6.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

74


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 93/2005

tad-19 ta' Jannar 2005

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji li ġejjin mill-ħut u dokumenti kummerċjali għat-trasport ta' prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jistipula r-regoli tas-saħħa dwar il-prodotti sekondarji ta’ annimali u mhux intiżi għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness V, Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jistabbilixxi l-metodi għall-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali. Għal prodotti sekondarji ta’ l-annimali li ġejjin mill-ħut, il-metodu ta’ l-ipproċessar 6 huwa stipulat f’dak il-Kapitolu iżda l-parametri pproċessati mhumiex speċifikati.

(2)

Il-Kumitat ta’ Direzzjoni ippubblika numru ta' opinjonijiet li ndirizzaw is-suġġetti tas-sigurtà tal-prodotti sekondarji ta’ l-annimali nkluż il-ħut. Skond dawk l-opinjonijiet ir-riskju ta' enċefalopatija sponġiformi trasmettibbli (TSE) li ġejjin mill-prodotti sekondarji tal-ħut huwa negliġibbli.

(3)

Il-Kumitat Xjentifiku fuq is-Saħħa u s-Sigurtà ta’ l-Annimali, adottat rapport dwar l-użu ta’ prodotti sekondarji fl-akwakultura fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta’ Frar 2003.

(4)

Tajjeb illi jiġu stipulati r-rekwiżiti għall-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali li ġejjin mill-ħut skond dawk l-opinjonijiet u r-rapporti.

(5)

Tajjeb illi jiġu stipulati l-metodi ta’ l-ipproċessar ta’ materjali li probabilment ikun fihom numru għoli jew baxx ta’ aġenti kawżali, esklużi ċ-ċelluli tal-batterji

(6)

L-Annes II, tal-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jistipula li prodotti sekondarji ta’ l-annimali u l-prodotti pproċessati għandhom ikunu akkumpanjati minn dokument kummerċjali tul it-trasport tagħhom. Tajjeb illi jiġi stipulat mudell għal dak id-dokument kummerċjali.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 għandu għalhekk jiġi emendat.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi V u II tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 huma amendati skond l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar id-19 ta' Jannar 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Regolament kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 668/2004 (ĠU L 112, 19.4.2004, p. 1).


ANNESS

L-Annessi II u V tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 huma emendati kif ġej:

1)

Fl-Anness V tal-Kapitolu III, il-Metodu 6 qed jiġi mibdul b'dan li ġej:

“Metodu 6

Għall-prodotti sekondarji li ġejjin mill-ħut biss u li jaqgħu fil-Kategorija 3

Tnaqqis

1.

Il-prodotti sekondarji ta’ l-annimali jridu jitnaqqsu mill-anqas sa:

a)

50 millimetru f’każ ta’ trattament bis-sħana skond il-paragrafu 2(a), jew

b)

30 millimetru f’każ ta’ trattament bis-sħana skond il-paragrafu 2(b),

Dawn iridu wkoll jitħalltu ma' l-aċidu formiku sabiex jitnaqqas u jinżamm il-pH sa 4.0 jew anqas. It-taħlita trid tinħażen għal mill-anqas 24 siegħa sakemm ikun hemm trattament ulterjuri.

Ħin u temperatura

2.

Wara t-tnaqqis, it-taħlita trid tiġi msaħħna sa:

a)

it-temperatura prinċipali ta’ mill-anqas 90 °C għal mill-anqas 60 minuta, jew

b)

it-temperatura prinċipali ta’ mill-anqas 70 °C għal mill-anqas 60 minuta.

Meta tintuża sistema ta’ flussi kontinwi, il-progressjoni tal-prodott fil-konvertitur tas-sħana trid tiġi kkontrollata permezz ta’ kmandi mekkaniċi li jillimitaw iċ-ċaqlieq b’tali mod illi fl-aħħar ta’ l-operazzjoni tat-trattament bis-sħana il-prodott ikun għadda minn ċiklu li jkollu ħin u temperatura biżżejjed.”

2)

Fl-Anness II, qed jiġi miżjud il-Kapitolu li ġej bħala l-Kapitolu X:

“KAPITOLU X

Dokument kummerċjali

1.

Id-dokument kummerċjali li ġej għandu jakkumpanja l-prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali u l-prodotti pproċessati tul it-trasport. Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw dokument kummerċjali differenti għall-prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali u li jiġu trasportati fi ħdan l-Istess Stat Membru.

2.

