32004R0273



Official Journal L 047 , 18/02/2004 P. 0001 - 0010


Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal-11 ta' Frar 2004

dwar prekursuri tad-droga

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkonsidraw l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Huma u jaġixxu bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra Traffiku Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi, adottata fi Vjenna fid-19 ta' Diċembru 1988, minn issa ‘l quddiem imsejħa bħala "l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti", ġiet konkluża fil-Komunità mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE [4].

(2) Il-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti rigward kummerċ fi prekursuri tad-droga (jiġifieri sustanzi wżati ta' sikwit fil-fabbrikazzjoni illiċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi) ġew implimentati, sa fejn il-kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi huwa konċernat, bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3677/90 tat-13 ta' Diċembru 1990 li jippreskrivi miżuri li jridu jittieħdu biex tiġi skoraġġita l-bdil tar-rotta ta' ċertu sustanzi għall-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi [5].

(3) l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti jipprevedi l-adozzjoni ta' miżuri xierqa biex tiġi monitorjata l-fabbrikazzjoni u d-distribuzzjoni ta' prekursuri. Dan jeħtieġ l-adozzjoni ta' miżuri li għandhom x'jaqsmu ma' kummerċ fi prekursuri fost l-Istati Membri. Dawn il-miżuri iddaħħlu mid-Direttiva tal-Kunsill 92/109/KEE ta' l-14 ta' Diċembru 1992 dwar il-fabbrikazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' ċerti sustanzi wżati fil-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi [6]. Biex jiġi żgurat aħjar li regoli armonizzati huma applikati fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha, regolament huwa meqjus bħala aktar adegwat mid-Direttiva korrenti.

(4) Fil-kuntest tat-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea, huwa importanti li d-Direttiva 92/109/KEE tiġi mibdula minn regolament, għaliex kull modifikazzjoni ta' dik id-Direttiva u l-Annessi tagħha ċċaqlaq miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali f'25 Stat Membru.

(5) Minn deċiżjonijiet meħuda fil-35 sessjoni fl-1992, il-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drogi Narkotiċi inkludiet sustanzi addizzjonali fit-tabelli ta' l-Anness mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Dispożizzjonijiet korrespondenti għandhom jiġu preskritti f'dan ir-Regolament sabiex jinkixfu każijiet possibbli ta' bdil tar-rotta illeċita ta' prekursuri tad-droga fil-Komunità u biex jiġi żgurat li regoli komuni ta' monitorjar jiġu applikati fis-suq tal-Komunità.

(6) Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti huma bażati fuq sistema ta' monitorjar ta' kummerċ fis-sustanzi msemmija. Il-biċċa ‘l kbira tal-kummerċ f'dawn is-sustanzi huwa għal kollox legali. Id-dokumentazzjoni ta' kunsinji u t-tikkettjar ta' dawn is-sustanzi għandha tkun espliċita biżżejjed. Huwa barra minn hekk importanti, waqt li l-awtoritajiet kompetenti jiġu provvduti bil-mezzi meħtieġa ta' azzjoni, li jiġu żviluppati, fl-ispirtu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, mekkaniżmi bażati fuq koperazzjoni mill-viċin ma' l-operaturi interessati u fuq l-iżvilupp ta' ġbir ta' intelliġenza.

(7) Il-miżuri applikabbli għal sassafras oil huma korrentement interpretati f'modi differenti fil-Komunità, minħabba li f'xi Stati Membri huwa meqjus bħala taħlita li tikkontjeni Safrole u għalhekk huwa kontrollat, waqt li Stati Membri oħra jqisuh bħala prodott naturali mhux bla ħsara għal kontrolli. Iż-żieda ta' riferenza għal prodotti naturali mad-definizzjoni ta' "sustanzi skedati" tirrisolvi din id-diskrepanza u għalhekk kontrolli jkunu jistgħu jiġu applikati għal sassafras oil; prodotti naturali biss li minnhom sustanzi skedati jistgħu jiġu estratti b'mod faċli għandhom jiġu koperti mid-definizzjoni.

(8) Sustanzi komunement użati fil-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi għandhom jitniżżlu f'lista f'L-Anness.

