32004R0448



Official Journal L 072 , 11/03/2004 P. 0066 - 0077


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2004

ta' l-10 ta' Marzu 2004

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1685/2000 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 dwar l-eliġibilità ta' l-infiq fuq operazzjonijiet ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali u li jirtira r-Regolament (KE) Nru 1145/2003

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jippreskrivi disposizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali [1], b'mod partikolari l-Artikoli 30(3) u 53(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 147 tat-Trattat, lill-Kumitat dwar l-Istrutturi Agrikoli u Żvilupp Rurali, u lill-Kumitat dwar l-Istrutturi għas-Sajd u l-Akwakultura,

Billi:

(1) Sett komuni ta' regoli dwar l-eliġibilità hu preskritt fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1685/2000 [2]. Dak ir-Regolament daħal fis-seħħ fil-5 ta' Awissu 2000.

(2) Madankollu, l-esperjenza wriet li r-regoli dwar l-eliġibilità hemm bżonn li jinbidlu f'diversi aspetti.

(3) B'mod partikolari, hu xieraq li wieħed jagħraf l-eliġibilità ta' ħlasijiet għal transazzjonijiet finanzjarji transnazzjonali fil-kuntest ta' għajnuna skond l-inizjattivi tal-Paċi II u tal-Komunità

(4) Għandu wkoll ikun iċċarat li pagamenti ġo fondi għal kapital spekulattiv, self u garanziji jikkostitwixxu spejjeż attwalment imħallsa,.

(5) Għandu jkun iktar iċċarat li l-eliġibilità tal-VAT għal ko-finanzjament ma tiddependix minn jekk il-benefiċjarju finali huwiex pubbliku jew privat.

(6) Dwar żvilupp rurali, għandu jkun iċċarat li r-regola li biha prova ta' spiża tista' tkun f'għamla ta' fatturi b'riċevuta għandha tapplika, imma bla ħsara għal regoli speċifiċi stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 445/2002 tas-26 ta' Frar 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) [3], meta l-prezzijiet unitarji standard għal ċerti investimenti fis-settur tal-forestrija għandhom jiġu stabbiliti.

(7) Għal raġunijiet ta' ċarezza u konvenjenza, l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1685/2000 għandu jinbidel kollu kemm hu.

(8) Id-disposizzjonijiet regolatorji dwar pagamenti ġo fondi għal kapital spekulattiv, self u garanziji, u l-eliġibilità tal-VAT ħolqu diffikultajiet ta' interpretazzjoni.

(9) Wara li jkun ikkunsidrat il-prinċipju ta' trattament ugwali, u għall-għan li jitqiesu l-ispejjeż attribwibbli għal ħlasijiet finanzjarji transnazzjonali, ir-regoli rilevanti għandhom japplikaw retroattivament.

(10) Ir-Regolament (KE) Nru 1685/2000 kien mibdul skond dan bir-Regolament (KE) Nru 1145/2003. Meta ġie adottat dak ir-Regolament, madankollu, il-ħtiġijiet dwar il-proċedura ta' kumitat ma ġewx imħarsa fl-intier tagħhom u b'riżultat ir-Regolament (KE) Nru 1145/2003 għandu għalhekk jiġi irtirat.

(11) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-Konverżjoni tar-Reġjuni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1145/2003 huwa irtirat.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1685/2000 jinbidel bl-Anness ta' dan ir-Regolament

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-5 ta' Lulju 2003.

Il-punti li ġejjin fl-Anness għandhom japplikaw mill-5 ta' Awwissu 2000:

(a) fir-Regola 1, il-punti 1.3, 2.1, 2.2, u 2.3;

(b) fir-Regola 3, il-punt 1;

(ċ) fir-Regola 7, il-punti 1 sa 5.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-10 ta' Marzu 2004.

Għall-Kummissjoni

Michel Barnier

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 161, tas-26.06.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1105/2003 (ĠU L 158, tas-27.06.2003, p. 3).

[2] ĠU L 193, tad-29.7.2000. p. 39. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1145/2003 (ĠU L 160, tat-28.6.2003, p. 48).

[3] (3) ĠU L 74, tal-15.03.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 963/2003 (ĠU L 138, 05.06.2003, p. 32).

--------------------------------------------------

ANNESS

REGOLI DWAR L-ELIĠIBILITÀ

REGOLA Nru 1: Infiq attwalment imħallas

1. ĦLASIJIET MINN BENEFIĊJARJI FINALI

1.1. Ħlasijiet li jkunu saru minn benefiċjarji finali fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (hawn iżjed ’il quddiem ir-Regolament ġenerali) għandhom isiru fi flus bla ħsara għall-eċċezzjonijiet indikati fil-punt 1.5.

1.2. Fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna skond l-Artikolu 87 tat-Trattat u għajnuna mogħtija minn korpi nominati mill-Istati Membri, "ħlasijiet magħmula minn benefiċjarji finali" tfisser għajnuna mħallsa lil individwi li jkunu jirċievu minn għand korpi li jagħtu l-għajnuna.

1.3. Ħlasijiet ġo fondi ta’ kapital spekulattiv, self, u garanziji (inklużi venture capital holding funds) jiġu trattati bħala "spejjeż attwalment diġà mħallsa" fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ġenerali basta li l-fondi jħarsu l-ħtiġijiet tar-Regoli 8 u 9 rispettivament

1.4. F’każi għajr dawk imsemmija fil-punt 1,2, "ħlasijiet magħmula minn benefiċjarji finali" tfisser ħlasijiet magħmula minn korpi jew minn ditti pubbliċi jew privati tat-tip definiti f’dak li jkompli mal-programm skond l-Artikolu 18(3)(b) tar-Regola ġenerali u li jkunu direttament responsabbli għall-kummissjunar ta’ l-operazzjoni speċifika

1.5. Skond il-kondizzjonijiet preskritti fil-punti 1.6, 1.7 u 1.8, deprezzament, kontribuzzjonijiet mhux f’għamla ta’ flus u spejjeż ġenerali jistgħu wkoll jiffurmaw parti mill-ħlasijiet imsemmija fil-punt 1.1. Madankollu, il-ko-finanzjament mill-Fondi strutturali ta’ xi operazzjoni m’għandhomx jaqbżu t-total ta’ l-infiq eliġibbli, għajr kontribuzzjonijiet mhux f’għamla ta’ flus, fl-aħħar ta’ l-operazzjoni.

1.6. Id-deprezzament fuq proprjetà immobbli jew tagħmir li jkunu konnessi direttament mal-finijiet ta’ l-operazzjoni hu infiq eliġibbli, basta li:

(a) għotjiet nazzjonali jew tal-Komunità ma jkunux marru għax-xiri ta’ proprjetà immobbli jew tagħmir bħal dan;

(b) l-ammont ta’ deprezzament jinħadem skond ir-regoli rilevanti ta’ kontijiet; u

(ċ) l-ammont ikun esklusivament jirrelata għall-perjodu tal-ko-finanzjament ta’ l-operazzjoni in kwistjoni.

