13.6.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
256 |
ID-DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL 2005/214/ĠAI
ta’ l-24 ta’ Frar 2005
dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31(a) u 34(2)(b) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju Unit, tar-Repubblika Franċiża u tar-Renju ta’ l-Iżvezja (1),
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),
Billi:
(1) |
Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 1999 approva l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li għandu jsir il-pedament ta’ koperazzjoni ġudizzjarja kemm f’materji ċivili kif ukoll f’materji kriminali fl-Unjoni. |
(2) |
Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu japplika għal penali finanzjarji mposti minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex jiġi faċilitat l-infurzar ta’ tali penali fi Stat Membru li ma jkunx dak l-Istat li fih ġew imposti l-penali. |
(3) |
Fid-29 ta’ Novembru 2000 il-Kunsill, skond il-konklużjonijiet ta’ Tampere, adotta programm ta’ miżuri biex jimplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet kriminali (3), u ta prijorità lill-adozzjoni ta’ strument li japplika l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (miżura 18). |
(4) |
Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tkopri wkoll penali finanzjarji mposti għal reati tat-traffiku tat-triq. |
(5) |
Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (4), b’mod partikolari fil-Kapitolu VI tagħha. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma tista’ tiġi nterpretata fis-sens li tipprojbixxi r-rifjut ta’ l-esekuzzjoni ta’ deċiżjoni fejn ikun hemm raġunijiet sabiex wieħed jaħseb, abbażi ta’ elementi objettivi, li l-penali finanzjarja għandha l-għan li tikkastiga persuna minħabba is-sess, ir-razza, ir-reliġjon, l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, il-lingwa, l-opinjonijiet politiċi jew l-orjentazzjoni sesswali tiegħu jew tagħha, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi preġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet. |
(6) |
Din id-Deċiżjoni Kwadru ma twaqqafx Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu dwar il-proċess xieraq, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ l-espressjoni f’medja oħra, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI KWADRU:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:
(a) |
“deċiżjoni” tfisser deċiżjoni finali li teħtieġ il-ħlas ta’ penali finanzjarja minn persuna fiżika jew ġuridika fejn id-deċiżjoni ttieħdet minn:
|
(b) |
“penali finanzjarja” tfisser l-obbligu ta’ ħlas ta’:
Penali finanzjarja ma għandhiex tinkludi:
|
(ċ) |
“Stat emittenti” tfisser l-Istat Membru li fih ġiet mogħtija deċiżjoni fis-sens ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru; |
(d) |
“Stat ta’ esekuzzjoni” tfisser l-Istat Membru li lilu ġiet trasmessa deċiżjoni għall-iskop ta’ infurzar; |
Artikolu 2
Awtoritajiet kompetenti
1. Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill liema awtorità jew awtoritajiet, skond il-liġi nazzjonali tiegħu, huma kompetenti skond din id-Deċiżjoni Kwadru, meta dak l-Istat ikun l-Istat emittenti jew l-Istat ta’ esekuzzjoni.
2. Minkejja l-Artikolu 4, kull Stat Membru jista’ jinnomina, jekk ikun neċessarju minħabba l-organizzazzjoni tas-sistema interna tiegħu, awtorità waħda jew aktar responsabbli għat-trasmissjoni u r-riċeviment amministrattivi tad-deċiżjonijiet u biex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti.
3. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jagħmel l-informazzjoni li jirċievi disponibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni.
Artikolu 3
Drittijiet fondamentali
Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex ikollha l-effett li temenda l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fondamentali u tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat.
Artikolu 4
Trasmissjoni ta’ deċiżjonijiet u rikors għall-awtorità ċentrali
1. Deċiżjoni, flimkien ma’ ċertifikat kif previst f’dan l-Artikolu, jista’ jiġi trasmess lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li fih għandha l-proprjetà jew id-dħul il-persuna fiżika jew ġuridika, li kontriha ttieħdet deċiżjoni, hija normalment residenti jew, fil-każ ta’ persuna ġuridika, għandha l-uffiċċju reġistrata tagħha.
2. Iċ-ċertifikat, li l-formola standard għalih tinsab fl-Anness, għandu jiġi ffirmat, u l-kontenut tiegħu għandu jiġi ċertifikat bħala preċiż, mill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti.
3. Id-deċiżjoni jew kopja ċertifikata tagħha, flimkien maċ-ċertifikat, għandhom jiġu trasmessi mill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti direttament lill-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta’ esekuzzjoni jistabbilixxi l-awtentiċità tagħha. L-oriġinal tad-deċiżjoni, jew kopja ċertifikata tagħha, u l-oriġinal taċ-ċertifikat, għandhom jintbagħtu lill-Istat ta’ esekuzzjoni jekk dan hekk jitlob. Il-komunikazzjonijiet uffiċjali kollha għandhom isiru wkoll direttament bejn l-awtoritajiet kompetenti msemmija.
4. L-Istat emittenti għandu jittrasmetti deċiżjoni lill-Stat ta’ esekuzzjoni wieħed biss fi kwalunkwe mument speċifiku.
5. Jekk l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni mhijiex magħrufa mill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, din ta’ l-aħħar għandha tfittex b’kull mezz ta’ tiftix meħtieġ, anke permezz tal-punti ta’ kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew (6) sabiex tikseb l-informazzjoni mill-Istat ta’ esekuzzjoni.
6. Meta xi awtorità, fl-Istat ta’ esekuzzjoni, li tirċievi deċiżjoni ma jkollhiex il-kompetenza sabiex tirrikonoxxiha u tieħu l-miżuri meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, għandha, ex officio, titrasmetti d-deċiżjoni lill-awtorità kompetenti u għandha tinforma lill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti b’dan
7. Ir-Renju Unit u l-Irlanda, rispettivament, jistgħu jistqarru f’dikjarazzjoni li d-deċiżjoni flimkien maċ-ċertifikat għandhom jintbagħtu permezz ta’ l-awtorità ċentrali tagħhom jew l-awtoritajiet speċifikati minnhom fid-dikjarazzjoni. Dawn l-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw li jillimitaw l-ambitu ta’ tali dikjarazzjoni fi kwalunkwe ħin sabiex jagħtu aktar effett lill-paragrafu 3. Għandhom jagħmlu hekk meta jiddaħħlu fis-seħħ, fir-rigward tagħhom, id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna reċiproka tal-Konvenzjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Schengen. Kwalunkwe dikjarazzjoni għandha tiġi depożitata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u notifikata lill-Kummissjoni.
Artikolu 5
L-ambitu ta’ applikazzjoni
1. Ir-reati li ġejjin, jekk huma kastigabbli fl-Istat emittenti u kif inhuma definiti mill-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, skond l-istipulazzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jagħtu lok għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet:
— |
parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, |
— |
terroriżmu, |
— |
traffikar tal-bnedmin, |
— |
sfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija bit-tfal, |
— |
traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi, |
— |
traffikar illeċitu ta’ armi, munizzjoni u splussivi, |
— |
korruzzjoni, |
— |
frodi, inkluża dik li jolqot l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej fis-sens tal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, |
— |
laundering ta’ qligħ mill-kriminalità, |
— |
falsifikazzjoni ta’ flus, inkluża l-falsifikazzjoni ta’ l-ewro, |
— |
reati relatati ma’ l-informatika, |
— |
reati ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu ta’ speċi minaċċjati ta’ annimali u ta’ speċi minaċċjati ta’ pjanti u varjetajiet, |
— |
faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati, |
— |
qtil, offiżi gravi fuq il-persuna, |
— |
kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti umani, |
— |
ħtif ta’ persuni, iż-żamma illegali ta’ persuni u t-teħid ta’ ostaġġi, |
— |
razziżmu u xenofobja, |
— |
serq kwalifikat bil-vjolenza, organizzat jew bl-użu ta’ armi, |
— |
traffikar illeċitu ta’ beni kulturali, inklużi antikitajiet u opri ta’ l-arti, |
— |
frodi b’egħmil qarrieqi, |
— |
racketeering u estorsjoni, |
— |
falsifikazzjoni u piraterija ta’ prodotti, |
— |
falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u traffikar tagħhom, |
— |
falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas, |
— |
traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u growth promoters oħra, |
— |
traffikar illeċitu ta’ materjali nukleari jew radjuattivi, |
— |
traffikar ta’ vetturi misruqa, |
— |
stupru, |
— |
ħruq volontarju ta’ proprjetà, |
— |
delitti li jaqgħu fil-kompetenza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, |
— |
teħid illegali ta’ inġenji ta’ l-ajru/bastimenti, |
— |
sabotaġġ, |
— |
kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq, inklużi l-ksur tar-regolamenti dwar il-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ u tar-regolamenti dwar merkanzija perikoluża, |
— |
kontrabandu ta’ merkanziji, |
— |
ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, |
— |
theddid u atti ta’ vjolenza kontra persuni, inkluża vjolenza matul attivitajiet sportivi, |
— |
ħsara volontarja kriminali, |
— |
serq, |
— |
reati stabbiliti mill-Istat emittenti u ntiżi sabiex jimplimentaw l-obbligi assunti permezz ta’ strumenti adottati taħt it-Trattat tal-KE jew taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta’ l-UE. |
2. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jżid kategoriji oħra ta’ reati mal-lista fil-paragrafu 1 fi kwalunkwe żmien, billi jaġixxi unanimament wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-Trattat ta’ l-UE.
Fid-dawl tar-rapport sottomess lilu skond l-Artikolu 20(5), il-Kunsill għandu jikkonsidra jekk il-lista għandhiex tiġi estiża jew emendata. Il-Kunsill għandu jikkonsidra l-kwistjoni aktar ‘il quddiem fi stadju sussegwenti abbażi ta’ rapport, dwar l-applikazzjoni prattika tad-Deċiżjoni Kwadru, stabbilit mill-Kummissjoni fi żmien 5 snin mid-data msemmija fl-Artikolu 20(1).
3. Fir-rigward ta’ reati oħra mhux koperti mill-paragrafu 1, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jagħmel li r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjoni tkun soġġetta għall-kondizzjoni li d-deċiżjoni tkun relatata ma’ kondotta li tikkostitwixxi reat skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostitwenti jew mil-mod kif inhi deskritta.
Artikolu 6
Rikonoxximent u esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet
L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu deċiżjoni li ġiet trasmessa skond l-Artikolu 4 mingħajr ma tkun neċessarja kwalunkwe formalità oħra u għandhom minnufiħ jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 7.
Artikolu 7
Raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ esekuzzjoni
1. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu u li jesegwixxu d-deċiżjoni jekk iċ-ċertifikat stipulat fl-Artikolu 4 mhuwiex prodott, mhuwiex komplet jew ma jikkorrispondix b’mod evidenti mad-deċiżjoni.
2. L-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ wkoll tirrifjuta li tirrikonoxxi u li tesegwixxi d-deċiżjoni jekk jiġi stabbilit li:
(a) |
ġiet mogħtija deċiżjoni kontra l-persuna ikkundannata fir-rigward ta’ l-istess atti fl-Istat ta’ esekuzzjoni jew fi kwalunkwe Stat għajr l-Istat emittenti jew ta’ esekuzzjoni, u, fil-każ ta’ l-aħħar, id-deċiżjoni ġiet esegwita; |
(b) |
f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5(3), id-deċiżjoni tikkonċerna atti li ma jikkostitwixxux reat skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. |
(ċ) |
l-esekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni hija preskritta skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni u d-deċiżjoni tikkonċerna atti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat skond il-liġi tiegħu; |
(d) |
id-deċiżjoni tikkonċerna atti li:
|
(e) |
il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tipprevedi l-immunità, li tagħmel l-esekuzzjoni tad-deċiżjoni impossibbli; |
(f) |
id-deċiżjoni ġiet imposta fuq persuna fiżika li, skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, ma setgħetx, minħabba l-età tagħha, tinżamm kriminalment responsabbli ta’ l-atti li fuqhom ittieħdet id-deċiżoni; |
(g) |
skond iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4, il-persuna konċernata
|
(h) |
il-penali finanzjarja hija taħt EUR 70 jew l-ekwivalent għal dik is-somma. |
3. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2(ċ) u (g), qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew li ma tesegwix deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezzi xierqa, u għandha, fejn xieraq, titlobha biex tforni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien.
Artikolu 8
Determinazzjoni ta’ l-ammont li għandu jitħallas
1. Fejn jiġi stabbilit li d-deċiżoni tikkonċerna atti li ma twettqux fit-territorju ta’ l-Istat emittenti, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jiddeċiedi li jnaqqas l-ammont tal-penali infurzata għall-ammont massimu previst, għal atti ta’ l-istess xorta, mil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, meta l-atti jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat.
2. Fejn ikun meħtieġ, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha taqleb il-penali għall-munita ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni bir-rata tal-kambju applikabbli fiż-żmien meta l-penali ġiet imposta.
Artikolu 9
Il-liġi li tirregola l-infurzar
1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u għall-Artikolu 10, l-infurzar tad-deċiżjoni għandu jkun regolat mill-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni bl-istess mod ta’ penali finanzjarja ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. L-awtoritajiet ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni biss għandhom ikunu kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-proċeduri għall-infurzar u biex jiddeterminaw il-miżuri kollha relatati miegħu, inklużi r-raġunijiet għat-terminazzjoni ta’ l-infurzar.
2. Fil-każ fejn il-persuna kundannata tista’ tforni prova ta’ ħlas, totali jew f’parti, fi kwalunkwe Stat, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità ta’ l-Istat emittenti kif previst fl-Artikolu 7(3). Kwalunkwe parti tal-penali rkuprata bi kwalunkwe mod fi kwalunkwe Stat għandha tiġi mnaqqsa kompletament mill-ammont li għandu jiġi nfurzat fl-Istat ta’ esekuzzjoni.
3. Penali finanzjarja mposta fuq persuna ġuridika għandha tiġi nfurzata anki jekk l-Istat ta’ esekuzzjoni ma jirrikonoxxix il-prinċipju tar-responsabbiltà kriminali ta’ persuni ġuridiċi.
Artikolu 10
Priġunerija jew sanzjoni alternattiva oħra bħala sostitut għal nuqqas ta’ rkupru tal-penali finanzjarja
Fejn mhuwiex possibbli li deċiżjoni tiġi nfurzata, totalment jew f’parti, jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet alternattivi, inkluż sanzjonijiet ta’ priġunerija, mill-Istat ta’ esekuzzjoni jekk il-liġijiet tiegħu jipprovdu għal dan f’tali każijiet u l-Istat emittenti ippermetta l-applikazzjoni ta’ tali sanzjonijiet alternattivi fiċ-ċertifikat msemmi fl-Artikolu 4. Is-severità tas-sanzjoni alternattiva għandha tiġi determinata skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, iżda ma għandhiex teċċedi kwalunkwe livell massimu stipulat fiċ-ċertifikat trasmess mill-Istat emittenti.
Artikolu 11
Amnestija, maħfra, reviżjoni ta’ sentenza
1. L-amnestija u l-maħfra jistgħu jingħataw mill-Istat emittenti kif ukoll mill-Istat ta’ esekuzzjoni.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, l-Istat emittenti biss jista’ jiddeċiedi dwar applikazzjoni għar-reviżjoni tad-deċiżjoni.
Artikolu 12
It-terminazzjoni ta’ l-infurzar
1. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għanda tinforma minnufiħ lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni jew miżura li bħala riżultat tagħha d-deċiżjoni ma tibqax infurzabbli jew tiġi rtirata mill-Istat ta’ esekuzzjoni għal kwalunkwe raġuni oħra.
2. L-Istat ta’ esekuzzjoni għandu jtemm l-infurzar tad-deċiżjoni malli jiġi nformat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti dwar dik id-deċiżjoni jew miżura.
Artikolu 13
L-attribuzzjoni ta’ flejjes li ġejjin mill-infurzar ta’ deċiżjonijiet
Flejjes li jinkisbu mill-infurzar ta’ deċiżjonijiet għandhom imorru għand l-Istat ta’ esekuzzjoni sakemm l-Istat emittenti u dak ta’ esekuzzjoni ma jkunux ftiehmu mod ieħor, b’mod partikolari fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(b)(ii).
Artikolu 14
Informazzjoni mill-Istat ta’ esekuzzjoni
L-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub:
(a) |
dwar it-trasmissjoni tad-deċiżjoni lill-awtorità kompetenti, skond l-Artikolu 4(6); |
(b) |
dwar kwalunkwe deċiżjoni sabiex ma tiġix rikonoxxuta jew eżegwita deċiżjoni, skond l-Artikoli 7 jew 20(3), flimkien mar-raġunijiet għal tali deċiżjoni; |
(ċ) |
dwar in-nuqqas totali jew parzjali ta’ esekuzzjoni tad-deċiżjoni għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 8, l-Artikolu 9(1) u (2), u l-Artikolu 11(1); |
(d) |
dwar l-esekuzzjoni tad-deċiżjoni hekk kif l-esekuzzjoni ġiet kompletata; |
(e) |
dwar l-applikazzjoni ta’ sanzjoni alternattiva, skond l-Artikolu 10. |
Artikolu 15
Konsegwenzi ta’ trasmissjoni ta’ deċiżjoni
1. Bla ħsara għall-paragrafu 2, l-Istat emittenti ma jistax ikompli bl-esekuzzjoni ta’ deċiżjoni trasmessa skond l-Artikolu 4.