Meta jkun involut aktar minn trasportatur wieħed, kull trasportatur għandu jimla dikjarazzjoni kif imsemmi fil-punt 7 tad-dokument kummerċjali, li għandu jkun parti mid-dokument.

MUDELL TA’ DOKUMENT KUMMERĊJALI BIEX JINTUŻA GĦAT-TRASPORT FI ĦDAN IL-KOMUNITÀ EWROPEA TA’ PRODOTTI SEKONDARJI TA’ L-ANNIMALI U PRODOTTI PPROĊESSATI

Noti

a)

Għandhom jiġu prodotti dokumenti kummerċjali skond il-mudell li jidher f’dan l-Anness. Dan għandu jkun fih, fl-ordni enumerat li jidher fil-mudell, l-attestazzjonijiet meħtieġa għat-trasport tal-prodotti sekondarji ta' l-annimali u l-prodotti pproċessati li jinkisbu minnhom.

b)

Għandu jiġi mfassal f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru ta' l-UE ta' l-oriġini jew tad-destinazzjoni, skond il-każ. Madanakollu, jista’ jiġi mfassal ukoll f’lingwi oħrajn ta’ l-UE, jekk ikun akkumpanjat minn traduzzjoni uffiċjali jew jekk taqbel ma’ dan minn qabel l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni.

ċ)

Id-dokument kummerċjali jrid jiġi prodott mill-anqas fi tlett kopji (oriġinal wieħed u żewġ kopji). L-oriġinal irid jakkumpanja l-kunsinna sad-destinazzjoni finali tagħha. Il-persuna li tkun qed tirċievi trid iżżommu. Il-produttur irid iżomm waħda mill-kopji u l-oħra trid tinżamm mill-kurrier.

d)

L-oriġinali ta’ kull dokument kummerċjali trid tkun magħmula minn paġna waħda, żewġ nahat, jew fejn ikun hemm bżonn ta’ aktar ktiba għandha tkun f’tali forma li l-paġni kollha bżonnjużi jkunu jiffurmaw parti minn ħaġa waħda u indiviżibbli.

e)

Jekk għal skopijiet ta’ identifikazzjoni ta’ l-oġġetti tal-kunsinna jiġu mehmuża paġni addizjonali mad-dokument, dawn il-paġni għandhom jiġu kkunsidrati wkoll bħala parti mill-oriġinali tad-dokument billi titpoġġa l-firma tal-persuna responsabbli, f’kull waħda mill-paġni.

f)

Meta d-dokument, inkluż il-paġni addizzjonali msemmija f' e), jkun fih aktar minn paġna waħda, kull paġna għandha tkun enumerata - (numru tal-paġna) minn (numru totali ta’ paġni) – fin-naħa t’isfel u għandu jkun fiha n-numru tal-kodiċi tad-dokument li jkun ġie mogħti mill-persuna responsabbli fin-naħa ta’ fuq.

g)

L-oriġinal tad-dokument irid jitlesta u jiġi ffirmat mill-persuna responsabbli. Waqt li tagħmel dan, il-persuna responsabbli għandha tiżgura illi l-prinċipji tad-dokumentazzjoni kif stipulati fl-Anness II tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jiġu segwiti. Id-dokument kummerċjali għandhom jispeċifikaw:

id-data li fiha l-materjal ikun ittieħed minn fuq il-post;

id-deskrizzjoni tal-materjal, inkluż l-identifikazzjoni tal-materjal, l-ispeċji ta’ l-annimali għall-materjal tal-Kategorija 3 u l-prodotti pproċessati li ġejjin minnhom għall-użu bħala għalf u, jekk dan ikun applikabbli, in-numru tat-tikketta ta’ fuq il-widna;

il-kwantità tal-materjal;

il-post ta’ l-oriġini tal-materjal;

l-isem u l-indirizz tal-kurrier;

l-isem u l-indirizz tal-persuna li tkun qed tirċievi, u, skond il-każ, in-numru ta’ l-approvazzjoni; u

skond il-każ, in-numru ta’ l-approvazzjoni ta' l-impjant ta' l-oriġini, u l-għamla u l-metodi tat-trattament.

h)

Il-kulur tal-firma tal-persuna responsabbli għandha tkun differenti minn dik ta’ l-istampar.

i)

Id-dokument kummerċjali għandu jinżamm għal perijodu ta’ mill-anqas sentejn għall-preżentazzjoni lil — awtorità kompetenti sabiex tivverifika d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni