15.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

418


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Diċembru 2005

dwar il-lista ta’ pajjiżi benefiċjarji li jikkwalifikaw għall-arranġament ta’ inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u tmexxija tajba, stipulat mill-Artikolu 26(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 li japplika skema ta' preferenzi ta' tariffi ġeneralizzati

(2005/924/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 li japplika skema ta’ preferenzi ta’ tariffi ġeneralizzati (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 11 u 26 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 jistipula l-għoti ta’ arranġament ta’ inċentiv speċjali għal pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jissodisfaw ċerti rekwiżiti għall-iżvilupp sostenibbli u tmexxija tajba.

(2)

Kull pajjiż li qed jiżviluppa li jixtieq jibbenefika minn dan l-arranġament ta’ inċentiv speċjali bagħat it-talba tiegħu bil-miktub sal-31 ta' Ottubru 2005, flimkien mat-tagħrif komprensiv dwar ir-ratifika tal-konvenzjonijiet rilevanti, il-leġiżlazzjoni u l-miżuri li jimplimentaw b’mod effettiv id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet u l-impenn tiegħu li jaċċetta u jikkonforma bis-sħiħ mal-mekkaniżmu ta' sorveljanza u reviżjoni mbassra fil-konvenzjonijiet rilevanti u strumenti relatati.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat dawn it-talbiet, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 980/2005, u stabbiliet il-lista finali ta' pajjiżi benefiċjarji li jissodisfaw il-kriterji rilevanti. Skond dan, l-arranġament ta' inċentiv speċjali għandu jingħata lil dawn il-pajjiżi bejn l-1 ta' Jannar 2006 u l-31 ta' Diċembru 2008.

(4)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Preferenzi Ġeneralizzati,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu waħdieni

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li ġejjin għandhom jibbenefikaw mill-arranġament ta’ inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u tmexxija tajba stipulat fir-Regolament (KE) Nru 980/2005 mill-1 ta’ Jannar 2006 għall-31 ta’ Diċembru 2008:

(BO)

Il-Bolivja

(CO)

Il-Kolumbja

(CR)

Il-Kosta Rika

(EC)

L-Ekwador

(GE)

Il-Ġeorġja

(GT)

Il-Gwatemala

(HN)

Il-Ħonduras

(LK)

Is-Sri Lanka

(MD)

Ir-Repubblika tal-Moldova

(MN)

Il-Mongolja

(NI)

In-Nikaragwa

(PA)

Il-Panama

(PE)

Il-Peru

(SV)

El Salvador

(VE)

Il-Venezwela

Magħmula fi Brussell, 21 ta’ Diċembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.