2. Id-dritt ta’ esekuzzjoni tad-deċiżjoni għandu jerġa’ jsir ta’ l-Istat emittenti:
(a) |
malli jiġi notifikat mill-Istat ta’ esekuzzjoni dwar in-nuqqas totali jew parzjali ta’ esekuzzjoni jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ infurzar tad-deċiżjoni fil-każ ta’ l-Artikolu 7, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 7(2)(a), fil-każ ta’ l-Artikolu 11(1), u fil-każ ta’ l-Artikolu 20(3), jew |
(b) |
meta l-Istat ta’ esekuzzjoni ġie nformat mill-Istat emittenti li l-esekuzzjoni tad-deċiżjoni ġiet irtirata mill-Istat ta’ esekuzzjoni skond l-Artikolu 12. |
3. Jekk, wara t-trasmissjoni ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 4, xi awtorità ta’ l-Istat emittenti tirċievi kwalunkwe somma ta’ flus li tħallset volontarjament mill-persuna kundannata fir-rigward tad-deċiżjoni, dik l-awtorità għandha tinforma lill-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni mingħajr dewmien. L-Artikolu 9(2) għandu japplika.
Artikolu 16
Lingwi
1. Iċ-ċertifikat, li l-formola standard għaliħ tinsab fl-Anness, għandu jiġi tradott fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. Kwalunkwe Stat Membru jista’, meta din id-Deċiżjoni Kwadru tiġi adottata jew f’data aktar tard, jistqarr permezz ta’ dikjarazzjoni depożitata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li jaċċetta traduzzjoni f’waħda jew iżjed mill-lingwi uffiċjali l-oħra ta’ l-Istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni.
2. L-esekuzzjoni tad-deċiżjoni tista’ tiġi sospiża għaż-żmien meħtieġ biex tinkiseb it-traduzzjoni tagħha, li għandha titħallas mill-Istat ta’ esekuzzjoni.
Artikolu 17
Spejjeż
L-Istati Membri ma għandhomx jitolbu minn għand xulxin ir-rimborż ta’ spejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.
Artikolu 18
Relazzjoni ma’ ftehim u arranġamenti oħra
Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni ta’ ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali bejn Stati Membri sakemm tali ftehim jew arranġamenti jippermettu li l-applikazzjoni tmur lil hinn minn dak dispost f’din id-Deċiżjoni Kwadru u jgħinu fis-simplifikazzjoni jew fil-faċilitazzjoni ulterjuri tal-proċeduri għall-infurzar ta’ penali finanzjarji.
Artikolu 19
Applikazzjoni territorjali
Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tapplika għal Ġibilterra.
Artikolu 20
Implimentazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din ir-Deċiżjoni Kwadru sat-22 ta’ Marzu 2007.
2. Kull Stat Membru jista’, għal perjodu ta’ mhux aktar minn 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, jillimita l-applikazzjoni tagħha għal:
(a) |
deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 (a)(i) u (iv); u/jew |
(b) |
fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, deċiżjonijiet relatati ma kondotta li għaliha strument Ewropew jipprovdi għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi. |
Kwalunkwe Stat Membru li jrid jagħmel użu minn dan il-paragrafu għandu jinnotifika dikjarazzjoni f’dak is-sens lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill meta din id-Deċiżjoni Kwadru tiġi adottata. Id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
3. Kull Stat Membru jista’ jopponi r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fejn iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4 jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali jew tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat. Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(3) għandha tapplika.
4. Kwalunkwe Stat Membru jista’ japplika l-prinċipju ta’ reċiproċità fir-rigward ta’ kwalunkwe Stat Membru li jkun qed jagħmel użu mill-paragrafu 2.
5. L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obligazzjonijiet imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Kwadru. Abbażi ta’ rapport stabbilit mill-Kummissjoni abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kunsill għandu, sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Marzu 2008, jistma l-miżura li fiha l-Istat Membri kkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni Kwadru.
6. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni bid-dikjarazzjonijiet magħmula skond l-Artikoli 4(7) u 16.
7. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35(7) tat-Trattat, Stat Membru li ltaqa’ ma’ diffikultajiet ripetuti jew ma’ nuqqas ta’ attività minn Stat Membru ieħor fir-rikonoxximent u l-esekuzzjoni reċiproċi ta’ deċiżjonijiet, li ma ġewx riżolti permezz ta’ konsultazzjonijiet bilaterali, jista’ jinforma lill-Kunsill bil-ħsieb li tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru fuq il-livell ta’ Stat Membru.
