32004D0579



Official Journal L 261 , 06/08/2004 P. 0069 - 0069


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tad-29 ta' April 2004

dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Transnazzjonali Organizzata

(2004/579/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 47, 55, 95 u 179, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) L-elementi tal-Konvenzjoni li huma soġġetti għall-kompetenza Komunitarja kienu nnegozjati mill-Kummissjoni, bl-approvazzjoni tal-Kunsill, f'isem il-Komunità.

(2) Il-Kunsill ta struzzjonijiet lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja l-adeżjoni tal-Komunità fil-Konvenzjoni in kwestjoni.

(3) In-negozjati ġew konklużi b'suċċess u l-istrument li rriżulta ġie ffirmat mill-Komunità nhar it-12 ta' Diċembru 2000 bi qbil mad-Deċiżjoni 2001/87/KE [2].

(4) Xi Stati Membri huma partijiet mill-Konvenzjoni filwaqt li l-proċess ta' ratifika għadu għaddej fi Stati Membri oħra.

(5) