30.9.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

11


ID-DIRETTIVA 2005/35/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Settembru 2005

dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-politika dwar is-sigurtà marittima tal-Komunità timmira lejn livell għoli ta' sigurtà u ta' protezzjoni ta' l-ambjent u hija bbażata fuq il-fehma li l-partijiet kollha involuti fit-trasport bil-baħar tal-merkanzija għandhom responsabbiltà li jiżguraw li l-vapuri użati fl-ibħra Komunitarji jikkonformaw mar-regoli u l-istandards applikabbli.

(2)

L-istandards materjali fl-Istati Membri kollha għar-rimi ta' sustanzi li jniġġżu minn vapuri huma bbażati fuq il-Konvenzjoni Marpol 73/78; madankollu dawn ir-regoli qegħdin jiġu injorati ta' kuljum min-numru kbir ħafna ta' vapuri li jbaħħru fl-ibħra Komunitarji, mingħajr ma qiegħda tittieħed azzjoni korrettiva.

(3)

L-implimentazzjoni tal-Marpol 73/78 turi diskrepanzi bejn l-Istati Membri, għaldaqstant jeħtieġ li tiġi armonizzata l-implimentazzjoni fuq il-livell Komunitarju; b'mod partikolari hemm differenzi kbar fil-prattiki ta' l-Istati Membri fl-impożizzjoni ta' penali għar-rimi ta' sustanzi li jniġġżu minn vapuri.

(4)

Miżuri ta' natura dissważiva huma parti integrali tal-politika dwar is-sigurtà marittima tal-Komunità, minħabba li jiżguraw konnessjoni bejn ir-responsabbiltà ta' kull wieħed mill-partijiet involuti fit-trasport bil-baħar ta' merkanziji li jniġġżu u l-espożizzjoni ta' dawn il-partijiet għal penali; sabiex tintlaħaq protezzjoni effettiva ta' l-ambjent, hemm għalhekk bżonn ta' penali effettivi, dissważivi u proporzjonati.

(5)

Għal dak il-għan huwa essenzjali li d-dispożizzjonijiet legali eżistenti jiġu approssimati permezz ta' l-istrumenti legali adatti, b'mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni preċiża tal-ksur in kwistjoni, il-każijiet ta' eżenzjoni u regoli minimi għal penali, u fir-rigward ta' responsabbiltà u ġurisdizzjoni.

(6)

Din id-Direttiva hija supplimentata minn regoli dettaljati dwar offiżi kriminali u penali kif ukoll dispożizzjonijiet oħrajn li jinsabu fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/667/ĠAI tat-12 ta' Lulju 2005 sabiex jissaħħaħ il-kwadru tal-liġi kriminali għall-infurzar tal-liġi kontra t-tniġġiż minn vapuri (3).

(7)

La s-sistema internazzjonali għal responsabbiltà ċivili u kumpens għat-tniġġiż miż-żejt u lanqas dik li tikkonċerna t-tniġġiż minn sustanzi oħra perikolużi jew noċivi ma jipprovdu effetti dissważivi biżżejjed biex jiskoraġġixxu l-partijiet involuti fit-trasport ta' tagħbiji perikolużi bil-baħar milli jinvolvu ruħhom fi prattiċi taħt l-istandard; l-effetti dissważivi meħtieġa jistgħu jintlaħqu biss permezz ta' l-introduzzjoni ta' penali li japplikaw għal kwalunkwe persuna li tikkawża jew tikkontribwixxi għat-tniġġiż tal-baħar; sanzjonijiet għandhom ikunu applikabbli mhux biss għas-sid jew għall-kmandant tal-vapur, iżda wkoll għal sid it-tagħbija, għas-soċjetà ta' klassifikazzjoni jew kwalunkwe persuna oħra involuta.

(8)

Ir-rimi ta' sustanzi li jniġġżu minn vapuri għandu jkun ikkunsidrat bħala ksur jekk isir b'intenzjoni, b'mod imprudenti jew b'negliġenza serja. Dan il-ksur huwa kkunsidrat bħala offiża kriminali skond, u fiċ-ċirkostanzi pprovdut għalhekk fid-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠIA li tissupplimenta din id-Direttiva.

(9)

Penali għar-rimi ta' sustanzi li jniġġżu minn vapuri mhumiex relatati mar-responsabbiltà ċivili tal-partijiet konċernati u għalhekk mhumiex suġġetti għal xi regola li għandha x'taqsam mal-limitazzjoni jew mal-kanalizzazzjoni tar-responsabbiltajiet ċivili, lanqas ma jillimitaw il-kumpens effiċjenti tal-vittmi ta' inċidenti ta' tniġġiż.

(10)

Hemm bżonn ta' aktar koperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li r-rimi ta' sustanzi li jniġġżu minn vapuri jiġi skopert fil-ħin u li l-awturi jiġu identifikati. Għal dan il-għan, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 (4) għandha rwol ċentrali fil-ħidma ma' l-Istati Membri sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet tekniċi u tingħata assistenza teknika għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u sabiex il-Kummissjoni tiġi megħjuna fit-twettiq ta' kwalunkwe xogħol li jingħata lilha għall-implimentazzjoni effettiva ta' din id-Direttiva.

(11)

Sabiex ikun hemm prevenzjoni u ġlieda aħjar kontra t-tniġġiż marittimu, għandhom jinħolqu sinerġiji bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar bħas-servizzi tal-gwardja tal-kosta nazzjonali. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tħejji studju ta' fattibiltà dwar gwardjan tal-kosta Ewropew li jkun dedikat għall-prevenzjoni tat-tniġġiż u r-reazzjoni kontrih, liema studju joħroġ biċ-ċar l-ispejjeż u l-benefiċċji. Dan l-istudju għandu, jekk xieraq, ikun segwit minn proposta għall-gwardjan tal-kosta Ewropew.

(12)

Fejn hemm evidenza ċara u oġġettiva ta' rimi li qed jikkawża ħsara kbira jew theddida ta' ħsara kbira, l-Istati Membri għandhom jissottomettu l-kwistjoni lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom bil-għan li jiġu istitwiti proċedimenti skond l-Artikolu 220 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar.

(13)

L-infurzar tad-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar faċilitajiet ta' lqugħ fil-portijiet għal tniġġiż ikkawżat minn vapuri u residwi tal-merkanzija (5), flimkien ma' din id-Direttiva, hija strument ċentrali fis-serje ta' miżuri sabiex ikun hemm prevenzjoni tat-tniġġiż ikkawżat minn vapuri.

(14)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva iridu jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (6).

(15)

Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-inkorporazzjoni ta' standards internazzjonali ta' tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-istabbiliment ta' penali - kriminali jew amministrattivi - għall-ksur tagħhom sabiex ikun żgurat livell għoli ta' sigurtà u ta' protezzjoni ta' l-ambjent, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, minħabba l-iskala u l-impatt ta' l-azzjoni proposta, jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fuq livell Kommunitarju, il-Komunità tista' taġixxi skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(16)

Din id-Direttiva tirrispetta bis-sħiħ il-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta' l-Unjoni Ewropea; kull persuna li tkun suspettata li kkommettiet ksur għandu jkollha l-garanzija għal smigħ ġust u imparzjali u l-penali għandhom ikunu proporzjonali,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Għan

1.   L-għan ta' din id-Direttiva hu li standards internazzjonali għal tniġġiż ikkawżat minn vapuri jiġu inkorporati fil-liġi Komunitarja u li jkun żgurat li l-persuni responsabbli għar-rimi huma suġġetti għal penali adekwati kif imsemmi fl-Artikolu 8, sabiex is-sigurtà tal-baħar titjieb u sabiex tiżdied il-protezzjoni ta' l-ambjent tal-baħar mit-tniġġiż ikkawżat minn vapuri.

2.   Din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jieħdu miżuri iżjed iebsa kontra t-tniġġiż ikkawżat minn vapuri bi qbil mal-liġi internazzjonali.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

1.

“Marpol 73/78” għandha tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1973 għall-prevenzjoni tat-tniġġiż minn vapuri u l-Protokoll tagħha ta' l-1978, fil-verżjoni aġġornata tagħha.

2.

“Sustanzi li jniġġżu” għandha tfisser is-sustanzi koperti mill-Annessi I (żejt) u II (sustanzi likwidi noċivi bil-grossa) tal-Marpol 73/78.

3.

“Rimi” għandha tfisser kwalunkwe rimi kkawżat bi kwalunkwe mod minn vapur, kif imsemmi fl-artikolu 2 tal-Marpol 73/78.

4.

“Vapur” għandha tfisser imbarkazzjoni marittima, irrispettivament mill-bandiera tagħha, ta' kwalunkwe xorta, li topera fl-ambjent tal-baħar u għandha tinkludi dgħajjes hydrofoil, vettura b'kuxxin ta' l-arja, sommersibbili u bċejjeċ tal-baħar li jżommu fil-wiċċ.

L-Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika, bi qbil mal-liġi internazzjonali, għal rimi ta' sustanzi li jniġġżu:

(a)

fl-ilmijiet interni, inklużi portijiet, ta' Stat Membru, sakemm ir-reġim Marpol huwa applikabbli;

(b)

fil-baħar territorjali ta' Stat Membru;

(ċ)

fl-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali li huma suġġetti għar-reġim ta' passaġġ bi transitu, kif stipulat fil-Parti III, sezzjoni 2, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, sakemm Stat Membru jeżerċita ġurisdizzjoni fuq tali stretti;

(d)

fiż-żona esklussiva ekonomika jew żona ekwivalenti ta' Stat Membru, stabbilita skond il-liġi internazzjonali; u

(e)

bejn sema u ilma.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal rimi ta' sustanzi li jniġġżu minn kwalunkwe vapur, irrispettivament mill-bandiera tiegħu, bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe vapur tal-gwerra, awżiljari navali jew vapur ta' propjetà ta' jew imħaddem minn Stat u għal dak il-ħin użat biss fuq servizz mhux kummerċjali tal-gvern.

L-Artikolu 4

Ksur

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rimi ta' sustanzi li jniġġżu minn vapuri fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3(1) ikun ikkunsidrat bħala ksur jekk isiru b'intenzjoni, b'mod imprudenti jew b'negliġenza serja. Dan il-ksur huwa meqjus bħala offiża kriminali skond, u fiċ-ċirkustanzi pprovdut għalhekk fid-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠAI li tissupplimenta din id-Direttiva.

L-Artikolu 5

Eċċezzjonijiet

1.   Ir-rimi ta' sustanzi li jniġġżu fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3(1) m'għandux jitqies bħala ksur jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Regolamenti 9, 10, 11(a) jew 11(ċ) jew fl-Anness II, regolamenti 5, 6(a) jew 6(ċ) tal-Marpol 73/78.

2.   Ir-rimi ta' sustanzi li jniġġżu fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1) (ċ), (d) u (e) ma għandux jitqies bħala ksur min-naħa tas-sid, tal-kmandant jew ta' l-ekwipaġġ meta jaġixxu taħt ir-responsabbiltà tal-kmandant jekk ir-rimi jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Regolament 11(b) jew fl-Anness II, Regolament 6(b) tal-Marpol 73/78.

L-Artikolu 6

Miżuri ta' infurzar fir-rigward ta' vapuri f'port ta' Stat Membru

1.   Jekk irregolaritajiet jew informazzjoni jagħtu lok għal suspett li vapur li qiegħed volontarjament f'port jew f'terminal 'il barra mix-xatt ta' Stat Membru kien involut jew hu involut fir-rimi ta' sustanzi li jniġġżu fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1), dak l-Istat Membru għandu jiżgura li titwettaq spezzjoni xierqa, li tieħu kont tal-linji gwida rilevanti adottati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO), skond il-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru.

2.   Fejn l-ispezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiżvela fatti li jistgħu jindikaw ksur skond id-definizzjoni ta' l-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru u ta' l-Istat tal-bandiera għandhom jiġu infurmati.

L-Artikolu 7

Miżuri ta' infurzar minn Stati mal-kosta fir-rigward ta' vapuri fi transitu

1.   Jekk ir-rimi suspettat ta' sustanzi li jniġġżu jseħħ fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b), (ċ), (d) jew (e) u l-vapur li hu suspettat bir-rimi ma jidħolx f'port ta' l-Istat Membru li għandu l-informazzjoni li tikkonċerna r-rimi suspettat, għandu japplika s-segwenti:

(a)

Jekk il-port ta' waqfien suċċessiv tal-vapur huwa fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkoperaw mill-qrib fl-ispezzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) u fit-teħid tad-deċiżjoni dwar il-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu fir-rigward ta' tali rimi;

(b)

Jekk il-port ta' waqfien suċċessiv tal-vapur huwa port ta' Stat li hu barra mill-Komunità, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-port ta' waqfien suċċessiv tal-vapur hu infurmat dwar ir-rimi suspettuż u għandu jitlob lill-Istat tal-port ta' waqfien suċċessiv biex jieħu l-miżuri xierqa fir-rigward ta' tali rimi.