1.7. Meta mhux fl-għamla ta’ flus, kontribuzzjonijiet huma infiq eliġibbli basta li:

(a) ikunu jikkonsistu fi provvediment ta’ proprjetà immobbli, tagħmir jew materjal, riċerka jew attività professjonali, jew xogħol volontarju bla ħlas;

(b) ma jsirux fir-rigward ta’ miżuri finanzjarji ippjanati kif imsemmija fir-Regoli 8, 9 u 10

(ċ) il-valur tagħhom ikun jista’ jiġi assessjat u verifikat independentement;

(d) fil-każ ta’ provvediment ta’ art jew proprjetà immobbli, il-valur ikun ċertifikat minn stimatur kwalifikat jew korp uffiċjali debitament awtorizzat;

(e) fil-każ ta’ xogħol volontarju bla ħlas, il-valur ta’ dak ix-xogħol irid jiġi determinat wara li tkun ittieħdet konsiderazzjoni tal-ħin involut u u tar-rata normali ta’ kull siegħa u ta’ kuljum għax-xogħol li jkun twettaq

(f) id-disposizzjonijiet tar-Regoli 4, 5 u 6 ikunu mħarsa meta applikabbli.

1.8. Spejjeż ġenerali huma infiq eliġibbli basta li jkunu bażati fuq ammonti reali li jirrelataw għall-implimentazzjoni ta’ l-operazzjoni ko-finanzjata mill-Fondi Strutturali u li jkunu allokati pro rata għall-allokazzjoni, skond metodu ġust u ekwu debitament ġustifikat.

1.9. Id-disposizzjonijiet tal-punti 1.5 sa 1.8 huma applikabbli għal individwi riċevituri imsemmija fil-punt 1.2 fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna skond l-Artikolu 87 tat-Trattat u għajnuna mogħtija minn korpi nominati mill-Istati Membri.

1.10. L-Istati Membri jistgħu japplikaw regoli nazzjonali aktar stretti meta jikkalkolaw l-infiq eliġibbli skond il-punti 1.6, 1.7 u 1.8.

2. PROVA TA’ L-INFIQ

2.1. Bħala regola ġenerali, ħlasijiet minn benefiċjarji finali, dikjarati bħala ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali, għandhom ikunu sostnuti b’fatturi b’riċevuta. Meta dan ma jistax isir, ħlasijiet għandhom ikunu sostnuti b’dokumenti ta’ kontijiet ta’ valur probatorju ekwivalenti.

2.2. Dwar żvilupp rurali, id-disposizzjoni speċifikata fil-punt 2.1 tapplika bla ħsara għal regoli speċifiċi stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 445/2002 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar sostenn għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) għall-każ ta’ kif jinħadmu l-valuri unitarji standard għal ċerti investimenti fis-settur tal-forestrija.

2.3. Barra dan, meta jitwettqu operazzjonijiet fil-qafas ta’ proċeduri dwar provvisti pubbliċi ħlasijiet minn befiċjarji finali, dikjarati bħala ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali, għandhom ikunu sostnuti b’fatturi b’riċevuti maħruġa skond id-disposizzjonijiet tal-kuntratti ffirmati. Fil-każi l-oħra kollha, inklużi l-għotjiet ta’ għajnuniet pubbliċi, ħlasijiet minn benefiċjarji finali, dikjarati bħala ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ finali, iridu jkunu ġustifikati b’infiq li jkun attwalment sar (inkluż l-infiq imsemmi fil-punt 1.5) mill-korpi jew ditti pubbliċi jew privati konċernati fl-implimentazzjoni ta’ l-operazzjoni.

3. GĦOTI TA’ SUBAPPALTI

3.1. Bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali aktar stretti, infiq li għandu x’jaqsam mas-sottokuntratti li ġejjin mhuwiex eliġibbli għal ko-finanzjament mill-Fondi Strutturali:

(a) għoti ta’ subappalti li jżid man-nefqa tat-twettiq ta’ l-operazzjoni, mingħajr żieda ta’ valur proporzjonat għaliha;

(b) sottokuntratti ma’ intermedjarji jew konsulenti li fihom il-ħlas ikun imfisser bħala perċentwal ta’ l-ispiża kollha ta’ l-operazzjoni sakemm dan il-ħlas ma jkunx ġustifikat mill-benefiċjarju finali b’referenza għall-valur attwali tax-xogħol jew servizz li jkun ingħata.

3.2. Għas-sottokuntratti kollha, sottokuntratturi għandhom jintrabtu li jagħtu lill-korpi ta’ awdituri u kontroll l-informazzjoni kollha meħtieġa konnessa ma’ l-attivitajiet sottokuntrattati.

Regola Nru 2: Trattament ta’ riċevuti fil-kontijiet

1. "Riċevuti" għall-finijiet ta’ din ir-Regola jkopru d-dħul riċevut minn operazzjoni waqt il-perjodu li tkun qed tiġi ko-finanzjata jew matul xi perjodu itwal sa l-għeluq ta’ l-għajnuna skond kif ikun iffissat mill-Istat Membru, minn bejgħ, kirjiet, servizzi, ħlasijiet ta’ arrwolament jew xi dħul ieħor bl-eċċezzjoni ta’:

(a) dħul li nħoloq matul il-ħajja ekonomika ta’ l-investimenti ko-finanzjati u suġġett għad-disposizzjonijiet speċifiċi ta’ l-Artikolu 29(4) tar-Regolament ġenerali;

(b) dħul li nħoloq fil-qafas ta’ miżuri finzjarji ippjanati msemmija fir-Regoli 8, 9 u 10;

(ċ) kontribuzzjonijiet mis-settur privat għall-ko-finanzjament ta’ operazzjonijiet, li jidhru flimkien ma’ kontribuzzjonijiet pubbliċi fit-tabelli dwar finanzjament ta’ l-għajnuna rilevanti.

2. Dħul taħt il-punt 1 jirrappreżenta dħul li jnaqqas l-ammont ta’ ko-finanzjament mill-Fondi Strutturali li hu meħtieġ għall-operazzjoni in kwistjoni. Qabel ma jinħadem is-sehem tal-Fondi Strutturali u mhux iżjed tard mit-tmiem ta’ l-għeluq tal-perjodu ta’ l-għajnuna, dawn jitnaqqsu kollha kemm huma jew pro rata min-nefqa kollha eliġibbli ta’ l-operazzjoni, skond jekk inħolqux kollha kemm huma jew parti minnhom mill-operazzjoni ko-finanzjata.

