32004R0460



Official Journal L 077 , 13/03/2004 P. 0001 - 0011


Ir-Regolament (KE) Nru 460/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

ta' l-10 ta' Marzu 2004

li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) In-networks tal-komunikazzjoni u s-sistemi ta' l-informazzjoni saru fatturi essenzjali fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Il-kompjuters u n-networks qegħdin isiru servizzi importanti ma' kullimkien. Is-sigurtà tan-networks tal-komunikazzjoni u s-sistemi ta' l-informazzjoni, b'mod partikolari d-disponibbiltà tagħhom, hija għalhekk dejjem aktar importanti għas-soċjetà, anki minħabba l-possibbiltà ta' problemi fis-sistemi ta' l-informazzjoni prinċipali tas-sistemi, ikkaġunati minn komplikazzjonijiet fis-sistema, inċidenti, żbalji u attakki, li jistgħu jkollhom konsegwenzi fuq l-infrastrutturi fiżiċi li jfornu servizzi li huma kritiċi għall-benesseri taċ-ċittadini ta' l-UE.

(2) In-numru dejjem jikber ta' ksur tas-sigurtà diġa' ħoloq ħsara finanzjarja sostanzjali, dgħajjef il-fiduċja ta' min jagħmel użu mis-servizz u kien ta' ħsara għall-iżvilupp ta' l-e-commerce. L-individwi, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u n-negozji rreaġixxew billi introduċew teknoloġiji ta' sigurta' u proċeduri ta' ġestjoni tas-sigurtà. L-Istati Membri ħadu diversi miżuri ta' sostenn biex isaħħu s-sigurtà tan-networks u ta' l-informazzjoni fis-soċjetà, bħalma huma kampanji ta' informazzjoni u proġetti ta' riċerka.

(3) Il-komplessità teknika tan-networks u s-sistemi ta' informazzjoni, il-varjetà tal-prodotti u s-servizzi li huma konnessi ma' xulxin, u n-numru kbir ta' atturi privati u pubbliċi li kollha għandhom ir-responsabbiltà tagħhom, qegħdin jirriskjaw li jfixklu l-funzjonament bla xkiel tas-Suq Intern.

(4) Id-Direttiva Nru 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-networks u servizzi ta' komunikazzjoni elettronika (id-Direttiva QAFAS) [3] tistabbilixxi l-funzjonijiet ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li jinkludu l-koperazzjoni bejn xulxin u mal-Kummissjoni b'mod trasparenti sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta' prattika regolatorja konsistenti, li jwasslu biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, u li jiggarantixxu ż-żamma ta' l-integrità u tas-sigurtà tan-neworks pubbliċi.

(5) Il-leġislazzjoni Komunitarja preżenti tinkludi wkoll id-Direttiva 2002/20/KE [4] Direttiva 2002/22/KE [5], Direttiva 2002/19/KE [6], Direttiva 2002/58/KE [7], Direttiva 1999/93/KE [8], Direttiva 2001/31/KE [9], kif ukoll ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2003 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005 [10].

(6) Id-Direttiva Nru 2002/20/KE tawtorizza lill-Istati Membri biex jehmżu ma' l-awtorizzazzjoni ġenerali, il-kondizzjonijiet rigward is-sigurtà tan-networks pubbliċi kontra l-aċċess mhux awtorizzat, skond id-Direttiva Nru 97/66/KE [11].

(7) Id-Direttiva Nru 2002/22/KE tobbliga lill-Istati Membri li jieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu żgurati l-integrità u d-disponibbiltà tan-networks telefoniċi pubbliċi f'postijiet fissi u li l-impriżi li jipprovdu s-servizzi telefoniċi li jkunu disponibbli għall-pubbliku f'postijiet fissi jieħdu l-passi kollha raġonevoli biex jiġi żgurat l-aċċess bla interruzzjoni għas-servizzi ta' emerġenza.

(8) Id-Direttiva Nru 2002/58/KE tobbliga lill-fornitur ta' servizz ta' komunikazzjoni elettroniku milħuq mill-pubbliku biex jieħu l-miżuri tekniċi u organizzattivi approprijati biex tiġi salvagwardata s-sigurtà tas-servizzi tiegħu u tobbliga wkoll li jkun hemm riservatezza tal-komunikazzjoni u tad-data relattiva li tkun traffikata. Id-Direttiva Nru 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fejn jirrigwarda l-ipproċessar ta' data personali u dwar iċ-ċaqliq ħieles ta' din id-data [12], tobbliga lill-Istati Membri biex jipprovdu li l-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex tiġi protetta d-data personali kontra l-qerda aċċidentali u illegali, kontra t-tibdil, kontra "żvelar" jew aċċess mhux awtorizzat, b'mod partikolari fejn l-ipproċessar jinvolvi t-trasmissjoni ta' data fuq network u kontra kull forma oħra ta' ipproċessar illegali.

(9) Id-Direttiva Nru 2002/21/KE u d-Direttiva Nru 1999/93/KE jinkludu dispożizzjonijiet dwar standards li jridu jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri jużaw ukoll standards ta' korpi internazzjonali kif ukoll standards de facto żviluppati mill-industrija globali. Huwa neċessarju li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu f'qagħda li jsiru jafu liema huma dawk l-istandards li jikkonformaw mal-leġislazzjoni tal-Komunità.

(10) Dawn il-miżuri tas-suq intern jeħtieġu forom differenti ta' soluzzjonijiet tekniċi u organizzattivi mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Dawn huma funzjonijiet tekniċi kumplessi li għalihom ma hemmx soluzzjonijiet uniċi u ovvji. L-applikazzjoni eteroġena ta' dawn il-ħtiġijiet tista' twassal għal soluzzjonijiet ineffiċjenti u toħloq ostakli għas-suq intern. Minn dan joħroġ il-bżonn ta' ċentru ta' kompetenza fuq livell Ewropew li jipprovdi gwida, pariri, u meta jkun mitlub, għajnuna fi ħdan l-għanijiet tiegħu, li fuqu jistgħu joqogħdu l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni jew il-korpi kompetenti maħtura mill-Istati Membri. L-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali, nominati skond id-Direttiva Nru 2002/21/KE, jistgħu jiġu maħtura minn Stat Membru bħala korp kompetenti.

(11) L-istabbiliment ta' aġenzija Ewropea, l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni, hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejħa "l-Aġenzija", li tagħmilha ta' punt ta' referenza u toħloq fiduċja bis-saħħa ta' l-indipendenza tagħha, il-kwalità tal-pariri li tagħti u l-informazzjoni li xxerred, it-trasparenza tal-proċeduri u l-metodi ta' l-operazzjonijiet tagħha, u l-bżulija li biha twettaq il-ħidmiet li jingħatawlha, tkun ir-risposta għal dawn il-ħtiġijiet. L-Aġenzija trid tibni fuq l-isforzi nazzjonali u dawk tal-Komunità u għalhekk twettaq il-ħidmiet tagħha b'kollaborazzjoni sħiħa ma' l-Istati Membri filwaqt li żżomm kuntatti ma' l-industrija u l-partijiet interessati. Billi n-networks elettroniċi huma, fil-parti l-kbira, tal-privat, l-Aġenzija għandha tibni fuq l-informazzjoni tas-settur privat u tikkollabora miegħu.

