15.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

475


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2153/2005

tat-23 ta' Diċembru 2005

dwar l-iskema ta’ għajnuna għall-ħżin privat taż-żejt taż-żebbuġa

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 865/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa u żebbuġ tal-mejda u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 827/68 (1), b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 865/2004 jipprovdi li skema ta’ għajnuna għall-ħżin privat taż-żejt taż-żebbuġa tista’ tiġi implimentata f’każ ta’ disturbi serji fis-suq f’ċerti reġjuni tal-Komunità.

(2)

Sabiex l-iskema ta’ għajnuna tiġi implimentata malajr, kif u meta jkun meħtieġ, iridu jiġu stabbiliti regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. L-għajnuna għall-ħżin privat trid tiġi bbażata fuq kuntratti mal-operaturi li joffru garanziji biżżejjed u fuq awtorizzazzjoni mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ ċerti kundizzjonijiet stabbiliti.

(3)

Biex l-iskema jkollha effett akbar fuq is-suq fil-livell tal-produtturi u biex il-monitoraġġ ikun jista' jsir b'mod aktar faċli, l-għajnuna għandha tingħata primarjament għall-ħżin bl-ingrossa taż-żejt taż-żebbuġa verġni.

(4)

Għandha tkun disponibbli informazzjoni dwar tibdil fil-prezzijiet u fil-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa. Din l-informazzjoni hi meħtieġa għas-sorveljanza tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa fuq bażi permanenti, sabiex jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet li jindikaw disturbi serji fis-suq ikunux rilevanti jew le.

(5)

Biex is-sitwazzjoni tas-suq tiġi riflessa mill-qrib kemm jista’ jkun, irid jiġi stabbilit l-ammont ta’ għajuna għal dawk is-setturi tas-suq li jeħtiġuha. Il-kategoriji taż-żejt huma dawk elenkati fil-Parti I tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 865/2004.

(6)

L-informazzjoni li trid tidher fis-sejħiet għall-offerti u l-kundizzjonijiet li fihom iridu jiġu ppreżentati u eżaminati jridu jiġu speċifikati, bil-għan li għal kull sejħa għall-offerti jkun hemm informazzjoni kompluta u komprensiva.

(7)

Is-sejħiet għall-offerti għandhom jinfetħu skont ċerti proċeduri, partikolarment fejn jidħlu l-iskadenzi għas-sottomissjonijiet tal-offerti u l-kwantità minima ta’ kull offerta mitfugħa. B’mod partikolari, biex ikollhom effett fuq is-sitwazzjoni tas-suq, is-sejħiet għall-offerti jridu jintefgħu għal perjodu ta’ ħżin twil u, fejn għandha x’taqsam il-kwantità minima, b’rabta mas-sitwazzjoni fis-settur.

(8)

L-eżekuzzjoni tal-offerta għandha tkun garantita permezz ta’ depożitu ta’ titolu ta’ garanzija skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 li jistabbilixxi regoli ddettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ garanziji għall-prodotti agrikoli (2), li l-ammont u t-tul ta’ żmien tagħhom iridu jkunu marbuta ma’ kif x’aktarx jiċċaqliqu l-prezzijiet tas-suq u l-għadd ta’ jiem ta’ ħażna li jagħtu d-dritt għall-għajnuna, li fil-fatt ikunu għaddew.

(9)

Biex ikunu jistgħu jiġu aċċettati, is-sejħiet għall-offerti m’għandhomx jaqbżu ammont massmimu ta’ għajnuna għal kull jum ta’ ħżin, li jrid jiġi ddeterminat b’riferiment għas-suq taż-żejt taż-żebbuġa. L-offerti jridu jkun rappreżentattivi u jrid ikun hemm konformità mal-kwantitajiet massimi stabbiliti skont il-proċedura għal kull kategorija jew reġjun speċifikati.

(10)

Il-punti prinċipali li jridu jiġu inklużi fil-kuntratt għandhom ikunu speċifikati. Sabiex jiġu evitati d-disturbi fis-suq, il-Kummissjoni jrid ikollha s-setgħa li taġġusta t-tul ta’ żmien tal-kuntratt prinċipalment fid-dawl tat-tbassir tal-ħsad għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni ta’ wara dik li fiha jkun ġie konkluż il-kuntratt.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li l-iskema tkun amministrata b’mod xieraq, jeħtieġ li jiġu indikati l-kundizzjonijiet li fihom tista’ tingħata għajnuna bil-quddiem, il-verifikazzjonijiet dwar il-konformità mal-intitolament għall-għajnuna li huma essenzjali, ċerti proċeduri għall-ikkalkular tal-għajnuna u l-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri.