Regola Nru 3: Piżijiet finanzjarji u oħrajn u spejjeż ġuridiċi

1. PIŻIJIET FINANZJARJI

Interessi ta’ debitu (ħlief infiq dwar sussidji fuq interessi biex inaqqsu l-prezz ta’ self għal negozji skond skema ta’ għajnuna Statali approvata), piżijiet dwar trnsazzjonijiet finanzjarji, kummissjonijiet u telf fuq kambji esteri, u spejjeż oħra purament finazjarji mhumiex eliġibbli għal ko-finanzjament mill-Fondi Strutturali. Madankollu, piżijiet dwar transazzjonijiet finanzjarji transnazzjonali f’għajnuna taħt il-Paċi II u l-Inizjattivi Komunitarji (. Barra dan, fil-każ ta’ għotjiet globali, piżijiet dwar interessi ta’ debitu mħallsa mill-intermedjarju nominat qabel il-ħlas tal-bilanċ finali ta’ l-għajnuna huma eliġibbli, wara li jitnaqqsu l-interessi riċevuti fuq ħlasijiet akkont..

2. PIŻIJIET BANKARJI FUQ KONTIJIET

Meta l-ko-finanzjament mill-Fondi Strutturali jeħtieġ il-ftuħ ta’ kont jew kontijiet separati għall-implimentazzjoni ta’ operazzjoni, il-piżijiet bankarji għall-ftuħ u l-amministrazzjoni tal-kontijiet, huma eliġibbli.

3. ĦLASIJIET ĠURIDIĊI DWAR PARIRI, ĦLASIJIET NOTARILI, L-ISPEJJEŻ TA’ L-ESPERTI TEKNIĊI JEW FINANZJARJI, L-ISPEJJEŻ TA’ L-ACCOUNTANCY U L-VERIFIKA

Dawn l-ispejjeż huma eliġibbli jekk ikunu direttament konnessi ma’ l-operazzjoni u meħtieġa għall-preparazzjoni jew l-implimentazzjoni tagħha jew, fil-każ ta’ l-ispejjeż ta’ accounting u verifika, jekk ikollhom x’jaqsmu ma’ talbiet magħmula mill-awtorit_ amministrattiva.

4. SPEJJEŻ DWAR GARANZIJI PROVDUTI MINN BANK JEW ISTITUZZJONIJIET FINANZJARJI OĦRA

Dawn l-ispejjeż huma eliġibbli sakemm il-garanziji jkunu meħtieġa mil-leġislazzjoni nazzjonali jew Komunitarja jew bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-għajnuna.

5. MULTI, PENALI FINANZJARJI U SPEJJEŻ TA’ LITIGAZZJONI

Dawn l-ispejjeż mhumiex eliġibbli.

Regola Nru 4: Xiri ta’ tagħmir użat

Il-prezz tax-xiri ta’ tagħmir użat hu eliġibbli għal ko-finanzjament mill-Fondi Strutturali bil-kondizzjonijiet li ġejjin bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali aktar stretti:

(a) il-bejjiegħ tat-tagħmir għandu jagħmel dikjarazzjoni li turi l-oriġini, u jikkonferma li fl-ebda ħin matul is-seba’ snin ta’ qabel ma nxtara bl-għajnuna ta’ xi għotjiet nazzjonali jew Komunitarji;

(b) il-prezz tat-tagħmir m’għandux jaqbeż il-prezz tas-suq tiegħu u għandu jkun inqas mill-prezz ta’ tagħmir ġdid bħalu; u

(ċ) it-tagħmir għandu jkollu l-karatteristiċi tekniċi neċessarji għall-operazzjoni u jkun konformi man-normi u standards applikabbli.

Regola Nru 5: Xiri ta’ Art

1. REGOLA ĠENERALI

1.1. Il-prezz tax-xiri ta’ art mhux mibnija għandu jkun eliġibbli għal ko-finanzjament mill-fondi Strutturali bit-tliet kondizzjonijiet li ġejjin bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali aktar stretti:

(a) għandu jkun hemm konnessjoni diretta bejn ix-xiri ta’ art u l-finijiet ta’ l-operazzjoni ko-finanzjata;

(b) ħlief għall-każi deskritti fil-punt 2, ix-xiri ta’ art m’għandux jirrappreżenta aktar minn 10 % tan-nefqa kollha eliġibbli ta’ l-operazzjoni, sakemm ma jkunx iffissat perċentwal ogħla ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni;

(ċ) għandu jinkiseb ċertifikat minn stimatur indipendenti kwalifikat jew korp uffiċjali debitament awtorizzat li jikkonferma li l-prezz tax-xiri ma jaqbiżx dak tas-suq.

1.2. Fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna skond l-Artikolu 87 tat-Trattat, l-eliġibilità tax-xiri ta’ art għandha tkun stmata f’termini ta’ l-iskema ta’ għajnuna fit-totalità tagħha.

2. OPERAZZJONIJIET TA’ KONSERVAZZJONI TA’ L-AMBJENT

Dwar operazzjonijiet ta’ konservazzjoni ambjentali, il-kondizzjonijiet kollha indikati hawn taħt għandhom jiġu mħarsa biex in-nefqa tkun eliġibbli:

- ix-xiri ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni posittiva ta’ l-awtorità aministrattiva,

- l-art tkun qiegħda hemm għall-użu maħsub għal perjodu determinat f’dik id-deċiżjoni,

- l-art ma tkunx ta’ użu agrikolu ħlief f’każi debitament ġustifikati aċċettati mill-awtorità amministrattiva,

- ix-xiri jsir minn, jew f’isem istituzzjoni pubblika jew korp regolat b’liġi pubblika.

Regola Nru 6: Xiri ta’ proprjetà immobbli

1. REGOLA ĠENERALI

Il-prezz tax-xiri ta’ proprjetà immobbli, i.e. bini diġà eżistenti u l-art li jkun mibni fuqha, ikun eliġibbli għal ko-finanzjament mill-Fondi Strutturali jekk ikun hemm konnesjoni diretta bejn ix-xiri u l-għanijiet ta’ l-operazzjoni konċernata skond il-kondizzjonijiet preskritti fil-punt 2 bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali aktar stretti

2. TERMINI DWAR ELIĠIBILITÀ

2.1. Għandu jinkiseb ċertifikat minn stimatur kwalifikat indipendenti jew korp uffiċjali debitament awtorizzat li jistabbilixxi li l-prezz ma’ jaqbiżx dak tas-suq, u li jikkonferma li l-bini jkun konformi mar-regoli nazzjonali jew li jispeċifika l-punti li ma jkunux konformi meta r-rettifika tagħhom mill-benefiċjarju finali tkun prevista fl-operazzjoni.

2.2. Il-bini ma jkunx irċieva, fl-għaxar snin ta’ qabel, xi għotja nazzjonali jew Komunitarja li tikkawża duplikazzjoni ta’ għajnuna fil-każ ta’ ko-finanzjament tax-xiri mill-Fondi Strutturali.