(9) Għandu jiġi żgurat li l-fabbrikazzjoni jew l-użu ta' ċerti sustanzi skedati mniżżla f'lista fl-Anness I huwa bla ħsara għall-pussess ta' liċenza. B'żieda ma' dan, il-provvista ta' dawn is-sustanzi għandha tiġi permessa biss fejn il-persuni li lihom iridu jiġu provvduti huma pussessuri ta' liċenza u jkunu ffirmaw dikjarazzjoni tal-konsumatur. Ir-regoli dettaljati rigward id-dikjarazzjoni tal-konsumatur għandhom jiġu preskritti fl-Anness III.

(10) Miżuri għandhom jiġu adottati sabiex operaturi jiġu nkoraġġiti li jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti b'transazzjonijiet suspettużi li jinvolvu sustanzi skedati mniżżla f'lista fl-Anness I.

(11) Miżuri għandhom jiġu adottati sabiex jiġi garantit kontroll aħjar ta' kummerċ intra-Komunitarju f'sustanzi skedati mniżżla f'lista fl-Anness I.

(12) It-transazzjonijiet kollha li jwasslu għat-tqegħid fis-suq ta' sustanzi skedati ta' kategoriji 1 u 2 ta' l-Anness I għandhom jiġu dokumentati kif suppost. Operaturi għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti b'kull transazzjoni suspettuża li tinvolvi s-sustanzi mniżżla f'lista fl-Anness I. Madankollu, eżenzjonijiet għandhom japplikaw għal transazzjonijiet li jinvolvu sustanzji ta' kategorija 2 ta' l-Anness I fejn il-kwantitajiet involuti ma jaqbżux dawk indikati fl-Anness II.

(13) Numru sinifikanti ta' sustanzi oħra, ħafna minnhom negozjati legalment fi kwantitajiet kbar, ġew identifikati bħala prekursuri għall-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi sintetiċi u sustanzi psikotropiċi. Li tissuġġetta dawn is-sustanzi għall-istess kontrolli stretti bħal dawn imniżżla f'lista fl-Anness I ikun jippreżenta ostaklu mhux meħtieġ għal kummerċ li jinvolvi liċenzi għall-operat u d-dokumentazzjoni ta' transazzjonijiet. Għalhekk, mekkaniżmu aktar flessibbli fil-livell tal-Komunità għandu jiġi stabbilit li bih l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membi jiġu mgħarrfa b'dawn it-transazzjonijiet.

(14) L-introduzzjoni ta' proċedura ta' koperazzjoni hija provvduta fil-pjan ta' azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea kontra drogi approvati mill-Kunsill Ewropew ta' Santa Maria da Feira fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2000. Sabiex tiġi appoġġjata koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u l-industrija tal-kimiċi, b'mod partikolari rigward sustanzi li, għalkemm mhux riferiti f'dan ir-Regolament, jistgħu jintużaw fil-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi sintetiċi u sustanzi psikotropiċi, linji ta' gwida għandhom jitfasslu mmirati biex igħinu l-industrija tal-kimika.

(15) Huwa xieraq li jsir provvediment għall-Istati Membri biex jippreskrivu regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Meta jitqies li l-kummerċ f'prekursuri tad-droga jista' jwassal għall-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi sintetiċi u sustanzi psikotropiċi, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jagħżlu l-penali l-aktar dissuasive disponibbli skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom.

(16) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [7].

(17) Ladarba l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, prinċipalment il-monitorjar armonizzat tal-kummerċ fil-prekursuri tad-droga u li jiġi evitat il-bdil tar-rotta għall-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi sintetiċi u sustanzi psikotropiċi, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba fin-natura internazzjonali u li jinbidel ta' dan il-kummerċ, jinkisbu aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, bi qbil mal-prinċipju ta' sussidjarjeta kif dikjarat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Bi qbil mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif dikjarat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk il-għanijiet.

(18) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/109/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 93/46/KEE [8], 2001/8/KE [9] u 2003/101/KE [10] u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1485/96 [11] u (KE) Nru 1533/2000 [12] għandha titħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Skop u għanijiet

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri armonizzati għall-kontroll u l-monitorjar intra-Komunitarju ta' ċerti sustanzi wżati ta' sikwit għall-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi bil-ħsieb li jiġi prevjenut il-bdil tar-rotta ta' dawn is-sustanzi.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "sustanza skedata" tfisser kull sustanza mniżżla f'lista fl-Anness I, inkluż taħlitiet u prodotti naturali li jikkontjentu dawn is-sustanzi. Dan jeskludi prodotti mediċinali kif definit mid-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandha x'taqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem [13], tħejjijiet farmaċewtiċi, taħlitiet, prodotti naturali u tħejjijiet oħra li jikkontjentu sustanzi skedati li huma komposti b'tali mod li ma jistgħux jintużaw faċilment jew jiġu estratti minn mezzi applikabbli faċilment jew vijabbli ekonomikament.

(b) "sustanza mhux skedata" tfisser kull sustanza li, għalkemm mhijiex imniżżla fl-Anness I, hija identifikata bħala li ntużat għall-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi;

(ċ) "tqegħid fis-suq" ifisser kull provvista, sewwa jekk bil-prospett ta' ħlas u sewwa jekk bla ħlas, ta' sustanzi skedati fil-Komunità; jew il-ħażna, il-fabbrikazzjoni, il-produzzjoni, il-proċessar, il-kummerċ, id-distribuzzjoni jew l-intermedjar ta' dawn is-sustanzi għall-għan ta' provvista fil-Komunità.

(d) "operatur" ifisser kull persuna naturali jew legali mqabbda fit-tqegħid fis-suq ta' sustanzi skedati;

(e) "Bord ta' Kontroll Internazzjonali tan-Narkotiċi" ifisser il-Bord stabbilit mill-Konvenzjoni Waħdanija dwar Drogi Narkotiċi ta' l-1961, kif emendata mill-Protokoll ta' l-1972;

(f) "liċenza speċjali" tfisser liċenza li tingħata lil tip partikolari ta' operatur;

(g) "reġistrazzjoni speċjali" tfisser reġistrazzjoni li ssir għal tip partikolari ta' operatur;

Artikolu 3

Ħtiġijiet għat-tqegħid fis-suq ta' sustanzi skedati

1. Operaturi li jixtiequ joħorġu fis-suq sustanzi skedati ta' kategoriji 1 u 2 ta' l-Anness I għandhom jinħtieġu li jaħtru uffiċjali responsabbli għall-kummerċ f'sustanzi skedati, li jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti bl-isem u d-dettalji ta' kuntatt ta' dak l-uffiċjal u li jgħarrfuhom immedjatament b'kull modifika sosegwenti ta' dan it-tagħrif. L-uffiċjali għandu jiżgura li l-kummerċ f'sustanzi skedati kondott mill-operatur iseħħ f'konformita ma' dan ir-Regolament. L-uffiċjal għandu jingħata l-poter li jirrappreżenta l-operatur u li jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għat-twettieq tax-xogħlijiet speċifikati hawn fuq.

2. Operaturi għandhom jinħtieġu li jiksbu liċenza mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jippossjedu jew joħorġu fis-suq sustanzi skedati ta' kategorija 1 ta' l-Anness I. Liċenzi speċjali jistgħu jingħataw mill-awtoritajiet kompetenti lill-farmaċiji, bereġ (dispensaries) ta' mediċina veterinarja, ċerti tipi ta' awtoritajiet pubbliċi jew forzi armati. Dawn il-liċenzi speċjali għandhom ikunu validi biss għall-użu ta' prekursuri fl-iskop tad-dazji uffiċjali ta' l-operaturi interessati.

3. Kull operatur li jippossjedi liċenza riferita fil-paragrafu 2 għandu jipprovdi sustanzi skedati ta' kategorija 1 ta' l-Anness I lil persuni naturali jew legali biss li jippossjedu din il-liċenza u jkunu ffirmaw dikjarazzjoni tal-konsumatur kif provvdut fl-Artikolu 4(1).

4. Meta jitqies jekk tingħatax liċenza, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu b'mod partikolari l-kompetenza u l-integrita ta' l-applikant. Il-liċenza għandha tiġi rifjutata jekk ikun hemm bażi raġunevoli għal dubju dwar kemm huwa xieraq u ta' min joqgħod fuqu l-applikant jew l-uffiċjali responsabbli għall-kummerċ f'sustanzi skedati. Il-liċenza tista' tiġi sospiża jew revokata mill-awtoritajiet kompetenti kull meta jkun hemm bażi raġunevoli li wieħed jemmen li l-pussessur m'għadux persuna kapaċi u xieraq li jżomm liċenza, jew li l-kondizzjonijiet fuq liema ngħatat il-liċenza m'għandhomx imwettqa.

5. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jew jillimitaw il-validita tal-liċenza għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet snin jew jistgħu jobbligaw lill-operaturi li juru f'intervalli li ma jaqbżux it-tliet snin li l-kondizzjonijiet fuq liema ngħatat il-liċenza għadhom imwettqa. Il-liċenza għandha ssemmi l-operat jew l-operati għal liema hija valida, kif ukoll is-sustanzi interessati. Liċenzi speċjali fit-tifsira ta' paragrafu 2 għandhom jingħataw fi prinċipju għal tul ta' żmien mhux limitat imma jistgħu jiġu sospiżi jew revokati mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-kondizzjonijiet ta' paragrafu 4, it-tielet sentenza.

6. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, operaturi mqabbda fit-tqegħid fis-suq ta' sustanzi skedati ta' kategorija 2 ta' l-Anness I għandhom jinħtieġu li jirreġistraw u jaġġornaw ma' l-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien l-indirizzi tal-fondijiet fejn jiffabbrikaw jew minn fejn jinnegozjaw dawn is-sustanzi, qabel ma joħorġuhom fis-suq. Farmaċiji, bereġ (dispensaries) ta' mediċina veterinarja, ċerti tipi ta' awtoritajiet pubbliċi jew il-forzi armati jistgħu isiru suġġetti għal reġistrazzjoni speċjali. Dawn ir-reġistrazzjonijiet għandhom jitqiesu validi biss għall-użu ta' prekursuri fl-iskop tad-dazji uffiċjali ta' l-operaturi interessati.

7. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeħtieġu operaturi li jħallsu miżata għall-applikazzjoni għal liċenza jew reġistrazzjoni. Dawn il-miżati għandhom jiġu ntaxxati (levied) f'manjiera mhux diskriminatorja u m'għandhomx jaqbżu l-ispiża ta' proċessar ta' l-applikazzjoni.

Artikolu 4

Dikjarazzjoni tal-konsumatur

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 6 u 14, kull operatur stabbilit fil-Komunità li jipprovdi konsumatur b'sustanza skedata ta' kategoriji 1 jew 2 ta' l-Anness I għandu jikseb dikjarazzjoni mill-konsumatur li turi l-użu speċifiku tas-sustanzi skedati. Dikjarazzjoni separata għandha tinħtieġ għal kull sustanza skedata. Din id-dikjarazzjoni għandha tikkonforma mal-mudell dikjarat f'punt 1 ta' l-Anness III. Fil-każ ta' persuni legali, id-dikjarazzjoni għandha ssir fuq karti b'intestatura (headed notepaper).

2. Bħala alternattiva għad-dikjarazzjoni msemmija fuq għal transazzjoni individwali, operatur li regolarment jipprovdi lil konsumatur b'sustanza skedata ta' kategorija 2 ta' l-Anness I jista' jaċċetta dikjarazzjoni waħdanija rigward numru ta' transazzjonijiet involuti f'din is-sustanza skedata fuq perjodu li ma jaqbiżx is-sena, basta iżda li l-operatur huwa sodisfatt li l-kriterji li ġejjin ikunu ntlaħqu:

(a) il-konsumatur ikun ġie provvdut mill-operatur bs-sustanza f'għall-inqas tliet okkażżjonijiet fit-12-il xahar ta' qabel;

(b) l-operatur m'għandu l-ebda raġuni li jissoponi li s-sustanza se tintuża għal għanijiet illeċiti;

(ċ) il-kwantitajiet ordnati huma konsistenti mal-konsum tas-soltu għal dak il-konsumatur.

Din id-dikjarazzjoni għandha tikkonforma mal-mudell dikjarat f'punt 2 ta' l-Anness III. Fil-każ ta' persuni legali, id-dikjarazzjoni għandha ssir fuq karti b'intestatura (headed notepaper).

3. Operatur li jipprovdi sustanzi skedati ta' kategorija 1 ta' l-Anness I għandu jistampa u jniżżel id-data ta' kopja tad-dikjarazzjoni, b'hekk jiċċertifikaha li hija kopja vera ta' l-oriġinal. Din il-kopja trid dejjem takkompanja sustanzi ta' kategorija 1 li qed jiċaqalqu fil-Komunità u trid tiġi preżentata fuq talba lill-awtoritajiet responsabbli għall-ispezzjonar ta' kontenuti ta' vetturi matul operati ta' trasport.

