2.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L NaN/137


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Novembru 2005

rigward l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika mal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza fil-każ ta’ Inċident Nukleari jew Emerġenza Radjoloġika

(2005/845/Euratom)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2005 li tapprova l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza f’każ ta’ Inċident Nukleari jew Emerġenza Radjoloġika,

Billi:

(1)

Tlieta u għoxrin Stat Membru huma partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni dwar l-Assistenza f’każ ta’ Inċident Nukleari jew Emerġenza Radjoloġika.

(2)

Il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għandha tissieħeb fil-Konvenzjoni dwar l-Assistenza f’każ ta’ Inċident Nukleari u Emerġenza Radjoloġika.

IDDEĊIDIET SKONT KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-adeżjoni mal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza f’każ ta’ Inċident Nukleari jew Emerġenza Radjoloġika qed tiġi approvata bil-preżenti f’isem il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

It-test tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza f’każ ta’ Inċident Nukleari jew Emerġenza Radjoloġika u d-dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(5)(c) ta’ dik il-Konvenzjoni huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-istrument tal-adeżjoni għandu jiġi ddepożitat għand id-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika, id-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza f’każ ta’ Inċident Nukelari jew Emerġenza Radjoloġija, kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fil-forma ta’ ittra ffirmata mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea lill-Organizzazzjonijiet Internazzjonali fi Vjenna.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Novembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Andris PIEBALGS

Membru tal-Kummissjoni


KONVENZJONI DWAR L-ASSISTENZA F’KAŻ TA’ INĊIDENT NUKLEARI JEW EMERĠENZA RADJOLOĠIKA

L-ISTATI PARTIJIET GĦAL DIN IL-KONVENZJONI,

FILWAQT LI HUMA KONXJI li qed isiru attivitajiet nukleari f’diversi Stati,

FILWAQT LI JINNUTAW li ttieħdu u qed jittieħdu miżuri komprensivi biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà f’attivitajiet nukleari, immirati biex jevitaw inċidenti nukleari u biex jimminimizzaw il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe inċident bħal dan, li kieku kellu jseħħ,

FILWAQT LI JINSABU XEWQANA li jsaħħu aktar il-kooperazzjoni internazzjonali fl-iżvilupp u fl-użu bla periklu tal-enerġija nukleari,

FILWAQT LI JINSABU KONVINTI mill-ħtieġa ta’ strument internazzjonali li jiffaċilita l-għoti immedjat ta’ assistenza fil-każ ta’ inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika biex itaffu l-konsegwenzi,

FILWAQT LI JINNUTAW l-utilità ta’ arranġamenti bilaterali u multilaterali dwar l-assistenza reċiproka f’dan il-qasam,

FILWAQT LI JINNUTAW l-attivitajiet tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika fl-iżvilupp ta’ linji gwida għal ftehimiet ta’ għanjuna reċiproka f’każi ta’ emerġenza b’rabta ma’ inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika,

FTIEHMU dan li ġej:

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   L-Istati Partijiet għandhom jikkooperaw bejniethom u mal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (minn hawn’il quddiem imsejħa l-“Aġenzija”) skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni sabiex jiffaċilitaw l-assistenza immedjata fil-każ ta’ inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika biex jimminimizzaw il-konsegwenzi u jipproteġu l-ħajja, il-proprjetà u l-ambjent mill-effetti ta’ rilaxxi radjuattivi.

2.   Biex jiffaċilitaw din il-kooperazzjoni l-Istati Partijiet jistgħu jiftiehmu dwar arranġamenti bilaterali jew multilaterali jew, fejn jixraq, kombinazzjoni ta’ dawn, biex jiġu evitati jew imminimizzati l-korrmenti u l-ħsarat li jistgħu jirriżultaw f’każ ta’ inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika.

