twil biżżejjed biex jippermetti lill-partijiet interessati perjodu raġjonevoli u xieraq sabiex jippreparaw u jressqu l-offerti tagħhom.

Fejn l-NGO tuża uffiċċju ċentrali ta' xiri bħala fornitur ta' servizzi b'konformità ma' l-Artikolu 8.4 ta' l-Anness IV ‘L-akkwist minn Benefiċjarji ta' għotjiet fil-kuntest ta' azzjonijiet esterni tal-Komunità’, din tagħżel b'konformità mal-proċeduri għal kuntratti ta' servizz stabbiliti fl-Artikolu 4.1 u 4.2 ta' dan. L-uffiċċju ċentrali ta' xiri hu obbligat sabiex isegwi r-regoli u l-kundizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni u l-Anness, meta jixtri prodotti ta' għajnuna f'ikel mis-suq.

5.2.   Proċedura negozjata fuq il-bażi ta' offerta waħdanija

Il-Benefiċjarju jista' juża l-proċedura negozjata fuq il-bażi ta' offerta waħdanija f'dawn il-każijiet:

(a)

fejn, għal raġunijiet ta' urġenza estrema kkawżata minn avvenimenti li l-benefiċjarju ma setax ibassar, u li bl-ebda mod ma jistgħu jkunu attribwiti lilu, il-limitu ta' żmien għall-proċeduri msemmija fis-sezzjoni 5.1 ma jkunx jista' jinżamm. Iċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikaw urġenza estrema bl-ebda mod ma jistgħu jkunu attribwibbli lill-benefiċjarju.

Azzjonijiet imwettqa f'sitwazzjonijiet ta' kriżi identifikati mill-Kummissjoni huma kkunsidrati li jissodisfaw it-test ta' urġenza estrema. Il-Kummissjoni tinforma lill-benefiċjarju jekk tkunx teżisti sitwazzjoni ta' kriżi u meta tispiċċa;

(b)

għal kunsinni addizzjonali mill-fornitur oriġinali intiżi jew bħala sostituzzjoni parzjali tal-fornimenti jew installazzjonijiet normali jew bħala l-estensjoni tal-fornimenti jew estensjonijiet eżistenti, fejn bidla fil-fornitur tobbliga lill-benefiċjarju sabiex jakkwista tagħmir li għandu karatteristiċi tekniċi differenti li jirriżultaw jew f'inkompatibilità jew diffikultajiet tekniċi sproporzjonati fit-tħaddim u l-manteniment;

(ċ)

fejn il-proċedura ta' offerta ma tirnexxix, jiġifieri fejn ma tasal l-ebda offerta vijabbli kwalitattivament jew finanzjarjament. F'każijiet bħal dawn, wara li titħassar il-proċedura ta' l-offerti, il-benefiċjarju jista' jinnegozja ma' wieħed jew aktar mill-offerenti li jagħżel, minnn fost dawk li jkunu ħadu sehem fil-proċedura ta' l-offerti, jekk kemm-il darba t-termini tal-bidu tal-proċedura ta' l-offerti ma jkunux mibdula sostanzjalment;

(d)

fejn il-kuntratt in kwistjoni jingħata lil korpi b'monopolju de jure jew de facto, liema każ għandu jkun sostanzjat kif xieraq fid-deċiżjoni tal-għoti;

(e)

kuntratt ta' ftehim dirett jista' jiġi aċċettat fejn kundizzjonijiet partikolari għall-provista jkunu hekk jitolbu, b'mod partikolari, fil-każ ta' provista sperimentali.

5.3.   Obbligi għat-tressiq ta' offerta

L-avviż ta' offerta għandu jispeċifika l-forma u l-limitu ta' żmien li b'konformità miegħu għandha ssir l-offerta ta' l-offerent.