2.3. Il-proprjetà immobbli għandha tintuża għal dak il-għan u matul il-perjodu deċiż mill-awtorità amministrattiva.

2.4. Il-bini jista’ jintuża biss f’konformità ma’ l-għanijiet ta’ l-operazzjoni. B’mod partikolari, il-bini jista’ jintuża biex jakkomoda servizzi ta’ amministrazzjoni pubblika biss meta użu bħal dan ikun konformi ma’ l-attivitajiet eliġibbli tal-Fond Strutturali konċernat.

Regola Nru 7: VAT u taxxi u piżijiet oħra

1. Il-VAT ma tikkostitwix nefqa eliġibbli ħlief meta tkun ġenwinament u definittivament imħallsa mill-benefiċjarju finali, jew ir-riċevitur individwali fi ħdan l-iskemi ta’ għajnuna skond l-Artikolu 87 tat-Trattat u fil-każ ta’ għajnuna mogħtija mill-korpi nominati mill-Istati Membri. VAT li tista’ tittieħed lura, bi kwalunkwe mezz, ma tistax tiġi meqjusa eliġibbli, anke jekk ma tkunx attwalment ittieħdet lura mill-benefiċjarju finali jew l-riċevitur individwali L-istatus pubbliku jew privat tal-benefiċjarju finali jew ir-riċevitur individwali ma jitqiesx meta jkun qed jiġi stabbilit jekk il-VAT tikkostitwix infiq eliġibbli fl-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ din ir-regola.

2. VAT li ma tistax tittieħed lura mill-benefiċjarju finali jew ir-riċevitur individwali permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali speċifiċi tikkostitwixxi infiq eliġibbli biss meta regoli bħal dawn ikunu jikkonformaw kompletament mas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar il-VAT [1].

3. Meta l-benefiċjarju finali jew l-riċevitur individwali ikun suġġett għal skema b’rata uniformi taħt it-Titolu XIV tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar il-VAT, il-VAT imħallsa titqies li tista’ tittieħed lura għall-finijiet tal-punt 1.

4. Ko-finanzjament Komunitarju ma jistax jaqbeż l-infiq kollu eliġibbli mingħajr il-VAT, bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 29(6) tar-Regolament ġenerali.

5. Taxxi u piżijiet oħra (partikolarment taxxi diretti u kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali fuq pagi u salarji) li jinħolqu minn ko-finanzjament mill-Fondi Strutturali ma jikkostitwux infiq eliġibbli ħlief meta jkunu ġenwinement u definittivament imħallsa mill-benefiċjarju finali jew ir-riċevitur individwali.

Regola Nru 8: Kapital spekulattiv u fondi ta’ self

1. REGOLA ĠENERALI

Il-Fondi Strutturali jistgħu jikko-finanzjaw il-kapital ta’ kapital spekulattiv u/jew fondi ta’ self jew fondi holding ta’ kapital spekulattiv taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’punt 2. Għal l-għan ta’ dan ir-Regolamnet, "fondi u fondi ta’ self ta’ kapital Spekulattiv" tfisser vettura ta’ investiment stabbilita speċifikamnet biex tiprovdi equity jew forma ta’ riskju ta’ oħra kapitali, inkluzi delf, fuq intrapriżi żgħar u ta daqs medju kif definit fir-Rekomandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE [2] kif l-żħħar emendata bir-Rekomandazzjoni tas-6 ta’ Mejju 2003. "Fondi holding tal-kapital Spekulattiv" tfisser fondi stabbilti biex jinvestu f’diversi kapitali spekulattivi u fondi ta’ self. Il-parteċipazzjoni tal-Fondi Strutturali tista tkun akkumpanjata b’ko-investimenti jew garanziji minn strumenti oħra ta’ finanzjar tal-Komunità.

2. KONDIZZJONIJIET

2.1. Pjan prudenti ta’ negozju għandu jintbagħat minn ko-finanzieri jew sponsors tal-fond li jispeċifika, fost affarijiet oħra, is-suq fil-mira, il-kriterji, termini u kondizzjonijiet tal-finanzjament, il-budget operattiv tal-fond, is-sieħba sidien u ko-finanzieri, il-professjonaliżmu, kompetenza u indipendenza ta’ l-amministrazzjoni, il-liġijiet lokali tal-fond, il-ġustifikazzjoni u l-utilizzazzjoni maħsuba tal-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali, il-politika ta’ ħruġ mill-investiment, u d-dispożizzjonijiet dwar xoljiment tal-fond, inkluża l-utilizzazzjoni mill-ġdid ta’ dħul lura attribwibbli għall-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali. Il-pjan ta’ dħul u nfiq għandu jkun analizzat sew u l-implimentazzjoni tiegħu monitorjata minn jew taħt ir-responsabbiltà ta’ l-awtorità amministrattiva.

2.2. Il-fond għandu jiġi stabbilit bħala entità ġuridika indipendenti regolata bi ftehim bejn id-detenturi ta’ l-ishma jew bħala blokk finanzjarju separat fi ħdan istituzzjoni finanzjarja eżistenti. Fil-każ ta’ l-aħħar il-fond għandu jkun suġġett għal ftehim separat dwar l-implimentazzjoni, li jistipula b’mod partikolari iż-żamma ta’ kontijiet separati li jiddistingwu bejn ir-riżorsi ġodda investiti fil-fond (inklużi dawk kontribwiti mill-Fondi Strutturali) u dawk li inizjalment kienu disponibbli fl-istituzzjoni. Il-parteċipanti kollha fil-fond għandhom jagħmlu l-kontribuzzjoni tagħhom bi flus kontanti.

2.3. Il-Kummissjoni ma tistax tkun sieħba jew ikollha ishma fil-fond.

2.4. Il-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali għandha tkun suġġetta għal-limiti preskriti fl-Artikolu 29(3) u (4) tar-Regolament ġenerali.

2.5. Fondi jistgħu jinvestu biss f’SMEs fl-istabbiliment tagħhom, fl-istadji tal-bidu (inkluż kapital ta’ l-avvjament) u f’espansjoni u biss f’attivitajiet li l-amministraturi tal-fondi jidhrilhom li huma potenzalment vijabbli. L-istima ta’ vijabilità għandha tqis l-għejun kollha ta’ dħul ta’ l-intrapriżi in kwistjoni. Fondi m’għandhomx jinvestu f’ditti f’diffikultà fis-sens tal-Linjigwida tal-Komunità dwar għajnuna Statali biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà [3].

2.6. Għandhom jittieħdu prekawzjonijiet biex titnaqqas kemm jista’ jkun id-distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq ta’ kapital spekulattiv jew ta’ self. B’mod partikolari d-dħul minn investimenti ta’ kapital u self (bit-tnaqqis tas-sehem pro rata ta’ l-ispejjeż amministrattivi) jista’ jkun preferenzalment allokat lid-detenturi ta’ ishma tas-settur privat sal-livell ta’ rimunerazzjoni preskritt fil-ftehim tad-detentur ta’ l-ishma, u wara dak, għandu jiġi allokat proporzjonatament bejn id-detenturi kollha ta’ l-ishma u l-Fondi Strutturali. Dħul lura fil-fond attribwibbli għall-kontribuzzjonijiet tal-Fondi Strutturali għandu jerġgħa jiġi wżat għal attivitajiet ta’ żvilupp ta’ SMEs fl-istess qasam eliġibbli.

