30.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

139


IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1321/2004

tat-12 ta' Lulju 2004

dwar l-istabbiliment ta' strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-politika Ewropea ta' radjunavigazzjoni bis-satellita hija bħalissa implimentata permezz tal-programmi ta' EGNOS u ta' GALILEO;

(2)

GALILEO huwa l-ewwel programm Ewropew ta' l-ispazju li hu ffinanzjat u mmexxi mill-Unjoni Ewropea flimkien ma' l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ispazju (ESA). Hu mistenni li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet numerużi f'oqsma li huma assoċjati, direttament jew indirettament, ma' politiki tal-Komunità, bħal ma huma trasport (tqegħid u tkejjil tal-veloċità ta' oġġetti f'moviment), assigurazzjoni, flus li jridu jitħallsu għall-użu ta' l-awtostrada, infurzar tal-liġi (sorveljanza ta' nies issuspettati, miżuri biex tiġi miġġielda l-kriminalità), operazzjonijiet ta' dazji u sisa (investigazzjonijiet fuq il-post, eċċ.), agrikoltura (aġġustamenti tad-dożi ta' żerriegħa jew pestiċida skond l-art, eċċ.), sajd (sorveljanza ta' movimenti ta' dgħajjes);

(3)

EGNOS huwa programm tripartitiku bejn il-Komunità Ewropea, l-ESA u l-Eurocontrol bil-ħsieb li jittejbu s-sinjali tal-GPS Amerikan u tal-GLONASS Russu għal għanijiet ta' affidibilità fuq żona ġeografika wiesgħa. Huwa indipendenti minn u jikkumplimenta l-GALILEO;

(4)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Kolonja (tat-3 u ta' l-4 ta' Ġunju 1999), Fejra (tad-19 u ta' l-20 ta' Ġunju 2000), Nizza (mis-7 sal-11 ta' Diċembru 2000), Stokkolma (mit-23 sa' l-24 ta' Marzu 2001), Laeken (mill-14 sal-15 ta' Diċembru 2001), Barċellona (tal-15 u tas-16 ta' Marzu 2002) u Brussel (ta' l-20 u atl-21 ta' Marzu 2003) enfasizzaw in-natura strateġika tal-programm ta' radjunavigazzjoni bis-satellita GALILEO;

(5)

Minħabba n-natura strateġika tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u l-ħtieġa li jiġi żgurat li interessi pubbliċi essenzjali huma difiżi u rappreżentati b'mod adegwat, hu indispensabbli li wieħed jissorvelja l-fażijiet li jmiss tas-sistema u l-użu tal-fondi tal-Komunità allokati għall-programmi skond l-orjentazzjonijiet politiċi rilevanti tal-Kunsill u d-deċiżjonijiet finanzjarji ta' l-awtoritajiet tal-budget; għandha għalhekk tiġi stabbilità Awtorità Ewropea ta' Sorveljanza tas-Sistema ta' Navigazzjoni Globali bis-Satellita (GNSS) (minn issa 'l quddiem imsejħa “l-Awtorità”);

(6)

F'numru ta' okkażjonijiet, u b'mod partikolari fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2001 u tas-26 ta' Marzu 2002, il-Kunsill enfasizza li l-parteċipazzjoni sostanzjali tas-settur privat hija element fundamentali għas-suċċess ta' GALILEO fil-fażijiet ta' preparazzjoni u ta' operazzjoni tiegħu;

(7)

B'dan il-għan, l-Awtorità għandha tikkonkludi kuntratt ta' konċessjoni mal-konsorzju li jiġi magħżul fit-tmiem tal-fażi ta' żvilupp ta' GALILEO u tieħu passi sabiex tiżgura konformità minn dak il-konsorzju ma' l-obbligi — b'mod partikolari l-obbligi tas-servizz pubbliku — li jirriżultaw mill-kuntratt ta' konċessjoni;

(8)

L-Awtorità għandha tkun l-uniku interlokut tad-detentur tal-konċessjoni fil-kwistjoni dwar il-frekwenzi;

(9)

Fl-istess waqt, Stati Membri ppreżentaw fajls lill-Unjoni Internazzjonali ta' Telekomunikazzjoni dwar l-użu tal-frekwenzi meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-operazzjoni tas-sistema għandhom ukoll jippermettu lill-Awtorità tagħti d-dritt ta' l-użu esklussiv tagħhom lid-detentur tal-konċessjoni għat-tul taż-żmien tal-konċessjoni, sabiex b'hekk tippermetti lil dan ta' l-aħħar jipprovdi s-servizzi mitluba stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet;

(10)

L-Awtorità għandha tkun responsabbli mill-amministrazzjoni u l-kontroll ta' l-użu tal-fondi allokati speċifikament lilha għall-programmi;

(11)

L-Awtorità għandha tgħin lill-Kummissjoni fi kwistjonijiet li jinvolvu r-radjunavigazzjoni bis-satellita, b'mod partikolari f'każijiet fejn miżuri leġislattivi u regolatorji jkunu meħtieġa;

(12)

