4.2.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

22


ID-DIRETTIVA 2005/89/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Jannar 2006

dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista ta’ l-elettriku u ta’ l-investiment fl-infrastruttura

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku (3) tat kontribut importanti għall-ħolqien tas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku. Il-garanzija ta’ livell għoli ta’ sigurtà fil-provvista ta’ l-elettriku hija objettiv ewlieni għall-funzjonament b’suċċess tas-suq intern u dik id-Direttiva tagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq intrapriżi fil-qasam ta’ l-elettriku, fost l-oħrajn, f’relazzjoni mas-sigurtà fil-provvista. Dawk l-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu definiti b’mod l-aktar preċiż u strett possibbli u m’għandhomx jirriżultaw fil-ħolqien ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ l-elettriku li teċċedi dak li jkun neċessarju sabiex jiġi evitat qtugħ mhux mistenni fid-distribuzzjoni ta’ l-elettriku lill-konsumaturi finali.

(2)

It-talba għall-elettriku tkun normalment imbassra fuq żmien medju fuq il-bażi ta’ xenarji elaborati minn operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni jew minn organizzazzjonijiet oħra li jkunu kapaci jibnuhom fuq talba ta’ xi Stat Membru.

(3)

Suq waħdieni u kompetittiv fil-qasam ta’ l-elettriku fl-UE jeħtieġ linji politiċi trasparenti u mhux diskriminatorji dwar is-sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku li jkunu kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ suq bħal dan. In-nuqqas ta’ tali linji politiċi fl-Istati Membri individwali, jew il-presenza ta’ differenzi sinifikattivi bejn il-linji politiċi ta’ l-Istati Membri jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Id-definizzjoni ta’ rwoli u responsabbiltajiet ċari ta’ l-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll ta’ l-Istati Membri nfushom u ta’ l-atturi relevanti kollha fis-suq, hija għalhekk kruċjali fis-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku u għal tħaddim korrett tas-suq intern filwaqt li fl-istess ħin timpedixxi l-ħolqien ta’ ostakoli għal min irid jidħol fis-suq, bħal kumpanniji li jiġġeneraw jew ifornu l-elettriku f’xi Stat Membru li jkunu reċentement bdew l-operazzjonijiet tagħhom f’dak l-Istat Membru, u timpedixxi l-ħolqien ta’ distorsjonijiet tas-suq intern ta’ l-elettriku jew ta’ diffikultajiet sinifikattivi għall-atturi fis-suq, inklużi kumpanniji b’ishma żgħar tas-suq, bħal ġeneraturi jew fornituri b’sehem żgħir ħafna tas-suq Komunitarju relevanti.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 1229/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi sensiela ta’ linji gwida għall-politika tal-Komunità dwar networks trans-Ewropej ta’ l-enerġija. Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (5) jistabbilixxi, inter alia, il-prinċipji ġenerali u regoli dettaljati fir-rigward ta’ ġestjoni tal-konġestjoni.

(5)

Fil-promozzjoni ta’ l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, huwa meħtieġ li tiġi żgurata d-disponibbilità ta’ kapaċità assoċjata ta’ back-up, fejn tkun meħtieġa teknikament, sabiex tinżamm l-affidabbiltà u s-sigurtà tan-network.

(6)

Sabiex jintlaħqu l-impenji ambjentali tal-Komunità u sabiex titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-enerġija importata, huwa importanti li jittieħed kont ta’ l-effetti fit-tul taż-żieda fid-domanda għall-elettriku.

(7)

Il-koperazzjoni bejn operaturi nazzjonali tas-sistema ta’ trasmissjoni fi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tan-networks, inklużi d-definizzjoni tal-kapaċitajiet ta’ trasferiment, tal-forniment ta’ informazzjoni u tal-proġettazzjoni tan-networks, hija vitali għall-iżvilupp ta’ suq intern li jaħdem sew u tista’ tittejjeb aktar. In-nuqqas ta’ ko-ordinazzjoni fir-rigward tas-sigurtà tan-networks hija ta’ ħsara għall-iżvilupp ta’ kondizzjonijiet ugwali għall-kompetizzjoni.

