32004D0636



Official Journal L 304 , 30/09/2004 P. 0209 - 0209


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tad-29 ta' April 2004

dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Organizzazzjoni Ewropea dwar is-Sigurezza tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru

(2004/636/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabblixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu, flmkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkonsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew [1]

Billi:

(1) Il-konġestjoni ta' l-ispazju ta' l-ajru u l-implimentazzjoni li ġejja ta' Sema Waħdieni Ewropew jitolbu li jittieħdu miżuri urġenti fil-livell tal-Komunità u fi ħdan il-qafas ta' l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurezza tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru (Ewrokontroll).

(2) Il-Komunità għandha kompetenza esklussiva jew kompetenza maqsuma ma' l-Istati Membri tagħha f'ċerti żoni koperti bil-konvenzjoni Internazzjonali Ewrokontroll li tirrelata mal-Koperazzjoni għas-Sigurezza tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru tat-13 ta' Diċembru 1960, kif emendata diversi drabi, u kif konsolidata bil-Protokoll miftuħ għall-firma fis-27 ta' Ġunju 1997 (il-Konvenzjoni riveduta). L-adeżjoni tal-Komunità għall-Ewrokontroll għall-fini ta' l-eżerċizzju ta' dik il-kompetenza hija permessa taħt l-Artikolu 40 tal-Konvenzjoni riveduta.

(3) Il-Kummissjoni nnegozjat mal-Partijiet Kontraenti għall-Ewrokontroll għan-nom tal-Komunità Protokoll dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Ewrokontroll (il-Protokoll).

(4) Il-Protokoll kien iffirmat fi Brussell fit-8 ta' Ottubru 2002 għan-nom tal-Komunità, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

(5) B'konsistenza ma' l-obbligi ta' koperazzjoni reċiproka tal-Komunità u l-Istati Membri, il-Komunità u l-Istati Membri li huma membri ta' l-Ewrokontroll għandhom simultanjament jirratifikaw il-Protokoll u l-Konvenzjoni riveduta sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni sħiħa u uniformi tad-dispożizzjonijiet tiegħu fil-Komunità.

(6) Il-Protokoll għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Protokoll dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Organizzazzjoni Ewrokontroll għas-Sigurezza tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru hija b'dan approvata għan-nom tal-Komunità.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna(i) li għandhom is-setgħa li jiddepożitaw l-istrument ta' ratifikazzjoni mal-Gvern tar-Renju tal-Belġju għan-nom tal-Komunità, skond l-Artikolu 9(2) tal-Protokoll, flimkien mad-dikjarazzjoni ta' kompetenza mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

L-istrument tar-ratifikazzjoni tal-Protokoll mill-Komunità għandu jiġi depożitat simultanjament ma' l-istrumenti ta' ratifikazzjoni tal-Protokoll u l-Konvenzjoni riveduta mill-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-29 ta' April 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] Opinjoni mogħtija fl-20 ta' April 2004 (għada mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

--------------------------------------------------

Protokoll

dwar l-adeżjoni għall-Komunità Ewropea għall-Konvenzjoni ta' l-Ewrokontroll Internazzjonali li tirrelata mal-Koperazzjoni għas-Sigurezza tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru tat-13 ta' Diċembru 1960, kif emendata diversi drabi u kif konsolidata bil-Protokoll tas-27 ta' Ġunju 1997.

IR-REPUBBLIKA TA' L-ALBANIJA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TA' L-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-RENJU TA' SPANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRETTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,

IR-REPUBBLIKA GRIEGA,

IR-REPUBBLIKA TA' L-UNGERIJA,

L-IRLANDA

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

L-EX REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA,

IL-GRAND DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

IR-REPUBBLIKA TA' MALTA,

IR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVJA,

IL-PRINĊIPALITÀ TA' MONACO,

IR-RENJU TAN-NORVEĠJA,

IR-RENJU TA' L-OLANDA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-RENJU TA' L-IŻVEZJA,

IL-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-REPUBBLIKA TAT-TURKIJA,

u

L-KOMUNITÀ EWROPEA,

WARA LI KKONSIDRAW il-Konvenzjoni ta' l-Ewrokontroll Internazzjonali li tirrelata mal-Koperazzjoni għas-Sigurezza tan-Navigazzjoni fl-Ajru tat-13 ta' Diċembru 1960, kif emendata bil-Protokoll Addizzjonali tas-6 ta' Lulju 1970, sussegwentement emendat bil-Protokoll tal-21 ta' Novembru 1978, kollha kemm huma emendati bil-Protokoll tat-12 ta' Frar 1981, u kif emendati u konsolidati bil-Protokoll tas-27 ta' Ġunju 1997, hawnhekk iżjed 'l quddiem imsejjħa "l-Konvenzjoni" dwar koperazzjoni internazzjonali, u b'mod partikolari l-Artikolu 40 tagħha,