L-Awtorità għandha tuża attivitajiet ta' valutazzjoni ta' riċerka, żvilupp u teknoloġija li diġà jeżistu, b'mod partikolari dawk magħmula mill-ESA. Waqt li tieħu kont tar-reżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2000 dwar strateġija ta' l-ispazju Ewropea (2), il-ko-operazzjoni ma' l-ESA għandha tisfrutta kemm jista' jkun il-possibilitajiet offruti mill-Ftehim Kwadru bejn il-Komunità Ewropea u l-ESA, fejn hu rilevanti;

(13)

L-awtorita għandha tipproteġi u tivvalorizza l-investiment Komunitarju ġia magħmul fuq it-teknoloġija u l-infrastruttura ta' l-ispazju;

(14)

Wara x-xoljiment tagħha, l-Intrapriża Konġunta GALILEO għandha tittrasferixxi, skond ir-regoli rilevanti ta' l-Istatuti tagħha, il-proprjetà kollha li tkun akkwistat lill-Awtorità. Il-proprjetà kollha żviluppata mid-detentur tal-konċessjoni matul il-fażi ta' preparazzjoni għandha tkun f'isem l-Awtorità, sakemm mhux miftiehem mod ieħor, billi l-fażijiet ta' definizzjoni, żvilupp u validazzjoni tal-programm ġew iffinanzjati kważi kollha kemm huma minn fondi pubbliċi u l-komponenti kollha hekk żviluppati għandhom jitqegħdu għad-dispożizzjoni tad-detentur tal-konċessjoni;

(15)

L-istatus legali ta' l-Awtorità għandu jkun tali li jippermettilha li taġixxi bħala persuna ġuridika fit-twettiq tal-kompiti tagħha;

(16)

Sabiex tiżgura b'mod effettiv it-twettiq tal-kompiti ta' l-Awtorità, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikunu rappreżentati fuq Bord Amministrattiv fdat bil-poteri meħtieġa sabiex jagħmel il-budget, jivverifika l-eżekuzzjoni tiegħu, jadotta r-regoli finanzjarji xierqa, jistabbilixxi proċedura tax-xogħol trasparenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-Awtorità, japprova l-programm tagħha ta' xogħol u jaħtar id-Direttur Eżekuttiv;

(17)

Il-funzjonament mingħajr problemi ta' l-Awtorità jitlob li d-Direttur Eżekuttiv tagħha jkun maħtur fuq il-bażi ta' mertu u kapaċitajiet amministrattivi u ta' tmexxija dokumentati, kif ukoll kompetenza u esperjenza rilevanti, u li hu/hi jaqdi d-dmirijiet tiegħu/tagħha b'indipendenza u flessibilità totali f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-organizzazzjoni tal-funzjonament intern ta' l-Awtorità. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipprepara u jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżgura li l-programm ta' ħidma ta' l-Awtorità jiġi kompletat kif jixraq, għandu jipprepara kull sena abbozz ta' rapport ġenerali li għandu jiġi sottomess lill-Bord Amministrattiv, għandu jfassal abbozz ta' dikjarazzjoni ta' estimi ta' dħul u nfiq ta' l-Awtorità u għandu jimplimenta l-budget;

(18)

Il-proċeduri li bihom karigi f'uffiċju jkunu maħtura għandhom ikunu trasparenti;

(19)

Il-Bord Amministrattiv għandu jkollu l-possibilità li jwaqqaf Kumitat Xjentifiku u Tekniku sabiex jgħin lill-Awtorità fi kwistjonijiet tekniċi u sabiex tiġi immodernizzata s-sistema;

(20)

Għandu jiġi mwaqqaf Kumitat għas-Sigurtà u l-Protezzjoni tas-Sistema sabiex jgħin lill-Awtorità fl-aspetti kollha li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà u l-protezzjoni tas-sistema;

(21)

Sabiex tiġi garantita l-awtonomija u l-indipendenza totali ta' l-Awtorità, huwa kkunsidrat meħtieġ li jingħatalha budget awtonomu li d-dħul tiegħu ikun essenzjalment ġej minn kontribuzzjoni mill-Komunità. Il-proċedura tal-budget tal-Komunità tibqa' tgħodd sa fejn għandhom x'jaqsmu kwalunkwe sussidji li joħorġu mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tagħmel il-verifika tal-kontijiet;

(22)

Fl-ambitu tagħha, l-għanijiet tagħha u fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Awtorità għandha tikkonforma b'mod partikolari mad-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-istituzzjonijiet tal-Komunità;

(23)

L-Awtorità għandha tapplika l-liġi Komunitarja rilevanti dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti u dwar il-protezzjoni ta' l-individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' informazzjoni personali, għandha wkoll tkun konformi mal-prinċipji tas-sigurtà li japplikaw għall-Kunsill u għas-servizzi tal-Kummissjoni;

(24)

Għandu jkun possibli għall-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fl-Awtorità, sakemm ikunu ikkonkludew ftehim minn qabel mal-Komunità f'dan ir-rigward, b'mod partikolari meta dawn il-pajjiżi kienu involuti fil-fażijiet preċedenti tal-programm permezz tal-kontribut tagħhom għall-programm GALILEOSAT ta' l-ESA;

(25)

Is-sistema Ewropea GNSS għandha tiġi kkunsidrata bħala infrastruttura sensittiva f'termini ta' sigurtà u affidabbilità;

(26)

Għandhom jiġu mwaqqfa miżuri sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u l-affidabbilità tas-sistema kontra attakki (malizzjużi jew oħrajn) u sabiex jiġi evitat l-użu tagħha għal għanijiet li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' l-Istati Membri tagħha;

(27)

Il-proċedura stabbilita fl-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/552/PESK tat-12 ta' Lulju 2004 dwar aspetti ta' l-operazzjoni ta' Sistema Ewropea ta' radjunavigazzjoni bis-satellita li taffetwa s-sigurta ta' l-Unjoni Ewropea (3) għandha tkun applikabbli fil-każijiet fejn Stat Membru jikkunsidra li s-sigurta nazzjonali tiegħu tkun taħt theddida;

(28)

It-Trattat ma jipprovdi għal ebda setgħa, ħlief dik ta' l-Artikolu 308 tiegħu, għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mira u għan

Dan ir-Regolament jistabbilixxi aġenzija Komunitarja, imsejħa l-Awtorità ta' Viġilanza Ewropea GNSS (minn issa 'l quddiem imsejħa “l-Awtorità”), sabiex tmexxi l-interessi pubbliċi u tkun l-awtorità regolatorja fir-rigward tal-programmi Ewropej GNSS.

Artikolu 2

Kompiti

1.   L-Awtorità għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

Hi għandha tkun l-awtorità li toħroġ il-liċenzji vis-à-vis id-detentur privat tal-konċessjoni responsabbli mill-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-fażijiet ta' preparazzjoni u ta' operazzjoni ta' GALILEO (minn issa 'l quddiem imsejjaħ bħala “id-detentur tal-konċessjoni”); f'dan il-kuntest, hi għandha tikkonkludi ma' dan ta' l-aħħar il-kuntratt ta' konċessjoni; għandha tiżgura li d-detentur tal-konċessjoni jikkonforma mal-kuntratt ta' konċessjoni u l-ispeċifikazzjonijiet annessi miegħu u għandha tieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex tiżgura l-kontinwità tas-servizzi f'każ ta' nuqqas min-naħa tad-detentur tal-konċessjoni; għandha tagħti lid-detentur tal-konċessjoni d-dritt li juża l-assi tanġibbli u mhux tanġibbli msemmija fil-paragrafu ta' l-Artikolu 3 għat-tul tal-konċessjoni.

(b)

Hi għandha tmexxi l-fondi allokati speċifikament lilha għall-programmi Ewropej GNSS u tissorvelja l-amministrazzjoni finanzjarja ġenerali sabiex tagħti parir fuq il-kontribuzzjonijiet tas-settur pubbliku.

(ċ)

Hi għandha tiġi fdata bir-responsabbiltà — li ntwirtet mill-Intrapriża Konġunta GALILEO — li tmexxi l-ftehim ma' l-operatur ekonomiku inkarigat li jħaddem l-EGNOS u li jippreżenta qafas dwar l-għażliet ta' politika futuri dwar is-sistema EGNOS, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-opinjoni ta' dawk il-partijiet li kkontribwew għall-iffinanzjar tal-fażijiet ta' żvilupp u ta' preparazzjoni ta' l-EGNOS.

(d)

Hi għandha tikkordina l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-frekwenzi meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-operazzjoni tas-sistema; għandha jkollha d-dritt li tuża dawn il-frekwenzi kollha kull fejn tkun tinsab is-sistema; hi għandha titratta direttament mad-detentur tal-konċessjoni dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-użu ta' dawn il-frekwenzi.

(e)

Sabiex tgħin lill-Kummissjoni tipprepara proposti għall-programmi Ewropej GNSS li jridu jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tadotta r-regoli ta' implimentazzjoni, hi għandha tipprepara abbozzi tagħhom.

(f)

Hi għandha tkun responsabbli għall-immodernizzar u l-iżvilupp ta' ġenerazzjonijiet ġodda tas-sistema.

(g)

Hi tista' twettaq dawk il-kompiti ta' implimentazzjoni tal-budget li jiġu fdati lilha mill-Kummissjoni u li huma marbuta mal-programmi Ewropej GNSS skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 54(2) (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4).

(h)

Hi għandha tiżgura li l-komponenti tas-sistema huma debitament ċertifikati; hi għandha tagħti s-setgħa lill-korpi xierqa awtorizzati sabiex jiċċertifikaw li joħorġu ċ-ċertifikati rilevanti u li jissorveljaw l-osservanza tal-livelli u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relatati.

(i)

Hi għandha tinforza u tivverifika konformità min-naħa tad-detentur tal-konċessjoni ma' istruzzjonijiet maħruġa skond l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/552/PESK.

(j)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22, hi għandha tmexxi l-aspetti kollha li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà u l-protezzjoni tas-sistema. B'mod partikolari, hi għandha:

(i)

tapprova l-annessi tas-sigurtà ta' kuntratti industrijali;

(ii)

tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tas-sigurtà tas-sistema u tal-komponenti tagħha, u l-livelli ta' sigurtà għal tekniki ta' informazzjoni;

(iii)

tiddefinixxi l-kriptografija li teħtieġ l-approvazzjoni tal-gvern;

(iv)

tiżgura li s-sinjali/servizzi Ewropej GNSS jiġu kkontrollati b'mod konformi ma' kriterji tas-sigurtà, kif speċifikat f'(i) u (ii);

(v)

tkun l-awtorità Ewropea ta' akkreditazzjoni tas-sigurtà GNSS, tibda u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-proċeduri tas-sigurtà u tagħmel verifiki tas-sigurtà tas-sistema;

(vi)

dwar is-Servizz Pubbliku Regolat (PRS):

tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet u l-istruzzjonijiet għall-manifattura ta' riċevituri PRS, skond il-politika ta' aċċess għal PRS iddefinita mill-Kunsill,

tipprovdi linji ta' gwida għall-implimentazzjoni ta' regoli ta' tmexxija PRS fl-Istati Membri;

(vii)

tinforza u tivverifika konformità min-naħa tad-detentur tal-konċessjoni ma' regoli u ftehim internazzjonali (Wassenaar, Missile Technology Control Regime, ftehim internazzjonali, …);

(viii)

timplimenta d-dispożizzjonijiet rilevanti għall-iskambju, trattament u ħażna ta' informazzjoni klassifikata;

(ix)

tiżviluppa proċeduri ta' ko-ordinazzjoni u konsultazzjoni dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà mas-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (SG/RGħ);

(x)

tidentifika u tinforma lill-Kunsill dwar miżuri possibli li jistgħu jittieħdu mill-Kunsill f'każ li jkun hemm theddida għas-sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' Stat Membru li tinħoloq mill-operazzjoni jew użu tas-sistema, jew f'każ li jkun hemm theddida għall-operazzjoni tas-sistema, b'mod partikolari bħala riżultat ta' kriżi internazzjonali;

(xi)

tagħti parir lill-Kunsill meta mistiedna biex tagħmel dan taħt l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/552/PESK;

(xii)

tagħti parir dwar kwistjonijiet ta' politika ta' sigurtà fi ftehim internazzjonali konnessi mal-programmi Ewropej GNSS.

2.   L-ESA għandha tiġi mitluba tipprovdi lill-Awtorità b'appoġġ tekniku u xjentifiku.

Artikolu 3

Dritt tal-Proprjetà

1.   L-Awtorità għandha tkun is-sid ta' l-assi kollha tanġibbli u mhux tanġibbli li huma ttrasferiti lilha mill-Intrapriża Konġunta GALILEO fit-tmiem tal-fażi ta' żvilupp u li jistgħu jiġu maħluqa jew żviluppati mid-detentur tal-konċessjoni matul il-fażijiet ta' preparazzjoni u ta' operazzjoni.

2.   Il-proċeduri li jirregolaw trasferimenti suċċessivi ta' proprjetà għandhom, fil-każ ta' l-Intrapriża Konġunta GALILEO, jiġu stabbiliti matul il-proċeduri ta' xoljiment stabbiliti fl-Artikolu 21 ta' l-istatuti ta' l-Intrapriża Konġunta GALILEO annessi mar-Regolament (KE) Nru 876/2002 (5) u, fil-każ tad-detentur tal-konċessjoni, fil-kuntratt ta' konċessjoni.

3.   L-Awtorità għandha tkun is-sid ta' l-assi EGNOS kollha tanġibbli u mhux tanġibbli suġġett għal ftehim ma' l-investituri EGNOS skond it-termini u l-kundizzjonijiet dwar it-trasferiment mill-ESA tad-dritt ta' proprjetà tal-faċilitajiet u t-tagħmir EGNOS kollha jew ta' parti minnhom.

Artikolu 4

Status legali, uffiċċji lokali

1.   L-Awtorità għandha tkun korp tal-Komunità. Hi għandha jkollha personalità ġuridika.

2.   F'kull wieħed mill-Istati Membri, l-Awtorità għandha tgawdi l-kapaċita ġuridika l-aktar estensiva li tingħata lill-persuni ġuridiċi skond il-liġi tagħhom. Hi tista', b'mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u tkun parti fi proċeduri legali.

3.   L-Awtorità tista' tiddeċiedi li tistabbilixxi uffiċċji lokali fi Stati Membri bil-kunsens tagħhom jew f'pajjiżi oħra li jkun qed jipparteċipaw fil-programm skond l-Artikolu 21.