(12)

Għall-finita’ċarezza u trasparenza, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2768/98 dwar l-iskema ta’ għajnuna għall-ħżin privat taż-żejt taż-żebbuġa (3) għandu jitħassar u jiġi ssostitwit b’Regolament ġdid.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-entitajiet kompetenti fl-Istati Membri produtturi għandhom jikkonkludu kuntratti għall-ħżin privat ta’ żejt taż-żebbuġa verġni bl-ingrossa skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Sabiex tiġi ddeterminata l-għajnuna li għandha tingħata għall-implimentazzjoni tal-kuntratti għall-ħżin privat taż-żejt taż-żebbuġa verġni bl-ingrossa, il-Kummissjoni tista’, f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 865/2004, tniedi sejħiet għal offerti għal perjodu ta’ żmien limitat. Matul proċedura ta’ tfigħ ta' offerti għal perjodu limitat, għandhom jitniedu sejħiet parzjali għal xogħol bl-appalt.

Artikolu 2

1.   Sejħa għal xogħol bl-appalt għal perjodu qasir ta’ żmien tista’ ssir meta jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikun hemm disturbi serji fis-suq f'ċerti reġjuni tal-Komunità li jistgħu jitnaqqsu jew jissolvew permezz ta' miżuri għall-ħżin privat ta' żejt taż-żebbuġa verġni bl-ingrossa,

(b)

il-prezz medju għal wieħed jew aktar minn dawn il-prodotti li ġejjin irreġistrat fis-suq matul perjodu ta’ mhux anqas minn ġimagħtejn ikun inqas minn:

EUR 1 779 għal kull tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa ekstra verġni;

EUR 1 710 għal kull tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa verġni;

EUR 1 524 għal kull tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa lampanti b’żewġ gradi ta’ aċidità ħielsa, b’dan l-ammont jonqos b’EUR 36.70 kull tunnellata għal kull grad addizzjonali ta’ aċidità.

2.   Sejħiet għal xogħol bl-appalt għal perjodu limitat ta’ żmien għandhom jispeċifikaw il-kwantità massima għall-proċedura sħiħa tal-offerta u jistgħu jispeċifikaw il-kwantitajiet massimi għal kull:

kategorija ta’żejt taż-żebbuġa verġni kif imsemmi fil-Parti I tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 865/2004;

reġjun Komunitarju jew Stat Membru.

Sejħiet għal xogħol bl-appalt għal perjodu limitat ta’ żmien jistgħu jkunu ristretti biss għal uħud mill-kategoriji ta’ żejt taż-żebbuġa verġni u r-reġjuni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Sejħiet għal xogħol bl-appalt għal perjodu limitat ta’ żmien jistgħu jingħalqu qabel tmiem il-perjodu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 865/2004.

Artikolu 3

Dawk l-operaturi biss li huma approvati għal dan il-għan mill-entità kompetenti fl-Istat Membru jistgħu jissottomettu offerti fir-rigward tas-sejħiet parzjali għal xogħol bl-appalt.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji u l-proċeduri għall-approvazzjoni ta’ dawn l-operaturi, li għandhom jaqgħu f’waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

organizzazzjoni ta' produtturi taż-żejt taż-żebbuġa li tħaddan fiha minn tal-inqas 700 produttur taż-żebbuġ jekk din taġixxi bħala organizzazzjoni għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni taż-żebbuġ u ż-żejt taż-żebbuġa;

(b)

organizzazzjoni ta' produtturi li tirrapreżenta minn tal-inqas 25 % tal-produtturi taż-żebbuġ jew tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fir-reġjun li tkun tinsab fih;

(ċ)

assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi minn żoni ekonomiċi differenti u magħmula minn tal-anqas minn għaxar organizzazzjonijiet ta' produtturi kif imsemmi f'(a) u (b) aktar ’il fuq, jew għadd ta' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw minn tal-anqas 5 % tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fl-Istat Membru kkonċernat;

(d)

mitħna b'faċilitajiet li jistgħu jagħsru tal-anqas żewġ tunnellati f'jum ta' xogħol ta' tmien sigħat u li pproduċiet total ta' mill-inqas 500 tunnellata ta' żejt taż-żebbuġa verġni fis-sentejn tas-suq preċedenti.