2.   Fejn hemm evidenza ċara u oġġettiva li vapur li qed ibaħħar fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1) (b) jew (d) ikkometta, fiż-żona msemmija fl-Artikolu 3(1) d), ksur li rriżulta f'rimi li kkawża ħsara kbira jew theddida ta' ħsara kbira lill-kosta jew lil interessi relatati ta' l-Istat Membru kkonċernat, jew lil kwalunkwe riżorsi taż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1) (b) jew (d), dak l-Istat għandu, mingħajr ħsara għall-Parti XII, Sezzjoni 7 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, u bil-kundizzjoni li l-evidenza hekk tiġġustifika, jissottometti l-kwistjoni lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu bil-għan li jiġu istitwiti proċedimenti, inkluż id-detenzjoni tal-vapur, skond il-liġi nazzjonali tiegħu.

3.   Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet ta' l-Istat tal-bandiera għandhom jiġu nfurmati.

L-Artikolu 8

Penali

1.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ksur imsemmi fl-Artikolu 4 ikun suġġett għal penali effettivi, proporzjonati u disważivi, li jistgħu jinkludu penali kriminali jew amministrattivi.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-penali msemmija fil-paragrafu 1 japplikaw għal kwalunkwe persuna li tinstab responsabbli ta' ksur kif imsemmi fl-Artikolu 4.

L-Artikolu 9

L-osservanza tal-liġi internazzjonali

L-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva mingħajr l-ebda diskriminazzjoni fil-forma jew fil-fatt kontra vapuri barranin u bi qbil mal-liġi internazzjonali applikabbli, inkluż is-Sezzjoni 7 tal-Parti XII tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, u għandhom jgħarrfu fil-pront l-Istat tal-bandiera tal-vapur u kwalunkwe Stat ieħor ikkonċernat bil-miżuri meħuda skond din id-Direttiva.

L-Artikolu 10

Miżuri ta' akkompanjament

1.   Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw, fejn ikun xieraq, f'kollaborazzjoni stretta ma' l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurta Marittima u, fejn hu xieraq, filwaqt li jieħdu kont tal-programm ta' azzjoni kontra t-tniġġiż tal-baħar li jseħħ b'mod aċċidentali jew deliberat kif stabbilit mid-Deċiżjoni Nru. 2850/2000/KE (7) u, jekk xieraq, ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/59/KE sabiex:

(a)

jiġu żviluppati s-sistemi ta' informazzjoni li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva ta' din id-Direttiva;

(b)

jiġu stabbiliti prattiċi u linji gwida komuni fuq il-bażi ta' dawk li jeżistu fuq il-livell internazzjonali b'mod partikolari għal:

il-monitoraġġ u l-identifikazzjoni kmieni ta' vapuri li jarmu sustanzi li jniġġżu bi ksur ta' din id-Direttiva, inkluż, fejn hu xieraq, b'tagħmir ta' monitoraġġ abbord;

metodi affidabbli ta' l-intraċċar ta' sustanzi li jniġġżu fil-baħar għal vapur partikolari; u

l-infurzar effettiv ta' din id-Direttiva.

2.   B'konformità mal-kompiti tagħha kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 1406/2002, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandha:

(a)

taħdem ma' l-Istati Membri fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi u tagħti assistenza teknika għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, f'affarijiet bħal intraċċar ta' rimi permezz ta' monitoraġġ u sorveljanza satellitari;

(b)

tassisti l-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluż, jekk xieraq, permezz ta' visti lill-Istati Membri, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002.

L-Artikolu 11

Studju ta' Fattibiltà

Il-Kummissjoni għandha tissottometti studju ta' fattibiltà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwardjan tal-kosta Ewropew li jkun dedikat għall-prevenzjoni tat-tniġġiż u r-reazzjoni kontrih, liema studju joħroġ biċ-ċar l-ispejjeż u l-benefiċċji.

L-Artikolu 12

Rapportar

Kull tliet snin, l-Istati Membri għandhom jitrasmettu rapporti lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva mill-awtoritajiet kompetenti. Abbażi ta' dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport Komunitarju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. F'dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tistma, inter alia, l-interess li din id-Direttiva tiġi riveduta jew li l-kamp ta' applikazzjoni tagħha jiġi estiż. Għandu wkoll jiddeskrivi l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza relevanti fl-Istati Membri u għandu jikkunsidra l-possibiltà li jinħoloq database pubbliku li fih il-ġurisprudenza relevanti.

L-Artikolu 13

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta' Tniġġiż minn Vapuri (COSS), stabbilit mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 (8).

2.   Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal xahar.

L-Artikolu 14

Għoti ta' Informazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 2850/2000/KE, bi kwalunkwe miżura proposta jew dwar attivitajiet rilevanti oħra li jikkonċernaw ir-risposta għat-tniġġiż tal-baħar.

L-Artikolu 15

Proċedura ta' emendar

Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 u bi qbil mal-proċedura msemmja fl-Artikolu 13 ta' din id-Direttiva, il-COSS jista' jeskludi emendi għal Marpol 73/78 mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 16

Implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa 1 Marzu tas-sena 2007 u jinformaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew tali riferenza għandha takkumpanjahom meta jkunu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

L-Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak li fih tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 18

Destinatarji

Din id-Direttiva hi ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar is-7 ta' Settembru 2005

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

C. CLARKE


(1)  ĠU C 220, tas-16.9.2003, p. 72.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Jannar 2004 (ĠU C 92 E, tas-16.4.2004, p. 77), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-7 ta' Ottubru 2004 (ĠU C 25 E, ta' l-1.2.2005, p. 29), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Frar 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2005.

(3)  Ara paġna 164 ta' dan il-ĠU.

(4)  ĠU L 208, tal-5.8.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 724/2004 (ĠU L 129, tad-29.4.2004, p. 1).

(5)  ĠU L 332, tat-28.12.2000, p. 81. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2002/84/KE (ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 53).

(6)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(7)  Deċiżjoni Nru 2850/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2000 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għal koperazzjoni fil-qasam tat-tniġġiż ta' l-ibħra, sewwa jekk aċċidentali, u sewwa jekk deliberatament (ĠU L 332, tat-28.12.2000, p. 1). Deċiżjoni emendata mid-Deċiżjoni Nru 787/2004/KE (ĠU L 138, tat-30.4.2004, p. 12).

(8)  ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 415/2004 (ĠU L 68, tas-6.3.2004, p. 10).


L-ANNESS

Taqsira, għal skopijiet ta' referenza, tar-regolamenti ta' rimi Marpol 73/78 li jikkonċernaw ir-rimi ta' żejt u ta' sustanzi likwidi noċivi, kif imsemmija fl-Artikolu 2.2

Parti I: Żejt (Marpol 73/78, l-Anness I)

Għall-finijiet ta' l-Anness I tal-Marpol 73/78, “żejt” tfisser żejt fi kwalunkwe forma inkluż iż-żejt mhux raffinat, iż-żejt fjuwil, żejt maħmuġ li nġema' fil-magni, żejt għar-rimi u prodotti raffinati (ħlief petrokimiċi li huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness II tal-Marpol 73/78) u “taħlita żejtnija” tfisser taħlita bi kwalunkwe kontenut ta' żejt.

Siltiet mid-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Anness I tal-Marpol 73/78:

 

Regolament 9: Kontroll tar-rimi ta' żejt

(1)

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti 10 u 11 ta' dan l-Anness u l-paragrafu (2) ta' dan ir-regolament, kwalunkwe rimi fil-baħar ta' żejt jew taħlitiet żejtnin minn vapuri li għalihom japplika dan l-Anness għandu jkun projbit ħlief meta l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin huma sodisfatti:

(a)

għal tanker taż-żejt, ħlief kif ipprovdut fis-subparagrafu (b) ta' dan il-paragrafu:

(i)

it-tanker mhuwiex f'żona speċjali;

(ii)

it-tanker qiegħed iżjed minn 50 mil nawtiku mill-art l-iżjed viċina;

(iii)

it-tanker qiegħed jinnaviga;

(iv)

ir-rata istantanja tar-rimi taż-żejt ma jaqbiżx it-30 litru għal kull mil nawtiku;

(v)

il-kwantità totali taż-żejt mormija fil-baħar ma taqbiżx, għat-tankers eżistenti, 1/15000 tal-kwantità totali ta' dik it-tagħbija partikolari li minnha r-residwu fforma parti, u 1/30000 tal-kwantità totali tat-tagħbija partikolari li minnha r-residwu fforma parti għat-tankers il-ġodda; u

(vi)

it-tanker qed juża sistema ta' monitoraġġ u kontroll tar-rimi taż-żejt u arranġament ta' tankijiet ta' l-islopp kif meħtieġ mir-regolament 15 ta' dan l-Anness.

(b)

Minn vapur ta' tunnellaġġ gross ta' 400 tunnellata jew iżjed ħlief tanker taż-żejt u mis-sentini ta' l-ispazju tal-magni esklużi s-sentini tal-kamra tal-pompi ta' tanker taż-żejt ħlief jekk imħallat b'residwu ta' tagħbiji ta' żejt:

(i)

il-vapur mhuwiex f'żona speċjali;

(ii)

il-vapur qiegħed jinnaviga;

(iii)

il-kontenut taż-żejt ta' l-iskart ma jaqbiżx 15-il partijiet fil-miljun mingħajr ma jkun dilwit; u

(iv)

il-vapur qed juża tagħmir ta' monitoraġġ, kontroll u ffiltrar kif meħtieġ mir-regolament 16 ta' dan l-Anness.

(2)

Fil-każ ta' vapur ta' tunnellaġġ gross ta' inqas minn 400 tunnellata ħlief tanker taż-żejt li qiegħed 'il barra miż-żona speċjali, l-Amministrazzjoni [ta' l-Istat tal-bandiera] għandha tiżgura li l-vapur hu mgħammar sakemm hu prattiku u raġonevoli b'installazzjonijiet li jiżguraw il-ħżin ta' residwi taż-żejt abbord u r-rimi tagħhom f'faċilitajiet ta' ġbir jew fil-baħar skond il-ħtiġijiet tal-paragrafu (1)(b) ta' dan ir-regolament.

(3)

[…]

(4)

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1) ta' dan ir-regolament ma għandhomx japplikaw għal rimi ta' saborra nadifa jew segregata jew ta' taħlitiet żejtnin mhux ipproċessati li mingħajr ma jkunu dilwiti għandhom kontenut ta' żejt ta' mhux aktar minn 15-il parti fil-miljun u li ma joriġinawx mis-sentini tal-kamra tal-pompi u li mhumiex imħallta ma' residwi ta' tagħbiji ta' żejt.

(5)

L-ebda rimi fil-baħar ma għandu jkollu kimiċi jew sustanzi oħra fi kwantitajiet jew konċentrazzjonijiet li huma perikolużi għall-ambjent tal-baħar jew kimiċi jew sustanzi oħra introdotti bl-iskop li jiġu evitati l-kondizzjonijiet ta' rimi speċifikati f'dan ir-regolament.

(6)

Ir-residwi taż-żejt li ma jistgħux jiġu mormija fil-baħar bi qbil mal-paragrafi (1), (2) u (4) ta' dan ir-regolament għandhom jiġu miżmuma abbord jew mormija f'faċilitajiet ta' ġbir.

(7)

[…]

 

Regolament 10: Metodi għall-prevenzjoni ta' tniġġiż taż-żejt minn vapuri waqt li joperaw f'żoni speċjali

(1)

Għall-iskopijiet ta' dan l-Anness, iż-żoni speċjali huma ż-żona tal-Baħar tal-Mediterran, iż-żona tal-Baħar Baltiku, iż-żona tal-Baħar l-Aħmar, iż-“żona tal-Golfijiet”, iż-żona tal-Golf ta' Aden, iż-żona ta' l-Antartiku, u l-ilmijiet tal-Majjistral ta' l-Ewropa, [kif definiti u speċifikati aktar]

(2)

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-regolament 11 ta' dan l-Anness:

(a)

Kwalunkwe rimi fil-baħar ta' żejt jew taħlita żejtnija minn kwalunkwe tanker taż-żejt u kwalunkwe vapur ta' tunnellaġġ gross ta' 400 tunnellata jew iżjed ħlief tanker taż-żejt għandu jkun projbit meta l-vapur ikun f'żona speċjali […].