4.   L-Awtorità għandha tkun rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

Artikolu 5

Bord Amministrattiv

1.   Qed jiġi hawn stabbilit Bord Amministrattiv sabiex iwettaq il-kompiti mniżżla fl-Artikolu 6.

2.   Il-Bord Amministrattiv għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed maħtur minn kull Stat Membru u rappreżentant wieħed maħtur mill-Kummissjoni. It-tul tal-mandat tal-membri tal-Bord għandu jkun ta' ħames snin. Il-mandat jista' jiġi mġedded darba.

3.   Meta jkun xieraq, il-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti ta' pajjiżi terzi u l-kundizzjonijiet ta' din ikunu stabbiliti fl-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 21.

4.   Il-Bord Amministrattiv għandu jeleġġi President u Deputat President minn fost il-membri tiegħu. Id-Deputat President għandu awtomatikament jieħu post il-President jekk hu/hi ma j/tkunx j/tista' j/twettaq id-doveri tiegħu/tagħha. Il-mandat tal-President u tad-Deputat President għandu jkun ta' sentejn u nofs u għandu jiskadi meta ma jibqgħux membri tal-Bord Amministrattiv. Il-mandati jistgħu jiġu mġedda darba.

5.   Il-laqgħat tal-Bord Amministrattiv għandhom jiġu msejħa mill-President tiegħu.

Id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Awtorità għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet.

Il-Bord Amministrattiv għandu jkollu laqgħa ordinarja darbtejn fis-sena. Barra minn hekk, hu għandu jiltaqa' fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu jew fuq it-talba ta' mill-inqas terz tal-membri tiegħu.

Il-Bord Amministrattiv jista' jistieden kwalunkwe persuna li l-opinjoni tagħha tista' tkun ta' interess sabiex tattendi l-laqgħat tiegħu bħala osservatur. Fejn ikunu qed jiġu diskussi kwestjonijiet ta' sigurta', għandhom jattendu bħal osservaturi rappreżentanti tas-SG/RGħ u l-President tal-Kumitat tas-Sikurezza u s-Sigurta' tas-Sistema. Il-membri tal-Bord Amministrattiv jistgħu, suġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-regoli ta' proċedura tiegħu, jkunu assistiti minn konsulenti jew esperti.

Is-segretarjat tal-Bord Amministrattiv għandu jiġi pprovdut mill-Awtorità.

6.   Sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor f' dan ir-Regolament, il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu.

7.   Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Awtorità ma għandux jivvota.

Ir-regoli ta' proċedura għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti iktar dettaljati tal-votazzjoni, b'mod partikolari l-kundizzjonijiet sabiex membru jaġixxi f'isem membru ieħor.

Artikolu 6

Kompiti tal-Bord Amministrattiv

Il-Bord Amministrattiv għandu:

(a)

jaħtar id-Direttur Eżekuttiv skond l-Artikolu 7(2);

(b)

jadotta, sat-30 ta' Novembru ta' kull sena u wara li jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni, il-programm ta' ħidma ta' l-Awtorità għas-sena li jkun imiss u jibgħatu lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Dan il-programm ta' ħidma għandu jiġi adottat mingħajr preġudizzju għall-proċedura annwali tal-budget tal-Komunità;

(ċ)

iwettaq id-dmirijiet tiegħu b'konnessjoni mal-budget ta' l-Awtorità skond l-Artikoli 11 u 12;

(d)

ikun responsabbli għad-deċiżjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-kompiti stabbiliti fl-artikolu 2, j) li, fil-każijiet kollha, għandhom jittieħdu wara konsultazzjoni mal-, jew fuq bażi ta' proposti mill-Kumitat għas-Sigurtà u l-Protezzjoni tas-Sistema;

(e)

jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur Eżekuttiv;

(f)

jadotta d-dispożizzjonijiet speċjali meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-Awtorità, skond l-Artikolu 19;

(g)

jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet u l-prospetti ta' l-Awtorità u jibgħatu, sal-15 ta' Ġunju, lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali u lill-Qorti ta' l-Awdituri; l-Awtorità għandha tibgħat lill-awtorità tal-budget l-informazzjoni kollha rilevanti għar-riżultat tal-proċeduri ta' valutazzjoni;

(h)

jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 7

Direttur Eżekuttiv

1.   L-Awtorità għandha titmexxa mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li għandu jkun kompletament indipendenti fit-twettiq tad-doveri tiegħu/tagħha, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Kummissjonu u tal-Bord Amministrattiv.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi maħtur mill-Bord Amministrattiv fuq il-bażi ta' mertu u kapaċitajiet amministrattivi u ta' tmexxija dokumentati, kif ukoll kompetenza u esperjenza rilevanti, minn lista ta' mill-inqas tliet kandidati proposti mill-Kummissjoni. Il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza ta' tlett kwarti tal-membri tiegħu.

Il-poter tat-tkeċċija tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun f'idejn il-Bord Amministrattiv, skond l-istess proċedura.

Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta' ħames snin. Dan il-mandat jista' jiġġedded darba.

3.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jitolbu lid-Direttur Eżekuttiv sabiex jissottometti rapport dwar l-eżekuzzjoni tad-doveri tiegħu.