3.   L-Istati Partijiet jitolbu lill-Aġenzija, filwaqt li taġixxi fi ħdan il-qafas tal-Istatut tagħha, biex tuża l-aħjar sforzi tagħha skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni biex tippromwovi, tiffaċilita u tappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Partijiet pprovduta f’din il-Konvenzjoni.

Artikolu 2

Għoti ta’ assistenza

1.   Jekk Stat Parti jeħtieġ assistenza f’każ ta’ inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika, kemm jekk tali inċident jew emerġenza joriġinaw fit-territorju, fil-ġuriżdizzjoni jew fil-kontroll tiegħu, u kemm jekk le, dan jista’ jitlob għal tali assistenza minn kwalunkwe Stat Parti ieħor, direttament jew permezz tal-Aġenzija, u mill-Aġenzija, jew, fejn jixraq, minn organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali oħra (minn hawn ’il quddiem imsejħa “organizzazzjonijiet internazzjonali”).

2.   Stat Parti li jitlob din l-assistenza għandu jispeċifika l-ambitu u t-tip ta’ assistenza meħtieġa u, fejn ikun prattiku, jagħti lill-parti li tiprovdi l-assistenza bl-informazzjoni meħtieġa sabiex dik il-parti tkun tista’ tiddetermina sa liema punt hija tista’ tilqa’ t-talba. F’każ li ma jkunx prattiku għall-Istat Parti li jagħmel it-talba biex jispeċifika l-ambitu u t-tip ta’ assistenza meħtieġa, l-Istat Parti li jagħmel it-talba u l-parti li tipprovdi l-assistenza għandhom, wara li jikkonsultaw lil xulxin, jiddeċiedu dwar l-ambitu u t-tip ta’ għanjuna meħtieġa.

3.   Kull Stat Parti li ssirlu talba għal din l-assistenza għandu jiddeċiedi minnufih u jinnotifika lill-Istat Parti li jagħmel it-talba, direttament jew permezz tal-Aġenzija, jekk huwiex f’pożizzjoni li jagħti l-assistenza mitluba, kif ukoll l-ambitu u t-termini tal-assistenza li tista’ tingħata.

4.   L-Istati Partijiet għandhom, fil-limiti tal-kapaċitajiet tagħhom, jidentifikaw u jinnotifikaw lill-Aġenzija dwar l-esperti, it-tagħmir u l-materjali li jistgħu jkunu disponibbli għall-għoti ta’ assistenza lill-Istati Partijiet l-oħra f’każ ta’ inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika kif ukoll it-termini, partikolament dawk finanzjarji, li taħthom din l-assistenza tista’ tingħata.

5.   Kwalunkwe Stat Parti jista’ jitlob assistenza għal trattament mediku jew għar-rilokazzjoni temporanja fit-territorju ta’ Stat Parti ieħor ta’ persuni involuti f’inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika.

6.   L-Aġenzija għandha twieġeb, skont l-Istatut tagħha u kif previst f’din il-Konvenzjoni, lill-Istat Parti li jagħmel it-talba jew għat-talba ta’ Stat Membru li jitlob għal din l-assistenza fil-każ ta’ inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika billi:

a.

tagħmel disponibbli r-riżorsi xierqa allokati għal dan l-iskop;

b.

tittrażmetti mill-ewwel it-talba lill-Istati l-oħra u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li, skont l-informazzjoni tal-Aġenzija, jista’ jkollhom ir-riżorsi meħtieġa; u

c.

jekk tkun mitluba mill-Istat li jagħmel it-talba, tikkoordina l-assistenza li ssir disponibbli fuq livell internazzjonali.