It-talbiet kollha għall-parteċipazzjoni u l-offerti dikjarati bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti għandhom ikunu evalwati u klassifikati minn kumitat ta' evalwazzjoni fuq il-bażi ta' l-esklużjoni, l-għażla u l-kriterji ta' għoti mħabbra minn qabel. Dan il-kumitat għandu jkollu għadd ta' membri bil-fard, mill-inqas tlieta, bl-abbiltajiet tekniċi u amministrattivi kollha meħtieġa sabiex jagħtu fehma infurmata dwar l-offerti.

Tista' titressaq offerta waħda għal kull lott. Din għandha tkun valida biss jekk tkun marbuta ma' lott sħiħ. Fejn lott ikun maqsum f'partijiet ta' lottijiet, l-offerta tkun stabbilita bħala l-medja ta' dan. Fejn is-sejħa għall-offerti tkun marbuta mal-forniment ta' aktar minn lott wieħed, għandha titressaq offerta separata għal kull lott. Il-parteċipant mhux obbligat li jippreżenta offerta għal-lottijiet kollha.

L-offerti għandhom jagħtu:

l-isem u l-indirizz ta' l-offerent;

in-numri tar-referenza ta' l-istedina biex jitressqu l-offerti, il-lott u l-azzjoni;

il-piż nett tal-lott jew l-ammont monetarju speċifiku marbut ma' l-offerta;

il-prezz propost għal kull tunnellata metrika ta' prodott fil-post tat-twassil kif speċifikat u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-talba għall-offerti; jew fejn l-istedina għall-offerti tkun għal kuntratt biex tiġi fornuta kwantità massima ta' ċertu prodott għal ammont monetarju speċifiku, il-kwantità netta ta' prodotti li qed jiġu offruti;

l-ispejjeż ta' trasport mill-post tat-tagħbija għall-post tat-twassil għall-istadju ta' twassil speċifikat;

il-limitu taż-żmien jew il-qafas ta' żmien għat-twassil.

L-offerta għandha tkun valida biss jekk tkun akkumpanjata minn evidenza li tqiegħdet garanzija ta' offerta. L-ammont tal-garanzija ta' offerta, espress fil-munita tal-ħlas, u l-perjodu ta' validità, għandhom jitniżżlu fl-avviż ta' offerta. Il-garanzija għandha tirrappreżenta minimu ta' 1 % ta' l-ammont totali ta' l-offerta, u l-perjodu ta' validità għandu jkun mill-inqas ta' xahar.

Il-garanzija għandha tkun ippreżentata favur l-NGO bħala forma ta' sigurtà minn stabbiliment ta' kreditu rikonoxxut minn Stat Membru jew aċċettat mill-NGO. Il-garanzija għandha tkun irrevokabbli u kapaċi tagħmel tajjeb ma' l-ewwel sejħa.

Fil-każ ta' xiri fil-pajjiż li huwa stess ikun il-benefiċjarju ta' l-għajnuna f'ikel, l-NGO tista' tiddefinixxi fl-avviż għall-offerta kondizzjonijiet għall-garanzija billi tqis id-drawwiet tal-pajjiż.

Il-garanzija ta' l-offerta għandha tinħareġ:

b'ittra jew faks mill-NGO meta it-tender ma jiġix aċċettat jew ikun ġie miċħud, jew meta ma ingħata l-ebda kuntratt;

meta l-offerent, immsemmi bħala l-fornitur, ikun qiegħed garanzija ta' twassil.

Il-garanzija tintilef jekk il-fornitur ma jipproduċix il-garanzija tal-konsenja f'limitu ta' żmien raġjonevoli wara l-għoti tal-kuntratt u anke jekk l-offerent jirtira l-offerta tiegħu wara li tkun tressqet.

Offerta li ma tkunx tressqet skond dawn id-dispożizzjonijiet jew li jkun fiha riżervi jew kondizzjonijiet xorta oħra minn dawk stabbiliti għall-istedina għall-offerti għandhom ikunu rifjutati.

L-ebda offerta ma tista' tinbidel jew tkun irtirata wara li titressaq.

L-għotja tingħata lill-offerent li jkun ressaq l-orħos offerta li tirrispetta l-kundizzjonijiet kollha ta' l-istedina għall-offerti, partikolarment il-karatteristiċi tal-prodotti li għandhom ikunu mobilizzati. Fejn l-aktar offerta baxxa tkun preżentata simultanjament minn numru ta' offerenti, il-kuntratt għandu jingħata bil-polza.

