32004R0378



Official Journal L 064 , 02/03/2004 P. 0005 - 0006


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2004

tad-19 ta' Frar 2004

dwar il-proċeduri ghall-emenda tal-Manwal Sirene

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 66 tiegħu,

Wara li kunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Ellenika [1],

Wara li kunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi:

(1) Is-Sistema tat-Tagħrif ta' Schengen (minn issa ‘l quddiem imsejħa s-"SIS") stabbilita skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta' l-1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwal tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni (minn issa ‘l quddiem imsejħa l-"Konvenzjoni ta' Schengen") [3] tikkostitwixxi għodda essenzali sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen kif integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea.

(2) Skond id-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 92 tal-Konvenzjoni ta' Schengen, it-taqsimiet nazzjonali ta' l-Istati Membri ma jistgħux jiskambjaw l-informazzjoni tas-SIS direttament bejniethom; jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni biss permezz tal-funzjoni tas-sostenn tekniku fi Strasburgu. Madankollu, huwa xieraq li ċerta informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen tiġi skambjata b'mod korrett bilateralment jew multi-lateralment. Dan it-tagħrif supplmentari huwa meħtieġ b'mod partikolari fejn tidħol l-azzjoni meħtieġa skond Artikoli 25, 39, 46, minn 95 sa 100, 102(3), 104(3), 106, 107, 109 u 110 tal-Konvenjoni ta' Schengen. L-iskambju ta' dan it-tagħrif supplimentari jitwettaq mill-uffiċċji tas-Sirene ta' kull Stat Membru.

(3) Il-Manwal Sirene huwa sett ta' struzzjonijiet lill-operaturi fl-uffiċċji tas-Sirene ta' kull wieħed mill-Istati Membri li jiddeskrivi fid-dettal ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw l-iskambju bilaterali jew multi-laterali ta' dan it-tagħrif supplimentari.

(4) Għandha tiġi żgurata l-uniformità tal-Manwal Sirene. L-acquis tekniku ta' Schengen għandu jiġi applikat hawnhekk.

(5) L-emendi għall-Parti I tal-Manwal Sirene skond dan ir-Regolament għandhom ikunu limitati għalbiex jirriflettu l-versjoni applikabbli tad-disposizzjonjiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen.

(6) Jinħtieġ li tiġi stabbilita proċedura għalbiex temenda l-Manwal Sirene skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati varji.

(7) Il-bażi leġislattiva meħtieġa sabiex tippermetti emendi futuri għall-Manwal Sirene tikkonsisti minn żewġ strumenti separati: dan ir-Regolament imsejjes fuq Artikolu 66 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/201/JHA tad-19 ta' Frar 2004 dwar il-proċeduri għalbiex jemendaw il-Manwal Sirene [4] imsejsa fuq Artikoli 20(1)(a) u (b), 31 (a) u (b) u 34(2)(ċ) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Is-SIS qiegħda biex tgħin lil-awtoritjiet innominati mill-Istati Membri, permezz ta' proċedura awtomatizzata ta' tfittxija, li jkollhom aċċess għall-allerti fuq persuni u fuq proprjetà għall-għanijiet tal-kontrolli ta' fuq il-fruntiera u tal-kontrolli l-oħra tal-pulizija u tad-dwana mwettqa ġewwa pajjiż skond il-liġijiet nazzjonali tiegħu, kif ukoll għall-għanijiet tal-ħruġ ta' viżi, permessi tar-residenza u l-amministrazzjoni tal-leġislazzjoni fuq l-barranin fil-kuntest ta' l-applikazzjni ta' l-acquis ta' Schengen li għandu x'jaqsam mal-moviment tal-persuni. L-iskambju tat-tagħrif supplimentari meħtieġ sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen riferiti fil-premessa 2, imwettqa mil-uffiċċji Sirene ta' kull Stat Membru, jservu dawn l-għanijiet ukoll, kif ukoll jgħinu lill-koperazzjoni tal-pulizija b'mod ġenerali.

(8) Il-fatt illi l-bażi leġislattiva meħtieġa tikkonsisti f'żewġ strumenti differenti ma jaffettwax il-prinċipju illi s-SIS infisha tikkostitwixxi, u għandha tissokta tikkostitwixxi, sistema waħda singola, integrata ta' tagħrif, u li l-uffiċċji Sirene għandhom jissoktaw iwettqu l-kompiti tagħhom f'manjiera integrata.