(e)

ditta tal-imballaġġ b’kapaċità, fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, ugwali minn tal-anqas għal 6 tunnellati ta’ żejt ippakkjat għal kull ġurnata ta’ xogħol ta’ tmien sigħat, u li matul is-sentejn tas-suq preċedenti ppakkjat mill-anqas total ta’ 500 tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa.

Jekk waħda mill-organizzazzjonijiet jew aktar li jipproduċu jew jikkummerċjalizzaw iż-żebbuġ u ż-żejt taż-żebbuġa hija/huma membru jew membri tal-organizzazzjoni msemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu, il-produtturi taż-żebbuġ involuti fi grupp bħal dan għandhom ikunu kkunsidrati individwalment meta jkun ikkalkulat l-għadd minimu ta' 700 produttur.

Artikolu 4

Għall-fini tal-approvazzjoni msemmija fl-Artikolu 3, l-operaturi għandhom jintrabtu b’impenn li:

(a)

jaċċettaw is-siġillar, mill-korp kompetenti fl-Istat Membru, tal-btieti li jkun fihom iż-żejt taż-żebbuġa konness ma’ kuntratt ta’ ħżin,

(b)

iżommu reġistrazzjoni tal-istokk, fejn xieraq, taż-żebbuġ li qed jkunu qed jaħżnu,

(ċ)

jagħmlu l-verifiki kollha previsti f’din l-iskema ta’ għajnuna għal kuntratti ta’ ħżin privat.

L-operaturi kkonċernati għandhom jagħmlu dikjarazzjoni tal-kapaċità tal-faċilitajiet tal-ħżin li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, jipprovdu pjan ta’ dawn il-faċilitajiet u jissottomettu provi ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3.

Artikolu 5

1.   L-operaturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 3 u 4 għandhom ikunu approvati u għandhom jingħataw numru tal-approvazzjonijiet fi żmien xahrejn li jibdew jgħoddu mix-xahar li fih ikun intbagħat il-fajl komplut li fih ikun hemm l-applikazzjoni.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 17(3):

(a)

l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa, l-unjons tagħhom u l-imtieħen u l-impriżi tal-imballaġġ li ngħataw l-awtorizzazzjoni mill-Istati Membri biex jassumu r-responsabbiltà ta’ ħżin privat fis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998/99 sa 2004/05 għandhom jitqiesu bħala approvati skont dan ir-Regolament jekk jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4.

(b)

ma tingħatax approvazzjoni jew l-approvazzjoni tiġi rtirata b’mod immedjat mingħand l-operatur jekk l-operatur ikkonċernat:

(i)

ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni;

(ii)

ikun suġġett għal proċedimenti mill-awtoritajiet kompetenti minħabba ksur tar-Regolament (KE) Nru 865/2004;

(iii)

ikun ġie ppenalizzat għall-ksur tal-iskema tal-għajnuna għall-produzzjoni prevista fir-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/EEC (4) fis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2002/03, 2003/04 u 2004/05;

(iv)

ikun ġie ppenalizzat għall-ksur tal-iskema ta’ finanzjament tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-operaturi taż-żejt previsi fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1638/98 (5) fis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2002/03, 2003/04 u 2004/05.

Artikolu 6

1.   Mhux aktar tard minn kull nhar ta’ Erbgħa, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-prezzijiet medji li jkunu rreġistraw fuq is-swieq ewlenin rappreżentattivi tagħhom fil-ġimgħa ta’ qabel għad-diversi kategoriji ta’ żejt elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 865/2004.

Dawn il-prezzijiet għandhom jiġu kkomunikati permezz ta’ ittra elettronika, flimkien mal-osservazzjonijiet dwar il-volum ta’ tranżazzjonijiet u dwar kemm dawn huma rappreżentattivi.

2.   Qabel l-għaxar jum ta’ kull xahar, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni stima tal-produzzjoni totali ta’ żejt taż-żebbuġa u żebbuġ tal-mejda għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti.