Artikolu 8

Kompiti tad-Direttur Eżekuttiv

Id-Direttur Eżekuttiv:

(a)

għandu jkun responsabbli mir-rappreżenza ta' l-Awtorità u għandu jkollu t-tmexxija tagħha f'idejh;

(b)

għandu jipprepara x-xogħol tal-Bord Amministrattiv. Hu/hi għandu/ha j/tipparteċipa, mingħajr ma jkollu/ha d-dritt li j/tivvota, fix-xogħol tal-Bord;

(ċ)

għandu jkun responsabbli sabiex jimplimenta l-programm ta' ħidma annwali ta' l-Awtorità taħt il-kontroll tal-Bord Amministrattiv;

(d)

għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta' istruzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta' avviżi, sabiex jiżgura li l-Awtorità timxi skond dan ir-Regolament;

(e)

għandu jfassal estimi tad-dħul u l-infiq ta' l-Awtorità skond l-Artikolu 11, u għandu jimplimenta l-budget skond l-Artikolu 12;

(f)

għandu jipprepara abbozz ta' rapport ġenerali kull sena u jissottomettih lill-Bord Amministrattiv;

(g)

għandu jiddefinixxi l-istruttura ta' l-organizzazzjoni ta' l-Awtorità u jissottomettiha għall-approvazzjoni lill-Bord Amministrattiv; għandu jistabbilixxi struttura permanenti g]all-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet relatati mas-sigurta' u il-kuntatti operattivi meħtieġa relatati mas-sigurta';

(h)

għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal, il-poteri stabbiliti fl-Artikolu 16;

(i)

jista' jadotta, wara l-approvazzjoni tal-Bord Amministrattiv, il-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxi uffiċċji lokali fi Stati Membri skond l-Artikolu 4.

Artikolu 9

Kumitat Xjentifiku u Tekniku

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2, il-Bord Amministrattiv jista' jwaqqaf Kumitat Xjentifiku u Tekniku u jaħtar il-membri u l-president tiegħu minn fost esperti rikonoxxuti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jipproponu kanditati għal dan il-għan. Meta jkun xieraq, il-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti ta' pajjiżi terzi fil-Kumitat u l-kundizzjonijiet tagħha għandhom ikunu stabbiliti fl-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 21.

2.   Il-Kumitat Xjentifiku u Tekniku jista' jingħata r-responsabbilità sabiex:

(a)

jagħti opinjonijiet dwar kwistjonijiet tekniċi jew dwar proposti li jinvolvu tibdil prinċipali fil-pjan tas-sistema Ewropea GNSS;

(b)

jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-immodernizzar tas-sistema;

(ċ)

iwettaq kwalunkwe kompitu ieħor meħtieġ għall-iżvilupp tal-kompetenza fil-qasam ta' radjunavigazzjoni bis-satellita.

3.   Suġġett għall-approvazzjoni mill-Bord Amministrattiv, il-Kumitat Xjentifiku u Tekniku għandu jfassal ir-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 10

Kumitat għas-Sigurtà u l-Protezzjoni tas-Sistema

1.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jistabbilixxi Kumitat għas-Sigurtà u l-Protezzjoni tas-Sistema. Dan għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u wieħed mill-Kummissjoni minn fost esperti tas-sigurtà rikonoxxuti. Rappreżentant tal-SG/RGħ għandu jattendi l-laqgħat tal-Kumitat bħala osservatur.

2.   Il-Kumitat għandu jkun konsultat fuq u jibda proposti dwar kwistjonijiet dwar is-sigurtà u l-protezzjoni msemmija fl-Artikolu 2 (j).

3.   Il-Kumitat għandu jeleġġi President u Deputat President minn fost il-membri tiegħu u jfassal ir-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 11

Il-Budget

1.   Mingħajr preġudizzju għal riżorsi u ħlasijiet oħra li għad iridu jkunu definiti, id-dħul ta' l-Awtorità għandu jinkludi sussidju Komunitarju miżjud fil-budget ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat bilanċ bejn id-dħul u l-infiq.

2.   In-nefqa ta' l-Awtorità għandha tkopri l-persunal, l-ispiża amministrattiva u infrastrutturali, l-ispejjeż operattivi u n-nefqa assoċjata mat-tħaddim tal-Kumitat Xjentifiku u Tekniku, il-Kumitat għas-Sigurtà u l-Protezzjoni tas-Sistema u l-kuntratti u l-ftehim konklużi mill-Awtorità bil-ħsieb li jiġu implimentati l-programmi Ewropej GNSS.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta' dikjarazzjoni ta' l-estimi tad-dħul u l-infiq ta' l-Awtorità għas-sena suċċessiva u għandu jibgħatu lill-Bord Amministrattiv, flimkien ma' abbozz ta' pjan ta' twaqqif.

4.   Id-dħul u l-infiq għandhom ikunu f'bilanċ.

5.   Kull sena l-Bord Amministrattiv, fuq il-bażi ta' abbozz ta' dikjarazzjoni ta' dħul u nfiq, għandu jipproduċi dikjarazzjoni ta' estimi ta' dħul u nfiq għall-Awtorità għas-sena finanzjarja suċċessiva.

