8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

644


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta' April 2006

li temenda, għar-raġunijiet ta' adattament skond il-progress teknoloġiku, l-Anness mad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' l-eżenzjonijiet fl-applikazzjonijiet taċ-ċomb

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 1622)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/310/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 dwar ir-restrizzjonijiet ta' l-użu ta' ċerti sustanzi ta' riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(b) tagħha,

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 2002/95/KE il-Kummissjoni hija meħtieġa li tivvaluta ċerti sustanzi perikolużi li huma pprojbiti skond l-Artikolu 4(1) ta' dik id-Direttiva.

(2)

Ċerti materjali u komponenti li fihom iċ-ċomb għandhom jiġu eżentati mill-projbizzjoni, minħabba li l-użu ta' dawn is-sustanzi perikolużi f'dawk il-materjali speċifiċi u komponenti għadhom ma jistgħux jiġu evitati.

(3)

Ċertu materjali u komponenti li fihom iċ-ċomb għandhom jiġu eżentati mill-projbizzjoni, minħabba l-impatti negattivi fuq l-ambjent, fuq is-saħħa u/jew fuq is-sikurezza tal-konsumaturi ikkawżati mis-sostituzzjoni huma probabbilment ogħla mill-benefiċċji tagħhom ambjentali, sanitarji u/jew lejn is-sikurezza tal-konsumatur.

(4)

Xi eżenzjonijiet mill-projbizzjoni ta' ċerti materjali speċifiċi jew komponenti għandhom jiġu limitati fl-ambitu tagħhom, sabiex jinqatgħu gradwalment is-sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, dejjem jekk l-użu ta' dawk is-sustanzi f'applikazzjonijiet bħal dawn isiru evitabbli.

(5)

Skond l-Artikolu 5(1)(c) tad-Direttiva 2002/95/KE kull eżenzjoni elenkata fl-Anness għandha tiġi soġġetta għal reviżjoni mill-inqas kull erba' snin jew erba' snin wara li oġġett jiġi inkluż fil-lista bil-għan li tiġi kkunsidrata l-eliminazzjoni tal-materjali u l–komponenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku jekk l-eliminazzjoni jew is-sostituzzjoni tagħhom kaġun ta' tibdil fid-disinn jew tal-materjali u komponenti li ma jeħtiġu l-ebda wieħed mill-materjali jew mis-sustanzi li jissemmew fl-Artikolu 4(1) ta' dik id-Direttiva hija teknikament jew xjentifikament possibbli, bil-kondizzjoni li l-impatti negattivi ambjentali, sanitarji u/jew fuq is-sikurezza tal-konsumatur ikkawżati mis-sostituzzjoni ma jkunux ogħla mill benefiċċji possibbli tagħhom lejn l–ambjent, is-saħħa u/jew is-sikurezza tal-konsumatur.

(6)

Id-Direttiva 2002/95/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif jixraq.

(7)

Skond l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/95/KE il-Kummissjoni ikkonsultat lill-produtturi tat-tagħmir elettriku u elettroniku, riċiklaturi, operaturi tat-trattament ta' l-iskart, organizzazzjonijiet ambjentali u għaqdiet ta' l-impjegati u tal-konsumaturi.

(8)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 18 tad-Direttiva 75/442/KEE (2),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness mad-Deċiżjoni 2002/95/KE huwa emendat kif iddikjarat fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar il-21 ta' April 2006.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/747/KE (ĠU L 280, 25.10.2005, p. 18).

(2)  ĠU L 194, 25.7.1975, p. 39. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tall-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE, jiżdiedu l-punti li jmiss 16 sa 20:

“16.

Iċ-ċomb fil-lampi linejari inkandexxenti f'tubi miksija bis-silikat.

17.

Halide taċ-ċomb bħala aġent li jagħti r-raġġi fil-lampi ta' Skariku ta' Intensità Għolja (HID) użati f'applikazzjonijiet reprografiċi professjonali.

18.

Iċ-ċomb bħala attivatur fit-trab fluworexxenti (1 % ċomb skond il-piż jew inqas) ta' lampi ta' skariku meta wżati bħal lampi abbronzanti li fihom il-fosfru bħalma huwa il-BSP (BaSi2O5:Pb) kif ukoll meta wżat bħal lampi speċjali fir-reprografija ta' l-istampar bid-dijazo, fil-litografija, fin-nases għall-insetti, proċessi kurativi fotokimiċi li fihom il-fosfru bħalma huwa l-SMS ((Sr, Ba)2MgSi2O7:Pb).

19.

Iċ-ċomb bil-PbBiSn-Hg u l-PbInSn-Hg fi kompożizzjonijiet speċifiċi bħala amalgamu prinċipali u bil-PbSn-Hg bħala amalgamu awżiljarju f'Bozoz Energy Saving (ESL) kompatti ħafna.

20.

L-ossidu taċ-ċomb fil-ħġieġ użat użat biex iwaħħal flimkien is-sustrati ta' quddiem u ta' wara tal-lampi fluworexxenti ċatti użat fl-iskrins tal-kristalli likwidi (LCD).”