3.   Minn Settembru sa Mejju ta’ kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-ħmistax-il jum ta’ kull xahar, stima tal-produzzjoni totali ta’ żejt taż-żebbuġa u żebbuġ tal-mejda li tkun saret mill-bidu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata.

Biex jiksbu din id-dejta, l-Istati Membri jistgħu jużaw diversi sorsi ta’ informazzjoni, inkluża d-dejta fornuta mill-imtieħen tal-għasir u l-impriżi involuti fl-ipproċessar taż-żebbuġ tal-mejda, dejta mill-istħarriġ imniedi mill-operaturi fis-settur taż-żebbuġ u dejta mill-istimi tal-entitajiet statistiċi.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, qabel l-aħħar tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata, kemm ikun il-volum totali stmat ta’ żejt taż-żebbuġa u kemm tkun il-kwantità ta’ produzzjoni ta’ żebbuġ tal-mejda.

4.   L-Istati Membri għandhom joħolqu s-sistema ta’ ġbir ta’ dejta li jaħsbu li hi l-aktar adattata għalihom biex jiksbu u jħejju l-komunikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 u għandhom jispeċifikaw, kif ikun xieraq, l-obbligi marbuta mal-komunikazzjoni tad-dejta li għandhom josservaw l-operaturi kkonċernati fis-settur taż-żebbuġ.

5.   L-istimi tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu kkomunikati permezz ta' ittra elettronika fuq il-formola pprovduta mill-Kummissjoni.

6.   Il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu minn sorsi oħra ta’ informazzjoni.

Artikolu 7

L-iskadenzi għas-sottomissjoni tas-sejħiet għall-offerti fejn għandhom x’jaqsmu l-proċeduri għas-sejħiet parzjali għandhom ikunu kif ġej:

(a)

għal Novembru, Jannar, Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Settembru u Ottubru, mir-raba' sat-tmien jum tax-xahar sa nofsinhar u mit-tmintax sat-tnejn u għoxrin jum sa nofsinhar;

(b)

għal Awwissu, mit-tmintax sat-tlieta u għoxrin jum tax-xahar sa nofsinhar;

(c)

għal Diċembru, mid-disa’ sa l-erbatax-il jum tax-xahar sa nofsinhar.

Il-ħin tal-iskadenza għandu jkun il-ħin lokali Belġjan. Meta fi Stat Membru l-jum li fih tagħlaq l-iskadenza jinzerta jum ta’ btala għall-entità responsabbli biex tirċievi s-sejħiet għall-offerti, l-iskadenza għandha tagħlaq f’nofsinhar tal-jum ta’ xogħol preċedenti.

Artikolu 8

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 15, sejħiet għall-offerti għal kwantità minima ta’ 50 tunnellata għandhom jintefgħu b’riferiment għall-ammont ta’ għajnuna kull ġurnata, għall-ħżin privat ta’ 365 jum fi btieti ssiġillati u f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament għal żejt taż-żebbuġa verġni bl-ingrossa f'waħda mill-erba' kategoriji elenkati fil-Parti I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 865/2004.

2.   L-operaturi approvati għandhom jipparteċipaw fil-proċedura ta’ sejħa parzjali jew billi jissottomettu sejħa għall-offerta bil-miktub lill-entità kompetenti tal-Istat Membru, bl-akkwist ta’ rċevuta bħala prova li s-sejħa tkun waslet, jew permezz ta’ ittra elettronika trażmessa lil din l-entità.

Meta jipparteċipa fi proċedura ta’ sejħa parzjali għal aktar minn kategorija waħda ta’ żejt jew għal btieti li jkunu jinsabu f’indirizzi differenti, l-operatur għandu jissottometti sejħa għal xogħol bl-appalt separata għal kull każ.

L-offerta għandha tkun valida biss għal proċedura ta’ sejħa parzjali waħda. Ladarba jinxteħtu, is-sejħiet għal xogħol bl-applat ma jistgħux jiġu rtirati jew mibdula wara li tagħlaq l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerti.