6.   Din id-dikjarazzjoni ta' stima, li għandha tinkludi abbozz ta' pjan ta' twaqqif flimkien mal-programm ta' xogħol provviżorju, għandha sal-31 ta' Marzu tintbagħat mill-Bord Amministrattiv lill-Kummissjoni u lill-Istati li magħhom il-Komunità ikkonkludiet ftehim skond l-Artikolu 21.

7.   Id-dikjarazzjoni ta' estimi għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn issa 'l quddiem msejjaħ “l-awtorità tal-budget”) flimkien ma' l-abbozz preliminarju tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

8.   Abbażi tad-dikjarazzjoni ta' l-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminarju tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea l-estimi li hi tikkunsidra meħtieġa għall-pjan ta' twaqqif u l-ammont ta' sussidju li għandu jidħol fil-budget ġenerali, li hi għandha tressaq quddiem l-awtorità tal-budget skond l-Artikolu 272 tat-Trattat.

9.   L-awtorità tal-budget għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju għall-Awtorità u l-awtorità tal-budget għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment għall-Awtorità.

10   Il-budget għandu jiġi adottat mill-Bord Amministrattiv. Hu għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Fejn hu xieraq, hu għandu jiġi aġġustat fejn ikun hemm il-bżonn.

11.   Il-Bord Amministrattiv għandu, kemm jista' jkun malajr, javża l-awtorità tal-budget bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li għandu jkollu implikazzjonijiet finanzjarji notevoli għal finanzjament tal-budget, b'mod partikolari kwalunkwe proġetti li għandhom x'jaqsmu ma' proprjetà bħal kiri jew xiri ta' bini. Hu għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan.

12.   Fejn fergħa ta' l-awtorità tal-budget innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, hi għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Bord Amministrattiv fi żmien sitt ġimgħat mid-data ta' l-avviż tal-proġett.

Artikolu 12

Implimentazzjoni u kontroll tal-budget

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-budget ta' l-Awtorità.

2.   Sa' l-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċċjal tal-kontabilità ta' l-Awtorità għandu jikkomunika l-kontijiet provviżorji lill-uffiċċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, flimkien ma' rapport dwar it-tmexxija tal-budget u t-tmexxija finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet provviżorji ta' l-istituzzjonijiet u korpi deċentralizzati skond l-Artikolu 128 tar-Regolament (KE, Euratom) 1605/2002.

3.   Sa' l-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji ta' l-Awtorità lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' rapport dwar it-tmexxija tal-budget u t-tmexxija finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport għandu wkoll jintbagħat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

4.   Meta jaslu l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji ta' l-Awtorità skond l-Artikolu 129 tar-Regolament, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal il-kontijiet finali ta' l-Awtorità taħt ir-responsabbilità tiegħu/tagħha stess u jissottomettihom lill-Bord Amministrattiv għal opinjoni.

5.   Il-Bord Amministrattiv għandu jagħti opinjoni fuq il-kontijiet finali ta' l-Awtorità.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat, sa' l-1 ta' Lulju wara kull sena finanzjarja, il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv.

7.   Il-kontijiet finali għandhom ikunu ppubblikati.

8.   Id-Direttur Eżekutiv għandu jibgħat lill-Qorti ta' l-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru. Hu/hi għandu jibgħat ukoll din it-tweġiba lill-Bord Amministrattiv.

9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jissottometti lill-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta' dan ta' l-aħħar, l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-applikazzjoni mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena finanzjarja in kwistjoni, kif imniżżel fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament (KE, Euratom Nru 1605/2002).

10.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-budget għas-sena N.

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet Finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità għandhom ikunu adottati mill-Bord Amministrattiv wara li l-Kummissjoni tkun ġiet konsultata. Huma ma jistgħux jitbegħdu mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju kwadru għall-korpi msemmi fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6) ħlief meta tali tbegħid huwa speċifikament meħtieġ għall-operat ta' l-Awtorità u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.

Artikolu 14

Miżuri kontra l-frodi

1.   Sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet oħra kontra l-liġi, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet magħmula mill-Uffiċċju Ewropew għall-Ġlieda Kontra l-Frodi (OLAF) (7) għandhom japplikaw mingħajr restrizzjoni.

2.   L-Awtorità għandha tilqa' il-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew għall-Ġlieda Kontra l-Frodi (OLAF) (8) u għandha tagħmel, mingħajr dewmien, dispożizzjonijiet xierqa li japplikaw għall-persunal kollu ta' l-Awtorità.

3.   Id-deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' finanzjament u mal-ftehim u ma' l-istrumenti implimentattivi li jirriżultaw minnhom għandhom jistipulaw b'mod espliċitu li l-Qorti ta' l-Awdituri u OLAF jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jagħmlu kontrolli fuq il-post fuq dawk li jirċievu fondi ta' l-Awtorità u l-aġenti responsabbli li jallokawhom.