Artikolu 5

Dokumentazzjoni

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, operaturi għandhom jiżguraw li t-transazzjonijiet kollha li jwasslu għat-tqegħid fis-suq ta' sustanzi skedati ta' kategoriji 1 u 2 ta' l-Anness I huma dokumentati kif suppost bi qbil mal-paragrafi 2 sa 5 hawn taħt. Din l-obbligazzjoni m'għandhiex tapplika għal dawn l-operaturi li jippossjedu liċenzi speċjali jew li huma suġġetti għal reġistrazzjoni speċjali skond l-Artikolu 3(2) u (6) rispettivament.

2. Dokumenti kummerċjali bħal ma huma fatturi, manifesti ta' merkanzija, dokumenti amministrattivi, dokumenti ta' trasport u ta' trasport ieħor bil-baħar għandhom jikkontjenu tagħrif biżżejjed biex jidentifikaw pożittivament:

(a) l-isem tas-sustanza skedata kif mogħti fil-kategoriji 1 u 2 ta' l-Anness I;

(b) il-kwantita u l-użin tas-sustanza skedata u, fejn taħlita jew prodott naturali huma konċernati, il-kwantita u l-użin, jekk ikunu disponibbli, tat-taħlita jew il-prodott naturali kif ukoll il-kwantita u l-użin, jew il-persentaġġ skond l-użin, ta' kull sustanza jew sustanzi ta' kategoriji 1 u 2 ta' l-Anness I li jinstabu fit-taħlita;

(ċ) l-isem u l-indirizz tal-provveditur, id-distributur, id-destinatarju, u, jekk ikun possibli, ta' l-operaturi l-oħra direttament involuti fit-transazzjoni, kif riferit fl-Artikolu 2(ċ) u (d).

3. Id-dokumentazzjoni trid tikkontjeni wkoll dikjarazzjoni tal-konsumatur kif riferit fl-Artikolu 4.

4. Operaturi għandhom iżommu dawn ir-reġistrazzjonijiet dettaljati ta' l-attivitajiet tagħhom kif inhuma meħtieġa biex jikkonformaw ma' l-obbligi tagħhom skond il-paragrafu 1.

5. Id-dokumentazzjoni u r-reġistrazzjonijiet riferiti f'paragrafi 1 sa 4 għandhom jinżammu għal mill-inqas tliet snin mill-aħħar tas-sena kalendarja li fiha t-transazzjoni riferita fil-paragrafu 1 seħħet, u jridu jkunu disponibbli fil-pront għal spezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fuq talba.

6. Id-dokumentazzjoni tista' tinżamm ukoll fil-forma ta' riproduzzjonijiet fuq medju tad-dehra jew medja oħra ta' fatti magħrufa (data). Irid jiġi żgurat li l-fatti magħrufa (data) maħżuna:

(a) jaqblu mad-dokumentazzjoni fid-dehra u l-kontenut meta jsiru b'mod li jinqara, u

(b) huma disponibbli fil-pront f'kull żmien, u jistgħu isiru b'mod li jinqara mingħajr dewmien u jistgħu jiġu analizzati b'mezzi awtomatiċi (automated) għat-tul ta' żmien tal-perjodu speċifikat fil-paragrafu 5.

Artikolu 6

Eżenzjonijiet

L-obbligi skond l-Artikoli 3, 4 u 5 m'għandhomx japplikaw għal transazzjonijiet li jinvolvu sustanzi skedati ta' kategorija 2 ta' l-Anness I fejn il-kwantitajiet involuti ma jaqbżux dawk indikati fl-Anness II fuq perjodu ta' sena.

Artikolu 7

Tikkettjar

Operaturi għandhom jiżguraw li t-tikketti jitwaħħlu ma' sustanzi skedati ta' kategoriji 1 u 2 ta' l-Anness I qabel ma jiġu provvduti. It-tikketti jridu juru l-ismijiet tas-sustanzi kif jingħata fl-Anness I. Operaturi jistgħu b'żieda ma' dan iwaħħlu t-tikketti tagħhom tas-soltu.

