12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

469


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-19/X/2005

dwar ċerti miżuri ta' ħarsien li għandhom x'jaqsmu ma' suspett ta' influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja fit-Turkija u li jirrevokaw id-Deċiżjoni 2005/705/KE

(innotifikata taħt dokument numru C(2005) 4135)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2005/733/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u partikolarment l-Artikolu 18(1) u (6) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistipola l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jkunu ser jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 22 (1), (5) u (6) tagħha,

Billi:

(1)

Fid-9 ta' Ottubru 2005, it-Turkija nnotifikat lill-Kummissjoni b'tifqigħa ta' l-influwenza tat-tjur fi stabbiliment tat-trobbija tat-tjur fil-partijiet tal-punent ta' l-Anatolja. Sabiex jitnaqqas ir-riskju li tidħol il-marda fil-Komunità, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/705/KE ta’ l-10 ta’ Ottubru 2005 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ suspett ta’ influwenża tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja fit-Turkija (3) ġiet addotata bħala miżura immedjata biex jiġu sospiżi l-importazzjonijiet ta’ l-għasafar għajr it-tjur ta’ l-irziezet u r-rix mhux trattati mit-Turkija.

(2)

It-Turkija hija mdaħħla fil-lista għall-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/85/KE li tfassal lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’ laħam frisk tat-tjur ta’ l-irziezet (4).. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/812/KE li tfassal listi minn pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti għall-konsum mill-bniedem soġġett għad-Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE (5) tirreferi għal-lista msemmija qabel.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/666/KE tas-16 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi r-rekwiżiti sanitarji ta' l-annimali u ċ-ċertifikat veterinarju għall-importazzjoni ta' għasafar, minbarra t-tjur ta’ l-irziezet u l-kundizzjonijiet għal kwarantina (6) tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ l-għasafar mill-pajjiżi terzi elenkati bħala membri fl-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali (OIE). It-Turkija hija membru ta’ l-OIE u għalhekk l-Istati Membri għandhom jaċċettaw l-importazzjonijiet ta’ l-għasafar, għajr it-tjur ta' l-irziezet, mit-Turkija skond dik id-Deċiżjoni.

(4)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jistabbilixxi r-regoli sanitarji dwar il-prodotti sekondarji ta’ annimali mhux maħsuba għall-konsum tal-bniedem (7), l-importazzjoni ta’ firxa ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali, bħall-ġelatina għall-użu tekniku, materjali għall-użu farmaċewtiku u oħrajn li joriġinaw mit-Turkija, hija awtorizzata, minħabba li dawn il-prodotti huma kkunsidrati sikuri minħabba kundizzjonijiet speċifiċi ta’ produzzjoni, ipproċessar u użu li jagħmlu l-patoġeni li jista’ jkun hemm inattivi jew jipprevjenu l-kuntatt ma’ annimali suxxettibbli.

(5)

Skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/432/KE, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali u tal-pubbliku u ċertifikati mudell għall-importazzonijiet tal-prodotti tal-laħam għallkonsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 97/41/KE, 97/221/KE u 97/222/KE (8), l-importazzjoni mit-Turkija hija awtorizzata għal dawk il-prodotti li għaddew minn trattament bis-sħana li jiżgura temperatura minima ta’ 70 °C fil-prodott kollu kemm hu.

(6)

L-awtoritajiet Torok bagħtu informazzjoni iktar fil-fond dwar is-sitwazzjoni tal-marda lill-Kummissjoni li tiġġustifika sospensjoni kompleta ta’ l-importazzjonijiet kollha tat-tjur ta’ l-irziezet u għasafar ħajjin u l-prodotti tagħhom, filwaqt li fl-istess żmien din l-informazzjoni tippermetti li issa jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet skond liema l-prodotti sikuri ta' oriġini mit-tjur ikunu jistgħu jiġu importati.

(7)

Madankollu, waqt li jitqies ir-riskju li joħolqu dawn il-prodotti, l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti ta’ annimali sekondarji, inklużi rix trattati u partijiet ta' rix, trofej tal-kaċċa trattati u prodotti tal-laħam tat-tjur ta’ l-irziezet trattati għal temperatura minima ta’ 70 °C jistgħu jkomplu jkunu awtorizzati, minħabba li t-trattament jagħmel il-patoġenu speċifiku inattiv.

(8)

Huwa wkoll xieraq li jitkomplew jitħallew l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-bajd ippasturizzat għall-konsum tal-bniedem li jikkonforma mal-kriterji mikrobijoloġiċi stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/38/KE tat-18 ta’ Diċembru 1996 li tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għas-saħħa pubblika għall-importazzjonijiet tal-prodotti tal-bajd għall-konsum mill-bniedem (9).