(12) L-eżerċitar tal-ħidmiet ta' l-Aġenzija mhux suppost li għandu jfixkel il-kompetenzi u ma għandux joħloq preġudizzji jew jikkoinċidi mal-poteri rilevanti u l-ħidmiet mogħtija lil:

- l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kif stipulati fid-Direttivi li jikkonċernaw in-networks u servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, kif ukoll ir-Regolaturi Ewropej għan-Networks u Servizzi ta' Komunikazzjoni elettronika stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2002/627/KE [13] u għall-Kumitat dwar il-Komunikazzjonijiet imsemmi fid-Direttiva 2002/21/KE,

- il-korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni, il-korpi nazzjonali għall-istandardizzazzjoni u l-Kumitat Permanenti kif stabbilit bid-Direttiva Nru 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li jistipula l-proċedura dwar l-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u regolamenti tekniċi u ta' regoli li jirrigwardaw is-Servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni [14],

- lill-awtoritajiet ta' viġilanza ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw il-protezzjoni ta' l-individwi fejn għandu x'jaqsam l-ipproċessar ta' data personali u l-moviment liberu ta' din id-data.

(13) Bl-għan li tifhem aħjar l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni, huwa meħtieġ li l-Aġenzija tistudja bir-reqqa r-riskji attwali u dawk li qegħdin jitfaċċaw u għal dak l-iskop l-Aġenzija tista' tiġbor l-informazzjoni approprjata, b'mod partikolari permezz ta' kwestjonarji, mingħajr ma timponi obbligi ġodda fuq is-settur privat jew fuq l-Istati Membri biex jiġġeneraw id-data. Ir-riskji li qegħdin jitfaċċaw għandhom jiġu miftehma bħala kwistjonijiet li jistgħu diġa' jieħdu l-forma ta' riskju possibbli fil-futur għas-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni.

(14) Bl-intenzjoni li l-individwi, l-impriżi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jkollhom fiduċja fin-networks u fis-sistemi ta' l-informazzjoni, hu neċessarju li jkunu infurmati, edukati u imħarrġa kif jixraq fil-qasam tas-sigurtà tan-networks u ta' l-informazzjoni. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom rwol xi jwettqu fit-tkattir ta' l-għarfien, billi jinfurmaw lill-pubbliku, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, il-korporazzjonijiet, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-iskejjel u l-universitajiet. Dawn il-miżuri jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar. Skambju akbar ta' l-informazzjoni bejn l-Istati Membri jagħmel eħfef dawn l-azzjonijiet li jkattru l-għarfien. L-Aġenzija għandha tagħti l-pariri dwar l-aħjar użanzi għat-tkattir ta' l-għarfien, tat-taħriġ u tal-korsijiet.

(15) L-Aġenzija għandu jkollha l-funzjoni li tikkontribwixxi għal livell għoli ta' sigurtà fin-networks u s-sistemi ta' l-informazzjoni ġewwa l-Komunità u li tiżviluppa kultura ta' sigurtà fin-networks u s-sistemi ta' l-informazzjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tal-konsumaturi, impriżi u organizzazzjonijiet fis-settur pubbliku fl-Unjoni Ewropea, u permezz ta' hekk tikkontribwixxi għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

(16) Il-politiki effiċjenti ta' sigurtà għandhom ikunu bbażati fuq metodi ta' valutazzjoni tar-riskju li huma żviluppati sewwa, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat. Il-metodi u l-proċeduri ta' valutazzjoni tar-riskju jintużaw f'livelli differenti mingħajr ebda prattiċi komuni dwar l-applikazzjoni effiċjenti tagħhom. L-inkoraġġiment u l-iżvilupp ta' l-aħjar użanzi tal-valutazzjoni tar-riskju u tas-soluzzjonijiet interoperabbli ta' l-immaniġġjar tar-riskju ġewwa l-organizzazzjonijiet fis-setturi pubbliċi u privati, iżid il-livell tas-sigurtà tan-networks u tas-sistemi ta' l-informazzjoni fl-Ewropa.

(17) Huwa xieraq li fil-qadi tal-funzjoni tagħha, l-Aġenzija tagħmel użu mill-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u valutazzjoni teknoloġika li diġa' jeżistu, b'mod partikolari dawk imwettqa mill-inizjattivi differenti tar-riċerka tal-Komunità.

(18) Meta approprjat u ta' benefiċċju biex tissodisfa l-iskop, l-għanijiet u l-funzjonijiet tagħha, l-Aġenzija tista' taqsam l-esperjenzi u l-informazzjoni ġenerali ma' korpi u aġenziji stabbiliti taħt il-liġi ta' l-Unjoni Ewropea u li jittrattaw is-sigurtà tan-networks u s-sistemi ta' l-informazzjoni.

(19) Il-problemi tas-sigurtà tan-networks u s-sistemi ta' l-informazzjoni huma kwistjonijiet ta' natura globali. Hemm bżonn ta' koperazzjoni aktar mill-qrib fuq livell globali biex jitjiebu l-istandards tas-sigurtà, titjieb l-informazzjoni, u jiġi inkoraġġit l-approċċ globali komuni għal kultura ta' sigurtà tan-networks u l-informazzjoni. Il-koperazzjoni effiċjenti ma' pajjiżi terzi u l-komunità globali saret funzjoni fuq livell Ewropew ukoll. Għal dan il-għan, l-Aġenzija għandha tgħin fl-isforzi tal-Komunità fil-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u, fejn approprjat, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

(20) Fl-attivitajiet tagħha, l-Aġenzija għandha tieħu ħsieb ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

(21) Bl-għan li jiżguraw b'mod effettiv it-twettiq tal-funzjonijiet ta' l-Aġenzija, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikunu rappreżentati fuq Bord ta' Ġestjoni fdat bil-poteri neċessarji biex jistabbilixxi l-budget, jara li jitwettaq, jadotta r-regoli finanzjarji approprjati, jaħtar u jneħħi d-Direttur Eżekuttiv. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jiżgura li l-Aġenzija twettaq il-funzjonijiet tagħha skond il-kondizzjonijiet li tista' topera bihom skond dan ir-Regolament.

(22) Ikun xieraq li jiġi stabbilit Grupp Permanenti tal-Partijiet Interessati, sabiex jinżamm djalogu regolari mas-settur privat, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u partijiet rilevanti oħrajn interessati. Il-Grupp Permanenti tal-Partijiet Interessati, stabbilit u ppresedut mid-Direttur Eżekuttiv, għandu jiffoka fuq kwistjonijiet li huma rilevanti għall-partijiet interessati kollha u jressaqhom għall-attenzjoni tad-Direttur Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv jista', fejn ikun approprjat u konformi ma' l-aġenda tal-laqgħat, jistieden lir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u ta' korpi rilevanti oħrajn biex jieħdu parti fil-laqgħat tal-Grupp.

(23) Il-funzjonament bla xkiel ta' l-Aġenzija jeħtieġ illi d-Direttur Eżekuttiv tagħha jkun maħtur għal raġunijiet ta' mertu u ħila amministrattiva u maniġerjali, kif ukoll kompetenza u esperjenza rilevanti għas-sigurtà tan-networks u s-sistemi ta' l-informazzjoni u li hu/hi jwettaq id-doveri tiegħu/tagħha b'indipendenza u flessibbiltà kompleta fl-organizzazzjoni tal-funzjonament intern ta' l-Aġenzija. Għal dan il-għan, id-Direttur Eżekuttiv għandu jlesti proposta għal programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija, wara li tkun saret konsultazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Grupp Permanenti tal-Partijiet Interessati, u jieħu l-passi kollha meħtieġa biex ikun żgur li l-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija jitwettaq kif suppost, għandu jlesti abbozz ta' rapport ġenerali, kull sena, li għandu jintbagħat lill-Bord ta' Ġestjoni, għandu jikkompila abbozz ta' prospett ta' l-istimi tal-qligħ u l-ispejjeż ta' l-Aġenzija u għandu jimplimenta l-budget.

(24) Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkollu l-possibbiltà li jistabbilixxi Gruppi ta' Ħidma ad hoc biex jindirizzaw b'mod partikolari materji xjentifiċi u tekniċi. Biex jistabbilixxi l-Gruppi ta' Ħidma ad hoc, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfittex l-informazzjoni tas-settur privat u jagħmel użu mill-kompetenza tiegħu. Il-Gruppi ta' Ħidma ad hoc għandhom jippermettu lill-Aġenzija li jkollha aċċess għall-aktar tagħrif aġġornat li jkun disponibbli sabiex tkun tista' twieġeb għall-isfidi tas-sigurtà maħluqa mill-iżvilupp tas-soċjetà ta' l-informazzjoni. L-Aġenzija għandha tiżgura li l-Gruppi ta' Ħidma ad hoc tagħha jkunu kompetenti u rappreżentattivi u li jinkludu, kif jixraq skond il-materji speċifiċi, rappreżentazzjoni ta' l-amministrazzjonijiet pubbliċi ta' l-Istati membri, tas-settur privat inkluż l-industrija, ta' dawk li jagħmlu użu mis-servizzi u ta' esperti akkademiċi fis-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni. L-Aġenzija tista', jekk ikun hemm il-bżonn, iżżid mal-Gruppi ta' Ħidma esperti indipendenti magħrufin li huma kompetenti fil-qasam konċernat. L-esperti li jipparteċipaw fil-Gruppi ta' Ħidma ad hoc organizzati mill-Aġenzija ma għandhomx ikunu jagħmlu parti mill-persunal ta' l-Aġenzija. L-ispejjeż tagħhom iridu jitħallsu mill-Aġenzija skond ir-regoli interni tagħha u konformi mar-Regolamenti Finanzjarji eżistenti.

(25) L-Aġenzija għandha tapplika l-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 [15] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru. 45/2001 [16] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(26) Sakemm ikun jaqa' fil-pjan tagħha, l-oġġettivi tagħha u fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, l-Aġenzija għandha taderixxi b'mod partikolari mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunità, kif ukoll għall-leġislazzjoni nazzjonali li tittratta fuq id-dokumenti sensittivi.

(27) Bl-għan li jkunu garantiti lill-Aġenzija awtonomija sħiħa u indipendenza, huwa kkunsidrat meħtieġ li jingħatalha budget awtonomu li d-dħul tiegħu ikun ġej essenzalment minn kontribuzzjonijiet tal-Komunità. Il-proċedura tal-Komunità dwar il-budget tibqa' tapplika safejn jikkonċernaw is-sussidji li jkunu a karigu tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Barra dan, il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tieħu r-responsabbiltà li tivverifika l-kontijiet.

(28) Fejn ikun hemm il-ħtieġa u fuq il-bażi ta' arranġamenti li jrid jintlaħaq ftehim fuqhom, l-Aġenzija jista' jkollha aċċess għas-servizzi ta' interpretazzjoni provduti mid-Direttorat Ġenerali għall-Interpretazzjoni (DGI) tal-Kummissjoni, jew mis-Servizzi ta' Interpretazzjoni ta' istituzzjonijiet Komunitarji oħrajn.

(29) Għall-ewwel l-Aġenzija għandha tiġi stabbilita għal perjodu limitat u l-funzjonamenti tagħha stmati sabiex jiġi determinat jekk għandux ikun estiż it-tul taż-żmien tal-funzjonamenti tagħha,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA 1

SKOP, GĦANIJIET U KOMPITI

Artikolu 1

L-Ambitu

1. Bl-għan li jiġi żgurat livell għoli u effettiv tan-networks u s-sigurtà tas-sistemi ta' l-informazzjoni ġewwa l-Komunità u sabiex tkun żviluppata kultura ta' sigurtà tan-networks u s-sistemi ta' l-informazzjoni għall-benefiċċju taċ-cittadini, tal-konsumaturi, ta' l-impriżi u ta' l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea, u permezz ta' hekk għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, qegħda hawnhekk tiġi stabbilita Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni, hawn iżjed 'il quddiem imsejħa "l-Aġenzija".

2. L-Aġenzija għandha tgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati membri, u bħala konsegwenza tikkopera mal-komunità tal-kummerċ, sabiex tgħinhom jaderixxu mal-kondizzjonijiet tas-sigurtà tan-networks u s-sistemi ta' l-informazzjoni, u permezz ta' hekk tiżgura l-funzjonament bla-xkiel tas-suq intern, inkluż il-kondizzjonijiet stipulati fil-leġislazzjoni preżenti u dik futura tal-Komunità, bħalma hi d-Direttiva Nru 2002/21/KE.

3. L-għanijiet u l-kompiti ta' l-Aġenzija għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi ta' l-Istati Membri rigward is-sigurtà tan-networks u s-sistemi ta' l-informazzjoni li jaqgħu barra mill-ambitu tat-Trattat tal-KE, bħalma huma dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u f'kull każ għall-attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà ta' l-Istat (inkluż il-benesseri ekonomiku ta' l-Istat meta l-kwistjonijiet għandhom x'jaqsmu ma' materji ta' sigurtà ta' l-Istat) u l-attivitajiet ta' l-Istat f'oqsma tal-liġi kriminali.

Artikolu 2

L-Għanijiet

1. L-Aġenzija għandha ssaħħaħ il-ħila tal-Komunità, l-Istati Membri u, bħala konsegwenza, il-komunità tal-kummerċ biex ikunu jistgħu jimpedixxu l-problemi ta' sigurtà tan-networks u l-informazzjoni, kif ukoll jindirizzawhom u jwieġbu għalihom.

2. L-Aġenzija għandha tipprovdi l-għajnuna u tagħti pariri lill-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar materji li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħha kif stipulati f'dan ir-Regolament.

3. Filwaqt li tibbaża fuq l-isforzi nazzjonali u dawk tal-Komunità, l-Aġenzija għandha tiżviluppa livell għoli ta' kompetenza. L-Aġenzija għandha tuża din il-kompetenza sabiex tistimula koperazzjoni wiesgħa bejn l-atturi mis-setturi pubbliċi u privati.

4. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni, meta tkun msejħa tagħmel dan, fix-xogħol tekniku ta' preparazzjoni biex tiġi aġġornata u żviluppata l-leġislazzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni.