2.7. Spejjeż ta’ amministrazzjoni m’għandhomx jaqbżu l-5 % tal-kapital imħallas per sald fuq medja annwali għal kemm iddum l-għajnuna ħlief jekk, wara sejħa kompetittiva għal offerti għal xogħol bl-appalt, ikun jinħtieġ perċentwal ogħla..

2.8. Fil-ħin ta’ l-għeluq ta’ l-operazzjoni, l-infiq eliġibbli tal-fond (il-benefiċjarju finali) għandu jkun il-kapital tal-fond li jkun investit fi, jew misluf lil SMEs, inklużi l-ispejjeż amministrattivi li jkunu nħolqu.

2.9. Kontribuzzjonijiet għal fondi mill-Fondi Strutturali u għejun pubbliċi oħra, kif ukoll l-investimenti magħmula minn fondi f’SMEs individwali, huma suġġetti għar-regoli dwar l-għajnuna Statali.

3. RAKKOMANDAZZJONIJIET

3.1. Il-Kummissjoni tirrakkomanda l-istandards ta’ prattika tajba preskritti fil-punti 3.2 sa 3.6 għal fondi li jikkontribwixxu għalihom il-Fondi Strutturali. Il-Kummissjoni tikkunsidra t-tħaris ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet bħala element posittiv meta teżamina l-kompatibilità tal-fond mar-regoli dwar għajnuna Statali. Ir-rakkomandazzjonijiet ma jorbtux għall-finijiet ta’ eliġibilità ta’ infiq.

3.2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tas-settur privat għandha tkun sostanzjali, u ’l fuq minn 30 %.

3.3. Fondi għandhom ikunu kbar biżżejjed u jkopru popolazzjoni immirata kbira biżżejjed biex jiżguraw li l-operazzjonijiet tagħhom ikunu potenzalment ekonomikament vijabbli, fuq skala ta’ żmien għal investimenti kompatibbli mal-perjodu tal-parteċipazzjoni tal-Fondi Strutturali, u li jiffokaw fuq setturi ta’ falliment tas-suq.

3.4. L-għażla ta’ ħin għal ħlasijiet ta’ kapital fil-fond għandha tkun l-istess ħin għall-Fond Strutturali u d-detenturi ta’ l-ishma, u pro rata skond l-ammonti sottoskritti.

3.5. Fondi għandhom ikunu amministrati minn gruppi professjonali indipendenti b’esperjenza suffiċjenti fil-kummerċ li turi l-ħila meħtieġa u kredibilità biex jamministraw fond ta’ kapital spekulattiv. Gruppi amministrattivi għandhom jintgħażlu fuq bażi ta’ proċess ta’ għażla kompetittiva, waqt li jitqies il-livell ta’ imposti li jkunu maħsuba..

3.6. Normalment fondi m’għandux ikollhom maġġoranza ta’ ishma f’ditti u għandu jkollhom l-għan li jissarfulhom l-investimenti kollha fi żmien il-ħajja tal-fond.

Regola Nru 9: Fondi ta’ garanzija

1. REGOLA ĠENERALI

Il-Fondi Strutturali jistgħu jikko-finanzjaw il-kapital ta’ fondi ta’ garanzija bil-kondizzjonijiet preskritti fil-punt 2. Għall-finijiet ta’ din ir-Regola, "Fondi ta’ garanzija" tfisser strumenti finanzjarji li jiggarantixxu kapital spekulattiv u fondi ta’ self fis-sens tar-Regola Nru 8 u skemi oħra dwar riskju ta’ finanzjament ta’ SMEs (inkluż self) kontra telf minn investimenti tagħhom f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif imfisser fir-rakkomandazzjoni 96/280/KE kif emendata l-aħħar bir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003. Il-fondi jistgħu ikunu fondi reċiproċi sostnuti pubblikament u sottoskritti minn SMEs, fondi amministrati kummerċjalment b’sieħba mis-settur privat, jew fondi iffinanzjati totalment minn għejun pubbliċi Il-parteċipazzjoni tal-Fondi Strutturali f’fondi tista’ tkun akkumpanjata minn garanziji parzjali provduti bi strumenti finanzjarji oħra tal-Komunità.

2. KONDIZZJONIJIET

2.1. Pjan għaqli ta’ negozju għandu jintbagħat mill-ko-finanzieri jew sponsors tal-fond bl-istess mod bħal fil-każ ta’ fondi ta’ kapital spekulattiv (Regola Nru 8), mutatis mutandis, u jispeċifika l-portafoll ta’ garanzija fil-miraIl-pjan tan-negozju għandu jkun analizzat sew u l-implimentazzjoni tiegħu monitorjata minn jew taħt ir-responsabbiltà ta’ l-awtorità amministrattiva.

2.2. Il-fond għandu jiġi stabbilit bħala entità ġuridika indipendenti regolat bi ftehim bejn id-detenturi ta’ l-ishma jew bħala blokk finanzjarju separat f’istituzzjoni finanzjarja eżistenti. Fil-każ ta’ l-aħħar il-"fond" għandu jkun suġġett għal ftehim separat dwar l-implimentazzjoni, li jistipula b’mod partikolari iż-żamma ta’ kontijiet separati li jiddistingwu bejn ir-riżorsi ġodda investiti fil-fond (inklużi dawk kontribwiti mill-Fondi Strutturali) u dawk li inizjalment kienu disponibbli fl-istituzzjoni.

2.3. Il-Kummissjoni ma tistax issir sieħba jew azzjonista tal-fond.

2.4. Fondi jistgħu biss jiggarantixxu investimenti f’attivitajiet meqjusa bħala ekonomikament u potenzalment vijabbli. Fondi m’għandhomx jipprovdu garanziji għal ditti f’diffikultajiet fis-sens tal-linji ta’ gwida tal-Komunità dwar għajnuna Statali biex ikunu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultajiet.

2.5. Kull parti li jkun baqa’ minn kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali wara li l-garanziji jkunu ġew onorati għandha terġgħa tintuża f’attivitajiet ta’ żvilupp ta’ SMEs fl-istess qasam eliġibbli.

2.6. L-ispejjeż ta’ l-amministrazzjoni m’għandhomx jaqbżu t-2 % tal-kapital imħallas b’sald fuq medja annwali għal matul l-għajnuna ħlief jekk, wara sejħa kompetittiva għal offerti għal xogħol bl-appalt, ikun meħtieġ perċentwal ogħla.