Artikolu 8

Notifika ta' l-awtoritajiet kompetenti

1. Operaturi għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti immedjatament b'kull ċirkostanza, bħal ma hija ordnijiet jew transazzjonijiet mhux tas-soltu li jinvolvu li jitqegħdu fis-suq ta' sustanzi skedati, li jissuġġerixxi li dawn is-sustanzi setgħu inbidlitilhom ir-rotta għall-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

2. Operaturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti f'forma ta' sommarju b'dan it-tagħrif dwar it-transazzjonijiet tagħhom li jinvolvu sustanzi skedati kif speċifikat fil-miżuri ta' implimentazzjoni adottati skond l-Artikolu 14.

Artikolu 9

Linji ta' gwida

1. Sabiex tiġi faċilitata koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-operaturi, u l-industrija kimika, b'mod partikolari rigward sustanzi mhux skedati, il-Kummissjoni għandha, bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 15(2), tfassal u taġġorna linji ta' gwida biex tgħin lill-industrija kimika.

2. Il-linji ta' gwida għandhom jipprovdu b' mod partikolari:

(a) tagħrif dwar kif jintgħarfu u jiġu mgħarrfa transazzjonijiet suspettużi;

(b) lista aġġornata b'mod regolari ta' sustanzi mhux skedati biex tgħin lill-industrija timmonitorja fuq bażi volontarja il-kummerċ f'dawn is-sustanzi;

(ċ) tagħrif ieħor li jista' jitqies ta' użu.

3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-linji ta' gwida u l-lista ta' sustanzi mhux skedati jiġu mqassma regolarment f'manjiera li titqies xierqa mill-awtoritajiet kompetenti bi qbil ma' l-għanijiet tal-linji ta' gwida.

Artikolu 10

Poteri u obbligi ta' awtoritajiet kompetenti

1. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta' l-Artikoli 3 sa 8, kull Stat Membru għandu jadotta miżuri meħtieġa sabiex igħin lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu biex iwettqu d-dazji ta' kontroll u monitorjar tagħhom, u b'mod partikolari:

(a) li jiksbu tagħrif dwar kull ordni għal sustanzi skedati jew operati li jinvolvu sustanzi skedati;

(b) li jidħlu fil-fondijiet tan-negozju ta' l-operaturi sabiex jiksbu xhieda ta' irregolaritajiet;

(ċ) fejn meħtieġ, biex jinżammu kunsinji li jonqsu milli jikkonformaw ma' dan ir-Regolament.

2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrispettaw tagħrif ta' negozju kunfidenzali.

Artikolu 11

Koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni

1. Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bihom.

2. Għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 dwar għajnuna bejn xulxin bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u koperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji tad-dwana u agrikoli [14], u b'mod partikolari dawk dwar kunfidenzalita, għandhom japplikaw mutatis mutandis. L-awtorita jew awtoritajiet kompetenti nominati skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jaġixxu bħala awtoritajiet kompetenti fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 515/97.

Artikolu 12

Il-Penali

L-Istati Membri għandhom jippreskrivu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur tad-disposizzjonjiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li qed jiġu implimentati. Il-penali provvduti jistgħu jkunu effettivi, proporzjonati u dissuasive.

Artikolu 13

Komunikazzjonijiet mill-Istati Membri

1. Biex jiġu permessi xi aġġustamenti meħtieġa għall-arranġamenti għall-monitorjar ta' kummerċ f'sustanzi skedati u sustanzi mhux skedati, l-awtoritajiet kompetenti f'kull Stat Membru għandhom kull sena jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-tagħrif kollu dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' monitorjar preskritti f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari rigward sustanzi wżati ta' sikwit għall-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi u metodi ta' bdil tar-rotta u fabbrikazzjoni illeċita.

2. Sommarju tal-komunikazzjonijiet magħmula skond il-paragrafu 1 għandu jiġi sottomess mill-Kummissjoni lill-Bord ta' Kontroll Internazzjonali tan-Narkotiċi bi qbil ma' l-Artikolu 12(12) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u f'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri.

Artikolu 14

Implimentazzjoni

Fejn meħtieġa, il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġi adotti bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 15(2).

(a) stabbilizzazzjoni tal-ħtiġijiet u kondizzjonijiet għall-għoti tal-liċenza kif provvdut fl-Artikolu 3 u d-dettalji li jappartjenu għall-liċenza;

(b) stabbilizzazzjoni, kull meta meħtieġa, tal-kondizzjonijiet li għandhom japplikaw għad-dokumentazzjoni u t-tikkettjar ta' taħlitiet u tħejjijiet li jikkontjenu sustanzi mniżżla f'lista fl-Anness I, kif provvdut fl-Artikoli 5 sa 7.