(9)

Ċerti prodotti li ġejjin mit-tjur ta’ l-irziezet maqtula qabel l-1 ta’ Settembru 2005 għandhom ikomplu jiġu awtorizzati, filwaqt li jitqies il-perjodu ta' l-inkubazzjoni tal-marda.

(10)

Barra minn hekk, kampjuni miġbura minn kwalunkwe tip ta’ għasafar li huma ppakkjati u mibgħuta direttament taħt ir-responsabbilità ta' l-awtorità kompetenti Torka lil-laboratorju approvat fi Stat Membru għad-dijanjożi tal-laboratorju, inklużi t-testijiet skond il-Manwal tat-Testijiet Dijagnostiċi u t-Tilqim għall-Annimali Terrestri ta' l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta' l-Annimali (OIE), għandhom jiġu awtorizzati.

(11)

Id-Deċiżjoni 2005/705/KE għandha għalhekk titħassar u tiġi sostitwita b'din id-Deċiżjoni

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjoni mit-Turkija ta’:

1.

tjur ta' l-irziezet ħajjiin, tjur tal-kaċċa u bir-rix, tjur tal-kaċċa selvaġġi u għasafar ħajjin minbarra t-tjur ta’ l-irziezet kif definit fl-Artikolu 1, fit-tielet inċiż tad-Deċiżjoni 2000/666/KE, inklużi għasafar li huma akkumpanjati minn sidhom (għasafar pets),

u

2.

prodotti ġejjin mill-ispeċi tat-tjur imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 2

1.   B'deroga mill-Artikolu 1(2), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta' dan li ġej:

a)

prodotti tal-laħam, li jikkonsistu minn, jew ikollhom laħam tat-tjur ta’ l-irziezet, għasafar li ma jtirux, għasafar tal-kaċċa mrobbija jew selvaġġi, meta l-laħam ta' dawn l-ispeċi ikun għadda wieħed mit-trattamenti speċifiċi msemmija taħt il-punti B, C jew D fil-Parti 4 ta' l-Anness għad-Deċiżjoni 2005/432/KE;

b)

rix jew partijiet minn rix li, wara t-trattament deskritt fil-punt 55 ta’ l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, m’għadhomx ikkunsidrati bħala mhux proċessati;

c)

kampjuni miġbura minn kwalunkwe tip ta’ għasafar li huma ppakkettjati b’mod sikur u mibgħuta direttament taħt ir-responsabbilità ta’ l-awtoritajiet kompetenti Torok lil laboratorju approvat fi Stat Membru għal dijanjożi tal-laboratorju.

2.   B’deroga mill-Artikolu 1 (2), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’ prodotti konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli II (C), III (C), IV (B), VI (C) and X (B) ta’ l-Anness VII, u l-Kapitoli II (C), VII (B) (5) u X ta’ l-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

3.   B’deroga mill-projbizzjoni fl-Artikolu 1 (2), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw importazzjonijiet ta’ prodotti tal-bajd pasturizzati għall-konsum mill-bniedem b’konformità mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/38/KE.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jimpurtaw mit-Turkija, il-konsenji ta' rix ipproċessat jew partijiet ta' rix ikunu akkumpanjati minn dokument kummerċjali li jiddikjara t-trattament meħtieġ fl-Artikolu 2 (1) (b).

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal rix ipproċessat dekorattiv, rix ipproċessat li jinġarr mill-vjaġġaturi għall-użu personali tagħhom jew konsenji ta' rix ipproċessat mibgħut lil individwi privati għal għanijiet mhux industrijali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fiċ-ċertifikati veterinarji jew dokumenti kummerċjali li jakkumpanjaw konsenji ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 2 għandhom jiddaħħlu l-kliem li ġejjin:

“Prodott ta’ oriġini mit-tjur skond l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni K(2005) 4135 finali”.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw għall-importazzjonijiet sabiex ikunu bi qbil ma' din id-Deċiżjoni u għandhom mill-aktar fis jagħrrfu pubblikament bil-miżuri adottati. Għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni dwarhom.

Artikolu 5

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/705/KE hija rrevokata.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' April 2006.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, nhar id-19 ta' Ottubru 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(2)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1; verżjoni kkoreġuta fi ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).

(3)  ĠU L 267, 12.10.2005, p. 29.

(4)  ĠU L 44, 17.2.1994, p. 31. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(5)  ĠU L 305, 22.11.2003, p. 17. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 2004/19/KE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 84).

(6)  ĠU L 278, 31.10.2000, p. 26. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2002/279/KE (ĠU L 99, 16.4.2002, p. 17).

(7)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Regolament kif finalment emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 416/2005/ (ĠU L 66, 12.3.2005, p. 10).

(8)  ĠU L 151, 14.6.2005, p. 3.

(9)  ĠU L 14, 17.1.1997, p. 61.