(8)

L-għan prinċipali tar-regoli u r-rakkomandazzjonijiet tekniċi relevanti bħal dawk li jinsabu fil-manwal ta’ operazzjoni ta’ l-Unjoni għall-Ko-ordinazzjoni tat-Trasmissjoni ta’ l-Elettriku (UCTE), ta’ regoli u rakkomandazzjonijiet simili żviluppati min-NORDEL, tal-Kodiċi tar-Retikolat tal-Baltiku u ta’ dawk adottati għas-sistemi tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda, huwa li dawn jipprovdu sostenn lill-operazzjoni teknika tan-network interkonnessa, u b’hekk jikkontribwixxu sabiex tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta’ operazzjoni kontinwa tan-network fil-każ ta’ qtugħ fis-sistema f’punt individwali jew f’punti fin-network u sabiex titnaqqas l-ispiza relatata mal-mitigazzjoni ta’ qtugħ bħal dan fil-provvista.

(9)

L-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni għandhom ikunu meħtieġa jfornu servizz ta’ livell għoli lill-konsumaturi finali f’termini ta’ frekwenza u ta’ dewmien ta’ qtugħ.

(10)

Il-miżuri li jistgħu jintużaw sabiex jiżguraw li jinżammu livelli xierqa ta’ kapaċità ta’ riżerva ta’ ġenerazzjoni, għandhom ikunu bbażati fuq is-suq u jkunu non-diskriminatorji u jistgħu jinkludu miżuri bħal garanziji kontrattwali u arranġamenti, għażliet ta’ kapaċità jew obbligi ta’ kapaċità. Dawn il-miżuri jistgħu jiġu supplementati bi strumenti non-diskriminatorji oħra bħal rati ta’ ħlas skond il-kapaċità.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li tkun disponibbli informazzjoni adegwata minn qabel, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-miżuri li jittieħdu sabiex jinżamm il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fost investituri attwali u potenzjali fil-ġenerazzjoni u fost il-konsumaturi ta’ l-elettriku.

(12)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 86, 87 u 88 tat-Trattat, huwa importanti li l-Istati Membri jwaqqfu qafas mhux ambigwu, adattat u stabbli li jiffaċilita s-sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku u jwassal għal investimenti fil-kapaċità ta’ ġenerazzjoni u għal metodi tekniċi ta’ l-immaniġġar tad-domanda. Huwa importanti wkoll li jittieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw qafas regolatorju li jħeġġeġ l-investiment f’interkonnessjonijiet ġodda fit-trasmissjoni, speċjalment bejn l-Istati Membri.

(13)

Il-Kunsill Ewropew f’Barċellona fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2002 qabel dwar livell ta’ interkonnessjoni bejn l-Istati Membri. Livelli baxxi ta’ interkonnessjoni għandhom l-effett li jifframmentaw is-suq u huma ta’ xkiel għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni. L-eżistenza ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni fiżika adegwata ta’ trasmissjoni, sew jekk transkonfinali jew le, hija kruċjali iżda mhijiex kondizzjoni suffiċjenti sabiex il-kompetizzjoni tkun effettiva kompletament. Fl-interess tal-konsumaturi finali, ir-relazzjoni bejn il-benefiċji potenzjali ta’ proġetti ġodda ta’ interkonnessjoni u n-nefqa għal tali proġetti għandha tkun bilanċjata b’mod raġonevoli.

(14)

Filwaqt li huwa importanti li l-kapaċitajiet massimi ta’ trasferiment disponibbli jiġu determinati mingħajr il-ksur tar-rekwiżiti għal operazzjoni bla periklu tan-networks, huwa importanti wkoll f’dak ir-rispett li wieħed jiżgura trasparenza sħiħa fil-kalkolu ta’ kapaċità u fil-proċedura ta’ allokazzjoni fis-sistema ta’ trasmissjoni. B’dan il-mod jista’ jkun possibbli li jsir użu aħjar tal-kapaċità eżistenti u ma jingħatawx lis-suq sinjali foloz ta’ skarsezza, bħala sostenn lejn il-kisba ta’ suq intern kompetitiv kif previst fid-Direttiva 2003/54/KE.