(ċ) kull emenda għall-Anness I magħmula meħtieġa minn emendi għat-tabelli fl-Anness mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti;

(d) emenda għall-għetiebi dikjarati fl-Anness II;

(e) stabbilizzazzjoni tal-ħtiġijiet u l-kondizzjonijiet għal dikjarazzjonijiet tal-konsumatur riferiti fl-Artikolu 4, kif ukoll ir-regoli dettaljati rigward l-użu tagħhom. Dan għandu jinkludi regoli dwar kif għandhom jiġu provvduti dikjarazzjonijiet tal-konsumatur f'forma elettronika, fejn xieraq;

(f) miżuri oħra meħtieġa għall-implimentazzjoni effiċjenti ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-kumitat stabbilit bl-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 3677/90.

2. Fejn tintgħamel riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 li jinstab fiha.

Il-perijodu preskritt fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli tiegħu ta' Proċedura.

Artikolu 16

Tagħrif dwar miżuri adottati mill-Istati Membri

Kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-miżuri li jadotta skond dan ir-Regolament, u b'mod partikolari bil-miżuri adottati skond l-Artikoli 10 u 12. Għandhom jgħarrfuha wkoll b'kull emenda sosegwenti għaliha.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dan it-tagħrif lill-Istati Membri l-oħra. Għandha tevalwa l-implimentazzjoni tar-Regolament tliet snin wara d-dħul tiegħu fis-seħħ.

Artikolu 17

Revokazzjonijiet

1. Id-Direttiva tal-Kunsill 92/109/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 93/46/KEE, 2001/8/KE u 2003/101/KE u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1485/96 u (KE) Nru 1533/2000 huma hawnhekk imħassra.

2. Ir-riferenzi għad-direttivi jew ir-regolamenti mħassra għandhom jinftiehmu bħala li jkunu saru għal dan ir-Regolament.

3. Il-validita ta' kull reġistru stabbilit, kull liċenza li tingħata u kull dikjarazzjoni tal-konsumatur maħruġa skond id-direttivi jew ir-regolamenti mħassra m'għandhiex tiġi affettwata.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-18 ta' Awissu 2005, minbarra għall-Artikoli 9, 14 u 15, li għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, sabiex tiġi permessa l-adozzjoni tal-miżuri provvduti f'dawn l-Artikoli. Dawn il-miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ l-aktar kmieni fit-18 ta' Awissu 2005.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, fil-11 ta' Frar 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] ĠU C 20 E, tat-28.1.2003, p. 160.

[2] ĠU C 95, tat-23.4.2003, p. 6.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2003 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), pożizzjoni komuni tal-Kunsill tad-29 ta' Settembru 2003 (ĠU C 277 E, tat-18.11.2003, p. 31) u pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta'Diċembru 2003 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 326, ta' l-24.11.1990, p. 56.

[5] ĠU L 357, ta' l-20.12.1990, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1232/2002 (ĠU L 180, ta' l-10.7.2002, p. 5).

[6] ĠU L 370, tad-19.12.1992, p. 76. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) No 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

[7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[8] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/46/KEE tat-22 ta' Ġunju 1993 li tbiddel u timmodifika l-Annessi mad-Direttiva tal-Kunsill 92/109/KEE dwar il-fabbrikazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' ċerti sustanzi wżati fil-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (ĠU L 159, ta' l-1.7.1993, p.134).

[9] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/8/KEE tat-8 ta' Frar 2001 li tbiddel l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 92/109/KEE dwar il-fabbrikazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' ċerti sustanzi wżati fil-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (ĠU L 39, tad-9.2.2001, p. 31).

[10] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/101/KE tat-3 ta' Novembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/109/KEE dwar il-fabbrikazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' ċerti sustanzi wżati fil-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (ĠU L 286, ta' l-4.11.2003, p. 14).

[11] Ir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 1485/96 tas-26 ta Lulju 1996 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/109/KEE, rigward id-dikjarazzjonjiet tal-konsumatur ta' l-użu speċifiku li għandu x'jaqsam ma' ċerti sustanzi wżati fil-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi u ta' sustanzi psikotropiċi (ĠU L 188, tas-27.7.1996, p. 28). Regolament kif emendat bir-Regolament (KE Nru 1533/2000 (ĠU L 175, ta' l-14.7.2000, p. 75).