(b)

[…] Kwalunkwe rimi fil-baħar ta' żejt jew taħlita żejtnija minn kwalunkwe tanker taż-żejt u kwalunkwe vapur ta' tunnellaġġ gross ta' inqas minn 400 tunnellata, ħlief tanker taż-żejt, għandu jkun projbit meta l-vapur ikun f'żona speċjali ħlief meta l-kontenut taż-żejt ta' l-iskart ma jaqbiżx 15-il partijiet fil-miljun mingħajr ma jkun dilwit.

(3)

(a)

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (2) ta' dan ir-regolament ma għandhomx japplikaw għal rimi ta' saborra nadifa jew segregata.

(b)

Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (2)(a) ta' dan ir-regolament ma għandhomx japplikaw għal rimi ta' ilma pproċessat tas-sentina mill-ispazji tal-magni, bil-kundizzjoni li l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin huma sodisfatti:

(i)

l-ilma tas-sentina ma joriġinax mis-sentini tal-kamra tal-pompi tat-tagħbija;

(ii)

l-ilma tas-sentina mhuwiex imħallat mar-residwi tat-tagħbija taż-żejt;

(iii)

il-vapur qiegħed jinnaviga;

(iv)

il-kontenut taż-żejt ta' l-iskart ma jaqbiżx 15-il partijiet fil-miljun mingħajr ma jkun dilwit;

(v)

il-vapur qed juża tagħmir ta' filtraġġ taż-żejt li huwa konformi mar-regolament 16(5) ta' dan l-Anness; u

(vi)

is-sistema ta' filtraġġ hija mgħammra bi strument ta' twaqqif li jiżgura li r-rimi jiġi mwaqqaf awtomatikament meta l-kontenut taż-żejt ta' l-iskart jaqbeż 15-il partijiet fil-miljun.

(4)

(a)

L-ebda rimi fil-baħar ma għandu jkollu kimiċi jew sustanzi oħra fi kwantitajiet jew konċentrazzjonijiet li huma perikolużi għall-ambjent tal-baħar jew kimiċi jew sustanzi oħra introdotti bl-iskop li jiġu evitati l-kondizzjonijiet ta' rimi speċifikati f'dan ir-regolament.

(b)

Ir-residwi taż-żejt li ma jistgħux jiġu mormija fil-baħar bi qbil mal-paragrafi (2) jew (3) ta' dan ir-regolament għandhom jiġu miżmuma abbord jew mormija f'faċilitajiet ta' ġbir.

(5)

Xejn f'dan ir-regolament ma għandu jwaqqaf vapur, li parti biss mill-vjaġġ tiegħu huwa f'żona speċjali, milli jagħmel rimi 'l barra miż-żona speċjali skond ir-regolament 9 ta' dan l-Anness.

(6)

[…]

(7)

[…]

(8)

[…]

 

Regolament 11: Eċċezzjonijiet

 

Ir-Regolamenti 9 u 10 ta' dan l-Anness ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

rimi fil-baħar ta' żejt jew taħlita żejtnija meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà ta' vapur jew li tiġi salvata l-ħajja umana fuq il-baħar; jew

(b)

rimi fil-baħar ta' żejt jew taħlita żejtnija li tirriżulta minn ħsara għal vapur jew it-tagħmir tiegħu:

(i)

bil-kundizzjoni li l-prekawzjonijiet kollha raġonevoli ttieħdu wara li ġrat il-ħsara jew wara li r-rimi ġie skopert sabiex jiġi prevenut jew minimizzat; u

(ii)

ħlief fil-każ li s-sid jew il-kaptan aġixxew jew bil-għan li jagħmlu l-ħsara, jew b'mod imprudenti u konsapevoli li probabbilment kien ser ikun hemm ħsara; jew

(ċ)

ir-rimi fil-baħar ta' sustanzi li jkun fihom iż-żejt, approvat mill-Amministrazzjoni [ta' l-Istat tal-bandiera], meta dawn is-sustanzi jintużaw għall-iskop tal-ġlieda kontra inċidenti speċifiċi ta' tniġġiż sabiex titnaqqas il-ħsara minn dan it-tniġġiż. Kwalunkwe rimi ta' dan it-tip għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni ta' kwalunkwe Gvern li għandu l-ġurisdizzjoni fil-post li fih ir-rimi ser isir.

Parti II: Sustanzi likwidi noċivi (Marpol 73/78 l-Anness II)

Siltiet mid-dispożizzjonijiet rilevanti ta' l-Anness II tal-Marpol 73/78:

 

Regolament 3: Klassifikar u elenkar ta' sustanzi likwidi noċivi

(1)

Għall-għanijiet tar-regolamenti ta' dan l-Anness, sustanzi likwidi noċivi għandhom jiġu maqsuma f'erba' kategoriji kif ġej:

(a)

Kategorija A: Sustanzi likwidi noċivi li jekk jiġu mormija fil-baħar minn operazzjonjijiet ta' tindif ta' tankijiet jew tneħħija ta' saborra jippreżentaw perikolu kbir għar-riżorsi tal-baħar jew għas-saħħa tal-bniedem jew jikkawżaw ħsara serja għall-faċilitajiet tal-baħar jew għall-utilitajiet leġittimi oħra tiegħu u li għalhekk huwa ġustifikat li jiġu applikati miżuri iebsa kontra t-tniġġiż.

(b)

Kategorija B: Sustanzi likwidi noċivi li jekk jiġu mormija fil-baħar minn operazzjonjijiet ta' tindif ta' tankijiet jew tneħħija ta' saborra jippreżentaw perikolu jew għar-riżorsi tal-baħar jew għas-saħħa tal-bniedem jew jikkawżaw ħsara serja għall-faċilitajiet tal-baħar jew għall-utilitajiet leġittimi oħra tiegħu u li għalhekk huwa ġustifikat li jiġu applikati miżuri speċjali kontra t-tniġġiż.

