12.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

89


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta'Awwissu 2004

marbut mal-kreazzjoni ta' grupp konsultattiv tal-katina alimentari u tas-saħħa ta' l-annimali u veġetali

(2004/613/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-White Paper tagħha dwar il-Gvern Ewropew li ġiet adottata fil-25 ta' Lulju 2001 (1), il-Kummissjoni ħadet f'idejha l-impenn li tiftaħ il-proċess ta' elaborazzjoni tal-poliċies ta' l-Unjoni Ewropea, ħalli tassikura parteċipazzjoni aktar qawwija taċ-ċittadini u ta' l-organizzazzjonijiet fil-kunċett tagħhom u fl-applikazzjoni tagħhom.

(2)

Fil-11 ta' Diċembru 2002 (2), il-Kummissjoni għaddiet komunikazzjoni “fuq il-prinċipji ġenerali u n-normi minimi applikabbli għall-konsultazzjonijiet li ħadet f'idejha l-Kummissjoni mal-partijiet interessati” sabiex tassikura metodu koerenti tas-servizzi kollha f'daqqa tal-Kummissjoni fil-proċess ta' konsultazzjoni u fiż-żieda ta' trasparenza fil-konsultazzjonijiet.

(3)

Huwa neċessarju għall-Kummissjoni li tikkonsulta u tinforma l-konsumaturi u wkoll il-gruppi soċjo-ekonomiċi konċernati mill-kwistjoni marbuta mas-sistema ta' tikketti u l-preżentazzjoni ta' l-oġġetti ta' l-ikel u ta' l-ikel ta' l-annimali, is-sigurtà fl-oġġetti ta' l-ikel (3) u fl-ikel ta' l-annimali, in-nutrizzjoni umana marbuta mal-leġislazzjoni ta' l-ikel, is-saħħa ta' l-annimali u l-ġid ta' l-annimali u wkoll mas-saħħa tal-pjanti.

(4)

Ir-Regolament (KE) 178/2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-preskrizzjonijiet ġenerali tal-leġislazzjoni ta' l-ikel, stabbilit mill-Awtorità Ewropea ta' l-ikel għas-sigurtà fl-ikel u li jiffissa proċeduri marbuta mas-sigurtà fl-oġġetti ta' l-ikel, jipprevedi l-konsultazzjoni miftuħa u trasparenti taċ-ċittadini b'mod dirett jew permezz ta' l-intermedjarju ta' għaqdiet rappreżentattivi fil-każ ta' l-elaborazzjoni, ta' l-evalwazzjoni u tar-reviżjoni tal-leġislazzjoni ta' l-ikel, barra jekk l-urġenza tal-kwistjoni ma tippermettix li dan jsir.

(5)

Il-White Paper dwar is-sigurtà fl-ikel li għaddiet mill-Kummissjoni fit-12 ta' Jannar 2000 (4) ipprevediet li toħloq grupp konsultattiv għas-sigurtà fl-ikel filwaqt li terġa' torganizza l-kumitati konsultattivi eżistenti (Azzjoni 81).

(6)

Il-Kumitat konsultattiv ta' l-oġġetti ta' l-ikel kien stabbilit mid-Deċiżjoni 80/1073/KEEtal-Kummissjoni (5).

(7)

Inħolqu kumitati konsultattivi oħra fil-qasam tal-politika agrikola komuni bid-Deċiżjoni 98/235/KEE tal-Kummissjoni (6).

(8)

L-esperjenza wriet il-bżonn li jerġgħu jiġu ggruppati u organizzati l-kumitati konsultattivi differenti li jeżistu madwar it-temi marbuta mal-katina alimentari u mas-saħħa ta' l-annimali u veġetali u li jitjieb il-mod kif jaħdmu.

(9)

Huwa essenzjali li jkunu stabbiliti sistemi permanenti ta' konsultazzjoni taċ-ċittadini fuq livell Ewropew fil-każ ta' l-elaborazzjoni, ta' l-evalwazzjoni u tar-reviżjoni tal-leġislazzjoni komunitarja ta' l-ikel.

(10)

B'kunsiderazzjoni tal-bżonn ta' metodu globali fil-katina alimentari u fis-saħħa ta' l-annimali u veġetali biex jassikura l-protezzjoni tal-konsumaturi, huwa importanti li tkun inkluża fil-qasam ta' sistemi ta' konsultazzjoni, il-ġabra ta' kwistjonijiet marbuta mal-leġislazzjoni ta' l-ikel li tiġbor fiha l-aspetti marbuta mas-sistema ta' tikketti u l-preżentazzjoni ta' oġġetti ta' l-ikel u ta' l-ikel ta' l-annimali, in-nutrizzjoni umana marbuta mal-leġislazzjoni ta' l-ikel, mas-saħħa ta' l-annimali imma wkoll l-aspetti marbuta mal-ġid ta' l-annimali u ma' l-oqsma differenti tas-saħħa veġetali, bħalma huma l-protezzjoni tal-ħxejjex, il-prodotti fitofarmaċewtiċi u l-fdalijiet tagħhom u wkoll il-kondizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni seminali u tal-materjal ta' riproduzzjoni, inkluża l-bijodiversità u inklużi l-oqsma tal-proprjetà industrijali marbuta ma' dawn.

(11)

B'kunsiderazzjoni tal-qasam ta' konsultazzjoni li fuqu qed nitkellmu u n-numru kbir ta' proposti ħerġin minn oħrajn tal-partijiet interessati, l-effiċjenza tas-sistemi permanenti ta' konsultazzjoni timplika konsultazzjoni taċ-ċittadini permezz ta' għaqdiet rappreżentattivi ta' interessi tal-katina alimentari u tas-saħħa ta' l-annimali u veġetali fuq livell Ewropew, anke jekk il-konsultazzjoni diretta taċ-ċittadini trid tibqa' dejjem possibbli.

(12)

L-għaqdiet soċjo-professjonali konċernati inklużi l-assoċjazzjonijiet ta' konsumaturi ta' l-Istati Membri kkostitwixxew organizzazzjonijiet għal grad ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom bħala għan li jassikuraw rappreżentazzjoni fuq livell Ewropew ta' l-interessi marbuta mal-katina alimentari u mas-saħħa ta' l-annimali u veġetali.

(13)

Il-kwalità ta' sistemi ta' konsultazzjoni tqis li l-iskambji diretti bejn il-Kummissjoni u l-għaqdiet rappreżentattivi fuq livell Ewropew jistgħu jsiru waqt laqgħat strutturati fil-qasam tal-grupp konsultattiv, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-programm tax-xogħol tal-Kummissjoni fil-qasam ta' l-ikel.

(14)

Il-kompożizzjoni ta' grupp konsultattiv m'għandhiex tkun kbira ħafna għal raġunijiet prattiċi ta' organizzazzjoni ta' laqgħat filwaqt li tkun garantita rappreżentanza adegwata ta' l-interessi tal-katina alimentari u tas-saħħa ta' l-annimali u veġetali. Peress li l-grupp ser ikun ikkonsultat b'mod partikulari dwar il-programm ta' xogħol tal-Kummissjoni, huwa essenzjali li jkunu rappreżentati għaqdiet rappreżentattivi li huma l-aktar kapaċi jiddefendu fuq livell Ewropew l-interessi ġenerali marbuta mal-katina alimentari u mas-saħħa ta' l-annimali u veġetali.

(15)

Biex tkun assigurata l-effiċjenza u t-trasparenza tax-xogħlijiet tal-grupp, il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jippermettu l-organizzazzjoni ta' laqgħat tal-grupp ta' xogħol li jistgħu jiġu mkabbra jekk hemm bżonn, permezz ta' persuni oħra jew għaqdiet interessati.

(16)

F'każ ta' nuqqas ta' ċarezza, ikun konvenjenti li wieħed jirrevoka d-Deċiżjoni 80/1073/KEE.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni stabbiliet grupp konsultattiv tal-katina alimentari u tas-saħħa ta' l-annimali u veġetali, li minn issa 'l quddiem ser jissejjaħ il-“grupp”.

Artikolu 2

Missjoni

1.   Il-Kummissjoni tikkonsulta l-grupp fuq programm ta' xogħol fl-oqsma li ġejjin:

sigurtà fl-oġġetti ta' l-ikel u fl-ikel ta' l-annimali,

sistema ta' tikketti u preżentazzjoni ta' oġġetti ta' l-ikel u ta' l-ikel ta' l-annimali,

nutrizzjoni umana, marbuta mal-leġiżlazzjoni alimentari,

saħħa ta' l-annimali u l-ġid ta' l-annimali,

kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ħxejjex, mal-prodotti fitofarmaċewtiċi u l-fdalijiet tagħhom u wkoll mal-kondizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni seminali u tal-materjal ta' riproduzzjoni, inkluża l-bijodiversità u inklużi l-oqsma tal-proprjetà industrijali marbuta ma' dawn.

2.   Barra minn dan, il-Kummissjoni tista' tikkonsulta l-grupp fuq il-miżuri kollha li hi tkun trid tieħu jew tipproponi f'dawn l-oqsma.