Artikolu 3

Il-Kompiti

Sabiex ikun żgurat li l-għan u l-oġġettivi stipulati fl-Artikoli 1 u 2 qegħdin jiġu milħuqa u mwettqa, l-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a) tiġbor l-informazzjoni xierqa biex tanalizza r-riskji kurrenti u dawk li qegħdin jitfaċċaw u, b'mod partikolari fuq il-livell Ewropew, dawk li jistgħu joħolqu impatt fuq il-flessibilità u d-disponibilità tan-networks ta' komunikazzjoni elettronika u fuq l-awtentiċità, l-integrità u r-riservatezza ta' l-informazzjoni li tkun ġiet aċċessata u mibgħuta permezz tagħhom, u tagħti r-riżultati lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni;

(b) tagħti pariri lill-Parlamenti Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-korpi Ewropej jew korpi nazzjonali maħtura mill-Istati Membri, u meta tkun mitluba tagħmel dan, tagħti għajnuna skond l-għanijiet tagħha;

(ċ) Iżżid il-koperazzjoni bejn l-atturi differenti li jopereaw fil-qasam tas-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni, inter alia, billi torganizza, fuq bażi regolari, konsultazzjonijiet ma' l-industrija, l-universitajiet, kif ukoll ma' setturi oħrajn konċernati u billi tistabbilixxi networks ta' kuntatti għall-korpi tal-Komunità, għall-korpi tas-settur pubbliku maħtura mill-Istati Membri, għas-settur privat u għall-korpi tal-konsumaturi;

(d) tiffaċilita l-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-iżvilupp ta' metodoloġiji komuni biex jimpedixxu l-kwistjonijiet dwar is-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni, kif ukoll jindirizzawhom u jwieġbu għalihom;

(e) tikkontribwixxi għat-tkattir ta' l-għarfien u d-disponibilità ta' informazzjoni li tkun fil-ħin, oġġettiva u komprensiva fuq kwistjonijiet ta' sigurtà tan-networks u l-informazzjoni għall-dawk kollha li jagħmlu użu mis-servizz billi, inter alia, tinkoraġġixxi l-iskambju ta' l-aħjar użanzi kurrenti, inkluż dwar metodi ta' kif twissi lil dawk li jagħmlu użu mis-servizzi, u taħdem biex ikun hemm sinerġija bejn inizjattivi fis-settur pubbliku u privat;

(f) tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fid-djalogu tagħhom ma' l-industrija biex jiġu indirizzati problemi relatati mas-sigurtà tal-prodotti hardware u software;

(g) issegwi l-iżvilupp ta' l-istandards tas-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni għall-prodotti u s-servizzi;

(h) tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar ir-riċerka fil-qasam tas-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni kif ukoll fuq l-użu effettiv tat-teknoloġija għall-prevenzjoni tar-riskju;

(i) tinkoraġġixxi attivitajiet li jistmaw ir-riskju, soluzzjonijiet interoperabbli ta' l-immaniġġjar tar-riskju u studji dwar soluzzjonijiet kif titmexxa prevenzjoni ġewwa organizzazzjonijiet fis-setturi pubbliċi u privati;

(j) tikkontribwixxi fl-isforzi tal-Komunità għal koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u, fejn approprjat, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali biex ikun inkoraġġit l-approċċ globali komuni għal kwistjonijiet dwar sigurtà tan-networks u l-informazzjoni, li permezz ta' hekk ikunu qegħdin jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' kultura ta' sigurtà tan-networks u l-informazzjoni;

(k) tesprimi b'mod indipendenti l-konklużjonijiet u l-orjentazzjonijiet tagħha, u tagħti pariri dwar materji fis-sens ta' l-iskop u l-ghanijiet tagħha.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

(a) "network" ifisser sistemi ta' trasmissjoni u, fejn applikabbli, it-tagħmir ta' bdil jew użu ta' rotot ġodda u riżorsi oħrajn li jippermettu t-trasmissjoni ta' sinjali permezz tal-fil, tar-radju, ta' mezzi ottiċi u mezzi elettromanjetiċi oħra, inkluż networks bis-satellita, networks terrestri fissi (bil-bdil taċ-ċirkuwitu u bil-bdil tal-pakkett, inkluż l-Internet) u networks terrestri mobbli, sistemi ta' kejbils ta' l-elettriċità, sal-punt li jintużaw biex jintbagħtu s-sinjali, networks użati għax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni, u networks tat-TV bil-kejbil, irrispettivament mit-tip ta' informazzjoni li tkun qegħda tiġi kkomunikata;

(b) "sistema ta' informazzjoni" ifisser kompujters u networks ta' komunikazzjoni elettronika, kif ukoll id-data elettronika maħżuna, ipproċessata, miġbura jew mibgħuta minnhom għall-funzjonament, l-użu, il-protezzjoni u l-manutenzjoni tagħhom;

(ċ) "sigurtà tan-networks u l-informazzjoni" jfisser il-kapaċità ta' network jew sistema ta' informazzjoni li jirreżistu, b'ċertu livell ta' fiduċja, għal fatti aċċidentali jew azzjonijiet illegali jew malizzjużi li jikkompromettu d-disponibilità, l-awtentiċità, l-integrità u r-riservatezza ta' data maħżuna jew mibgħuta u s-servizzi relatati offruti minn jew aċċessibbli permezz ta' dawn in-networks u sistemi;

(d) "disponibbilità" ifisser li d-data hija aċċessibbli u s-servizzi huma operattivi;

(e) "awtentikazzjoni" ifisser il-konferma ta' l-identità iddikjarata ta' entitajiet jew ta' dawk li jużaw is-servizz;

(f) "integrità tad-data" ifisser il-konferma li d-data li intbagħtet, li ġiet milqugħa, jew li ġiet maħżuna hija kompleta u mhux mibdula;

(g) "riservatezza tad-data" ifisser il-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet jew id-data maħżuna kontra l-interċettazzjoni u l-qari tagħhom minn persuni mhux awtorizzati;

(h) "riskju" ifisser il-funzjoni tal-probabbiltà li xi vulnerabbiltà fis-sistema taffettwa l-awtentikazzjoni jew id-disponibilità, l-awtentiċità, l-integrità jew ir-riservatezza tad-data ipproċessata jew mibgħuta u l-gravità ta' l-effett ħażin, bħala riżultat ta' l-użu intenzjonali jew mhux intenzjonali ta' din il-vulnerabbiltà;

(i) "stima tar-riskju" ifisser proċess ibbażat fuq bażi xjentifika u teknoloġika li jikkonsisti f'erba' fażijiet: identifikazzjoni tat-theddid, karatterizzazzjoni tat-theddida, stima tal-kobor tat-theddida u karatterizzazzjoni tar-riskju;

(j) "immaniġġjar tar-riskju" ifisser il-proċess, distint mill-istima tar-riskju, ta' l-eżami ta' alternattivi ta' azzjonijiet b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati, ta' l-ikkunsidrar ta' l-istima tar-riskju u fatturi leġittimi oħrajn, u, jekk ikun hemm il-ħtieġa, li jsiru għażliet xierqa ta' prevenzjoni u kontroll;

(k) "kultura ta' sigurtà tan-networks u l-informazzjoni" għandha l-istess tifsira bħal dik stipulata fil-Linji Gwida għas-sigurtà tas-Sistemi ta' l-Informazzjoni u n-Networks tal-25 ta' Lulju 2002 u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2003 dwar approċċ Ewropew lejn kultura ta' sigurtà tan-networks u l-informazzjoni [17].