(ċ)

Kategorija Ċ: Sustanzi likwidi noċivi li jekk jiġu mormija fil-baħar minn operazzjonjijiet ta' tindif ta' tankijiet jew tneħħija ta' saborra jippreżentaw perikolu żgħir jew għar-riżorsi tal-baħar jew għas-saħħa tal-bniedem jew jikkawżaw ħsara żgħira għall-faċilitajiet tal-baħar jew għall-utilitajiet leġittimi oħra tiegħu u li għalhekk jinħtieġu kondizzjonijiet operazzjonali speċjali.

(d)

Kategorija D: Sustanzi likwidi noċivi li jekk jiġu mormija fil-baħar minn operazzjonjijiet ta' tindif ta' tankijiet jew tneħħija ta' saborra jippreżentaw perikolu li jingħaraf jew għar-riżorsi tal-baħar jew għas-saħħa tal-bniedem jew jikkawżaw ħsara minima għall-faċilitajiet tal-baħar jew għall-utilitajiet leġittimi oħra tiegħu u li għalhekk tinħtieġ ċerta attenzjoni fil-kondizzjonijiet operazzjonali.

(2)

[…]

(3)

[…]

(4)

[…]

[Aktar linji gwida dwar il-klassifikar ta' sustanzi, inkluż lista ta' sustanzi klassifikati, huma mogħtija fir-regolament 3(2)(4) u fir-regolament 4 u fl-appendiċi ta' l-Anness II tal-Marpol 73/78]

 

Regolament 5: Rimi ta' sustanzi likwidi noċivi

Kategoriji A, B u Ċ 'l barra minn żoni speċjali u sustanzi taħt il-kategorija D fiż-żoni kollha

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet […] tar-regolament 6 ta' dan l-Anness,

(1)

Għandu jiġi pprojbit ir-rimi fil-baħar ta' sustanzi taħt il-kategorija A kif definiti fir-regolament 3(1)(a) ta' dan l-Anness jew ta' dawk stmati hekk b'mod proviżorju jew ilma tas-saborra jew tal-ħasil ta' tankijiet, jew residwi jew taħlitiet oħra li fihom sustanzi tali. Jekk tankijiet li fihom tali sustanzi jew taħlitiet iridu jiġu maħsula, ir-residwi li jirriżultaw għandhom jiġu mormija f'faċilità ta' ġbir sakemm il-konċentrazzjoni tas-sustanza fl-iskart lejn tali faċilità tkun ta' livell ugwali għal 0.1 % fil-piż jew inqas minn hekk u dan sakemm it-tank ikun vojt, bl-eċċezzjoni tal-fosfru, isfar jew abjad, fejn il-konċentrazzjoni residwa f'dan il-każ għandha tkun ta' 0.01 % fil-piż. Kwalunkwe ilma li jiġi miżjud fit-tank sussegwentement jista' jiġi skarikat fil-baħar meta l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin huma sodisfatti:

(a)

il-vapur qiegħed jinnaviga b'veloċità ta' mill-inqas 7 nodi fil-każ ta' vapuri bi propulsjoni awtonoma jew ta' mill-inqas 4 nodi fil-każ ta' vapuri mexjin mingħajr propulsjoni awtonoma;

(b)

ir-rimi iseħħ taħt il-livell ta' l-ilma, b'kont meħud tal-pożizzjoni ta' l-imbokkaturi għat-teħid ta' l-ilma baħar; u

(ċ)

ir-rimi iseħħ f'distanza ta' mhux inqas minn 12-il mil nawtiku mill-art l-iżjed viċina f'ilma li jkun ta' mill-inqas 25m fond.

(2)

Għandu jiġi projbit ir-rimi fil-baħar ta' sustanzi taħt il-kategorija B kif definiti fir-regolament 3(1)(b) ta' dan l-Anness jew ta' dawk stmati hekk b'mod proviżorju jew ilma tas-saborra jew tal-ħasil ta' tankijiet, jew residwi jew taħlitiet oħra li fihom sustanzi tali, ħlief meta l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin huma sodisfatti:

(a)

il-vapur qiegħed jinnaviga b'veloċità ta' mill-inqas 7 nodi fil-każ ta' vapuri bi propulsjoni awtonoma jew ta' mill-inqas 4 nodi fil-każ ta' vapuri mexjin mingħajr propulsjoni awtonoma;

(b)

il-proċeduri u l-arranġamenti għall-rimi huma approvati mill-Amministrazzjoni [ta' l-Istat tal-bandiera]. Tali proċeduri u arranġamenti għandhom ikunu bbażati fuq standards żviluppati mill-[IMO] u għandhom jiżguraw li l-konċentrazzjoni u r-rata ta' rimi ta' l-iskart huma tali li l-konċentrazzjoni tas-sustanza fit-tranja ta' wara tal-vapur ma teċċedix parti waħda fil-miljun;

(ċ)

il-kwantità massima ta' tagħbija skarikata minn kull tank u s-sistema ta' pajping assoċjata tiegħu ma taqbiżx il-kwantità massima approvata bi qbil mal-proċeduri msemmija fis-subparagrafu (b) ta' dan il-paragrafu, li ma għandha fl-ebda każ jaqbeż l-akbar minn 1m3 jew 1/3000 tal-kapacità tat-tank f'm3;

(d)

ir-rimi jseħħ taħt il-livell ta' l-ilma, b'kont meħud tal-pożizzjoni ta' l-imbokkaturi għat-teħid ta' l-ilma baħar; u

(e)

ir-rimi jseħħ f'distanza ta' mhux inqas minn 12-il mil nawtiku mill-art l-iżjed fil-qrib u f'ilma li jkun ta' mill-inqas 25m fond.