Artikolu 9

1.   Is-sejħiet għall-offerti msemmija fl-Artikolu 8 għandhom jispeċifikaw:

(a)

referenza għal dan ir-Regolament u għall-proċedura tas-sejħa parzjali li għaliha tirreferi l-offerta;

(b)

l-isem u l-indirizz ta’ min jixħet is-sejħa għal xogħol bl-appalt;

(ċ)

il-kategorija tal-operatur approvat, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), u n-numru tal-approvazzjoni;

(d)

il-kwantità u l-kategorija taż-żejt jew iż-żjut koperti mill-offerta;

(e)

l-indirizz preċiż tal-lokal fejn ikunu jinsabu l-btieti tal-ħżin u l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-btieti li għalihom tirreferi l-offerta;

(f)

l-ammont ta’ għajnuna għal kull jum ta’ ħżin privat ta’ kull tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa, espress f’euro u mqarreb sa żewġ punti deċimali;

(g)

l-ammont tal-garanzija li għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 10 mogħti fil-munita tal-Istat Membru li fih l-offerta tkun magħmula.

2.   Biex ikun aċċertat li l-validità tagħhom hija rrikonoxxuta, l-offerti għandhom:

(a)

jinkitbu, flimkien mad-dokumenti rilevanti, bil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tal-korp kompetenti li jirċevihom,

(b)

ikunu mixħuta b’mod konformi ma’ dan ir-Regolament u jkun fihom id-dettalji kollha elenkati fil-paragrafu 1;

(ċ)

ma jkunx fihom kundizzjonijiet għajr dawk previsti f’dan ir-Regolament;

(d)

ikunu magħmula minn operatur approvat mill-Istat Membru li jirċevihom, u jkunu jikkonċernaw il-btieti tal-ħżin li jinsabu f’dak l-Istat Membru,

(e)

ikollhom magħhom prova li min għamel l-offerti jkun ħallas il-garanzija speċifikata fihom qabel tkun għalqet l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerti.

Artikolu 10

1.   Min jitfa’ l-offerti għandu jħallas garanzija ta’ EUR 50 għal kull tunnella ta’ żejt taż-żebbuġa kopert mill-offerta.

2.   Meta min jitfa’ l-offerta ma jirnexxilux jirbaħha, il-garanzija msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi rilaxxata minnufih wara li fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ikun ippubblikat l-ammont massimu ta’ għajnuna għall-proċedura tas-sejħa għall-offerti parzjali kkonċernata.

3.   Meta min jitfa’ l-offerta jirnexxilu jirbaħha, b’żieda mal-garanzija msemmija fil-paragrafu 1, għandha titħallas garanzija ta’ EUR 200 għal kull tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa kopert mill-offerta mhux aktar tard mill-ewwel jum ta’ meta jibda jgħodd il-kuntratt kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3).

4.   Ir-rekwiżit primarju fit-tifsira tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 għar-rilaxx tal-garanziji msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandu jkun il-ħżin għall-perjodu ta’ 6 xhur previst fl-offerta skont il-kundizzjonijiet kuntrattwali stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Madankollu, meta t-tul ta’ żmien tal-kuntratt jitnaqqas għal perjodu iqsar minn 6 xhur skont l-Artikolu 15, il-perjodu ta’ ħżin imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun twil daqs il-perjodu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

Artikolu 11

1.   L-offerti għandhom jinfetħu mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat mingħajr ma jkun hemm membri tal-pubbliku preżenti. Suġġett għall-paragrafu 2, il-persuni preżenti għall-iskrutinju għandhom ikunu marbuta b’obbligu li ma jiżvelaw l-ebda dettalji dwar dan.

2.   L-offerti validi għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni, ikklassifikati f’ordni ta’ ammont dejjem jiżdied, u mingħajr isem, permezz ta’ ittra elettronika, mhux aktar tard minn 48 siegħa wara li tkun għalqet l-iskadenza għat-tfigħ tal-offerti.

Jekk l-iskadenza tagħlaq il-Ġimgħa, l-offerti jiġu kkomunikati sa mhux aktar tard min-nofsinhar (ħin ta’ Brussell) tat-Tnejn li jkun imiss.

3.   Għal kull offerta kkomunikata għandhom jingħataw dettalji dwar il-kwantità, il-kategorija ta’ żejt u l-ammont imsemmi fl-Artikolu 9(1)(d) u (f). Barra dan, meta l-proċedura tiffissa l-kwantitajiet massimi għal kull reġjun, ir-reġjuni kkonċernati għandhom jiġu indikati għal kull offerta.