Meta jingħata l-kuntratt, kemm il-fornitur kif ukoll l-offerenti li ma jiħdux il-kuntratt għandhom ikunu mgħarrfa kif xieraq permezz ta' ittra jew faks.

L-NGO tista' tiddeċiedi li ma tagħtix il-kuntratt ma' l-iskadenza ta' l-ewwel jew tat-tieni skadenza, b'mod partikolari fejn l-offerti li jkunu tressqu jkunu lil hinn mil-livelli tal-prezzijiet normali tas-suq. L-NGO ma tkunx obbligata li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha. L-offerenti għandhom ikunu mgħarrfa bid-deċiżjoni li l-kuntratt ma jkunx se jingħata b'avviż bil-miktub, fi żmien tlett ijiem.

6.   OBBLIGI TAL-FORNITUR U KONDIZZJONIJIET TAL-FORNIMENT

L-avviż ta' offerta għandu jispeċifika l-kundizzjonijiet kuntrattwali ta' twassil Incoterms relevanti għall-kuntratt ta' forniment, u għandu jinkludi l-edizzjoni applikabbli ta' l-Incoterms. Il-fornitur mogħti l-kuntratt għandu jwettaq l-obbligi tiegħu skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviż ta' l-offerta inklużi dawk li jqumu mill-Incoterms u dawk li jqumu mill-offerta tiegħu.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-avviż ta' l-offerta u fil-kuntratt, l-obbligi għall-fornitur (bejjiegħ) u l-NGO (xerrej) kif stabbiliti fl-Incoterms għandhom japplikaw.

Fejn l-Incoterms speċifikati fl-avviż ta' offerta, jobbligaw lill-fornitur sabiex joħroġ polza ta' assigurazzjoni fuq it-trasport din l-assigurazzjoni għandha tkun għal mill-inqas l-ammont ta' offerta mogħti u għandha tkopri r-riskji kollha assoċjati mal-ġarr u ma kwalunkwe attività oħra marbuta mal-forniment mill-fornitur sa l-istadju kuntrattwali tat-twassil speċifikat. Din għandha tkopri wkoll l-ispejjeż kollha ta' l-għażla, l-irtirar u l-qerda tal-prodotti li jkunu bil-ħsara, l-ippakkjar mill-ġdid u l-analiżi tal-prodotti fejn id-danni ma jżżommuhomx milli jiġu aċċettati mill-benefiċjarju.

Fil-każ tal-ġarr u t-twassil permezz tat-trasport marittimu l-prodotti jistgħu ma jitwasslux f'kunsinni maqsuma fuq aktar minn vapur wieħed, sakemm ma taqbilx ma' dan l-NGO.

Fil-każ ta' twassil permezz ta' trasport fuq it-triq il-prodotti ma jistgħux jitwasslu ħlief permezz tal-mezz ta' trasport miftiehem fil-kuntratt, sakemm ma tkunx taqbel ma' dan l-NGO.

F'każijiet bħal dawn fejn il-fornitur jitlob qbil mill-NGO għal bidla fil-mezz ta' trasport jew fl-iskeda tat-twassil, l-NGO għandha bħala kundizzjoni għall-qbil tagħha titlob lill-fornitur sabiex iħallas l-ispejjeż addizzjonali u speċjalment l-ispezzjoni addizzjonali u l-ispejjeż ta' analiżi.

Fejn ikun xieraq, l-avviż ta' offerta jista' jispeċifika data li kull twassil li jsir qabilha jkun meqjus prematur.

Il-fornitur għandu jitgħabba bir-riskji kollha, inkluż it-telf jew id-deterjorament, li għalihom jistgħu ikunu soġġetti l-prodotti sat-tmiem tal-forniment u dan il-fatt jiġi dokumentat mill-verifikatur fiċ-ċertifikat finali ta' konformità (ara l-punt 7).

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-avviż ta' offerta, il-fornitur għandu javża lill-benefiċjarju u l-verifikatur mill-aktar fis bil-miktub dwar il-mezz ta' trasport li ġie użat, id-dati tat-tagħbija, id-data mistennija tal-wasla fil-post tat-twassil indikat fil-kuntratt, u kwalunkwe inċident li jinqala' waqt li il-prodotti jkunu qed jiġu trasportati.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-avviż ta' offerta u skond il-kundizzjonijiet ta' l-Incoterms applikabbli għall-kuntratt, il-fornitur għandu jwettaq il-formalitajiet marbuta ma' l-akkwist tal-liċenzja ta' esportazzjoni, l-arranġamenti doganali ta' tranżitu u l-formalitajiet tal-ħelsien doganali ta' l-importazzjoni, u jħallas l-ispejjeż marbuta.

Sabiex ikun żgurat li l-fornitur iwettaq l-obbligi tiegħu, dan għandu jressaq garanzija ta' twassil f'limitu ta' żmien raġjonevoli wara n-notifika ta' l-għoti tal-kuntratt. Dik il-garanzija, espressa fil-munita tal-kuntratt, għandha tirrappreżenta minn 5 sa 10 % ta' l-ammont totali ta' l-offerta. Il-perjodu ta' validità għandu jintemm xahar wara d-data ta' l-aħħar twassil. Għandha titressaq bl-istess mod bħall-garanzija ta' l-offerta.

Il-garanzija ta' twassil għandha tinħareġ bis-sħiħ b'ittra jew faks minn NGO meta l-fornitur:

ikun lesta l-konsenja skond l-obbligi tiegħu; jew

ikun inħeles mill-obbligi tiegħu;

jew

ma jkunx wassal il-forniment għal raġunijiet ta' force majeure rikonoxxuti mill-NGO.

7.   MONITORAĠĠ

L-NGO għandha tikkuntratta ‘aġenzija ta' sorveljanza’ (kumpanija ta' spezzjoni rikonoxxuta internazzjonalment jew grupp ta' kumpaniji rikonoxxuti internazzjonalment preferibbilment akkreditati fin-norma standard ISO 45004 — ISO/IEC 17020 fis-settur tal-prodotti ta' l-ikel). Hekk kif jingħata l-kuntratt, l-NGO għandha tgħarraf lill-fornitur bil-miktub dwar l-għażla ta' l-aġenzija ta' sorveljanza. L-avviż ta' offerta għandu jispeċifika l-obbligu għall-fornitur sabiex jgħarraf lill-aġenzija ta' sorveljanza bil-kitba dwar l-isem u l-indirizz tal-produttur, min ippakkja u min ħażen il-prodotti li se jitwasslu, u d-data approssimattiva tal-manifattura jew ta' l-ippakkjar, kif ukoll l-isem tar-rappreżentant tiegħu fil-post tal-wasla.

L-aġenzija ta' sorveljanza għandha tkun responsabbli li tivverifika u tiċċertifika l-kwalità, il-kwantità, l-ippakkjar u l-immarkar ta' prodotti li għandhom jiġu fornuti f'kull provvista, u toħroġ iċ-ċertifikat ta' konformità proviżorja u ċ-ċertifikat ta' konformità fil-post kuntrattwali tat-twassil. F'dan ir-rigward, l-aġenzija ta' sorveljanza għandha tqis il-karatteristiċi differenti tal-prodotti kif imsemmi fil-punt 2 ta' dan l-Anness.

L-NGO għandha tiżgura fil-kuntratt li l-aġenzija ta' sorveljanza tikkommetti ruħha għal dawn:

li żżomm indipendenza sħiħa;

li ma taċċettax kwalunkwe struzzjonijiet mingħand partijiet oħra ħlief mingħand l-NGO li tixtri jew ir-rappreżentanti tagħha, partikolarment li ma taċċettax struzzjonijiet mill-fornitur, il-konsenjanti jew kwalunkwe wieħed mir-rappreżentanti tagħhom, ir-rappreżentanti tad-donaturi jew intermedjarji oħra involuti fl-operazzjonijiet in kunsiderazzjoni;

li ma tippermettix kwalunkwe kunflitt ta' interess bejn l-attivitajiet tagħha taħt il-kuntratt ma' l-NGO u kwalunkwe attività oħra li tagħmel ma' parti involuta fl-operazzjonijiet in kunsiderazzjoni.