(3)

Għandu jiġi projbit rimi fil-baħar ta' sustanzi taħt il-kategorija Ċ kif definiti fir-regolament 3(1)(ċ) ta' dan l-Anness jew ta' dawk stmati hekk b'mod proviżorju jew ilma tas-saborra jew tal-ħasil ta' tankijiet, jew residwi jew taħlitiet oħra li fihom sustanzi tali, ħlief meta l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin huma sodisfatti:

(a)

il-vapur qiegħed jinnaviga b'veloċità ta' mill-inqas 7 nodi fil-każ ta' vapuri bi propulsjoni awtonoma jew ta' mill-inqas 4 nodi fil-każ ta' vapuri mexjin mingħajr propulsjoni awtonoma;

(b)

il-proċeduri u l-arranġamenti għal rimi huma approvati mill-Amministrazzjoni [ta' l-Istat tal-bandiera]. Tali proċeduri u arranġamenti għandhom ikunu bbażati fuq standards żviluppati mill-[IMO] u għandhom jiżguraw li l-konċentrazzjoni u r-rata ta' rimi ta' l-iskart huma tali li l-konċentrazzjoni tas-sustanza fit-tranja ta' wara tal-vapur ma taqbiżx 10 partijiet fil-miljun;

(ċ)

il-kwantità massima ta' tagħbija mormija minn kull tank u s-sistema ta' pajping assoċjata tiegħu ma taqbiżx il-kwantità massima approvata bi qbil mal-proċeduri msemmija fis-subparagrafu (b) ta' dan il-paragrafu, li ma għandha fl-ebda każ taqbeż l-akbar minn 3 m3 jew 1/1000 tal-kapacità tat-tank f'm3;

(d)

ir-rimi jseħħ taħt il-livell ta' l-ilma, b'kont meħud tal-pożizzjoni ta' l-imbokkaturi għat-teħid ta' l-ilma baħar; u

(e)

ir-rimi jseħħ f'distanza ta' mhux inqas minn 12-il mil nawtiku mill-art l-iżjed fil-qrib u f'ilma li jkun ta' mill-inqas 25m fond.

(4)

Għandu jiġi projbit ir-rimi fil-baħar ta' sustanzi taħt il-kategorija D kif definiti fir-regolament 3(1)(d) ta' dan l-Anness, jew ta' dawk stmati hekk b'mod proviżorju, jew ilma tas-saborra jew tal-ħasil ta' tankijiet, jew residwi jew taħlitiet oħra li fihom sustanzi tali, ħlief meta il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin huma sodisfatti:

(a)

il-vapur qiegħed jinnaviga b'veloċità ta' mill-inqas 7 nodi fil-każ ta' vapuri bi propulsjoni awtonoma jew ta' mill-inqas 4 nodi fil-każ ta' vapuri mexjin mingħajr propulsjoni awtonoma;

(b)

tali taħlitiet huma ta' konċentrazzjoni li mhix ikbar minn parti waħda tas-sustanza f'għaxar partijiet ilma; u

(ċ)

ir-rimi iseħħ f'distanza ta' mhux inqas minn 12-il mil nawtiku mill-art l-iżjed fil-qrib.

(5)

Proċeduri ta' ventilazzjoni approvati mill-Amministrazzjoni [ta' l-Istat tal-bandiera] jistgħu jintużaw biex jitneħħew ir-residwi ta' tagħbija minn tank. Tali proċeduri għandhom ikunu bbażati fuq standards żviluppati mill-[IMO]. Kwalunkwe ilma li jiġi introdott fit-tank sussegwentement għandu jiġi kkunsidrat bħala nadif u ma għandux ikun suġġett għall-paragrafi (1), (2), (3) jew (4) ta' dan ir-regolament.

(6)

Għandu jiġi projbit ir-rimi fil-baħar ta' sustanzi li ma ġewx klassifikati, stmati b'mod proviżorju, jew evalwati kif stipulat fir-regolament 4(1) ta' dan l-Anness, jew ta' ilma tas-saborra jew tal-ħasil ta' tankijiet, jew residwi jew taħlitiet oħra li fihom sustanzi tali.

Rimi ta' sustanzi taħt il-kategoriji A, B u Ċ f'żoni speċjali [kif definit fl-Anness II, Regolament 1 tal-Marpol 73/78, inkluż il-Baħar Baltiku]

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' […] u r-regolament 6 ta' dan l-Anness,

(7)

Għandu jiġi projbit ir-rimi fil-baħar ta' sustanzi taħt il-kategorija A kif definiti fir-regolament 3(1)(a) ta' dan l-Anness jew ta' dawk stmati hekk b'mod proviżorju jew ilma tas-saborra jew tal-ħasil ta' tankijiet, jew residwi jew taħlitiet oħra li fihom sustanzi tali. Jekk tankijiet li fihom tali sustanzi jew taħlitiet iridu jiġu maħsula, ir-residwi li jirriżultaw għandhom jiġu mormija f'faċilità ta' ġbir li għandha tiġi pprovduta mill-Istati konfinanti maż-żona speċjali skond ir-regolament 7 ta' dan l-Anness, sakemm il-konċentrazzjoni tas-sustanza fl-iskart lejn tali faċilità tkun ta' livell ugwali jew inqas minn 0,05 % fil-piż u dan sakemm it-tank ikun vojt, bl-eċċezzjoni tal-fosfru, isfar jew abjad, fejn il-konċentrazzjoni residwa f'dan il-każ għandha tkun ta' 0,005 % fil-piż. Kwalunkwe ilma li jiġi miżjud fit-tank sussegwentement jista' jiġi mormi fil-baħar meta l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin huma sodisfatti:

(a)

il-vapur qiegħed jinnaviga b'veloċità ta' mill-inqas 7 nodi fil-każ ta' vapuri bi propulsjoni awtonoma jew ta' mill-inqas 4 nodi fil-każ ta' vapuri mexjin mingħajr propulsjoni awtonoma;

(b)

ir-rimi jseħħ taħt il-livell ta' l-ilma, b'kont meħud tal-pożizzjoni ta' l-imbokkaturi għat-teħid ta' l-ilma baħar; u

(ċ)

ir-rimi jseħħ f'distanza ta' mhux inqas minn 12-il mil nawtiku mill-art l-iżjed fil-qrib u f'ilma li jkun ta' mill-inqas 25m fond.