Artikolu 12

1.   Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 865/2004 u fuq il-bażi tas-sejħiet għall-offerti mitfugħa, ammont minimu ta' għajnuna għandha tiġi ffissata għal kull jum ta' ħżin privat mhux aktar tard mid-disa' jum ta' xogħol wara li tkun għalqet kull skadenza stabbilita għat-tfigħ tal-offerti skont il-proċeduri tas-sejħiet parzjali għal xogħol bl-appalt.

2.   L-ammont massimu ta’ għajnuna għandu jiġi ffissat fil-kuntest tas-sitwazzjoni u l-iżviluppi prevedibbli fis-suq taż-żejt taż-żebbuġa, u tal-opportunitajiet għal kontribuzzjoni sinjifikanti biex jiġi żgurat li s-suq ikun irregolat mill-miżura kkonċernata.

Barra dan, għandhom jitqiesu l-kwantitajiet li huma diġà koperti mill-kuntratti ta’ ħżin privat u l-kwantitajiet koperti mis-sejħiet għall-offerti li jkunu ntefgħu.

3.   Meta l-ammont massimu jkun qed jiġi ffissat u f’konformità mal-istess proċedura, l-offerti kollha fir-rigward ta’ kategorija ta’ żejt jew ta’ reġjun li għalihom tkun ġiet iffissata kwantità massima skont l-Artikolu 2(2), jistgħu jiġu rrifjutati meta, fil-każ tal-kategorija jew ir-reġjun ikkonċernati:

l-offerti ma jkunux rappreżentattivi, jew

l-ammont massimu ffissat jista’ jirriżulta f’eċċess tal-kwantità massima kkonċernata.

Artikolu 13

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 12(3), il-kuntratt għandu jingħata lil min jitfa’ l-offerta li tkun ġiet ikkomunikata skont l-Artikolu 11(2), u li tkun tikkorrispondi għall-ammont massimu ta’ għajnuna għal kull jum ta’ ħżin privat, jew għal ammont anqas fir-rigward tal-kwantità indikata fl-offerta.

Id-drittijiet u l-obbligi ta’ min ikun tefa’ l-offerta rebbieħa m’għandhomx ikunu trasferibbli.

2.   L-entità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat għandha tavża bil-miktub lil kull min ikun tefa’ offerta dwar ir-riżultat tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tas-sejħiet għal xogħol bl-appalt mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-ammont massimu tal-għajnuna f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt għandha tkun dik ta’ meta jintbagħat l-avviż ta’ aċċettazzjoni lil min ikun issottometta l-offerta rebbieħa.

Id-data li fiha tibda sseħħ l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, suġġett għall-ħlas tal-garanzija kif imsemmi fl-Artikolu 10(3), għandha tkun il-jum ta’ wara l-konklużjoni tal-kuntratt, u ż-żejt ikkonċernat irid jinħażen fil-kundizzjonijiet previsti fil-kuntratt.

Madankollu, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tista' ma tibdiex qabel ma l-btieti jkunu ssiġillati wara li minnhom jittieħdu l-kampjuni, skont il-paragrafu 4(ċ) u (d) ta’ hawn taħt.

4.   Fi żmien 30 jum minn meta jiġi konkluż il-kuntratt, l-entità kompetenti tal-Istat Membru għandha

(a)

tidentifika l-btieti li jkun fihom iż-żejt taż-żebbuġa kkonċernat,

(b)

tirreġistra l-piż nett taż-żejt,

(ċ)

tieħu kampjun rappreżentattiv tal-offerta,

(d)

tissiġilla kull bettija.

Meta l-Istat Membru jkun jista' joffri raġunijiet ġustifikati kif xieraq, l-iskadenza ta' tletin jum stabblita fl-ewwel subparagrafu tista' tiġi estiża bi ħmistax-il jum.

5.   Il-kampjun imsemmi fil-paragrafu 4(ċ) għandu jiġi analizzat mill-aktar fis possibbli biex jiġi żgurat li ż-żejt jikkorrispondi mal-kategorija ta’ żjut taż-żebbuġa verġni li għaliha l-kuntratt ikun ingħata.

Jekk l-analiżi tikkonferma li ż-żejt fil-bettija ma jikkorrispondix mal-kategorija li għaliha l-kuntratt ikun ingħata, il-kwantità kollha kemm hi koperta mill-offerta għandha tiġi rrifjutata u l-garanzija msemmija fl-Artikolu 10(1) tintilef.