[12] Ir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 1533/2000 tat-13 ta' Lulju 2000 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1485/96 li jippreskrivi regoli dettaljiat għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/109/KEE, rigward id-dikjarazzjonjiet tal-konsumatur ta' l-użu speċifiku li għandu x'jaqsam ma' ċerti sustanzi wżati fil-fabbrikazzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi u ta' sustanzi psikotropiċi.

[13] ĠU L 311, tat-28.11.2001, p. 67, Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/63/KE (ĠU L 159, tas-27.6.2003, p. 46).

[14] ĠU L 82, tat-22.3.1997, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 36).

--------------------------------------------------

ANNESS I

Sustanzi skedati fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(a)

KATEGORIJA 1

Sustanza | Nomina tan-NM (jekk differenti) | kodiċi NM | Nru ta' CAS |

1-phenyl-2-propanone | Phenylacetone | 29143100 | 103-79-7 |

N-acetylanthranilic acid | 2-acetamidobenzoic acid | 29242300 | 89-52-1 |

Isosafrol (cis + trans) | | 29329100 | 120-58-1 |

3,4-methylenedioxyphenyl- propan-2-one | 1-(1,3-Benzodioxol-5- yl)propan-2-one | 29329200 | 4676-39-5 |

Piperonal | | 29329300 | 120-57-0 |

Safrole | | 29329400 | 94-59-7 |

Ephedrine | | 29394100 | 299-42-3 |

Pseudoephedrine | | 29394200 | 90-82-4 |

Norephedrine | | ex29394900 | 14838-15-4 |

Ergometrine | | 29396100 | 60-79-7 |

Ergotamine | | 29396200 | 113-15-5 |

Lysergic acid | | 29396300 | 82-58-6 |

Il-forom stereoisomeriċi tas-sustanzi mniżżla f'lista f'din il-kategorija mhumiex cathine , kull meta l-eżistenza ta' dawn il-forom hija possibbli. |

L-imluħa tas-sustanzi mniżżla f'lista f'din il-kategorija, kull meta l-eżistenza ta' dawn l-imluħa hija possibbli u li mhumiex l-imluħa ta' cathine. |

Sustanza | Nomina tan-NM (jekk differenti) | kodiċi NM | Nru ta' CAS |

Anidridu aċetiku | | 29152400 | 108-24-7 |

Phenylacetic acid | | 29163400 | 103-82-2 |

Anthranilic acid | | 29224300 | 118-92-3 |

Piperidine | | 29333200 | 110-89-4 |

Permanganat tal-potassju | | 28416100 | 7722-64-7 |

L-imluħa tas-sustanzi mniżżla f'lista f'din il-kategorija, kull meta l-eżistenza ta' dawn l-imluħa hija possibbli. |

Sustanza | Nomina tan-NM (jekk differenti) | kodiċi NM | Nru ta' CAS |

Aċidu idrokloriku | Klorur ta' l-idroġenu | 28061000 | 7647-01-0 |

Aċidu sulfiriku | | 28070010 | 7664-93-9 |

Tolwena | | 29023000 | 108-88-3 |

Ethyl ether | Diethyl ether | 29091100 | 60-29-7 |

Aċeton | | 29141100 | 67-64-1 |

Methylethylketone | Butanone | 29141200 | 78-93-3 |

L-imluħa tas-sustanzi mniżżla f'lista f'din il-kategorija, kull meta l-eżistenza ta' dawn l-imluħa hija possibbli u li mhumiex l-imluħa ta' aċidu idrokloriku u aċidu sulfiriku. |

--------------------------------------------------

ANNESS II

Sustanza | Għatba |

Anidridu aċetiku | 100 l |

Permanganat tal-potassju | 100 kg |

Anthranilic acid u l-imluħa tiegħu | 1 kg |

Phenylacetic acid u l-imluħa tiegħu | 1 kg |

Piperidine u l-imluħa tiegħu | 0,5 kg |

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

1. Dikjarazzjoni mudell li għandha x'taqsam ma' transazzjonijiet individwali (kategorija 1 jew 2)

+++++ TIFF +++++

2. Dikjarazzjoni mudell li għandha x'taqsam ma' transazzjonijiet moltipli (kategorija 2)

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------