(8)

Għandu jiġi projbit ir-rimi fil-baħar ta' sustanzi taħt il-kategorija B kif definiti fir-regolament 3(1)(b) ta' dan l-Anness jew ta' dawk stmati hekk b'mod proviżorju jew ta' l-ilma tas-saborra jew tal-ħasil ta' tankijiet, jew residwi jew taħlitiet oħra li fihom sustanzi tali, ħlief meta l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin huma sodisfatti:

(a)

it-tank inħasel minn qabel skond il-proċedura approvata mill-Amministrazzjoni [ta' l-Istat tal-bandiera] u bbażat fuq standards żviluppati mill-[IMO] u r-residwi li rriżultaw mill-ħasil tat-tank ġew mormija f'faċilità ta' ġbir;

(b)

il-vapur qiegħed jinnaviga b'veloċità ta' mill-inqas 7 nodi fil-każ ta' vapuri bi propulsjoni awtonoma jew ta' mill-inqas 4 nodi fil-każ ta' vapuri mexjin mingħajr propulsjoni awtonoma;

(ċ)

il-proċeduri u l-arranġamenti għal rimi u l-ħasil huma approvati mill-Amministrazzjoni [ta' l-Istat tal-bandiera]. Tali proċeduri u arranġamenti għandhom ikunu bbażati fuq standards żviluppati mill-[IMO] u għandhom jiżguraw li l-konċentrazzjoni u r-rata ta' rimi ta' l-iskart huma tali li l-konċentrazzjoni tas-sustanza fit-tranja ta' wara tal-vapur ma teċċedix parti waħda fil-miljun;

(d)

ir-rimi jseħħ taħt il-livell ta' l-ilma, b'kont meħud tal-pożizzjoni ta' l-imbokkaturi għat-teħid ta' l-ilma baħar; u

(e)

ir-rimi jseħħ f'distanza ta' mhux inqas minn 12-il mil nawtiku mill-art l-iżjed fil-qrib u f'ilma li jkun ta' mill-inqas 25m fond.

(9)

Għandu jiġi projbit ir-rimi fil-baħar ta' sustanzi taħt il-kategorija Ċ kif definiti fir-regolament 3(1)(ċ) ta' dan l-Anness jew ta' dawk stmati hekk b'mod proviżorju jew ilma tas-saborra jew tal-ħasil ta' tankijiet, jew residwi jew taħlitiet oħra li fihom sustanzi tali, ħlief meta l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin huma sodisfatti:

(a)

il-vapur qiegħed jinnaviga b'veloċità ta' mill-inqas 7 nodi fil-każ ta' vapuri bi propulsjoni awtonoma jew ta' mill-inqas 4 nodi fil-każ ta' vapuri mexjin mingħajr propulsjoni awtonoma;

(b)

il-proċeduri u l-arranġamenti għal rimi huma approvati mill-Amministrazzjoni [ta' l-Istat tal-bandiera]. Tali proċeduri u arranġamenti għandhom ikunu bbażati fuq standards żviluppati mill-[IMO] u għandhom jiżguraw li l-konċentrazzjoni u r-rata ta' rimi ta' l-iskart huma tali li l-konċentrazzjoni tas-sustanza fit-tranja ta' wara tal-vapur ma taqbiżx parti waħda fil-miljun;

(ċ)

il-kwantità massima ta' tagħbija skarikata minn kull tank u s-sistema ta' pajping assoċjata tiegħu ma taqbiżx il-kwantità massima approvata bi qbil mal-proċeduri msemmija fis-subparagrafu (b) ta' dan il-paragrafu, li ma għandha fl-ebda każ taqbeż l-akbar minn 1m3 jew 1/3000 tal-kapacità tat-tank f'm3;

(d)

ir-rimi jseħħ taħt il-livell ta' l-ilma, b'kont meħud tal-pożizzjoni ta' l-imbokkaturi għat-teħid ta' l-ilma baħar; u

(e)

ir-rimi jseħħ f'distanza ta' mhux inqas minn 12-il mil nawtiku mill-art l-iżjed fil-qrib u f'ilma li jkun ta' mill-inqas 25m fond.

(10)

Proċeduri ta' ventilazzjoni approvati mill-Amministrazzjoni [ta' l-Istat tal-bandiera] jistgħu jintużaw biex jitneħħew ir-residwi ta' tagħbija minn tank. Tali proċeduri għandhom ikunu bbażati fuq standards żviluppati mill-[IMO]. Kwalunkwe ilma li jiġi introdott fit-tank sussegwentement għandu jiġi kkunsidrat bħala nadif u ma għandux ikun suġġett għall-paragrafi (7), (8) jew (9) ta' dan ir-regolament.

(11)

Għandu jiġi projbit ir-rimi fil-baħar ta' sustanzi li ma ġewx klassifikati, stmati b'mod proviżorju jew evalwati kif stipulat fir-regolament 4(1) ta' dan l-Anness, jew ta' l-ilma tas-saborra jew tal-ħasil ta' tankijiet, jew residwi oħra jew taħlitiet li fihom sustanzi tali.

(12)

Xejn f'dan ir-regolament ma għandu jipprojbixxi vapur milli jżomm abbord ir-residwi minn tagħbija ta' Kategorija B jew Ċ u milli jiskarika tali residwi fil-baħar 'il barra minn żona speċjali skond il-paragrafi (2) jew (3) ta' dan ir-regolament, rispettivament.

 

Regolament 6: Eċċezzjonijiet

 

Regolament 5 ta' dan l-Anness ma għandux japplika għal:

(a)

ir-rimi fil-baħar ta' sustanzi likwidi noċivi jew taħlitiet li fihom tali sustanzi meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà ta' vapur jew li tiġi salvata l-ħajja umana fuq il-baħar; jew

(b)

ir-rimi fil-baħar ta' sustanzi likwidi noċivi jew taħlitiet li fihom tali sustanzi li jirriżultaw minn ħsara għal vapur jew it-tagħmir tiegħu:

(i)

bil-kundizzjoni li l-prekawzjonijiet kollha raġonevoli ttieħdu wara li ġrat il-ħsara jew li l-rimi ġie skopert sabiex l-rimi jiġi prevenut jew minimizzat; u

(ii)

ħlief fil-każ li s-sid jew il-kaptan aġixxew jew bil-għan li jagħmlu l-ħsara, jew b'mod imprudenti u konsapevoli li probabbilment kien ser ikun hemm ħsara; jew

(ċ)

ir-rimi fil-baħar ta' sustanzi likwidi noċivi jew taħlitiet li fihom tali sustanzi, approvat mill-Amministrazzjoni [ta' l-Istat tal-bandiera], meta dawn jintużaw għall-iskop tal-ġlieda kontra inċidenti speċifiċi ta' tniġġiż sabiex titnaqqas il-ħsara minn dan it-tniġġiż. Kwalunkwe rimi ta' dan it-tip għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni ta' kwalunkwe Gvern li għandu l-ġurisdizzjoni fil-post li fih l-rimi ser isir.