Artikolu 14

1.   Il-kuntratt li tiegħu jsiru żewġ kopji għandu jkun fih mill-inqas din l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-entità kompetenti tal-Istat Membru;

(b)

l-indirizz postali sħiħ, in-numru tal-approvazzjoni u l-kategorija tal-kuntrattur, kif imsemmi fl-Artikolu 3;

(c)

l-indirizz preċiż tal-post tal-ħżin u l-lokalità tal-btieti kkonċernati;

(d)

id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt;

(e)

id-data tal-bidu u l-għeluq tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, suġġett għall-Artikolu 15;

(f)

referenza għal dan ir-Regolament u l-proċedura għas-sejħa parzjali tal-offerti għal xogħol bl-appalt ikkonċernata.

2.   Il-kuntratt għandu jkun fih referenza fir-rigward ta’ kull lott kopert minnu dwar:

(a)

il-kategorija u l-piż nett taż-żejt taż-żebbuġa verġni;

(b)

id-dettalji u l-lokalità tal-btieti li jkun fihom iż-żejt.

3.   Il-kuntratt għandu jeżiġi li l-kuntrattur:

(a)

iżomm maħżun, għal perjodu ta’ żmien miftiehem, il-kwantità miftiehma tal-prodott ikkonċernat, a spejjeż tiegħu u r-riskju għalih;

(b)

jaħżen żejt ta’ kategoriji differenti fi btieti separati, speċifikati fil-kuntratt u ssiġillati mill-entità kompetenti tal-Istat Membru;

(ċ)

jippermetti lill-entità kompetenti tal-Istat Membru tivverifika fi kwalunkwe ħin il-kompatibbiltà mar-rekwiżiti tal-kuntratt.

It-tibdil tal-btieti msemmi f’(b) hawn fuq irid jiġi awtorizzat minn dik l-entità, eżegwit fil-preżenza tagħha, iridu jittieħdu kampjuni rappreżentattivi tal-bettija kkonċernata u jitwaħħlu siġilli ġodda skont l-Artikolu 13(4)(ċ) u (d).

4.   Bla ħsara għall-Artikolu 15, fil-każ li kuntrattur jittermina l-kuntratt waqt li tkun għadha għaddejja l-eżekuzzjoni tiegħu, il-kuntrattur jitlef il-benefiċċju tal-għajnuna għall-perjodu sħiħ u għall-kwantitajiet kollha previsti fil-kuntratt.

Artikolu 15

1.   Fuq il-bażi tal-iżviluppi fis-suq taż-żejt taż-żebbuġa u l-prospetti għall-ġejjieni, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 865/2004, li tqassar it-terminu tal-kuntratti li jkunu fis-seħħ.

It-tibdil li jsir fil-kuntratti jista’ jitwettaq biss matul il-perjodu mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru, u ma jistax jidħol fis-seħħ qabel tmiem ix-xahar ta’ wara dak li fih ikun twettaq it-tibdil.

2.   Meta kuntratt jinbidel skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tistipula tnaqqis perċentwali li jrid jiġi applikat għall-għadd ta’ jiem ta’ eżekuzzjoni previsti wara data speċifikata għall-kuntratti kollha li jkunu jinsabu fis-seħħ f’dik id-data.

Artikolu 16

1.   Mid-data tal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3), jista’ jsir ħlas bil-quddiem li jikkorrispondi għall-għajnuna prevista b’riferiment għall-perjodu li jibda mid-data tal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt u li jintemm fil-31 ta’ Awwissu ta’ wara, sakemm titħallas garanzija għal ammont ugwali għal 120 % tal-ħlas bil-quddiem.

Fil-każ ta’ kuntratti li jkunu jinsabu fis-seħħ, mill-1 ta’ Jannar jista’ jsir ħlas bil-quddiem ulterjuri għall-perjodu li jibda fl-1 ta’ Settembru u jintemm hekk kif jiskadu dawk il-kuntratti, skont it-termini speċifikati fl-ewwel subparagrafu.

2.   Il-garanzija msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi rilaxxata immedjatament hekk kif jitħallas il-bilanċ tal-għajnuna f’konformità mal-Artikolu 18(3).