TAQSIMA 2

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 5

Korpi ta' l-Aġenzija

L-Aġenzija għandha tinkludi:

(a) Bord ta' Ġestjoni;

(b) Direttur Eżekuttiv, u

(ċ) Grupp Permanenti tal-Partijiet Interessati.

Artikolu 6

Bord ta' Ġestjoni

1. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru, tliet rappreżentanti maħturin mill-Kummissjoni, kif ukoll tliet rappreżentanti, nominati mill Kummissjoni u maħturin mill-Kunsill, mingħajr dritt għall-vot, kull wieħed minnhom jirrappreżenta wieħed mill-gruppi li ġejjin:

(a) l-industrija ta' l-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni;

(b) gruppi tal-konsumaturi;

(ċ) akkademiċi li huma esperti fis-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni.

2. Il-membri tal-Bord għandhom jinħatru fuq il-bażi ta' l-esperjenza u l-kompetenza rilevanti tagħhom fil-qasam tas-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni. Ir-Rappreżentanti jistgħu jinbidlu minn sostituti, maħturin fl-istess waqt.

3. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jeleġġi l-President u d-Deputat President tiegħu minn fost il-membri tiegħu għal perjodu ta' sentejn u nofs, li jistgħu jiġġeddu. Id-Deputat President għandu jissostitwixxi lill-President ex-officio fil-każ li l-President ma jkunx jista' jwettaq id-dmirijiet tiegħu.

4. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadotta r-regoli tiegħu tal-proċedura, fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

Kemm-il darba ma jkunx previst mod ieħor, il-Bord ta' Ġestjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza tal-membri li jkollhom id-dritt tal-vot.

5. Il-laqgħat tal-Bord ta' Ġestjoni għandhom jissejħu mill-President tal-Bord. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jorganizza laqgħa ordinarja darbtejn fis-sena. Il-Bord irid ukoll jorganizza laqgħat straordinarji fuq talba tal-President jew fuq talba ta' mill-inqas terz tal-membri tiegħu li għandhom id-dritt tal-vot. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord ta' Ġestjoni, mingħajr dritt tal-vot, u għandu jipprovdi s-Segretarjat.

6. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadotta r-regoli interni tal-ħidma ta' l-Aġenzija fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni. Dawn ir-regoli għandhom jiġu mxandra.

7. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jiddefinixxi l-orjentazzjonijiet ġenerali tal-ħidma ta' l-Aġenzija. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jiżgura li l-Aġenzija taħdem skond il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 u 23. Għandu wkoll jiżgura li jken hemm konsistenza bejn ix-xogħol ta' l-Aġenzija ma' l-attivitajiet mwettqa mill-Istati Membri kif ukoll f'livell tal-Komunità.

8. Qabel it-30 ta' Novembru ta' kull sena, il-Bord ta' Ġestjoni, wara li jkun irċieva l-opinjoni tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-programm tax-xogħol ta' l-Aġenzija għas-sena ta' wara. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jiżgura li l-programm ta' xogħol ta' l-Aġenzija huwa konsistenti ma' l-iskop, l-oġġettivi u l-kompiti ta' l-Aġenzija kif ukoll mal-prijoritajiet leġislattivi u ta' politika fil-qasam tas-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni.

9. Qabel il-31 ta' Marzu ta' kull sena, il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadotta r-rapport ġenerali dwar l-attivitajiet ta' l-Aġenzija għas-sena ta' qabel.

10. Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija għandhom jiġu adottati mill-Bord ta' Ġestjoni wara li tkun ġiet ikkonsultata l-Kummissjoni. Ma jistgħux jitbegħdu mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar il-qafas tar-Regolament Finanzjarju għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [18], kemm-il darba dan it-tbegħid ma jkunx speċifikament meħtieġ għall-ħidma ta' l-Aġenzija u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.

Artikolu 7

Direttur Eżekuttiv

1. L-Aġenzija għandha titmexxa mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li għandu jwettaq il-ħidma tiegħu b'mod indipendenti.

2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord ta' Ġestjoni fuq il-bażi ta' lista ta' kandidati proposti mill-Kummissjoni wara kompetizzjoni miftuħa li ssir wara li tkun ġiet ippubblikata sejħa għall-turija ta' interess fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u band'oħra. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar fuq il-bażi ta' mertu u ħila amministrattiva u maniġerjali dokumentata, kif ukoll fuq kompetenza u esperjenza rilevanti għas-sigurtà tan-networks u informazzjoni. Qabel il-ħatra, il-kandidat li jkun nominat mill-Bord ta' Ġestjoni jiġi mistieden bla dewmien biex jagħmel stqarrija quddiem il-Parlament Ewropew u biex jirrispondi għal mistoqsijiet li jsirulu mill-membri ta' dik l-istituzzjoni. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu wkoll jitolbu, f'kull mument, għal seduta mad-Direttur Eżekuttiv dwar kull suġġett relatat ma' l-attivitajiet ta' l-Aġenzija. Id-Direttur Eżekuttiv jista' jitneħħa mill-uffiċċju tiegħu mill-Bord ta' Ġestjoni.

3. Iż-żmien tal-kariga tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun sa ħames snin.

4. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli:

(a) għall-amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-Aġenzija;

(b) għall-kumpilazzjoni ta' proposta għall-programmi ta' ħidma ta' l-Aġenzija wara konsultazzjoni minn qabel mal-Kummissjoni u mal-Grupp Permanenti tal-Partijiet Interessati;

(ċ) għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma u d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta' Ġestjoni;

(d) li jassigura li l-Aġenzija twettaq il-kompiti tagħha skond il-kondizzjonijiet meħtieġa minn dawk li jagħmlu użu mis-servizzi tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tas-suffiċjenza tas-servizzi provduti;

(e) mill-preparazzjoni ta' abbozz ta' prospett ta' l-istimi tal-qligħ u l-ispejjeż ta' l-Aġenzija u l-implimentazzjoni tal-budget tagħha;

(f) kwistjonijiet tal-persunal;

(g) li jiżviluppa u jżomm kuntatt mal-Parlament Ewropew u li jiggarantixxi li jkun hemm djalogu regolari mal-kumitati rilevanti tiegħu;

(h) li jiżviluppa u jżomm kuntatt mal-komunità tal-kummerċ u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi biex jiggarantixxi li jkun hemm djalogu regolari mal-partijiet interessati rilevanti;

(i) li jippresiedi l-Grupp Permanenti tal-Partijiet Interessati.

5. Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jressaq quddiem il-Bord ta' Ġestjoni għall-approvazzjoni:

(a) abbozz ta' rapport ġenerali li jkopri l-attivitajiet kollha ta' l-Aġenzija fis-sena ta' qabel;

(b) abbozz ta' programm ta' ħidma.

6. Wara li jkun ġie adottat mill-Bord ta' Ġestjoni, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat il-programm ta' ħidma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u għandu jippublikah.