WARA LI KKONSIDRAW ir-reponsabbiltajiet mogħtija bit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-25 ta' Marzu 1957, kif rivedut bit-Trattat ta' Amsterdam tat-2 ta' Ottubru 1997, għall-Komunità Ewropea f'ċerti oqsma koperti bil-Konvenzjoni,

BILLI l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, il-Membri ta' l-Ewrokontroll, meta jadottaw il-Protokoll li jikkonsolida l-Konvenzjoni li kienet miftuħa għall-firma fis-27 ta' Ġunju 1997, iddikjaraw li l-firma tagħhom kienet mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklussiva tal-Komunità f'ċerti oqsma koperti b'dik il-Konvenzjoni u għas-sħubija tal-Komunità fl-Ewrokontroll għall-fini tal-eżerċizzju ta' dik il-kompetenza esklussiva;

BILLI l-fini ta' l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Konvenzjoni huwa li tgħin lill-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurezza tan-Navigazzjoni fl-Ajru, hawnhekk iżjed 'l quddiem imsejjħa l-"Ewrokontroll", fil-ksir ta' l-objettivi tagħha kif stipulati fil-Konvenzjoni, notevolment dik li tkun korp waħdieni u effiċjenti għat-tagħmil tal-politika ta' l-Amministrazzjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru fl-Ewropa;

BILLI l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Ewrokontroll teħtieġ il-kjarifika tal-mod li bih id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni għandhom jgħoddu għall-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha;

BILLI t-termini u l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Konvenzjoni għandha tippermetti lill-Komunità li teżerċita fi ħdan l-Ewrokontroll dawk il-kompetenzi li ġew trasferiti lilha mill-Istati Membri tagħha;

BILLI l-arranġamenti għal koperazzjoni aktar dwar l-użu ta' l-ajruport ta' Ġibiltà kienu miftiehma f'Londra fit-2 ta Diċembru 1987, mir-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit f'dikjarazzjoni konġunta mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi, u dawk l-arranġament għad iridu jiġu mħaddma,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Komunità Ewropea, fi ħdan il-qafas tal-kompetenza tagħha, taċċedi għall-Konvenzjoni bit-termini u l-kondizzjonijiet preskritti f'dan il-Protokoll, skond l-Artikolu 40 tal-Konvenzjoni.

Artikolu 2

Għall-Komunità Ewropea, fi ħdan il-qafas tal-kompetenza tagħha, il-Konvenzjoni għandha tapplika għas-servizzi tan-navigazzjoni ta' l-ajru fuq ir-rotta u l-avviċinament relatat u s-servizzi ta' l-ajruport għat-traffiku ta' l-ajru fir-Reġjuni ta' l-Informazzjoni dwar it-Titjir ta' l-Istati Membri tagħha elenkati fl-Anness II li jinsab mal-Konvenzjoni, li jkunu fil-limiti ta' l-applikabilità territorjali tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

L-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll għall-ajruport ta' Ġibiltà tiftiehemli tkun bla preġudizzju għall-posizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit fir-rigward tad-disputa dwar is-sovranità tat-territorju li fuq jinsab l-ajruport.

L-applikazzjoni ta' dan il_protokoll għall-ajruport ta' Ġibiltà għandha tkun sospiża sakemm l-arranġamenti fid-Dikjarazzjoni Konġunta magħmula mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit fit-2 ta' Diċembru 1987 ikunu bdew jitħaddmu. Il-Gvernijiet ta' Spanja u tar-Renju Unit għandhom jinformaw lill-artijiet Kontraenti l-oħra għal dan il-Protokoll bid-data ta' meta t-tħaddim jidħol fis-seħħ.

Artikolu 3

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protkoll, id-dispożizzjonijiet fil-Konvenzjoni għandhom ikunu hekk interpretati sabiex jinkludu wkoll il-Komunità Ewropea fi ħdan il-qafas ta' kompetenza tal-Komunità, u l-espressjonijiet varji wżati biex isemmu l-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni u r-rappresentanti tagħhom għandhom ikunu hekk jiftiehmu.

Artikolu 4

Il-Komunità Ewropea ma għandhiex tikkontribwixxi għall-baġit tal-Ewrokontroll.

