9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

223


IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1318/2005

tal-11 ta' Awwissu 2005

li jemenda l-Annexx II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 dwar produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti tal-ikel

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 tal-24 ta' Ġunju 1991 dwar produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti tal-ikel (1) u b'mod partikulari t-tieni inċiż tal-Artikolu 13,

Billi:

(1)

Skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91, ċerti Stati Membri mill-2002 ippreżentaw informazzjoni bil-ħsieb li jinkludu ċerti prodotti fl-Anness II ta' dak ir-Regolament.

(2)

Ġir industrijali, prodott sekondarju mill-produzzjoni ta' melħ raffinat mill-ilma mielaħ li jinsab fil-muntanji, huwa meqjus essenzjali għal rekwiżiti speċifiċi għall-ikkundizzjonar u n-nutrizzjoni tal-ħamrija f'uħud mill-Istati Membri u nstab li ma kellu ebda impatt ta' ħsara fuq l-ambjent.

(3)

L-idrossidu tal-kalċju nstab li huwa essenzjali biex tkun ikkontrollata marda tal-fungus f'siġar tal-frott f'ċerti klimi. Il-kontroll ta' din il-marda fi produzzjoni organika huwa diffiċli u jirrikjedi l-użu tar-ram, liema użu jista' jitnaqqas billi jkun applikat l-idrossidu tal-kalċju.

(4)

L-etilene huwa diġà inkluż fil-Parti B tal-Anness II tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 bħala sustanza ta' użu tradizzjoni fil-biedja organika. Deher xieraq li jkunu kompluti l-kundizzjonijiet għall-użu ta' dik is-sustanza sabiex ikunu koperti, barra l-banana, ċertu frott ieħor li għalih l-etilene huwa meħtieġ fil-produzzjoni.

(5)

L-Anness II tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 għandu għalhekk ikun emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artiklu 1

L-Anness II tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artiklu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 11 ta' Awwissu 2005.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 198, 22.7.1991, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2254/2004 (ĠU L 385, 29.12.2004, p. 20)


ANNESS

L-Anness II tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 għandu għalhekk ikun emendat kif ġej:

(1)

Fit-tabella għall-Part A “Fertilizzanti u kundizzjonarji tal-ħamrija” l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata “ġir industrijali mill-produzzjoni taz-zokkor”:

Isem

Deskrizzjoni, rekwiżiti għall-kompożizzjoni, kundizzjonijiet għall-użu

“Ġir industrijali mill-produzzjoni ta’ melħ raffinat

Prodott sekondarju ta’ produzzjoni ta’ melħ raffinat minn ilma mielaħ li jinsab fil-muntanji

Ħtieġa rikonoxxuta mill-korp ta’ spezzjoni jew awtorità ta’ spezzjoni”

(2)

Fil-Parti B “Pestiċidi”, punt 1. “Prodotti għall-protezzjoni ta’ pjanti” huwa emendat kif ġej:

(a)

Fit-tabella IV “Sustanzi oħra minn użu tradizzjonali fil-biedja organika”, l-entrata rigward “etilene” hija mibdula b’li ġej:

Isem

Deskrizzjoni, rekwiżiti tal-kompożizzjoni, kundizzjonijiet għall-użu

“(*) Etilene

Sajran tal-banana, kiwi u kaki; Induzzjoni tal-fjura tal-ananas

Ħtieġa rikonoxxuta mill-korp ta’ spezzjoni jew awtorità ta’ spezzjoni”

(b)

Tiżdied it-tabella V li ġejja:

“V.   Sustanzi oħra

Isem

Deskrizzjoni, rekwiżiti ta’ kompożizzjoni, kundizzjonijiet għall-użu

Idrossidu tal-kalċju

Fungiċida

Fis-siġar tal-frott biss, fosthom mixtliet, biex tkun ikkontrollata n-Nectria galligena”