(15)

L-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni jeħtieġu qafas regolatorju adegwat u stabbli għall-investiment u għall-manteniment u t-tiġdid tan-networks.

(16)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/54/KE jeħtieġ l-Istati Membri sabiex jissorveljaw u jressqu rapport dwar is-sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku. Dan ir-rapport għandu jkopri fatturi marbuta ma’ termini ta’ żmien qasir, ta’ żmien medju u ta’ żmien twil relevanti għas-sigurtà tal-provvista inkluża l-intenzjoni ta’ l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni li jinvestu fin-network. Fit-tħejjija ta’ tali rapport, l-Istati Membri jkunu mistennija li jirreferu għal informazzjoni u stimi li jkunu diġà qegħdin isiru mill-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni sew fuq bażi individwali kif ukoll fuq bażi kollettiva, anke fuq livell Ewropew.

(17)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implementazzjoni effettiva ta’ din id-Direttiva.

(18)

Ladarba l-għanijiet ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri li jiġu żgurati l-provvisti ta’ l-elettriku abbażi ta’ kompetizzjoni ġusta u l-ħolqien ta’ suq intern ta’ l-elettriku kompletament operattiv, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ l-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tistà tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri mmirati lejn is-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern ta’ l-elettriku u sabiex jiġu żgurati:

(a)

livell adegwat ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni;

(b)

bilanċ adegwat bejn il-provvista u d-domanda;

u

(ċ)

livell xieraq ta’ interkonnessjoni bejn l-Istati Membri għall-iżvilupp tas-suq intern.

2.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas li fih l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu politika trasparenti, stabbli u mhux diskriminatorja dwar is-sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ suq intern kompetittiv għall-elettriku.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet disposti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/54/KE. Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“awtorità regolatorja” tfisser l-awtoritajiet regolatorji fl-Istati Membri, kif nominati skond l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/54/KE;

(b)

“sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku” tfisser il-kapaċità ta’ sistema ta’ l-elettriku li tipprovdi elettriku lill-konsumaturi finali, kif previst f’din id-Direttiva;

(ċ)

“sigurtà operattiva tan-network” tfisser l-operazzjoni kontinwa tan-network tat-trasmissjoni u, fejn ikun il-każ, ta’ distribuzzjoni taħt ċirkostanzi prevedibbli;

(d)

“bilanċ bejn provvista u domanda” tfisser is-sodisfazzjon ta’ domandi prevedibbli ta’ konsumaturi sabiex jużaw l-elettriku mingħajr il-ħtieġa li jiġu nfurzati miżuri sabiex jitnaqqas il-konsum.

Artikolu 3

Disposizzjonijiet Ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku billi jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiffaċilitaw klima ta’ investiment stabbli u billi jiddefinixxu l-irwoli u r-responsabbiltajiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet regolatorji fejn relevanti, u l-atturi relevanti kollha tas-suq, u jippubblikaw informazzjoni dwarhom. L-atturi relevanti tas-suq jinkludu, inter alia, l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni, il-ġeneraturi ta’ l-elettriku, il-fornituri, u l-konsumaturi finali.

2.   Fl-implementazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta’:

(a)

l-importanza li tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvisti ta’ l-elettriku;

(b)

l-importanza ta’ qafas regolatorju trasparenti u stabbli;

(ċ)

is-suq intern u l-possibbiltajiet ta’ koperazzjoni transkonfinali f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku;

(d)

il-ħtieġa tal-manutenzjoni regolari u fejn meħtieġ tat-tiġdid tan-networks ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni għall-manteniment tal-prestazzjoni tan-network;

(e)

l-importanza li tiġi żgurata l-implementazzjoni korretta tad-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern ta’ l-elettriku (6) u tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar il-promozzjoni ta’ kogenerazzjoni bbażata fuq domanda għal sħana utli fis-suq intern ta’ l-enerġija (7) sa fejn id-disposizzjonijiet tagħhom huma relatati mas-sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku;

(f)

il-ħtieġa li tiġi żgurata kapaċità ta’ riserva suffiċjenti ta’ trasmissjoni u ta’ ġenerazzjoni għall-operazzjoni stabbli;

u

(g)

l-importanza li jitħeġġeġ it-twaqqif ta’ swieq għall-ingrossa likwidi.

