7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

83


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 Ottubru 2004

li tiddeskrivi fil-qosor l-approċċ ġenerali għar-riallokazzjoni tar-riżorsi skond ir-Regolament (KE) Nru 1267/1999 li jistabbilixxi Strument għall-Politika Strutturali ta' Qabel l-Adeżjoni

(2004/749/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1267/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi Strument għall-Politika Strutturali ta' Qabel l-Adeżjoni (1), u b'mod partikolari it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 15 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tat-12 u t-13 ta' Diċembru 2002 approva uffiċjalment ir-riżultati tan-negozjati li rriżultaw fl-adeżjoni mal-Komunità fl-2004 ta' tmien pajjiżi li dak iż-żmien bbenifikaw mid-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) 1267/1999. Konsegwentament, matul il-perjodu mill-2004 sa l-2006, il-Bulgarija u r-Rumanija biss ser ikomplu jibbenifikaw mill-obbligi skond dak ir-Regolament.

(2)

Bl-approvazzjoni uffiċjali tar–“roadmaps” għall-Bulgarija u r-Rumanija proposti mill-Kummissjoni, l-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen ftiehem, bħala approċċ ġenerali għar-riallokazzjoni, li l-proporzjon għar-riallokazzjoni għandu jkun iffissat għal 30/70, rispettivament, skond il-programm Phare stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89 tat-18 ta' Diċembru 1989 dwar l-għajnuna ekonomika għar-Repubblika ta' l-Ungerija u r-Repubblika tal-Poplu Pollakk (2), il-programm speċjali ta' l-adeżjoni għal żvilupp agrikolu u rurali (SAPARD) stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1268/1999 (3) u l-Istrument għall-Politika Strutturali ta' Qabel l-Adeżjoni (ISPA), stabbilit bir-Regolament Nru 1267/1999.

(3)

Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1267/1999, il-proporzjon iqis l-bżonn u l-kapaċità tal-Bulgarija u r-Rumanija li jassorbu l-assistenza, kif ukoll il-kriterji stipulati fl-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament.

(4)

Peress illi l-proporzjon 30/70 japplika għall-perjodu sħiħ ta' tlett snin mill-2004 sa l-2006, huwa xieraq li tkun permessa allokazzjoni indikattiva tar-riżorsi totali fuq bażi annwali konsistenti ma' dak il-proporzjon.

(5)

Konsegwentament, l-approċċ ġenerali għar-riallokazzjoni bejn il-pajjiżi benefiċjarji li baqa', jiġifieri l-Bulgarija u r-Rumanija, għandu jkun li l-proporzjon 30/70 għandu japplika għall-perjodu sħiħ ta' tlett snin mill-2004 sa l-2006, u allokazzjoni indikattiva tar-riżorsi totali għandha tkun determinata fuq bażi annwali skond bracket li tirrifletti dak il-proporzjon ġenerali;

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Waħdieni

Bħala approċċ trattament ġenerali għall-perjodu ta' tlett snin mill-2004 sa l-2006, ir-riżorsi skond ir-Regolament (KE) Nru 1267/1999 għandhom jiġu riallokati bejn il-Bulgarija u r-Rumanija skond proporzjon ta' 30/70, rispettivament, applikabbli għal dak il-perjodu sħiħ.

Matul il-perjodu ta' tlett snin msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-allokazzjoni annwali ta' riżorsi skond ir-Regolament (KE) Nru 1267/1999 għandha tkun determinata abbażi ta' proporzjon indikattiv ta' 65 % sa 75 % tar-riżorsi totali fil-każ tar-Rumanija u 25 % sa 35 % tar-riżorsi totali fil-każ tal-Bulgarija.

Magħmula fi Brussel, nhar il-21 Ottubru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

W. KOK


(1)  ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 73. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 769/2004 (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 1).

(2)  ĠU L 375, tat-23.12.1989, p. 11. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 769/2004.

(3)  ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 87. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 769/2004.