L-aġenzija ta' sorveljanza għandha twettaq mill-inqas żewġ verifiki, ibbażati fuq it-termini ta' referenza li jikkonformaw ma' standards internazzjonali ta' sorveljanza, kif ġej:

(a)

Għandha ssir verifika proviżorja fuq il-konformità tal-kwalità qabel it-tagħbija, u verifika tal-kwantità meta l-prodotti jkunu tgħabbew. Il-verifika finali għandha ssir wara l-ħruġ tat-tagħbija fil-post ta' twassil indikat fil-kuntratt ta' forniment.

(b)

5. Meta l-verifika proviżorja titlesta, il-verifikatur għandu joħroġ lill-fornitur ċertifikat ta' koformità li jkun suġġett għar-riserva jekk dan ikun meħtieġ. Trasport mill-post tat-tagħbija jista jibda biss wara li jkun inħareġ iċ-ċertifikat proviżorju ta' konformità.

(ċ)

Meta titlesta l-verifika finali fil-post kuntrattwali ta' twassil, il-verifikatur għandu joħroġ lill-fornitur ċertifikat finali tal-konformità li jispeċifika b'mod partikolari d-data tat-tlestija tal-provista u l-kwantità netta fornuta; dan iċ-ċertifikat għandu jkun suġġett għal riservi jekk ikun meħtieġ.

(d)

Fejn l-aġenzija ta' sorveljanza, wara li tagħmel il-verifika finali fil-post kuntrattwali tat-twassil, toħroġ ‘avviż ta' riserva’ b'raġuni, din għandha tavża lill-fornitur u lill-NGO li qed tixtri bil-miktub mill-aktar fis possibbli. Jekk il-fornitur ikun irid jikkontesta dak li nstab ma' l-aġenzija ta' sorveljanza u l-NGO li qed tixtri, dan għandu jagħmlu fi żmien jumejn minn meta jintbagħat dan l-avviż

L-ispejjeż tal-verifiki msemmija hawn fuq għandhom jintbagħtu lil u jitħallsu mill-NGO imma huma spejjeż eliġibbli għall-komunità, jekk kemm-il darba jkunu nklużi fl-estimi għall-Kuntratt ta' Għotja. Il-fornitur għandu jħallas il-konsegwenzi finanzjarji fil-każ ta' nuqqasijiet fil-kwalità jew dewmien fil-preżentazzjoni tal-prodotti biex jiġu verifikati.

Jekk il-fornitur jew il-benefiċjarju joġġezzjonaw għas-sejbiet tal-verifika, l-aġenzija ta' sorveljanza, wara awtorizzazzjoni mill-NGO, għandha torganizza spezzjoni ta' evalwazzjoni li tinvolvi, skond in-natura ta' l-oġġezzjoni, evalwazzjoni ta' kampjun, analiżi ta' evalwazzjoni, u/jew l-użin jew il-verifika mill-ġdid ta' l-ippakkjar. It-tieni spezzjoni ssir minn aġenzija jew laboratorju mqabbad bi ftehim bejn il-fornitur, il-benefiċjarju u l-aġenzija ta' sorveljanza.

L-ispejjez ta' din l-ispezzjoni ta' evalwazzjoni għandhom jitħallsu mill-parti telliefa.

Jekk iċ-ċertifikat finali tal-konformità ma jkunx inħareġ wara l-verifiki jew wara li tkun saret l-ispezzjoni ta' evalwazzjoni, il-fornitur ikun obbligat li jissostitwixxi il-prodotti.

L-ispejjeż tal-bdil u verifiki relatati għandhom jitħallsu mill-fornitur.