2.7. Fil-ħin ta’ l-għeluq ta’ l-operazzjoni, l-infiq eliġibbli tal-fond (il-benefiċjarju finali) għandu jkun l-ammont ta’ kapital meħtieġ tal-fond imħallas bis-sald, fuq il-bażi ta’ verifika indipendenti, biex ikopri l-garanziji provduti inklużi l-ispejjez amministrattivi li jkunu nqalgħu.

2.8. Kontribuzzjonijiet għal fondi ta’ garanzija mill-Fondi Strutturali u għejun pubbliċi oħra, kif ukoll il-garanziji provduti minn dawn il-fondi lil SMEs individwali huma suġġetti għar-regoli dwar għajnuna Statali.

Regola Nru 10: Kiri b’lokazzjoni

1. REGOLA ĠENERALI

Spejjeż li għandhom x’jaqsmu ma’ operazzjonijiet ta’ kiri b’lokazzjoni huma eliġibbli għal ko-finanzjament mill-Komunità mill-Fondi Strutturali bla ħsara għar-regoli preskritti fil-punti 2 sa 4.

2. GĦAJNUNA PERMEZZ TA’ LOKATUR

2.1. Il-lokatur hu r-riċevitur dirett tal-ko-finanzjament mill-Komunità li jintuża biex jonqsu l-ħlasijiet tal-kera b’lokazzjoni magħmula mil-lokatarju dwar assi koperti bil-kuntratt ta’ lokazzjoni.

2.2. Kuntratti ta’ lokazzjoni li għalihom titħallas għajnuna Komunitarja għandhom jinkludu għażla ta’ xiri jew jiddisponu għal perjodu minimu ta’ lokazzjoni ugwali għal dak ta l-attiv li għalih jirrelata l-kuntratt.

2.3. Meta kuntratt ta’ lokazzjoni jintemm qabel ma jkun għadda l-perjodu minimu tal-lokazzjoni mingħajr l-approvazzjoni minn qabel ta’ l-awtoritajiet kompetenti, il-lokatur għandu jintrabat li jħallas lura lill-awtoritaijet nazzjonali kompetenti konċernati (għall-kreditu tal-fond approprjat) dik il-parti ta’ l-għajnuna tal-Komunità li tikkorrispondi għall-kumplament tal-perjodu ta’ lokazzjoni.

2.4. Ix-xiri ta’ l-attiv mil-lokatur, sostnut b’fattura b’riċevuta jew b’dokument ta’ kontijiet ta’ valur probatorju ugwali, jikkostitwixxi l-infiq eliġibbli għal ko-finanzjament. L-akbar ammont eliġibbli għal ko-finanzjament mill-Komunità m’għandux jaqbeż il-valur fis-suq ta’ l-attiv mogħti b’lokazzjoni.

2.5. Spejjeż konnessi mal-kuntratt ta’ lokazzjoni (notevolment taxxa, il-marġni tal-lokatur, spejjeż ta’ interessi fuq finanzjament mill-ġdid, spejjeż ġenerali, ħlasijiet ta’ assigurazzjoni), għajr l-infiq imsemmi fil-punt 2.4, mhumiex infiq eliġibbli.

2.6. Għajnuna Komunitarja mħallsa lill-lokatur għandha tintuża kollha kemm hi għall-benefiċċju tal-lokatarju permezz ta’ tnaqqis uniformi mill-kirjiet tal-lokazzjoni għal kemm idum il-perjodu tal-lokazzjoni.

2.7. Il-lokatur għandu juri li l-benefiċċju ta’ l-għajnuna tal-Komunità għandu jiġi trasferit kollu kemm hu lill-lokatarju billi tkun stabbilita analiżi bid-dettalji ta’ ħlasijiet ta’ kera jew b’xi metodu ieħor li jagħti assigurazzjoni ekwivalenti.

2.8. L-ispejjeż imsemmija fil-punt 2.5, l-użu ta’ kull benefiċċju fiskali li joħroġ minn operazzjoni ta’ lokazzjoni, u kondizzjonijiet oħra tal-kuntratt għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli fin-nuqqas ta’ xi intervent finanzjarju mill-Komunità

3. GĦAJNUNA LILL-LOKATARJU

3.1. Il-lokatarju hu r-riċevitur dirett tal-ko-finanzjament mill-Komunità

3.2. Il-kirjiet tal-lokazzjoni mħallsa lill-lokatur mill-lokatarju, flimkien ma’ fattura b’riċevuta jew dokument tal-kontijiet b’valur probatorju ekwivalenti, jikkostitwixxu infiq eliġibbli gal ko-finanzjament.

3.3. Fil-każ ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni li jinkludu għażla ta’ xiri jew li jiddisponu għal perjodu minimu ta’ lokazzjoni ugwali għall-ħajja utli ta’ l-attiv li għalih jirrelata l-kuntratt, l-akbar ammont eliġibbli għal ko-finanzjament mill-Komunità m’għandux jaqbeż il-valur fis-suq ta’ l-attiv mikri b’lokazzjoni. Spejjeż oħra konnessi mal-kuntratt ta’ lokazzjoni (taxxa, il-marġni tal-lokatur, spejjeż ta’ interessi fuq finanzjar mill-ġdid, spejjeż ġenerali, spejjeż ta’ assigurazzjoni, eċċ.) mhumiex infiq eliġibbli

3.4. L-għajnuna tal-Komunità dwar kuntratti ta’ lokazzjoni imsemmija fil-punt 3.3 titħallas lill-lokatarju f’pagament wieħed jew iżjed fir-rigward ta’ kirjiet b’lokazzjoni effettivament imħallsa. Meta t-terminu tal-kuntratt b’lokazzjoni jaqbeż l-aħħar data li fiha jitqiesu ħlasijiet ta’ għajnuna Komunitarja, l-ispejjeż biss dwar il-kirjiet b’lokazzjoni li jkun għalqilhom iż-żmien u tħallsu mill-lokatarju sa l-aħħar data ta’ ħlas ta’ għajnuna jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli.

3.5. Fil-każ ta’ kuntratti b’lokazzjoni li ma jkunx fihom għażla għax-xiri u li ż-żmien tagħhom huwa inqas mill-perjodu tal-ħajja utli ta’ l-attiv li għalih jirrelata l-kuntratt b’lokazzjoni, il-kirjiet tal-lokazzjoni huma eliġibbli għal ko-finanzjament mill-Komunità proporzjonatament għall-perjodu ta’ l-operazzjoni eliġibbli. Madankollu, il-lokatarju irid ikun f’posizzjoni li juri li l-kiri b’lokazzjoni kien l-aktar mod effettiv mill-aspett ta’ spejjeż biex jinkiseb l-użu tat-tagħmir. Meta l-ispejjeż kienu jkunu inqas kieku intuża metodu alternattiv (per eżempju kiri ta’ tagħmir), l-ispejjeż addizzjonali għandhom jitnaqqsu mill-infiq eliġibbli

3.6. L-Istati Membri jistgħu japplikaw regoli nazzjonali aktar stretti biex jikkalkolaw l-infiq eliġibbli skond il-punti 3.1 sa 3.5.