3.   Fl-implementazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont ukoll ta’:

(a)

il-grad ta’ diversità fil-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku fil-livell nazzjonali jew reġjonali relevanti;

(b)

l-importanza li jitnaqqsu l-effetti fuq żmien fit-tul taż-żieda fid-domanda għall-elettriku;

(ċ)

l-importanza li jitħeġġu l-effiċjenza fil-konsum ta’ l-enerġija u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari teknoloġiji għall-immaniġġar tad-domanda, teknoloġiji għall-enerġija rinnovabbli u l-ġenerazzjoni distribwita;

u

(d)

l-importanza li jitneħħew il-barrieri amministrattivi għall-investimenti fl-infrastruttura u fil-kapaċità ta’ ġenerazzjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull miżura adottata skond din id-Direttiva tkun non-diskriminatorja u ma timponix piż eċċessiv fuq l-atturi tas-suq, inklużi l-atturi ġodda fis-suq u l-kumpanniji b’ishma żgħar fis-suq. L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu kont, qabel l-adozzjoni tagħhom, ta’ l-impatt tal-miżuri fuq il-prezz ta’ l-elettriku għall-konsumaturi finali.

5.   Filwaqt li jiġi żgurat livell xieraq ta’ interkonnessjoni bejn l-Istati Membri, kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)(ċ), għandha tingħata konsiderazzjoni speċjali:

(a)

lis-sitwazzjoni ġeografika speċifika ta’ kull Stat Membru,

(b)

sabiex jinżamm bilanċ raġjonevoli bejn in-nefqa għall-bini ta’ interkonnetturi ġodda u l-benefiċċju għall-konsumaturi finali,

u

(ċ)

sabiex jiġi żgurat li l-interkonnetturi eżistenti ikunu wżati effiċjentement kemm jista’ jkun.

Artikolu 4

Sigurtà Operattiva tan-Networks

1.

(a)

L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni jistabbilixxu regoli u obbligi operattivi minimi ta’ sigurtà tan-network.

Qabel ma jistabbilixxu tali regoli u obbligi, huma għandhom jikkonsultaw ma’ l-atturi relevanti fil-pajjiżi li magħhom teżisti interkonnessjoni.

(b)

Minkejja l-ewwel paragrafu tal-punt (a), l-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni jippreżentaw dawn ir-regoli u obbligi lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni.

(ċ)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi tat-trasmissjoni u fejn ikun il-każ ta’ distribuzzjoni jikkonformaw mar-regoli u obbligi operattivi minimi ta’ sigurtà tan-network.

(d)

L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni jżommu livell xieraq ta’ sigurtà operattiva tan-network.

Għal dak il-għan, l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni għandhom iżommu livell ta’ kapaċità ta’ riserva ta’ trasmissjoni teknika għas-sigurtà operattiva tan-network u għandhom jikkoperaw ma’ l-operaturi konċernati tas-sistemi ta’ trasmissjoni li magħhom ikunu interkonnessi.

Il-livell ta’ ċirkustanzi prevedibbli li taħthom għandha tinżamm is-sigurtà għandu jkun definit fir-regoli tas-sigurtà operattiva tan-network.

(e)

L-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi interkonnessi ta’ trasmissjoni u, fejn ikun il-każ, ta’ distribuzzjoni jiskambjaw informazzjoni dwar l-operazzjoni tan-networks b’mod tempestiv u effettiv skond ir-rekwiżiti operattivi minimi. Fejn meħtieġ l-istess rekwiżiti għandhom, japplikaw għall-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni li jkunu interkonessi ma’ operaturi barra mill-Komunità.