Artikolu 3

Direzzjoni u kontroll tal-assistenza

Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor:

a.

fuq livell ġenerali d-direzzjoni, il-kontroll, il-koordinazzjoni u s-superviżjoni tal-assistenza, fit-territorju tal-Istat li jagħmel it-talba, għandhom jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dan tal-aħħar. Il-parti li tipprovdi l-assistenza għandha, fejn din l-assistenza tinvolvi personal, taħtar f’konsultazzjoni mal-Istat li jagħmel it-talba, il-persuna li se tkun responsabbli u żżomm superviżjoni operattiva immedjata fuq l-personal u t-tagħmir fornut minnha. Il-persuna maħtura għandha teżerċita din is-superviżjoni f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li jagħmel it-talba;

b.

l-Istat li jagħmel it-talba għandu jipprovdi, safejn ikun jista’, il-faċilitajiet u s-servizzi lokali għall-amministrazzjoni xierqa u effettiva tal-assistenza. Dan għandu jiżgura wkoll il-protezzjoni tal-personal, tat-tagħmir u tal-materjali miġjuba fit-territorju tiegħu jew f’isem il-parti li tagħmel it-talba għal dan il-għan;

c.

id-dritt ta’ proprjetà fuq it-tagħmir u l-materjali pprovduti minn kwalunkwe parti matul il-perjodi ta’ assistenza għandu jibqa’ bla mittiefes, filwaqt li jiġi żgurat ir-ritorn tagħhom;

d.

l-Istat Parti li jipprovdi l-assistenza b’reazzjoni għal talba skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 2 għandu jikkoordina dik l-assistenza fi ħdan it-territorju tiegħu.

Artikolu 4

Awtoritajiet kompetenti u punti ta’ kuntatt

1.   Kull Stat Parti għandu jgħarraf lill-Aġenzija u lill-Istati Partijiet l-oħra, direttament jew permezz tal-Aġenzija, dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-punt ta’ kuntatt tiegħu li huma awtorizzati biex jagħmlu u jirċievu talbiet għal u biex jaċċettaw offerti ta’ assistenza. Dawn il-punti ta’ kuntatt kif ukoll il-punt fokali fi ħdan l-Aġenzija għandhom ikunu disponibbli kontinwament.

2.   Kull Stat Parti għandu jinforma minnufih lill-Aġenzija dwar kwalunkwe bidla li jista’ jkun hemm fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-Aġenzija għandha tipprovdi regolarment u bil-ħeffa lill-Istati Partijiet, lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonjiet internazzjonali rilevanti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 5

Funzjonijiet tal-Aġenzija

L-Istati Partijiet jitolbu lill-Aġenzija, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 1 u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din il-Konvenzjoni, sabiex:

a.

tiġbor u xxerred lill-Istati Partijiet u lill-Istati Membri informazzjoni dwar:

i.

esperti, tagħmir u materjali li jistgħu jkunu disponibbli fil-każ ta’ inċidenti nukleari jew emerġenzi radjoloġiċi;

ii.

metodoloġiji, tekniki u riżultati disponibbli ta’ riċerki relatati ma’ interventi f’każijiet ta’ inċidenti nukleari jew emerġenzi radjoloġiċi;

b.

tagħti assistenza lil Stat Parti jew lil Stat Membru meta tiġi mitluba dwar dawn il-ħwejjeġ li ġejjin jew oħrajn xierqa:

i.

it-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ emerġenza fil-każ ta’ inċidenti nukleari u emerġenzi radjoloġiċi kif ukoll ta’ leġiżlazzjoni xierqa;

ii.

l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ adegwati għall-persunal meta dan jissejjaħ biex jintervjeni f’każijiet ta’ inċidenti nukleari u emerġenzi radjoloġiċi;

iii.

il-komunikazzjoni ta’ talbiet għall-assistenza u tal-informazzjoni rilevanti f’każ ta’ inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika;

iv.

l-iżvilupp ta’ programmi, proċeduri u normi adegwati għas-sorveljanza tar-radjazzjoni;

v.

it-twettiq ta’ studji ta’ fattibbiltà sabiex jiġu ddefiniti sistemi adegwati ta’ sorveljanza tar-radjazzjoni;

c.

tagħmel disponibbli lil Stat Parti jew lil Stat Membru li jitlob l-assistenza fil-każ ta’ inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika r-riżorsi xierqa li jiġu allokati sabiex issir evalwazzjoni inizjali tal-inċident jew l-emerġenza;

d.

