22.7.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

16


IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1159/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Lulju 2005

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 156 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2236/95 (3) jipprovdi, inter alia, għall-kofinanzjament ta' studji relatati ma' proġetti ta' interess komuni għal ammont li normalment ma jistax jaqbeż il-50 % ta' l-ispiża totali, filwaqt li l-kontribut massimu għal proġetti fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet ma jistax jaqbeż l-10 % ta' l-ispiża totali ta' l-investiment.

(2)

Id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar serje ta' linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej (4) tidentifika proġetti ta' interess komuni. L-esperjenza fl-implimentazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni uriet li inqas minn proġett wieħed f'għoxrin jinvolvi l-varar ta' servizz, waqt li l-bqija jkunu studji ta' fattibbiltà. Bħala riżultat l-impatt dirett ta' għajnuna mogħtija għan-netwerks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej huwa limitat.

(3)

L-ispiża tal-varar ta' servizz trans-Ewropew bażat fuq netwerks ta' komunikazzjoni ta' data elettronika hija ħafna ogħla mill-ispiża ta' servizz komparabbli fi Stat Membru wieħed minħabba ostakoli ta' lingwa, kultura, leġislazzjoni u amministrazzjoni.

(4)

L-ispiża ta' studju ta' tħejjija għal servizz fis-settur tat-telekomunikazzjoni instabet li hija ta' proporzjon ogħli ta' l-investiment totali meħtieġ għall-varar tas-servizz, u b' riżultat il-kontribut massimu li huwa permess taħt ir-Regolament (KE) Nru 2236/95 huwa applikat għal tali studji, li jipprekludi l-għoti ta' l-għajnuna għall-varar ta' servizzi. B'konsegwenza, l-għoti ta' għajnuna taħt dak ir-Regolament kellu effett dirett żgħir fl-istimulazzjoni tal-varar ta' servizzi.

(5)

L-għajnuna Komunitarja għandha tingħata preferibbilment lil proġetti li jimmiraw sabiex jistimulaw il-varar ta' servizzi u b'hekk jagħmlu l-akbar kontribut għall-iżvilupp tas-soċjetà ta' l-informazzjoni. Huwa neċessarju għalhekk li jiġi miżjud il-kontribut massimu fi proporzjon ma' l-ispejjeż effettivi li joħorġu min-natura trans-Ewropea ta' servizz. Żieda fil-kontribut Komunitarju għandha madankollu tiġi applikata biss għal servizzi ta' interess pubbliku li jridu jgħelbu l-ostakoli ta' lingwa, kultura, leġislazzjoni u amministrazzjoni,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Is-subparagrafu li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 2236/95:

“Fil-każ ta' proġetti ta' interess komuni identifikati fl-Anness I għad-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar serje ta' linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjoni (*) trans-Ewropej, l-ammont totali ta' l-għajnuna Komunitarja mogħtija taħt dan ir-Regolament jista' jilħaq it-30 % ta' l-ispiża totali ta' investiment.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar is-6 ta' Lulju 2005

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU C 234, tat-30.9.2003, p. 23.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Novembru 2003 (ĠU C 87 E, tas-7.4.2004, p. 22), Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2005.

(3)  ĠU L 228, tat-23.9.1995, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 807/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 143, tat-30.4.2004, p. 46).

(4)  ĠU L 183, tal-11.7.1997, p. 12. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1376/2002/KE (ĠU L 200, tat-30.7.2002, p. 1).