Artikolu 5

Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha għall-vot taħt l-Artikolu 6, il-Komunità Ewropea għandu jkollha d-dritt li tkun rappresentata u involuta fix-xogħol tal-korpi kollha tal-Ewrokontroll li fih xi wieħed mill-Istati Membri jkollu d-dritt li jkun rappresentat bħala Parti Kontraenti, u fejn jistgħu jiġu ttrattati kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetentza tiegħu, bl-eċċezzjoni ta' korpi li għandhom il-funzjoni ta' verifika.

Fil-kopri kollha ta' l-Ewrokontrollli fih tista' tieħu sehem, il-Komunità Ewropea għandha tippresenta l-posizzjonijiet tagħha, fi ħdan il-qafas tal-kompetenzi tagħha, skond ir-regoli istituzzjonali tagħha.

Il-Komunità Ewropea ma tistax tibgħat kanditati għas-sħubija ta' korpi eletti ta' l-Ewrokontroll, lanqas ma tista' tibgħat kandidati għal karigi fil-korpi li fihom għandha d-dritt li tieħu sehem.

Artikolu 6

1. 1. Fir-rigward ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn il-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklussiva u għall-fini ta' l-applikazzjoni tar-regoli li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, il-Komunità Ewropea għandha teżerċita d-drittijiet tal-vot ta' l-Istati Membri tagħha taħt il-Konvenzjoni, u l-voti peżati hekk mitfugħa mill-Komunità Ewropea għandhom ikunu akkumulati għall-istabbiliment tal-maġġoranzi li hemm provvediment dwarhom fl-imsemmi l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni. Fejn tivvota l-Komunità, l-Istati Membri ma għandhomx jivvotaw.

Għall-fini tad-deċiżjoni biex jiġi deċiż dwar in-numru ta' Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni meħtieġ għal talba għal teħid ta' deċiżjonijiet minn maġġoranza ta' tlett kwarti, kif stipulat fit-tmiem ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8.2, il-Komunità għandha titqies bħala li tirrappresenta l-Istati Membri tagħha li huma Membri ta' l-Ewrokontroll.

2. Deċiżjoni proposta fir-rigward ta' partita speċifika li għandu jittieħed vot dwarha mill-Komunità Ewropea għandha tkun posposta jekk Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni li ma tkunx membru tal-xx hekk titlob. Il-posponiment għandu jintuża għall-konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni, megħjuna mill-Aġenzija ta' l-Ewrokontroll, dwar id-deċiżjoni proposta. Fil-każ ta' talba bħal dik it-teħid tad-deċiżjoni jista' jiġi pospost għall-perjodu massimu ta' sitt xhur.

Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn il-Komunità Ewropea ma għandha ebda kompetenza esklussiva, l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għandhom jivvotaw skond id-drittijiet tagħhom tal-vot kif hemm provdut fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, u l-Komunità Ewropea ma għandhiex tivvota.

3. Il-Komunità Ewropea għandha tinforma fuq il-bażi ta' każ b'każ lill-Partijiet Kontraenti l-oħra għall-Konvenzjoni bil-każu fejn, fir-rigward tal-partiti varji ta' l-aġendi ta' l-Assemblea Ġenerali, il-Kunsill u korpi oħra li jiddeliberaw li lilhom l-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill iddelegaw setgħat, hija għandha teżerċita d-drittijiet tal-vot kif hemm provdut fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq. Dan l-obbligu ma għandux jgħodd fejn deċiżjonijiet jittieħdu permezz ta' korrispondenza.

Artikolu 7

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenza trasferita lill-Komunità huwa muri f'termini ġenerali f'dikjarazzjoni bil-miktub magħmula mill-Komunità Ewropea fiż-żmien tal-firma ta' dan il-Protokoll.

Din id-dikjarazzjoni tista' tiġi modifikata kif xieraq permezz ta' notifikazzjoni mill-Komunità Ewropea lill-Ewrokontroll. Din bl-ebda mod ma tissostitwixxi jew tillimita l-kwistjonijiet li jistgħu jiġu koperti bin-notifikazzjonijiet ta' kompetenza tal-Komunità li għandhom isiru qabel it-teħid ta' deċiżjonijiet mill-Ewrokontroll permezz ta' votazzjoni formali jew mod ieħor.

Artikolu 8

L-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni għandu jgħodd għal kull disputa li tinqala' bejn żewġ Partijiet Kontraenti jew aktar għal dan il-Protokoll jew bejn Parti Kontraenti waħda jew aktar għal dan il-Protokoll u l-Ewrokontroll li jkollha x'taqsam ma' l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew it-twettieq ta' dan il-Protokoll, inkluża l-eżistenza tiegħu, il-validità u t-teminazzjoni.