2.   L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u fejn ikun il-każ ta’ distribuzzjoni jistabbilixxu u jilħqu miri ta’ kwalità ta’ provvista u ta’ sigurtà operattiva tan-networks. Dawn il-miri għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet kompetenti u l-implementazzjoni tagħhom għandha tkun immonitorjata minnhom. Dawn il-miri għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji u għandhom jiġu pubblikati.

3.   Fit-teħid tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/54/KE u fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003, l-Istati Membri ma għandhomx jiddiskriminaw bejn kuntratti transkonfinali u kuntratti nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-restrizzjonijiet fuq il-provvisti f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jkunu bbażati fuq kriterji predefiniti relatati mal-immaniġġar ta’ l-iżbilanċi mill-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni. Kull miżura ta’ salvagwardja għandha tittieħed f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ operaturi relevanti oħra ta’ sistemi ta’ trasmissjoni, fir-rispett ta’ kull ftehim bilaterali relevanti, inklużi dawk il-ftehmiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni.

Artikolu 5

Żamma ta’ bilanċ bejn il-provvista u d-domanda

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex iżommu bilanċ bejn id-domanda għall-elettriku u l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni disponibbli.

B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom:

(a)

mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti partikolari ta’ sistemi żgħar u iżolati, jinkoraġġixxu t-twaqqif ta’ qafas ta’ suq ta’ l-ingrossa li jipprovdi sinjali adattati tal-prezzijiet għall-ġenerazzjoni u għall-konsum;

(b)

jesiġu li l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni jiżguraw li jkun disponibbli livell adattat ta’ kapaċità ta’ riserva ta’ ġenerazzjoni għall-finijiet ta’ bilanċ u/jew jadottaw miżuri ekwivalenti bbażati fuq is-suq.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu ukoll jieħdu miżuri addizzjonali, li jinkludu:

(a)

disposizzjonijiet li jiffaċilitaw kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni u d-dħul fis-suq ta’ kumpanniji ġodda ta’ ġenerazzjoni;

(b)

it-tneħħija ta’ barrieri li jimpedixxu l-użu ta’ kuntratti interrompibbli;

(ċ)

it-tneħħija ta’ barrieri li jimpedixxu kuntratti li jvarjaw fit-tul kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi;

(d)

l-inkoraġġament ta’ l-adozzjoni ta’ teknoloġiji għall-immaniġġar tad-domanda fil-ħin reali bħal sistemi avvanzati ta’ kejl;

(e)

l-inkoraġġament ta’ miżuri għall-konservazzjoni ta’ l-enerġija;

(f)

proċeduri għall-offerti jew kull proċedura ekwivalenti f’termini ta’ trasparenza u non-diskriminazzjoni skond l-Artikolu 7 (1) tad-Direttiva 2003/54/KE.

3.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-miżuri li jittieħdu skond dan l-Artikolu u għandhom jiżguraw l-aktar disseminazzjoni mifruxa possibbli.

Artikolu 6

Investiment fin-Network

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas regolatorju li:

(a)

jipprovdi sinjali ta’ investiment għal operaturi fin-networks tas-sistemi kemm ta’ trasmissjoni kif ukoll ta’ distribuzzjoni sabiex jiżviluppaw in-networks tagħhom sabiex ilaħħqu mad-domanda prevedibbli mis-suq;

u

(b)

jiffaċilita l-manutenzjoni u, fejn ikun meħtieġ, it-tiġdid tan-networks tagħhom.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1228/2003, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-investiment kummerċjali fl-interkonessjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar l-investimenti fl-interkonessjoni jittieħdu b’ko-operazzjoni mill-qrib bejn l-operaturi relevanti tas-sistemi ta’ trasmissjoni.

Artikolu 7

Rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapport imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/54/KE jkopri l-adegwatezza ġenerali tas-sistema ta’ l-elettriku sabiex tforni kurrent u d-domanda prevista għall-elettriku, u jinkludi:

(a)

is-sigurtà operattiva tan-network;

(b)

il-bilanċ previst tal-provvista u d-domanda għall-perjodu tal-ħames snin li jkunu ġejjin;

(ċ)

il-prospetti għas-sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku għall-perjodu ta’ bejn 5 u 15 il-sena mid-data tar-rapport;

(d)

l-intenzjonijiet ta’ investiment, għall-ħames snin kalendarji jew aktar li jkunu ġejjin, ta’ l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni jew dawk ta’ xi parti oħra li bihom huma jkunu jafu fir-rigward tal-forniment ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni transkonfinali.