8. Kwalunkwe Stat Membru li applika l-paragrafu 3 f’sena kalendarja, għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fil-bidu tas-sena kalendarja sussegwenti, bil-każijiet li fihom ġew applikati r-raġunijiet msemmija f’dik id-dispożizzjoni għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni.
9. Fi żmien 7 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport abbażi ta’ l-informazzjoni riċevuta, akkumpanjat minn kwalunkwe inizjattivi li tikkonsidra xierqa. Abbażi tar-rapport il-Kunsill għandu jirrevedi dan l-Artikolu bil-ħsieb li jikkonsidra jekk il-paragrafu 3 għandux jinżamm jew għandux jiġi sostitwit minn dispożizzjoni iżjed speċifika.
Artikolu 21
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni Kwadru għanda tidħol fis-seħħ fil-jum li tkun ġiet ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, nhar l-24 ta’ Frar 2005.
Għall-Kunsill
Il-President
N. SCHMIT
(1) ĠU C 278, 2.10.2001, p. 4.
(2) ĠU C 271E, 7.11.2002, p. 423.
(3) ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.
(4) ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.
(5) ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2004 (ĠU L 381, 28.12.2004, p. 10).
(6) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/428/ĠAI tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar l-istabbiliment ta’ Network Ġudizzjarju Ewropew (ĠU L 191, 7.7.1998, p. 4).
ANNESS
ĊERTIFIKAT
imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji
(a) |
|
(b) |
L-awtorità li ħarġet id-deċiżjoni li timponi penali finanzjarja:
|
(ċ) |
L-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti għall-infurzar tad-deċiżjoni li timponi l-penali finanzjarja (jekk l-awtorità hija differenti mill-awtorità fil-punt (b)):
|
(d) |
Fejn awtorità ċentrali ingħatat ir-responsabbiltà għat-trasmissjoni amminstrattiva ta’ deċiżjonijiet li jimponu penali finanzjarji fl-Istat emittenti:
|
(e) |
L-awtorità jew awtoritajiet li jistgħu jiġu kkuntattjati (fil-każ fejn il-punt (ċ) u/jew (d) ġew kompletati):
|
(f) |
Informazzjoni dwar il-persuna fiżika jew ġuridika li fuqha ġiet imposta l-penali finanzjarja: 1. Fil-każ ta’ persuna fiżika Kunjom: … Isem/Ismijiet: … Isem ta’ xebba, fejn applikabbli: … Psewdonimi, fejn applikabbli: … Sess: … Ċittadinanza: … Numru ta’ identità jew numru ta’ sigurtà soċjali (fejn disponibbli): … Data tat-Twelid: … Post tat-Twelid: … L-aħħar indirizz magħruf: … … Lingwa/i li l-persuna tifhem (jekk magħruf): … …
2. Fil-każ ta’ persuna ġuridika: Isem: … Tip ta’ persuna ġuridika: … Numru ta’ reġistrazzjoni (jekk disponibbli) (1): … Sede ta’ reġistrazzjoni (jekk disponibbli) (1): … Indirizz tal-persuna ġuridika: …
|
(g) |
Id-deċiżjoni li timponi penali finanzjarja:
|
(h) |
Status tad-deċiżjoni li timponi l-penali finanzjarja
|
(i) |
Sanzjonijiet alternattivi, inklużi sanzjonijiet ta’ priġunerija
|
(j) |
Ċirkostanzi oħra pertinenti għall-każ (informazzjoni mhux obbligatorja): … … … |
(k) |
It-test tad-deċiżjoni li timponi l-penali finanzjarja huwa mehmuż maċ-ċertifikat. Firma ta’ l-awtorità li toħroġ iċ-ċertifikat u/jew ir-rappreżentant li tiċċertifika li l-kontenut taċ-ċertifikat huwa preċiż: … … Isem: … Pożizzjoni (titolu/grad): … Data: … Timbru uffiċjali (jekk disponibbli) |
(1) Fejn deċiżjoni hija trasmessa lill-Istat ta’ esekuzzjoni għaliex il-persuna ġuridika li kontriha ttieħdet id-deċiżjoni għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’dak l-Istat, in-Numru ta’ reġistrazzjoni u s-Sede jew l-Indirizz ta’ l-uffiċċju reġistrat għandhom jiġu kompletati.