toffri lill-Istati Partijiet u lill-Istati Membri s-servizzi tagħha fil-każ ta’ inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika;

e.

tistabbilixxi u żżomm kollegament mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti sabiex tikseb u tiskambja l-informazzjoni u d-dejta rilevanti, u tittrażmetti lista ta’ dawn l-organizzazzjonijiet lill-Istati Partijiet, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet imsemmija aktar ’il fuq.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità u dikjarazzjonijiet pubbliċi

1.   L-Istat li jagħmel it-talba u l-parti li tipprovdi l-assistenza għandhom jiggarantixxu l-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali disponibbli lilhom b’rabta mal-assistenza fil-każ ta’ inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika. Din l-informazzjoni għandha tintuża esklużivament għall-finijiet tal-assistenza miftiehma.

2.   Il-parti li tipprovdi l-assistenza għandha tagħmel kull sforz sabiex tikkoordina mal-Istat li jagħmel it-talba qabel ma toħroġ kwalunkwe informazzjoni lill-pubbliku dwar l-assistenza li ngħatat b’rabta ma’ inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika.

Artikolu 7

Rimborż tal-ispejjeż

1.   Parti li tipprovdi l-assistenza tista’ toffri l-assistenza tagħha mingħajr spejjeż lill-Istat li jagħmel it-talba. Meta tikkunsidra jekk toffrix l-assistenza fuq din il-bażi, il-parti li tipprovdi l-assistenza għandha tqis:

a.

in-natura tal-inċident nukleari jew l-emerġenza radjoloġika;

b.

il-post tal-oriġini tal-inċident nukleari jew l-emerġenza radjoloġika;

c.

il-ħtiġiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

d.

il-ħtiġiet partikolari tal-pajjiżi li m’għandhomx faċilitajiet nukleari; u

e.

kwalunkwe fatturi rilevanti oħra.

2.   Meta l-assistenza tingħata kollha kemm hi jew parzjalment fuq bażi ta’ rimborż, l-Istat li jagħmel it-talba għandu jirrimborża lill-parti li tipprovdi l-assistenza għall-ispejjeż li jkunu saru għas-servizzi pprovduti minn persuni jew organizzazzjonijiet li jaġixxu f’ismu, u għall-ispejjeż kollha li jkunu saru b’rabta ma’ din l-assistenza, sakemm dawn l-ispejjeż ma jkunux tħallsu direttament mill-Istat li jagħmel it-talba. Sakemm mhux miftiehem mod ieħor, ir-rimborż għandu jsir fil-pront wara li l-parti li tipprovdi l-assistenza tkun ippreżentat it-talba tagħha għar-rimborż lill-Istat li jagħmel it-talba u, fir-rigward ta’ spejjeż minbarra spejjeż lokali, ikun trasferibbli b’mod liberu.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, il-parti li tipprovdi l-assistenza tista’ fi kwalunkwe żmien tirrinunzja, jew tiftiehem li tiddifferixxi, ir-rimborż kollu jew parti minnu. Meta jikkunsidraw din ir-rinunzja jew dan il-posponiment, il-partijiet li jipprovdu l-assistenza għandhom jikkunsidraw sew il-ħtiġiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Artikolu 8

Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet

1.   L-Istat li jagħmel it-talba għandu jagħti lill-persunal tal-parti li tipprovdi l-assistenza u lill-persunal li jaġixxi f’ismu l-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ assistenza tagħhom.

2.   L-Istat li jagħmel it-talba għandu jagħti l-privileġġi u l-immunitajiet li ġejjin lill-persunal tal-parti li tipprovdi l-assistenza jew lill-persunal li jaġixxi f’ismu li jkun ġie notifikat kif jixraq u li jiġi aċċettat mill-Istat li jagħmel it-talba:

a.

immunità minn arrest, dentenzjoni u proċedimenti legali, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-ġuriżdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tal-Istat li jagħmel it-talba, fir-rigward ta’ atti jew ommissjonijiet fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom; u

b.

eżenzjoni minn taxxi, dazji jew imposti oħra, ħlief għal dawk li normalment ikunu inkorporati fil-prezz tal-oġġetti jew li jitħallsu għas-servizzi mwettqa, fir-rigward tat-twettiq tal-funzjonjijiet ta’ assistenza tagħhom.