7. Wara li jkun ġie adottat mill-Bord ta' Ġestjoni, id-Direttur Eżekuttiv, għandu jibgħat ir-rapport ġenerali ta' l-Aġenzija lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill,lill-Kummissjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u għandu jippublikah.

8. Fejn ikun hemm il-ħtieġa u sakemm ikun skond l-għanijiet, l-oġġettivi u l-kompiti ta' l-Aġenzija, id-Direttur Eżekuttiv jista' jistabbilixxi, b'konsultazzjoni mal-Grupp Permanenti tal-Partijiet Interessati, Gruppi ta' Ħidma ad hoc, magħmulin minn esperti. Il-Bord ta' Ġestjoni jiġi avżat b'dan. Il-proċeduri rigward b'mod partikolari l-komposizzjoni, il-ħatra ta' l-esperti mid-Direttur Eżekuttiv u t-tħaddim tal-Gruppi ta' Hidma ad hoc għandhom jiġu speċifikati fir-regoli interni tat-tħaddim ta' l-Aġenzija.

Fejn ikunu stabbiliti, il-Gruppi ta' Ħidma ad hoc għandhom b'mod partikolari jindirizzaw materji li huma tekniċi u xjentifiċi.

Il-membri tal-Bord ta' Ġestjoni ma jistgħux ikunu membri tal-Gruppi ta' Ħidma ad hoc. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom ikollhom dritt li jkunu preżenti fil-laqgħat tagħhom.

Artikolu 8

Grupp Permanenti tal-Partijiet Interessati

1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jistabbilixxi Grupp Permanenti tal-Partijiet Interessati magħmul minn esperti li jarrappreżentaw il-partijiet interessati rilevanti, bħalma huma l-industrija tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, gruppi ta' konsumaturi u akkademiċi esperti fis-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni.

2. Il-proċeduri rigward b'mod partikolari in-numru, il-kompożizzjoni, il-ħatra tal-membri mid-Direttur Eżekuttiv u t-tħaddim tal-Grupp, għandhom ikunu speċifikati fir-regoli interni tat-tħaddim ta' l-Aġenzija u għandhom jiġu mxandra.

3. Il-Grupp għandu jkun presiedut mid-Direttur Eżekuttiv. Iż-żmien tal-kariga tal-membri tiegħu għandu jkun ta' sentejn u nofs. Il-membri tal-Grupp ma jistgħux ikunu membri tal-Bord ta' Ġestjoni.

4. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom ikunu awtorizzati li jkunu preżenti fil-laqgħat u li jipparteċipaw fix-xogħol tal-Grupp.

5. Il-Grupp jista' jagħti pariri lid-Direttur Eżekuttiv fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu skond dan ir-Regolament, fil-kumpilazzjoni ta' proposta għall-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija, kif ukoll biex tkun garantita l-komunikazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti dwar il-materji kollha relatati mal-programm ta' ħidma.

TAQSIMA 3

FUNZJONAMENT

Artikolu 9

Programm ta' Ħidma

L-Aġenzija għandha tibbaża l-funzjonamenti tagħha fuq it-twettiq tal-programm ta' ħidma adottat skond l-Artikolu 6(8). Il-programm ta' ħidma ma għandux jimpedixxi lill-Aġenzija milli tidħol għal attivitajiet imprevvisti li jaqgħu taħt l-iskop u l-oġġettivi tagħha u taħt il-limitazzjonijiet tal-budget mogħtija lilha.

Artikolu 10

Talbiet lill-Aġenzija

1. Talbiet għall-pariri u għajnuna li jaqgħu taħt l-iskop, l-oġġettivi u l-kompiti ta' l-Aġenzija għandhom jiġu indirizzati lid-Direttur Eżekuttiv u jiġu akkompanjati minn sfond ta' tagħrif li jispjega l-materja li trid tiġi indirizzata. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinforma lill-Kummissjoni bit-talbiet li jkun irċieva. Jekk l-Aġenzija tirrifjuta talba, għandha tingħata ġustifikazzjoni.

2. It-talbiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 jistgħu jsiru:

(a) mill-Parlament Ewropew;

(b) mill-Kummissjoni;

(ċ) minn kull korp kompetenti maħtur minn Stat Membru, bħal awtorità regolatorja nazzjonali kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva Nru 2002/21/KE.

3. L-arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, rigward b'mod partikolari il-preżentazzjoni, il-prijoritizzazzjoni, u kif għandhom jiġu segwiti t-talbiet li jsiru lill-Aġenzija, kif ukoll għall-informazzjoni tal-Bord ta' Ġestjoni fir-rigward tagħhom, għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord ta' Ġestjoni fir-regoli interni ta' l-Aġenzija.

Artikolu 11

Dikjarazzjoni ta' l-interessi

1. Id-Direttur Eżekuttiv, kif ukoll l-uffiċjali li jkunu ġew sekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja, għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta' l-impenni tagħhom u dikjarazzjoni ta' l-interessi tagħhom fejn juru li ma għandhom l-ebda interess dirett jew indirett, li jista' jiġi kkunsidrat bħala li jippreġudika l-indipendenza tagħhom. Dikjarazzjonijiet bħal dawn għandhom isiru bil-miktub.

2. F'kull laqgħa, l-esperti esterni li jipparteċipaw fi Gruppi ta' Ħidma ad hoc, għandhom jiddikjaraw kull interess, li jista' jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tagħhom fir-rigward tal-materji li jkun hemm fuq l-aġenda.

Artikolu 12

Trasparenza

1. L-Aġenzija għandha tiggarantixxi li tmexxi l-attivitajiet tagħha fuq livell għoli ta' trasparenza u skond l-Artikoli 13 u 14.

2. L-Aġenzija għandha tiggarantixxi li l-pubbliku u l-partijiet interessati kollha jingħataw informazzjoni li tkun oġġettiva, ta' min joqgħod fuqha u li tintlaħaq faċilment, b'mod partikolari rigward ir-riżultati tax-xogħol tagħha, meta approprjat. Hija trid ukoll tippubblika d-dikjarazzjonijiet ta' l-interessi magħmulin mid-Direttur Eżekuttiv u minn uffiċjali li jkunu ġew sekondati minn Stati Membri fuq bażi temporanja, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta' l-interessi magħmulin minn esperti fir-rigward ta' materji fuq l-aġendi tal-laqgħat tal-Gruppi ta' Ħidma ad hoc.

3. Il-Bord ta' Ġestjoni, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, jista' jawtorizza lill-partijiet interessati biex jimxu mal-proċeduri ta' xi uħud mill-attivitajiet ta' l-Aġenzija.

4. L-Aġenzija għandha tistipula fir-regoli interni tagħha l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli fuq trasparenza msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 13

Riservatezza

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14, l-Aġenzija ma għandhix ixxandar lil partijiet terzi informazzjoni li jkollha fil-pussess tagħha jew li tkun irċeviet u li tagħha tkun ġiet mitluba biex iżżomm ir-riservatezza.

2. Il-membri tal-Bord ta' Ġestjoni, id-Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-Grupp Permanenti tal-Partijiet Interessati, l-esperti esterni li jkunu qegħdin jipparteċipaw fi Gruppi ta' Ħidma ad hoc, u membri tal-persunal ta' l-Aġenzija inklużi uffiċjali li huma sekondati minn Stati Membri fuq bażi temporanja, anki wara li l-ħidma tagħhom tkun spiċċat, huma soġġetti għall-ħtiġijiet ta' riservatezza skond l-Artikolu 287 tat-Trattat.