Artikolu 9

1. Dan il-Protokoll għandu jkun miftuħ għall-firma mill-Istati kollha firmatarji għall-Protokollli jikkonsolida l-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-Ewrokontroll li għandu x'jaqsam mal-Koperazzjoni għas-Sigurezza tan-Navigazzjoni fl-Ajru tat-13 ta' Diċembru 1960, kif emendat diversi drabi, miftuħ għall-firma fis-27 ta' Ġunju 1997, hawnhekk iżjed 'l quddiem imsejjaħ "il-Protokoll li Jikkonsolida", u l-Komunità Ewropea.

Dan għandu wkoll ikun miftuħ, qabel id-data tal-bidu fis-seħħ tiegħu, għall-firma minn kull Stat, debitament awtorizzat li jiffirma l-Protokollli Jikkonsolida, skond l-Artikolu II ta' dak il-Protokoll.

2. Dan il-Protokoll għandu jkun suġġett għar-ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom ikunu depiżtati mal-Gvern tar-Renju tal-Belġju.

3. Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ meta jkun ġie ratifikat, aċċettat jew approvat, mill-parti 'l waħda, mill-Istati firmatarji kollha li huma wkoll firmatarji għall-Protokoll li Jikkonsolida u li r-ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tiegħu hija meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll li Jikkonsolida, u mill-parti 'l oħra, mill-Komunità Ewropea, fl-ewwel jum tat-tieni xahar li jiġi wara d-depożitu ta' l-aħħar strument ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, kemm-il darba l-Protokollli Jikkonsolida jkun daħal fis-seħħ f'dik id-data. Fejn ma titħarisx din il-kondizzjoni, huwa għandu jidħol fis-seħħ fl-istess data bħal dik tal-Protokoll li Jikkonsolida.

4. Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fir-rigward ta' dawk il-firmatarji li jkunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifikazzjoni aċċettazzjoni jew approvazzjoni wara l-bidu tiegħu fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar li jiġi wara d-depożitu ta' l-istrumenti rilevanti ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.

5. Il-Gvern tar-Renju tal-Belġju għandu jinnotifika lill-Gvernijiet ta' l-Istati firmatarji l-oħra ta' dan il-Protkoll u l-Komunità Ewropea b'kull firma, b'kull depożitu ta' strument ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni u d-data tal-bidu fis-seħħ ta' dan il-Protokoll skond il-paragrafi 3 u 4.

Artikolu 10

Kull adeżjoni għall-konvenzjoni wara l-bidu fis-sħħ tagħha għandha tirrappresenta wkoll il-kunsens li tkun marbuta b'dan il-Protokoll. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 39 u 40 tal-Konvenzjoni għandhom ukoll jgħoddu għal dan il-Protokoll.

Artikolu 11

1. Dan il-Protokoll għandu jibqa' fis-seħħ għal perjodu indefinittiv.

2. Jekk l-Istati Membri kollha ta' l-Ewrokontroll li huma Membri tal-Komunità Ewropea jirtiraw mill-Ewrokontroll, in-notifikazzjoni ta' l-irtirar mill-Konvenzjoni, kif ukoll minn dan il-Protokoll, għandha titqiesli tkun ingħatat mill-Komunità Ewropea flimkien man-notifikazzjoni ta' l-irtirar, taħt l-Artikolu 38(2) tal-Konvenzjoni ta' l-aħħar Stat Membru tal-Komunità Ewropea li jirtira mill-Ewrokontroll.

Artikolu 12

Il-Gvern tar-Renju tal-Belġju għandu jġiegħel li dan il-Protokoll jiġi reġistrat mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti skond l-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-Kunsill ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni ċivili skond l-Artikolu 83 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Internazzjonali ċivili ffirmata f'Chicago fl-4 ta' Diċembru 1944.

B'XHIEDA TA' DAN, il-Plenipotenzarji hawn taħt iffirmati, wara li ppresentaw is-Setgħat Sħaħ tagħhom, misjuba li kienu f'forma tajba u debita, iffirmaw dan il-Protokoll.

MAGĦMUL fi Brussell, f'dan it-tmien jum ta' Ottubru 2002 f'kull waħda mill-lingwi uffiċjali ta' l-Istati Firmatarji, f'oriġinal waħdieni, li għandu jibqa' depożitat fl-arkivji tal-Gvern tar-Renju tal-Belġju, li għandu jibgħat kopji ċertifikati lill-Gvernijiet ta' l-Istati Firmatarji l-oħra u lill-Komunità Ewropea. Fil-każ ta' xi inkonsistenza, għandu jipprevali t-test tal-lingwa Franċiża.

--------------------------------------------------