3.   L-Istat li jagħmel it-talba għandu:

a.

jagħti lill-parti li tipprovdi l-assistenza eżenzjoni minn taxxi, dazji jew imposti oħra fuq it-tagħmir u l-proprjetà li tinġieb fit-territorju tal-Istat li jagħmel it-talba mill-parti li tipprovdi l-assistenza għall-finijiet ta’ assistenza; u

b.

jagħti immunità kontra l-konfiska, is-sekwestru jew ir-rekwiżizzjoni ta’ dan it-tagħmir u proprjetà.

4.   L-Istat li jagħmel it-talba għandu jiżgura r-ritorn ta’ dan it-tagħmir u l-proprjetà. Jekk ikun mitlub mill-parti li tipprovdi l-assistenza, l-Istat li jagħmel it-talba għandu jagħmel l-arranġamenti, sakemm ikun possibbli li jagħmel dan, għad-dekontaminazzjoni meħtieġa tat-tagħmir rekuperabbli involut fl-assistenza qabel ma dan jiġi rritornat.

5.   L-Istat li jagħmel it-talba għandu jiffaċilita d-dħul, is-soġġorn u t-tluq mit-territorju nazzjonali tiegħu tal-persunal innotifikat skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 u tat-tagħmir u l-proprjetà involuti fl-assistenza.

6.   Xejn f’dan l-Artikolu ma jeħtieġ li l-Istat li jagħmel it-talba jikkonċedi liċ-ċittadini jew lir-residenti permanenti tiegħu bil-privileġġi u l-immunitajiet previsti fil-paragrafi preċedenti.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-privileġġi u l-immunitajiet, il-benefiċjarji kollha li jgawdu minn dawn il-privileġġi u immunitajiet skont dan l-Artikolu għandhom id-dmir li josservaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat li jagħmel it-talba. Għandhom ukoll id-dmir li ma jindaħlux fl-affarijiet interni tal-Istat li jagħmel it-talba.

8.   Xejn f’dan l-Artikolu ma jippreġudika d-drittijiet u l-obbligi fir-rigward tal-privileġġi u l-immunitajiet konċessi skont ftehimiet internazzjonali oħra jew ir-regoli tad-dritt internazzjonali.

9.   Meta jiffirma, jirratifika, jaċċetta, japprova jew jaderixxi din il-Konvenzjoni, Stat jista’ jiddikjara li hu ma jikkunsidrax lilu nnifsu marbut, b’mod sħiħ jew parzjali, bid-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3.

10.   Stat Parti li jagħmel dikjarazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 9 jista’ fi kwalunkwe żmien jirtiraha permezz ta’ notifika li tintbagħat lid-depożitarju.

Artikolu 9

Tranżitu ta’ persunal, tagħmir u proprjetà

Kull Stat Parti għandu, fuq talba tal-Istat li jagħmel it-talba jew tal-parti li tipprovdi l-assistenza, jagħmel ħiltu biex jiffaċilita t-tranżitu mit-territorju tiegħu ta’ persunal, tagħmir u proprjetà nnotifikati kif meħtieġ li jkunu involuti fl-assistenza lejn u mill-Istat li jagħmel it-talba.

Artikolu 10

Talbiet u kumpens

1.   L-Istati Partijiet għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jiffaċilitaw is-soluzzjoni ta’ proċeduri u talbiet legali u skont dan l-Artikolu.