Artikolu 17

1.   Qabel ma jsir il-pagament finali tal-għajnuna, l-entità kompetenti tal-Istat Membru għandha:

(a)

tiġbor u tivverifika xhieda ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(b)

twettaq il-verifiki meħtieġa biex tiżgura li ż-żejt taż-żebbuġa kkonċernat kien baqa’ maħżun matul il-perjodu kollu ta’ ħżin kif imsemmi fil-kuntratt;

(c)

tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li jsiru l-verifiki ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-kuntratt.

2.   Il-verifiki ta’ konformità għandhom jinkludu spezzjoni fiżika tal-oġġetti maħżuna, flimkien ma’ skrutinju tal-kontijiet.

L-ispezzjoni fiżika għandha tkopri b’mod partikolari l-konformità tal-istokk kopert mill-kuntratt mal-kategoriji ta’ żejt previsti fil-kuntratt, il-preżenza tas-siġilli u tal-kwantitajiet previsti.

3.   Meta jkun hemm nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-kuntratt, l-għajnuna ma tingħatax, u bla ħsara għal penali oħra li jistgħu jiġu applikati, l-approvazzjoni tal-operatur għandha tiġi rtirata. Barra dan, il-garanziji msemmija fl-Artikoli 10 u 16 jintilfu skont it-termini tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85.

Artikolu 18

1.   L-ammont ta’ għajnuna għandu jiġi kkalkulat f’rabta mal-piż nett irreġistrat skont l-Artikolu 13(4)(b).

Ir-rata li trid tiġi applikata għall-kambju tal-ammont ta' għajnuna għall-ħżin privat għall-munita nazzjonali għandha tkun ir-rata tal-kambju agrikola applikabbli fid-data tal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3).

2.   Ir-rekwiżiti marbuta mal-kwantitajiet previsti fl-offerti u l-kuntratti għandhom jitqiesu bħala ssodisfati jekk fil-fatt ikunu ssodisfati fejn għandhom x'jaqsmu 98 % ta' dawn il-kwantitajiet.

Meta l-analiżi msemmija fl-Artikolu 13(5) ma tasalx biex tikkonferma li ż-żejt jikkorrispondi għall-kategorija li għaliha ġie mogħti l-kuntratt, il-kwantità kollha koperta mill-offerta għandha titqies bħala li mhijiex f'konformità.

3.   L-għajnuna, jew, meta jkun ingħata ħlas bil-quddiem skont l-Artikolu 16, il-bilanċ tal-għajnuna, għandhom jitħallsu biss meta r-rekwiżiti kollha tal-kuntratt ikunu ġew issodisfati. Il-ħlas tal-għajnuna, jew il-bilanċ tal-għajnuna, għandu jsir wara verifika ta’ konformità mar-rekwiżiti, fi żmien 60 jum minn mindu jkun skada l-kuntratt.

Artikolu 19

1.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġi applikat dan ir-Regolament u dwar il-kuntratt-kampjun.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw elettronikament lill-Kummissjoni l-kwantitajiet ta’ żejt taż-żebbuġa li għalihom tkun ingħatat għajnuna u li, kif ikun xieraq, ma jkunux is-suġġett ta’:

kuntratt;

konformità mal-kuntratt jew l-eżekuzzjoni sħiħa tiegħu.

Il-komunikazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jispeċifikaw il-proċedura kkonċernata tas-sejħiet parzjali għal xogħol bl-appalt u, kif ikun xieraq, il-kategoriji ta’ żejt, l-operaturi jew ir-reġjuni kkonċernati. Il-komunikazzjoni għandha ssir mill-aktar fis possibbli u mhux iktar tard mill-għaxar jum tax-xahar li jiġi wara x-xahar ikkonċernat.

Artikolu 20

Ir-Regolament (KE) Nru 2768/98 qiegħed b'dan jiġi mħassar.

Artikolu 21

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ tlitt ijiem wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta' Diċembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 161, 30.4.2004, p. 97, ikkoregut bil-ĠU L 206, 9.6.2004, p. 37.

(2)  ĠU L 205, 3.8.1985, p. 5. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 673/2004 (ĠU L 105, 14.4.2004, p. 17).

(3)  ĠU L 346, 22.12.1998, p. 14. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1432/2004 (ĠU L 264, 11.8.2004, p. 6).

(4)  ĠU 172, 30.9.1966, p. 3025/66.

(5)  ĠU L 210, 28.7.1998, p. 32.