3. L-Aġenzija għandha tistipula fir-regoli interni tagħha l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli fuq ir-riservatezza msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 14

Aċċess għad-dokumenti

1. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu jgħodd għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.

2. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadotta l-arranġamenti dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur minn meta tiġi stabbilita l-Aġenzija.

3. Id-Deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu mill-Aġenzija skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jiġu kkontestati quddiem l-Ombudsman jew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, skond l-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.

TAQSIMA 4

DISPOSIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 15

L-adozzjoni tal-budget

1. L-introjtu ta' l-Aġenzija għandu jikkonsisti f'kontribuzzjoni minn għand il-Komunità u kull kontribuzzjoni oħra minn pajjiżi terzi li jipparteċipaw fix-xogħol ta' l-Aġenzija kif previst fl-Artikolu 24.

2. L-ispiża ta' l-Aġenzija għandha tinkludi l-ispejjeż tal-persunal, spejjeż amministrattivi u ta' għajnuna teknika, spejjeż infrastrutturali u operazzjonali, u spejjeż konnessi ma' kuntratti magħmulin ma' partijiet terzi.

3. Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu ta' kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jikkompila abbozz ta' prospett ta' l-istimi ta' l-introjtu u l-ispiża ta' l-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara, u għandu jibgħatu lill-Bord ta' Ġestjoni, flimkien ma' abbozz tal-lista tal-persunal.

4. L-introjtu u l-ispiża jridu jibbilanċjaw.

5. Kull sena, il-Bord ta' Ġestjoni, fuq il-bażi ta' abbozz ta' prospett ta' stima ta' l-introjtu u l-ispejjeż ikkompilat mid-Direttur Eżekuttiv, għandu jagħmel prospett ta' l-istima ta' l-introjtu u l-ispiża ta' l-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara.

6. Dan il-prospett ta' stima, li għandu jinkludi abbozz ta' lista tal-persunal flimkien mal-programm proviżorju ta' ħidma, għandu jintbagħat sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu, mill-Bord ta' Ġestjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati li magħhom il-Komunità tkun leħqet ftehim skond l-Artikoli 24.

7. Dan il-prospett ta' stima għandu jintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (it-tnejn kemm huma hawnhekk iżjed ‘il quddiem msejħa "l-awtorità li għandha x'taqsam mal-budget") flimkien ma' l-abbozz preliminari tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

8. Fuq il-bażi ta' dan il-prospett ta' stima, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea l-istimi li jidhrilha neċessarji għall-lista tal-persunal u l-ammont tas-sussidju li għandu jkun addebitat lill-budget ġenerali, u li għandha tibgħat lill-awtorità li għandha x'taqsam mal-budget skond l-Artikolu 272 tat-Trattat.

9. L-awtorità li għandha x'taqsam mal-budget għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Aġenzija.

L-awtorità li għandha x'taqsam mal-budget għandha tadotta l-lista tal-persunal għall-Aġenzija.

10. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadotta l-budget ta' l-Aġenzija. Għandu jsir konklużiv wara l-adozzjoni konklużiva tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Meta approprjat, il-budget ta' l-Aġenzija għandu jkun aġġustat bħala konsegwenza. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jibgħatu mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-awtorità li għandha x'taqsam mal-budget.

11. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu, malajr kemm jista' jkun, javża lill-awtorità tal-budget bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kull proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikattivi għall-iffinanzjar tal-budget, b'mod partikolari kull proġett relatat ma' proprjetà bħalma huma l-kiri u x-xiri tal-bini. Għandu javża b'dan lill-Kummissjoni.

Fejn xi fergħa ta' l-awtorità li għandha x'taqsam mal-budget tkun uriet ix-xewqa tagħha li tagħti opinjoni, hija għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Bord ta' Ġestjoni fi żmien sitt ġimgħat mid-data ta' meta jkun ġie nnotifikat il-proġett.

Artikolu 16

Il-ġlieda kontra l-frodi

1. Bl-għan li jkunu miġġielda l-frodi, l-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 li jirrigwardaw l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) [19] għandhom jgħoddu mingħajr restrizzjoni.

2. L-Aġenzija għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar investigazzjonijiet interni mill Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) [20] u għandha tagħmel użu, mingħajr dewmien, tad-dispożizzjonijiet approprjati applikabbli għall-impjegati kollha ta' l-Aġenzija.

Artikolu 17

L-implimentazzjoni tal-budget

1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-budget ta' l-Aġenzija.

2. L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita l-istess poteri fuq l-Aġenzija bħal fuq id-dipartimenti tal-Kummissjoni.

3. Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu ta' wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet ta' l-Aġenzija għandu jikkomunika l-kontijiet porviżorji lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni tal-budget u tal-finanzi għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji ta' l-istituzzjonijiet u tal-korpi deċentralizzati skond l-Artikolu 128 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [21] (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjaħ ir-Regolament Finanzjarju Ġenerali).

4. Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni tal-budget u dik tal-finanzi għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar l-amministrazzjoni tal-budget u dik tal-finanzi għas-sena finanzjarja għandu wkoll jintbagħat lill-awtorità li għandha x'taqsam mal-budget.

5. Meta d-Direttur Eżekuttiv jirċievi l-osservazzjonijiet minn għand il-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija, konformi ma' l-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, huwa għandu jikkompila l-kontijiet finali taħt ir-responsabbiltà tiegħu u jibgħathom lill-Bord ta' Ġestjoni għal opinjoni.

6. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali ta' l-Aġenzija.

7. Id-Direttur Eżekuttiv għandu, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju wara kull sena finanzjarja, jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' l-opinjoni tal-Bord ta' Ġestjoni.

8. Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

9. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Qorti ta' l-Awdituri sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru. Huwa għandu wkoll jibgħat din it-tweġiba lill-Bord ta' Ġestjoni.

10. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan ta' l-aħħar, kull informazzjoni li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura tar-rilaxx għas-sena finanzjarja msemmija, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

11. Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi fuq maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena N + 2 jagħti r-rilaxx lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-budget għas-sena N.

TAQSIMA 5

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 18

Status legali

1. L-Aġenzija għandha tkun korp tal-Komunità Għandu jkollha personalità legali.

2. F'kull wieħed mill-Istati Membri l-Aġenzija għandha tgawdi l-kapaċità legali l-aktar wiesgħa mogħtija lil persuni legali skond il-liġijiet tagħhom. Hija tista' b'mod partikolari, takkwista u tittrasferixxi proprjetà mobbli u immobbli u li tieħu sehem fi proċeduri ġudizzjarji.

3. L-Aġenzija għandha tkun rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

Artikolu 19

Il-Persunal

1. Il-persunal ta' l-Aġenzija, inkluż id-Direttur Eżekuttiv tagħha, għandhom ikunu soġġetti għar-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-uffiċjali u persunal ieħor tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 6, fir-rigward tal-persunal tagħha, l-Aġenzija teżerċita l-poteri mogħtija lill-awtorità li għandha l-poter li taħtar, mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal, u lill-awtorità awtorizzata biex tiffinalizza kuntratti mill-Kondizzjonijiet ta' l-Impieg għall-impjegati l-oħra.