2.   Sakemm mhux miftiehem mod ieħor, f’każ ta’ mewt jew korriment ta’ persuni, ħsara jew telf ta’ proprjetà, jew dannu għall-ambjent li jiġu kkawżati fit-territorju tiegħu jew f’żona oħra taħt il-ġuriżdizzjoni jew il-kontroll tiegħu waqt li tkun qed tingħata l-assistenza, l-Istat li jagħmel talba għandu:

a.

joqgħod lura milli jiftaħ proċeduri legali kontra l-parti li tipprovdi l-assistenza jew il-persuni jew entitajiet legali oħra li jaġixxu f’ismu;

b.

jassumi responsabbiltà biex jittratta l-proċeduri legali u t-talbiet minn partijiet terzi kontra l-parti li tipprovdi l-assistenza jew kontra persuni u entitajiet legali oħra li jaġixxu f’isimha;

c.

jipproteġi lill-parti li tipprovdi l-assistenza jew lil persuni fiżiċi u ġuridiċi oħra li jaġixxu f’ismu kontra l-proċeduri legali u t-talbiet imsemmija fis-subparagrafu (b); u

d.

jikkumpensa lill-parti li tipprovdi l-assistenza jew lil persuni jew entitajiet legali oħra li jaġixxu f’ismu għall-:

i.

mewt ta’ jew korriment ta’ persunal tal-parti li tipprovdi l-assistenza jew lil persuni li jaġixxu f’isimha;

ii.

telf ta’ jew ħsara lil tagħmir jew materjali mhux konsumabbli relatati mal-assistenza;

ħlief f’każijiet ta’ mġiba ħażina volontarja mill-individwi li jikkawżaw il-mewt, il-korriment, it-telf jew il-ħsara.

3.   Dan l-Artikolu ma jostakolax l-kumpens jew l-indennizz previsti taħt kwalunkwe ftehim internazzjonali applikabbli jew il-liġi nazzjonali ta’ kwalunkwe Stat.

4.   Xejn f’dan l-Artikolu ma jeħtieġ li l-Istat li jagħmel it-talba japplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 b’mod sħiħ jew parzjali fir-rigward taċ-ċittadini jew ir-residenti permanenti tiegħu.

5.   Meta jiffirma, jirratifika, jaċċetta, japprova jew jaderixxi ma’ din il-Konvenzjoni, Stat jista’ jiddikjara:

a.

li ma jikkunsidrax lilu nnifsu marbut b’mod sħiħ jew parzjali bis-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2;

b.

li hu mhux se japplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 b’mod sħiħ jew parzjali f’każijiet ta’ negliġenza serja mill-individwi li kkawżaw il-mewt, il-korriment, it-telf jew il-ħsara.

6.   Stat Parti li jkun għamel dikjrazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 jista’, fi kwalunkwe żmien, jirtiraha b’notifika li tintbagħat lid-depożitarju.

Artikolu 11

Terminazzjoni tal-assistenza

L-Istat li jagħmel it-talba jew il-parti li tipprovdi l-assistenza jistgħu fi kwalunkwe żmien, wara konsultazzjonijiet xierqa u b’notifika bil-miktub, jtolbu għat-terminazzjoni tal-assistenza li tkun ġiet irċevuta jew ingħatat skont din il-Konvenzjoni. Ladarba ssir din it-talba, il-partijiet involuti għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jagħmlu l-arranġamenti għall-konklużjoni xierqa tal-assistenza.

Artikolu 12

Relazzjonijiet ma’ ftehimiet internazzjonali oħra

Din il-Konvenzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-Istati Partijiet taħt ftehimiet internazzjonali eżistenti, li huma relatati ma’ kwistjonijiet koperti b’din il-Konvenzjoni, jew taħt ftehimiet internazzjonali eventwali li jiġu stipulati b’mod konformi mal-finijiet u l-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 13

Soluzzjoni ta’ kwistjonijiet

1.   F’każ ta’ kwistjoni bejn Stati Partijiet, jew bejn Stat Parti u l-Aġenzija, rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenjoni, il-partijiet fil-kwistjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jsolvu l-kwistjoni b’negozjar jew bi kwalunkwe mezz paċifiku ieħor ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet li jkun aċċettabbli għalihom.