Artikolu 3

Kompożizzjoni tal-grupp

1.   Il-grupp huwa magħmul minn rappreżentanti li n-numru tagħhom ma jistax jaqbeż il-45, minn għaqdiet rappreżentattivi fuq livell Ewropew. Dawn l-għaqdiet għandhom ikollhom bħala għan id-difiża ta' l-interessi marbuta ma' l-oqsma msemmija f'paragrafu 1 ta' l-Artikolu 2 u li jwieġbu għall-kriterji li ġejjin: karattri ġenerali ta' interessi difiżi, rappreżentazzjoni miftuħa għal kulħadd jew għall-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri, u eżistenza permanenti fuq livell komunitarju li jippermetti aċċess dirett għall-ħila tal-membri għall-elaborazzjoni ta' reazzjonijiet koordinati u ta' malajr.

2.   Fi żmien xahar mid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tistieden lil dawk l-għaqdiet li jixtiequ jipparteċipaw fil-grupp biex jippreżentaw ruħhom fi żmien xahar, billi jiġġustifikaw l-interess tagħhom u l-mod kif jirrispondu għall-kriterji hawn fuq msemmija.

3.   Il-Kummissjoni tagħżel l-għaqdiet li jissodisfaw il-kriterji hawn fuq imsemmija bil-mod l-aktar xieraq u tagħmel lista tagħhom, li tiġi ppubblikata fuq il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

4.   Kull għaqda magħżula għandha tassikura l-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ta' konsultazzjoni u ta' informazzjoni bil-manjiera tagħha li tippreżenta l-opinjonijiet l-aktar rappreżentattivi possibbli ta' l-interessi li hi tirrappreżenta.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet ta' organizzazzjoni

1.   Fil-prinċipju l-grupp jiltaqa' darbtejn fis-sena fil-kwartieri tal-Kummissjoni u kull darba li l-Kummissjoni tħoss il-bżonn.

2.   Jistgħu jinħolqu gruppi ta' xogħol biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi fuq il-bażi ta' mandat mogħti mill-grupp jew meta dan ikun neċessarju.

3.   Il-Kummissjoni tista' tistieden esperti jew osservaturi, inklużi għaqdiet rappreżentattivi li ġejjin minn pajjiżi terzi meta dan jidher utli u neċessarju, biex jipparteċipaw fix-xogħlijiet tal-grupp jew fi gruppi ta' xogħol.

4.   Il-grupp flimkien mal-gruppi ta' xogħol ser jingħaqdu skond il-kondizzjonijiet u l-kalendarju definiti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tassikura l-presidenza ta' dan.

5.   Il-grupp jadotta r-regolamenti interni tiegħu fuq il-bażi ta' abbozz ippreżentat mill-Kummissjoni. Is-servizzi tal-Kummissjoni jassikuraw is-segretarjat tal-laqgħat u x-xogħlijiet tal-grupp inklużi dawk tal-gruppi ta' xogħol.

6.   Il-Kummissjoni tassikura l-pubbliċità tax-xogħlijiet tal-grupp.

Artikolu 5

Kunfidenzjalità

Il-membri tal-grupp, l-esperti li jkun hemm okkażjonalment u wkoll kull persuna mistiedna għal-laqgħat tal-grupp bħala osservatur huma mitluba li ma jxandrux l-informazzjonijiet li saru jafu dwarhom permezz tax-xogħlijiet tal-grupp jew ta' gruppi ta' xogħol tagħhom, meta l-Kummissjoni turi li l-informazzjoni imsemmija huma ta' karattru kunfidenzjali. F'każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li l-membri tal-grupp biss jirċievu dawn l-informazzjonijiet u jattendu l-laqgħat.

Artikolu 6

Dispożizzjoni finali

Id-Deċiżjoni 80/1073/KEE tal-Kummissjoni bi statut ġdid ta' kumitat konsultattiv dwar l-oġġetti ta' l-ikel hija revokata.

L-Artikolu 7

Tidħol fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ mill-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, fis-6 ta' Awwissu 2004.

Għall-Kummissjoni

David BYRNE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  KUMM(2001) 428 finali.

(2)  KUMM(2002) 704 finali.

(3)  ĠU L 31, ta’ l-1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1642/2003 (ĠU L 245, tad-29.9.2003, p. 4).

(4)  KUMM(1999) 719 finali.

(5)  ĠU L 318, tas-26.11.1980, p. 28.

(6)  ĠU L 88, ta’ l-24.3.1998, p. 59.