(9) Għandu jsir arranġament li jippermetti lir-rappreżentanti ta' l-Islanda u tan-Norveġja li jkunu assoċjati max-xogħol tal-kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-poteri tagħha ta' implimentazzjoni. Arranġament bħal dan ġie kontemplat fl-Iskambju ta' l-Ittri bejn il-Komunità u l-Islanda u n-Norveġja [5], mehmuż mal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jirrigwarda l-assoċjazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [6].

(10) Dan ir-Regolament u l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda fl-adozzjoni u l-applikazzjoni tiegħu huma mingħajr preġudizzju ghall-arranġamenti tal-parteċipazzjoni parzjali tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda fl-acquis ta' Schengen iddefinit bid-Deċiżjonijiet 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 li jirrigwardaw it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'uħud mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [7] u d-Deċiżjoni 2002/192/KE tat-28 ta Frar 2002 li tirrigwarda t-talba ta' l-Irlanda biex tieħu parti f'uħud mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [8] rispettivament.

(11) Skond Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka mehmuża mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, d-Danimaka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament waqt li mhix marbuta bih u lanqas bla ħsara għall-applikazzjoni tiegħu. Mogħti li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Parti III tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, d-Danimarka għandha, skond Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi f'perjodu taż-żmien ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din id-Deċiżjoni jekk timplimentahiex fil-liġijiet nazzjonali tagħha.

(12) Dan ir-Regoament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew inkella għandu x'jaqsam miegħu fit-tifsira ta' Artikolu 3(1) ta' l-Att ta' l-Adeżjoni,

(13) Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri ta' implimetazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [9],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Manwal Sirene għandu jikkostitwixxi sett ta' struzzjonijiet lill-operaturi ta' l-uffiċċji Sirene ta' kull Stat Membru li jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li jirregolaw l-iskambju bilaterali u multi-laterali tat-tagħrif supplimentari li jkun meħtieġ sabiex jiġu implimentati b'mod korrett ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen, kif integrati fil-qafas ta' l-Unoni Ewropea.

Artikolu 2

1. Il-Parti I u Parti 2 tad-Daħla, d-Daħla għal Parti 3 u l-punti 3.1.3, 3.1.5, 3.1.6, 3.1.8, 3.1.9 u 3.1.10 tal-Parti 3, id-Daħla għal Parti 4 u l-punti 4.3, 4.3.1, 4.3.3, 4.5.1, 4.6, 4.8, 4.9 u 4.10 tal-Parti 4, id-Daħla għal Parti 5 u l-punti 5.1.1, 5.1.2.2, 5.2 u 5.3 tal-Parti 5, u l-Annesi 1, 2 u 3, it-tabelli 3 u 4 fl-Annex 4, id-Daħla u l-forom Ċ, E, G, I, J, K, L, M, N u O fl-Anness 5 u l-Anness 6 mal-Manwal Sirene għandhom jiġu emendati mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja riferita f'Artikolu 3(2).

2. Jistgħu jiġu introdotti struzzjonijiet addizzjonali, inklużi l-Annessi oħra, fil-Manwal Sirene skond il-proċedura regolatorja riferita f'Artikolu 3(2). Fil-każ ta' l-Anness 5, dawn il-bidliet jistgħu b'mod partikolari jinkludu l-ħolqien ta' għamliet oħra meta dawn jiġu pruvati bhala meħtieġa.

Artikolu 3

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw Artikoli 5 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit f'Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi fissat għal xahrejn.

3. Il-Kumitat għandu jaddotta r-Regoli tiegħu ta' Proċedura.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri bi qbil mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta' Frar 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] ĠU C 82, tal-5.4.2003, p. 21.

[2] Opinjoni mogħtija fit-23 ta' Settembru 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

[4] Ara l-paġna 45 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[5] ĠU L 176, tal-10.7.1999, p. 53.

[6] ĠU L 176, tal-10.7.1999, p. 36.

[7] ĠU L 131, ta' l-1.6.2000, p. 43.

[8] ĠU L 64, tas-7.3.2002, p. 20.

[9] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------