2.   Jekk kwistjoni ta’ dan it-tip bejn l-Istati Partijiet ma tissolviex fi żmien sena mit-talba għall-konsultazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, din għandha, fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti f’din il-kwistjoni, titressaq għall-arbitraġġ jew tiġi referuta quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja għal deċiżjoni. Meta kwistjoni titressaq għall-arbitraġġ, jekk, fi żmien sitt xhur mid-data tat-talba, il-partijiet fil-kwistjoni ma jilħqux ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-arbitraġġ, parti minnhom tista’ titlob lill-President tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja jew lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex jaħtru arbitru wieħed jew aktar. F’każijiet ta’ talbiet konfliġġenti mill-partijiet fil-kwistjoni, it-talba lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jkollha prijorità.

3.   Meta jiffirma, jirratifika, jaċċetta, japprova jew jaderixxi ma; din il-Konvenzjoni, Stat jista’ jiddikjara li hu ma jikkunsidrax lilu nnifsu bħala marbut b’waħda mill-proċeduri, jew biż-żewġ proċeduri, tas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet previsti fil-paragrafu 2. L-Istati Partijiet l-oħra ma jintrabtux bi proċedura ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet prevista fil-paragrafu 2 fir-rigward ta’ Stat Parti li għalih din id-dikjarazzjoni tkun fis-seħħ.

4.   Stat Parti li jagħmel dikjarazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 jista’, fi kwalunkwe żmien, jirtiraha b’notifika li tintbagħat lid-depożitarju.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-iffirmar mill-Istati kollha u n-Namibja, rappreżentata mill-Kunsill tan-Nazzjonijiet għan-Namibja, fil-Kwartieri Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika fi Vjenna u fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, mis-26 ta’ Settembru 1986 u s-6 ta’ Ottubru 1986 rispettivament, sad-dħul fis-seħħ tagħha jew għal tnax-il xahar, skont liema perjodu jkun l-itwal.

2.   Kwalunkwe Stat u n-Namibja, din tal-aħħar rappreżentata mill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti għan-Namibja, jistgħu jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b’din il-Konvenzjoni billi jiffirmaw, jew billi jiddepożitaw strument ta’ ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni wara l-iffirmar soġġett għar-ratifikazzjoni, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, jew permezz tad-depożitu ta’ strument ta’ adeżjoni. L-istrumenti tar-ratifikazzjoni, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni għandhom jiġu ddepożitati għand id-depożitarju.

3.   Din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ tletin jum wara li tliet Stati jkunu esprimew il-kunsens tagħhom li jintrabtu.

4.   Għal kull Stat li jesprimi l-kunsens tiegħu li jintrabat b’din il-Konvenzjoni wara d-dħul fis-seħħ tagħha, din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ għal dak l-Istat wara tletin jum mid-data li fiha jkun esprima l-kunsens tiegħu.

5.

a.

Din il-Konvenzjoni għandha tibqa’ miftuħa għall-adeżjoni, kif previst f’dan l-Artikolu, tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u tal-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali, ikkostitwiti minn Stati sovrani, li jkollhom il-kompetenzi fir-rigward tan-negozjar, il-konklużjoni u l-applikazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti b’din il-Konvenzjoni.

b.

Fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tagħhom dawn l-organizzazzjonijiet għandhom, waqt li jaġixxu f’isimhom stess, jeżerċitaw id-drittijiet u jissodisfaw l-obbligi li din il-Konvenzjoni tattribwixxi lill-Istati Partijiet.

c.

Meta tiddepożita l-istrumenti tal-adeżjoni tagħha, din l-organizzazzjoni għandha tikkomunika lid-depożitarju dikjarazzjoni li tindika safejn hija kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet inklużi f’din il-Konvenzjoni.

d.

Din l-organizzazzjoni m’għandux ikollha vot addizzjonali minbarra dawk tal-Istati Membri tagħha.