4. BEJGĦ U TEĦID LURA B’LOKAZZJONI

Kirjiet ta’ lokazzjoni imħallsa minn lokatarju skond skema ta’ bejgħ u teħid lura b’lokazzjoni jistgħu ikunu infiq eliġibbli skond ir-regoli preskritti fil-punt 3. L-ispejjeż biex jinkiseb l-attiv mhumiex eliġibbli għal ko-finanzjament mill-Komunità

Regola Nru 11: Spejjeż ta’ amministrazzjoni u ta’ implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali

1. REGOLA ĠENERALI

Spejjeż li jkunu għamluhom l-Istati Membri fl-amministrazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-Fondi Strutturali mhumiex eliġibbli għal ko-finanzjament ħlief kif previst fil-punt 2 u li jaqgħu taħt il-kategoriji preskritti fil-punt 2.1.

2. KATEGORIJI TA’ SPEJJEŻ TA’ AMMINISTRAZZJONI, IMPLIMENTAZZJONI, MONITORAĠĠ U KONTROLL ELIĠIBBLI GĦAL KO-FINANZJAMENT

2.1. Il-kategoriji ta’ spejjeż li ġejjin huma eliġibbli għal ko-finanzjament b’għajnuna skond il-kondizzjonijiet preskritti fil-punti 2.2 sa 2.7:

- infiq li għandu x’jaqsam mal-preparazzjoni, għażla, analiżi u monitoraġġ ta’ l-għajnuna u ta’ l-operazzjonijiet (imma mhux spejjeż dwar il-ksib u l-istallazzjoni ta’ sistemi kompjuterizzati għal amministrazzjoni, monitoraġġ u valutazzjoni),

- infiq fuq laqgħat ta’ kumitati u sotto-kumitati ta’ monitoraġġ li għandhom x’jaqsmu ma’ l-implimentazzjoni ta’ għajnuna. Dan l-infiq jista’ jinkludi wkoll l-ispejjeż ta’ esperti, inklużi parteċipanti minn pajjiżi terzi, meta l-president ta’ dawn il-kumitati jidhirlu li l-preżenza tagħhom hi essenzali għall-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna,

- infiq konness mal-verifika u kontrolli ta’ operazzjonijiet fuq il-post.

2.2. Infiq fuq salarji inklużi kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali hu eliġibbli biss fil-każi li ġejjin:

(a) impjegati taċ-ċivil jew uffiċjali pubbliċi oħra sekondati b’deċiżjoni debitament dokumentata ta’ l-awtorità kompetenti biex iwettqu xogħolijiet imsemmija fil-punt 2.1;

(b) persunal ieħor impjegati biex iwettqu xogħolijiet imsemmija fil-punt 2.1.

Il-perjodu ta’ sekondar jew impieg ma jistax jaqbeż id-data finali għall-eliġibilità ta’ infiq preskritta fid-deċiżjoni li tapprova l-għajnuna.

2.3. Il-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali għall-infiq taħt il-punt 2.1 għandha tkun limitata għal ammont massimu li għandu jiġi stabbilit fl-għajnuna approvata mill-Kummissjoni u m’għandux jaqbeż il-limiti preskritti fil-punti 2.4 sa 2.5.

2.4. Dwar kull għajnuna, ħlief l-Inizjattivi Komunitarji, il-programm speċjali Paċi II u azzjonijiet innovattivi, il-limitu għandu jkun is-somma ta’ l-ammonti li ġejjin:

- 2,5 % ta’ dik il-parti mill-kontribuzzjoni kollha tal-Fondi Strutturali inqas minn jew ugwali għal EUR 100 miljun,

- 2 % ta’ dik il-parti mill-kontribuzzjoni kollha tal-Fondi Strutturali li taqbeż il-EUR 100 miljun iżda hi inqas minn jew ugwali għal EUR 500 miljun,

- 1 % ta’ dik il-parti mill-kontribuzzjoni kollha tal-Fondi Strutturali li taqbeż l-EUR 500 miljun iżda hi inqas minn jew ugwali għal EUR 1000 miljun,

- 0,5 % ta’ dik il-parti mill-kontribuzzjoni kollha tal-Fondi Strutturali li taqbeż l-EUR 1000 miljun.

2.5. Dwar l-Inizjattivi Komunitarji, l-azzjonijiet innovattivi u l-programm speċjali Paċi II, il-limitu għandu jkun ta’ 5 % tal-kontribuzzjoni kollha tal-Fondi Strutturali. Meta għajnuna bħal din tinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ iktar minn Stat Membru wieħed il-limitu jista’ jiżdied biex jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-ispejjeż ogħla ta’ l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni u jiġi stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

2.6. Għall-finijiet tal-kalkolazzjoni ta’ l-ammont tal-limiti fil-punti 2.4 u 2.5, il-kontribuzzjoni kollha tal-Fondi Strutturali għandha tkun it-total stabbilit għal kull għajnuna approvata mill-Kummissjoni.

2.7. L-implimentazzjoni tal-punti 2.1 sa 2. 6 ta’ din ir-Regola għanda tiġi miftehma bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u titniżżel fl-għajnuna. Ir-rata tal-kontribuzzjoni għandha tiġi stabbilita skond l-Artikolu 29(7) tar-Regolament Ġenerali. Għall-finijiet ta’ monitoraġġ, l-ispejjeż imsemmija fi 2.1 għandhom ikunu s-suġġett ta’ miżura jew sub-miżura għaliha fl-għajnuna teknika.

3. INFIQ IEĦOR TAĦT L-GĦAJNUNA TEKNIKA

Azzjonijiet li jistgħu ikunu ko-finanzjati taħt l-għajnuna teknika, għajr dawk preskritti fil-punt 2 (bħal studji, seminars, azzjonijiet ta’ informazzjoni, valutazzjoni, u l-kisba u l-istallazzjoni ta’ sistemi kompjuterizzati ta’ amministrazzjoni, monitoraġġ u valutazzjoni), mhumiex suġġetti għall-kondizzjonijiet preskritti fil-punti 2.4 sa 2.6. Infiq fuq salarji ta’ impjegati taċ-ċivil jew uffiċjali pubbliċi oħra fit-twettiq ta’ dawn l-azzjonijiet mhuwiex eliġibbli.