Artikolu 15

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Awtorità.

Artikolu 16

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal ta' Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kondizzjonijiet ta' impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej u r-regoli adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea flimkien għal għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta' impjieg għandhom japplikaw għall-persunal ta' l-Awtorità. Il-Bord Amministrattiv, bi ftehim mal-Kummissjoni, għandu jadotta r-regoli dettaljati meħtieġa ta' applikazzjoni.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, il-poteri mogħtija lill-awtorità nominanti mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet ta' impjieg ta' ħaddiema oħra għandhom jiġu eżerċitati mill-Awtorità fir-rigward tal-persunal tagħha stess.

3.   Il-persunal ta' l-Awtorità għandu jikkonsisti f'impjegati reklutati mill-Awtorità kif meħtieġ sabiex din twettaq il-kompiti tagħha, imma jistgħu jinkludu wkoll uffiċċjali assenjati jew issekondati mill-Kummissjoni jew l-Istati Membri fuq bażi temporanja.

Artikolu 17

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kontrattwali ta' l-Awtorità għandha tkun regolata mil-liġi li tapplika għall-kuntratt in kwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha l-kompetenza li tiddeċiedi skond kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ li tkun tinsab f'kuntratt konkluż mill-Awtorità.

2.   F'każ ta' responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Awtorità għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu magħmul mid-dipartimenti tagħha jew mill-ħaddiema tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom.

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha kompetenza fi kwalunkwe kwistjoni li għandha x'taqsam ma' kumpens għal dannu kif imsemmi f'paragrafu 2.

4.   Ir-responsabbiltà personali tal-ħaddiema tagħha lejn l-Awtorità għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet imniżżla fir-Regolamenti tal-Persunal jew Kundizzjonijiet ta' impjieg li japplikaw għalihom.

Artikolu 18

Lingwi

1.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw fil-Komunità Ekonomika Ewropea (9) għandhom japplikaw għall-Awtorità.

2.   Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa sabiex taħdem l-Awtorità għandhom ikunu pprovduti miċ-Ċentru ta' Traduzzjoni għall-korpi ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Aċċess għal dokumenti u protezzjoni ta' informazzjoni ta' natura personali

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandu japplika għal dokumenti (10) f'idejn l-Awtorità.

2.   Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta arranġamenti sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament

3.   Deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu ikunu s-suġġett ta' ilment lill-Ombudsman jew ta' kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, skond l-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat tal-KE rispettivament.

4.   Meta tkun qed tipproċessa informazzjoni li għandha x'taqsam ma' individwi, l-Awtorità għandha tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' informazzjoni personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment ħieles ta' tali informazzjoni (11).

Artikolu 20

Regoli tas-Sigurtà

L-Awtorità għandha tapplika l-prinċipji tas-sigurtà li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, ECSC, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli ta' Proċedura interni tagħha (12). Din għandha tkopri, fost oħrajn, dispożizzjonijiet għall-iskambu, it-trattament u l-ħażna ta' informazzjoni klassifikata.

Artikolu 21

Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

1.   L-Awtorità għandha tkun miftuħa għal parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi, li jkunu daħlu fi ftehim mal-Komunità Ewropea f'dan ir-rigward.

2.   Skond id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dawn il-ftehim, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti li jispeċifikaw, b'mod partikolari, in-natura tal-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fix-xogħol ta' l-Awtorità, il-punt sa liema jistgħu jipparteċipaw u l-mod ta' kif se jipparteċipaw, inkluż dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni fl-inizjattivi meħuda mill-Awtorità, kontribuzzjonijiet finanzjarji u persunal.

3.   Il-parteċipazzjoni ta' kwalunkwe pajjiż terz fl-Awtorità għandha tiġi sottomessa lill-Kunsill għal approvazzjoni.

Artikolu 22

Aspetti konnessi mas-sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha

F'każijiet fejn l-operat tas-sistema taffettwa s-sigurtà ta' l-Unjoni jew ta' l-Istati Membri tagħha, ir-responsabbiltajiet u l-kompetenza ta' l-Unjoni Ewropea, inkluż f'każijiet eċċezzjonali fejn l-urġenza tas-sitwazzjoni hija tali li teħtieġ azzjoni minnufih, huma stabbiliti fl-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għaxar jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-12 ta' Lulju 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. BOT


(1)  Opinjoni mogħtija fil-31 ta’ Marzu 2004 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 371, tat-23.12.2000, p. 2.

(3)  Ara paġna 30 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  ĠU L 248, tas-16.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 138, tat-28.5.2002. p. 1.

(6)  ĠU L 357, tal-31.12.2002. p. 72.

(7)  ĠU L 136, tal-31.5.1999, p. 1.

(8)  ĠU L 136, tal-31.5.1999 p. 15.

(9)  ĠU 17, tas-6.10.1958, p. 385/58. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(10)  ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43.

(11)  ĠU L 8, tat-12.1.2001, p. 1.

(12)  ĠU L 317, tat-3.12.2001, p. 1.