L-aġenzija ta' sorveljanza għandha toħroġ stediniet bil-miktub lir-rappreżentanti tal-fornitur u tal-benefiċjarju finali biex dawn ikunu preżenti waqt il-ħidma tal-verifika, b'mod partikolari waqt it-teħid ta' kampjuni li jkunu sa jintużaw fl-analiżi. It-teħid tal-kampjuni għandu jsir skond il-prattika professjonali. Meta jittieħdu l-kampjuni, il-verifikatur għandu jieħu żewġ kampjuni addizzjonali li għandhom jinżammu ssiġillati għad-dispożizzjoni ta' l-NGO għall-finijiet ta' verifika oħra jew fil-każ li jitqajmu oġġezzjonijet mill-benefiċjarju jew mill-fornitur.

L-ispejjeż tal-prodotti li jittieħdu bħala kampjuni għandhom jitħallsu mill-fornitur.

Min jirċievi l-prodotti għandu jiffirma l-kont tat-trasport għall-wasla tal-prodotti fil-post kuntrattwali ta' twassil u jikteb l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-istat fiżiku tal-prodotti u l-ippakkjar kif stabbiliti viżwalment. L-NGO li qed tixtri jew rappreżentant tagħha għandhom joħorġu ċertifikat ta' teħid lill-fornitur mingħajr dewmien wara li l-prodotti jkunu twasslu fil-post kuntrattwali ta' twassil u l-fornitur ikun għadda l-oriġinal taċ-ċertifikat finali ta' konformità maħruġ mill-kumpanija ta' sorveljanza lill-NGO, u b'kont pro forma li jistabbilixxi kemm il-valur tal-prodotti kif ukoll it-trasferiment tagħhom lill-benefiċjarju, bla ħlas.

Tolleranzi aċċettati għall-piż u/jew il-kwantità mwassla fil-post kuntrattwali ta' twassil għandhom ikunu indikati fit-termini tal-kuntratt.

Il-fornitur ma jistax jitlob ħlas għal kwantitajiet imwassla 'l fuq mill-kwantitajiet kuntrattwali.

8.   KUNDIZZJONIJIET TA' TWASSIL U TERMINI TAL-ĦLAS

Il-prodotti għandhom ikunu fornuti skond wieħed minn dawn it-Termini Kummerċjali Internazzjonali (Incoterms):

EXW: Ex Works (… post imsemmi)

FCA: Free Carrier (… post imsemmi)

FAS: Free Along Side Ship (… port ta' tagħbija imsemmi)

FOB: Free On Board (… port ta' tagħbija msemmi)

CFR: Cost and Freight (… port ta' destinazzjoni msemmi)

CIF: Cost, Insurance and Freight (… port ta' destinazzjoni msemmi)

CPT: Carriage Paid To (… post ta' destinazzjoni msemmi)

CIP: Carriage and Insurance Paid To (… post ta' destinazzjoni msemmi)

DAF: Delivered at Frontier (… post imsemmi)

DES: Delivered ex Ship (… port ta' destinazzjoni msemmi)

DEQ: Delivered ex Ship (… port ta' destinazzjoni msemmi)

DDU: Delivered Duty Unpaid (… post ta' destinazzjoni msemmi)

DDP: Delivered Duty Unpaid (… post ta' destinazzjoni msemmi)

Is-somma li għandha titħallas lill-fornitur mill-NGO li qed tixtri m'għandhiex taqbeż l-ammont ta' l-offerta flimkien ma' kwalunkwe spejjeż, u mingħajr kwalunkwe tnaqqis previst hawn taħt.

Fejn il-kwalità, l-ippakkjar u l-immarkar tal-prodotti fil-post tat-tagħbija u l-post kuntrattwali ta' twassil indikat fl-offerta ma jkunux jikkorrispondu għall-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, mingħajr ma jkun tali li jkun twaqqaf il-ħruġ ta' ċertifikat proviżorju ta' konformità jew ċertifikat ta' teħid, l-NGO, meta tikkalkula s-somma li għandha titħallas, tista' tapplika tnaqqis.