4. INFIQ MINN AMMINISTRAZZJONIJIET PUBBLIĊI RELATAT MAT-TWETTIQ TA’ OPERAZZJONIJIET

L-infiq li ġej ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi hu eliġibbli għal ko-finanzjament barra mill-għajnuna teknika jekk ikun relatat mat-twettiq ta’ operazzjoni basta li ma jkunx dovut għal responsabbiltajiet statutorji ta’ l-awtorità pubblika jew ta’ l-amministrazzjoni, monitoraġġ u xogħolijiet ta’ kontroll ta’ kuljum ta’ l-awtorità:

(a) spejjeż ta’ servizzi professjonali mogħtija minn servizz pubbliku fl-implimentazzjoni ta’ xi operazzjoni. L-ispejjeż għandhom ikunu fatturati lil xi benefiċjarju finali (pubbliku jew privat) jew ċertifikati fuq il-bażi ta’ dokumenti ta’ valur probatorju ekwivalenti li jippermetti l-identifikazzjoni ta’ spejjeż attwali mħallsa mis-servizz pubbliku ikkonċernat fir-rigward ta’ dik l-operazzjoni;

(b) spejjeż ta’ l-implimentazzjoni ta’ operazzjoni, inkluż l-infiq relatat mal-provvediment ta’ servizzi, imħallsa minn awtorità pubblika li hi stess tkun benefiċjarja finali u li tkun qed twettaq operazzjoni għal rasha mingħajr rikors għal inġinieri barranin jew ditti oħra. L-infiq ikkonċernat għandu jkun jirrelata għal infiq attwalment u direttament imħallas fl-operazzjoni ko-finanzjata u għandu jkun ċertifikat fuq il-bażi ta’ dokumenti li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ spejjeż attwali mħallsa mis-servizz pubbliku konċernat fir-rigward ta’ dik l-operazzjoni.

Regola Nru 12: Eliġibilità ta’ operazzjonijiet li jiddependu mill-post fejn isiru

1. REGOLA ĠENERALI

Bħala regola ġenerali, operazzjonijiet ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali għandhom isiru fir-reġjun li għalih tirrelata l-għajnuna.

2. EĊĊEZZJONI

2.1. Meta r-reġjun li għalih tirrelata l-għajnuna jibbenefika totalment jew parzjalment minn operazzjoni li tkun qed issir barra minn dak ir-reġjun, l-operazzjoni tista’ tiġi aċċettata mill-awtorità amministrattiva għal ko-finanzjament basta li l-kondizzjonijiet kollha preskritti fil-punti 2.2 sa 2.4 ikunu mħarsa. F’każi oħra operazzjoni tista tiġi aċċettata bħala eliġibbli għal ko-finanzjament skond il-proċedura fil-punt 3. Għal operazzjonijiet finanzjati taħt l-Istrument Finanzjarju għal Gwida tas-Sajd (FIFG), il-proċedura taħt il-punt 3 trid dejjem tiġi segwita.

2.2. L-operazzjoni trid issir f’żona tal-NUTS III ta’ l-Istat Membru li jkun imiss l-ewwel mar-reġjun li għalih tirrelata l-għajnuna.

2.3. L-ogħla infiq eliġibbli ta’ l-operazzjoni jinħadem pro rata skond il-proporzjon tal-benefiċċji mill-operazzjoni li jkun previst li se jgawdi r-reġjun u għandu jkun bażat fuq valutazzjoni ta’ korp li jkun indipendenti mill-awtoritaà amministrattiva. Il-benefiċċji jiġu stmati f’konsiderazzjoni tal-miri speċifiċi ta’ l-għajnuna u l-impatt mistenni tagħha. L-operazzjoni ma tistax tiġi aċċettata għal ko-finanzjament meta l-proporzjon tal-benefiċċji jkun inqas minn 50 %.

2.4. Għal kull miżura ta’ għajnuna, l-infiq eliġibbli ta’ l-operazzjonijiet aċċettati taħt il-punt 2.1 m’għandux jaqbeż l-10 % tat-total ta’ l-infiq eliġibbli tal-miżura. Barra dan, l-infiq eliġibbli ta’ l-operazzjonijiet kollha fl-għajnuna aċċettata skond il-punt 2.1 m’għandux jaqbeż il-5 % ta’ l-infiq kollu eliġibbli għall-għajnuna.

2.5. Operazzjonijiet aċċettati mill-awtorità amministrattiva skond il-punt 2.1 għandhom ikunu indikati fir-rapport annwali u dak dwar l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna.

3. KAŻI OĦRA

Fil-każ ta’ operazzjonijiet barra r-reġjun li għalihom tirrelata l-għajnuna iżda li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet fil-punt 2, u ta’ operazzjonijiet finanzjati mill-FIFG, l-aċċettazzjoni ta’ l-operazzjoni ta’ ko-finanzjament għandha tkun suġġetta għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ każ każ wara talba magħmula minn Stat Membru, waqt li jitqiesu b’mod partikolari il-viċinanza ta’ l-operazzjoni lejn ir-reġjun, il-livell tal-benefiċċju li jista’ jkun previst, u l-ammont ta’ l-infiq fi proporzjon ta’ l-infiq kollu tal-miżura u ta’ l-għajnuna. Fil-każ ta’ għajnuna relatata mar-reġjuni ’l aktar ’il barra, il-proċedura f’dan il-punt għandha tkun applikabbli.

[1] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1.

[2] ĠU L 107, tat-30.04.1996, p. 4.

[3] ĠU C 288, 09.10.1999, p. 2.

--------------------------------------------------

ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 1685/2000 | Regolament li jemenda |

Artikolu 1 | Artikolu 1, modifikat |

Artikolu 2 | Artikolu 2, modifikat |

Anness | Anness I |

Regola 1 | Regola 1, modifikata |

Punt 1.1 | Punt 1.1, modifikat |

| Punt 1.3, ġdid |

Punt 1.3 | Punt 1.4 |

Punt 1.4 | Punt 1.5 |

Punt 1.5 | Punt 1.6 |

Punt 1.6 | Punt 1.7 |

Punt 1.7 | Punt 1.8 |

Punt 1.8 | Punt 1.9 |

Punt 1.9 | Punt 1.10 |

Punt 2 | Punt 2, modifkat |

Punt 3 | Punt 3, mhux mibdula |

Regol 2 | Regola 2, mhux mibdula |

Regola 3 | Regola 3, mhux mibdula |

Punt 1 | Punt 1, modifikat |

Punti 2 sa 5 | Punti 2 sa 5, mhux mibdula |

Regola 4 | Regola 4, mhux mibdula |

Regola 5 | Regola 5, mhux mibdula |

Regola 6 | Regola 6, mhux mibdula |

Regola 7 | Regola 7, modifikata |

Punt 1 | Punt 1, modifikat |

| Punt 2, ġdid |

Punt 2 | Punt 3, modifikat |

Punt 3 | Punt 4, modifikat |

Punt 4 | Punt 5, modifikat |

Regola 8 | Regola 8, mhux mibdula |

Regola 9 | Regola 9, mhux mibdula |

Regola 10 | Regola 10, mhux mibdula |

Regola 11 | Regola 11, mhux mibdula |

Regola 12 | Regola 12, mhux mibdula |

| ANNESS II, ġdid |

--------------------------------------------------