Artikolu 15

Applikazzjoni provviżorja

Stat jista’, malli jiffirma jew f’data aktar tard qabel mal-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fir-rigward tiegħu, jiddikjara li se japplika din il-Konvenzjoni b’mod provviżorju.

Artikolu 16

Emendi

1.   Stat Parti jista’ jipproponi emendi għal din il-Konvenzjoni. L-emenda proposta għandha tiġi ppreżentata lid-depożitarju li għandu jgħaddiha immedjatament lill-Istati Partijiet l-oħra kollha.

2.   Jekk il-maġġornaza tal-Istati Partijiet jitolbu lid-depożitarju biex isejjaħ konferenza sabiex jiġu kkunsidrati l-emendi proposti, id-depożitarju għandu jistieden lill-Istati Partijiet kollha biex jattendu għal din il-konferenza li tista’ tibda mhux iktar qabel minn tletin jum wara li tkun ħarġet l-istedina għall-konferenza. Kwalunkwe emenda adottata fil-konferenza b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet Stati kollha għandha tiġi stabbilita fi protokoll li jkun miftuħ għall-iffirmar fi Vjenna u fi New York mill-Istati Partijiet kollha.

3.   Il-protokoll jidħol fis-seħħ tletin jum wara li tliet Stati jkunu esprimew il-kunsens tagħhom li jintrabtu. Għal kull Stat li jesprimi l-kunsens tiegħu li jintrabat bil-protokoll wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, il-protokoll jidħol fis-seħħ għal dak l-Istat tletin jum wara d-data li fiha jkun esprima l-kunsens tiegħu li jintrabat.

Artikolu 17

Denunzja

1.   Stat Parti jista’ jiddenunzja din il-Konvenzjoni b’notifika bil-miktub lid-depożitarju.

2.   Id-denunzja għandha tidħol fis-seħħ sena wara d-data li fiha d-depożitarju jkun irċieva n-notifika.

Artikolu 18

Depożitarju

1.   Id-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija huwa d-depożitarju ta’ din il-Konvenzjoni.

2.   Id-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija għandu jinnotifika minnufih lill-Istati Partijiet u lill-Istati l-oħra dwar:

a.

kull firma ta’ din il-Konvenzjoni jew tal-protokolli ta’ emenda;

b.

kull depożitu ta’ strument ta’ ratifikazzjoni, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni li jikkonċerna din il-Konvenzjoni jew il-protokolli ta’ emenda;

c.

kull dikjarazzjoni jew l-irtirar ta’ din skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8, 10 u 13;

d.

kull dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni provviżorja ta’ din il-Konvenzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15;

e.

id-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni u ta’ kwalunkwe emenda għal din; u

f.

kull denunzja magħmula skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17.

Artikolu 19

Testi awtentiċi u kopji awtentikati

L-oriġinal ta’ din il-Konvenzjoni, li l-verżjoni Għarbija, Ċiniża, Ingliża, Franċiża, Russa u Spanjola tagħha huma awtentiċi b’mod indaqs, għandha tkun iddepożitata mad-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika li għandu jibgħat kopji ċċertifikati ta’ dan lill-Istati Partijiet u lill-Istati l-oħra kollha.

B’XHIEDA TA’ DAN il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw din il-Konvenzjoni, li hija miftuħa għall-iffirmar kif previst fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 14.

ADOTTATA mill-Konferenza Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika, li ltaqgħet waqt sessjoni straordinarja fi Vjenna fis-sitta u għoxrin jum ta’ Settembru elf disa’ mija u sitta u tmenin.


Id-Dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(5)(c) tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza fil-każ ta’ Inċident Nukleari jew Emerġenza Radjoloġika

Il-Komunità tippossjedi kompetenzi, maqsuma mal-Istati Membri tagħha, fil-qasam tal-assistenza fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika, safejn hu previst bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(b) u d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu II, Kapitolu 3 “Saħħa u Sigurtà” tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.