It-termini tal-kuntratt għandhom jispeċifikaw il-proċedura għat-twaqqif ta' tnaqqis għad-devjazzjoni fil-kwalità kif ukoll tnaqqis għat-twassil wara l-perjodu jew data kuntrattwali ta' twassil.

Ħlasijiet lil fornituri għandhom ikunu l-ammont nett li jirriżulta wara t-tnaqqis kalkolat mill-ammonti mibgħuta mill-fornitur. Fil-każ li tnaqqis bħal dan ma jkunx jista' jitnaqqas mill-ħlas, it-tnaqqis għandu jseħħ permezz ta' ġbir sħiħ jew parzjali tal-garanzija ta' twassil.

L-NGO tista' tħallas lura lill-fornitur, b'talba bil-miktub, ċerti spejjeż addizzjonali ta' ħruġ ta' flus, bħall-ħażna jew l-assigurazzjoni attwalment imħallsa mill-fornitur, imma esklużi kwalunkwe spejjeż amministrattivi, li l-NGO għandha teżamina fuq il-bażi ta' dokumenti xierqa ta' appoġġ, jekk kemm-il darba jkun inħareġ ċertifikat ta' teħid jew twassil bla riservi, marbut man-natura tan-nefqiet mitluba, u fil-każ ta':

estensjoni tal-perjodu ta' twassil wara talba tar-riċevitur; jew

dewmien li jaqbeż it-30 jum bejn id-data ta' twassil u l-ħruġ ta' ċertifikat ta' teħid, jew il-ħruġ ta' ċertifikat finali ta' konformità.

Is-somma li għandha titħallas għandha tkun pagabbli fuq talba tal-fornitur imressqa f'żewġ kopji.

Talba għall-ħlas għall-ammont sħiħ ta' l-offerta jew bilanċ minnha għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin:

fattura għas-somma li qed tintalab;

l-oriġinal taċ-ċertifikat ta' teħid;

kopja ffirmata u ċertifikata mill-fornitur skond iċ-ċertifikat ta' konformità oriġinali u finali.

Meta tkun twasslet 50 % tal-kwantità totali mniżżla fl-avviż ta' offerta, il-fornitur jista' jippreżenta talba għal ħlas bil-quddiem akkumpanjata minn fattura għas-somma mitluba u kopja taċ-ċertifikat proviżorju ta' konformità.

It-talbiet kollha għall-ħlas ta' l-ammont sħiħ ta' l-offerta jew il-bilanċ tagħha għandhom ikunu ppreżentati lill-NGO wara l-ħruġ ta' ċertifikat ta' teħid. Il-ħlasijiet kollha għandhom isiru fi żmien 60 jum minn meta l-NGO tirċievi talba sħiħa u preċiża għall-ħlas. Dewmien mhux ġustifikat iwassal għal interess ta' wara l-maturità bir-rata ta' kull xahar applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (Rata ta' interess applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew lill-operazzjonijiet ta' finanzjar ill-ġdid tiegħu).

9.   DISPOŻIZZJONI FINALI

L-NGO ikollha l-jedd li tiddeċiedi jekk in-nuqqas tal-fornitur li jikkonsenja l-oġġetti jew li jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu kienx minħabba force majeure. Spejjeż li jirriżultaw minn force majeure rikonoxxuta mill-NGO għandhom jitħallsu minnha. Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata bir-raġunijiet għaliex l-NGO tkun aċċettat sitwazzjoni ta' force majeure. Madanakollu, tali sitwazzjoni qatt ma tista' tintalab fil-każ ta' nuqqasijiet attribwibbli lill-NGO u/jew is-sotto-kuntratturi tagħha.

Fejn ġustifikat kif xieraq u aċċettat mill-Kummissjoni, spejjeż minħabba sitwazzjoni ta' force majeure jistgħu jitqiesu bħala spejjeż diretti eliġibbli u koperti biss fil-limiti antiċipati għal kontinġenti fl-estimi ta' l-azzjoni.”


(1)  ĠU C 312, 31.10.2000, p. 1.

(2)  ĠU C 267, 13.9.1996, p. 1.