L-Aġenzija tista' wkoll tħaddem uffiċjali li huma sekondati minn Stati Membri fuq bażi temporanja, għal massimu ta' ħames snin.

Artikolu 20

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jgħoddu għall-Aġenzija u l-persunal tagħha.

Artikolu 21

Responsabbiltà

1. Ir-responsabbiltà kontrattwali għandha tkun regolata bil-liġi applikabbli għall-kuntratt imsemmi.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li taqta' s-sentenzi skond il-klawsoli ta' l-arbitraġġ mdaħħlin f'kuntratt li jkun ġie ffinalizzat mill-Aġenzija.

2. F'każ ta' responsabbiltà li ma taqax taħt il-kuntratt, l-Aġenzija għandha, konformi mal-prinċipji ġenerali komuni għall-liġijiet ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull ħsara kkaġunata minnha jew mill-impjegati tagħha waqt il-qadi ta' dmirijiethom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni f'kull tilwima relatata ma' kumpens għal danni bħal dawn.

3. Ir-responsabbiltà personali ta' l-impjegati lejn l-Aġenzija għandha tkun regolata mill-kondizzjonijiet rilevanti applikabbli għall-persunal ta' l-Aġenzija.

Artikolu 22

Ilsna

1. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-ilsna li għandhom jintużaw fil-Komunità Ekonomika Ewropea [22] għandhom jgħoddu għall-Aġenzija. L-Istati Membri u l-korpi l-oħra maħtura minnhom jistgħu jindirizzaw lill-Aġenzija u jirċievu tweġiba fl-ilsien tal-Komunità magħżul minnhom.

2. Is-servizzi ta' traduzzjonni meħtieġa għall-funzjonament ta' l-Aġenzija għandhom jiġu provduti miċ-Ċentru ta' Traduzzjoni għall-Korpi ta' l-Unjoni Ewropea [23].

Artikolu 23

Protezzjoni ta' informazzjoni personali.

Meta tkun qegħda tipproċessa informazzjoni relatata ma' individwi, l-Aġenzija għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 24

Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

1. L'attività ta' l-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-pajjiżi, li ffinalizzaw ftehim mal-Komunità Ewropea bis-saħħa ta' liema ftehim adottaw u applikaw il-leġislazzjoni tal-Komunità fil-qasam kopert b'dan ir-Regolament.

2. Għandhom isiru arranġamenti skond id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dawk il-ftehim, li jispeċifikaw b'mod partikolari n-natura, il-limitu u l-mod li bihom dawn il-pajjiżi jipparteċipaw fix-xogħol ta' l-Aġenzija, inkluż id-dispożizzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni fl-inizjattivi li tkun daħlet għalihom l-Aġenzija, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal.

TAQSIMA 6

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 25

Klawsola ta' reviżjoni

1. Sas-17 ta' Marzu 2007, il-Kummissjoni, filwaqt illi tqis il-veduti tal-partijiet interessati rilevanti kollha, għandha twettaq valutazzjoni fuq il-bażi tat-termini ta' referenza miftiehma mal-Bord ta' Ġestjoni. Il-Kummissjoni għandha twettaq din il-valutazzjoni, prinċipalment bl-iskop li jiġi deċiż jekk it-tul ta' l-Aġenzija għandux jiġi estiż lil hinn mill-perjodu speċikat fl-Artikolu 27.

2. Il-valutazzjoni għandha tirrigwarda kemm ir-riżultati miksuba mill-Aġenzija fil-kisba ta' l-għanijiet u l-kompiti tagħha, kif ukoll il-prattiċi tax-xogħol tagħha u tikkunsidra, jekk hemm bżonn, il-proposti approprjati.

3. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jirċievi rapport dwar il-valutazzjoni u joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni li jirrigwardaw tibdiliet approprjati li jridu jsiru eventwalment lil dan ir-Regolament. Kemm ir-riżultati tal-valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandhom jiġu ppubblikati.

Artikolu 26

Kontroll amministrattiv

L-attivitajiet ta' l-Aġenzija huma soġġetti għas-sorveljanza ta' l-Ombudsman skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 195 tat-Trattat.

Artikolu 27

It-Tul

L-Aġenzija għandha tiġi stabbilita fl-14 ta' Marzu 2004 għal perjodu ta' ħames snin.

Artikolu 28

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament ghandu jidħol fis-seħħ l-għada ta' meta ssir il-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, fl-10 ta' Marzu 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

F'isem il-Kunsill

Il-President

D. Roche

[1] ĠU C 220, 16.09.03, p. 33.

[2] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Novembru 2003 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Frar 2004.

[3] ĠU L 108, 24.04.02, p. 33.

[4] Id-Direttiva Nru 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjoni (Direttiva ta' l-Awtorizzazzjoni) (ĠU L 108, ta' l-24.4.2002, p. 21).

[5] Id-Direttiva Nru 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar is-servizzi universali u għad-drittijiet ta' dawk li jagħmlu użu mis-servizz fejn jirrigwardaw in-networks u s-servizzi ta' komunikazzjoni (Direttiva dwar is-Servizz Universali) (ĠU L 108, ta' l-24.4.2002, p. 51).

[6] Id-Direttiva Nru 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-ikkonnettjar ta', networks ta' komunikazzjoni elettronika u faċilitajiet assoċjati (Direttiva dwar l-Aċċess)(ĠU L 108, ta' l-24.4.2002, p. 7).

[7] Id-Direttiva Nru 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' informazzjoni personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, tal-31.7.2002, p. 37).

[8] Id-Direttiva Nru 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar qafas tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU L 13, tad-19.1.2000, p. 12).

[9] Id-Direttiva Nru 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni, b'mod partikolari kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, tas-17.7.2000, p. 1).

[10] ĠU C 48, 28.02.03, p. 2.

[11] Id-Direttiva Nru 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 24, tat-30.1.1998, p. 1). Id-Direttiva mħassra u mibdula bid-Direttiva Nru 2002/58/KE.

[12] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emedata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

[13] ĠU L 200, 30.07.02, p. 38.

[14] ĠU L 204, tal-21.7.1998, p. 37. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE (ĠU L 217, tal-5.8.1998, p. 18).

[15] Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43).

[16] Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi rigward l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u rigward il-moviment ħieles ta' din id-data (ĠU L 8, tat-12.1.2001, p. 1).

[17] ĠU C 48, 28.02.03, p. 1.

[18] ĠU L 357, 31.12.02, p. 72.

[19] ĠU L 136, 31.05.99, p. 1.

[20] ĠU L 136, 31.05.99, p. 15.

[21] ĠU L 248, 16.09.02, p. 1.

[22] ĠU C 17, tas-6.10.1958, p. 385/58. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-1994.

[23] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta' Novembru 1994 li jistabbilixxi Ċentru ta' Traduzzjoni għall-korpi ta' l-Unjoni Ewropea (ĠU L 314, tas-7.12.1994, p. 1). Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1645/2003 (ĠU L 245, tad-29.9.2003, p. 13).

--------------------------------------------------