2.   L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom iħejju r-rapport f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni. L-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni għandhom, jekk ikun il-każ, jikkonsultaw ma’ l-operaturi tas-sistemi viċini ta’ trasmissjoni.

3.   It-taqsima tar-rapport relatata ma’ l-intenzjonijiet ta’ investiment fl-interkonnessjoni msemmija fil-paragrafu (1)(d) għandha tieħu kont ta’:

(a)

il-prinċipji ta’ l-immaniġġar tal-konġestjoni, kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1228/2003;

(b)

il-linji ta’ trasmissjoni eżistenti u proġettati;

(ċ)

il-karatteristiċi mistennija ta’ ġenerazzjoni, provvista, skambji transkonfinali u konsum, b’kont meħud tal-miżuri tal-immaniġġar tad-domanda,

u

(d)

il-miri reġjonali, nazzjonali u Ewropej ta’ żvilupp sostenibbli, inklużi dawk il-proġetti li jagħmlu parti mill-Assi għall-proġetti prijoritarji esposti fl-Anness I mad-Deċiżjoni Nru 1229/2003/KE.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operauri tas-sistemi ta’ trasmissjoni jipprovdu informazzjoni dwar l-intenzjonijiet tagħhom ta’ investiment jew dwar dawk ta’ kull parti oħra li biha huma jkunu jafu dwar il-forniment ta’ kapaċità ta’ inter-konnessjoni transkonfinali.

L-Istati Membri jistgħu ukoll jesiġu li l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni jipprovdu informazzjoni dwar investimenti relatati ma’ kostruzzjoni ta’ linji interni li jolqtu materjalment il-forniment ta’ interkonnessjoni transkonfinali.

4.   L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-mezzi meħtieġa għall-aċċess għad-data relevanti jkunu aġevolati għall-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u/jew għall-awtoritajiet kompetenti fejn din id-data tkun relevanti fl-izvilupp ta’ dan ix-xogħol.

Għandu jiġi żgurat li ma tiġix żvelata informazzjoni kunfidenzjali.

5.   Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni msemmija fir-raba’ inċiż tal-paragrafu 1(d), riċevuta mill-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Grupp Ewropew Regolatorju għall-Elettriku u l-Gass stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummisjoni 2003/796/KE (8) dwar l-investimenti proġettati u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-miri stabbiliti fl-Artikolu 1(1).

Dan ir-rapport jista’ jiġi marbut mar-rappurtar previst fil-punt (ċ) ta’ l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2003/54/KE u għandu jiġi pubblikat.

Artikolu 8

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti, u disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-24 ta’ Frar 2008. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu riferiment għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali riferiment meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif isiru tali riferimenti għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   Sal-1 ta’ Diċembru 2007, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 9

Rappurtar

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja u tirrivedi l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandha tippreżenta rapport dwar il-progress miksub lill-Parlament Ewropej u lill-Kunsill sa l-24 ta’ Frar 2010.

Artikolu 10

Dħul fis-Seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar it-18 ta’ Jannar 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  ĠU C 120, ta’ l-20.5.2005, p. 119.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2005 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005.

(3)  ĠU L 176, tal-15.7.2003, p. 37. Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/85/KE (ĠU L 236, tas-7.7.2004, p. 10).

(4)  ĠU L 176, tal-15.7.2003, p. 11.

(5)  ĠU L 176, tal-15.7.2003, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1223/2004 (ĠU L 233, tat-2.7.2004, p. 3).

(6)  ĠU L 283, tas-27.10.2001, p. 33. Direttiva kif emendata bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003.

(7)  ĠU L 52, tal-21.2.2004, p. 50.

(8)  ĠU L 296, ta’ l-14.11.2003, p. 34.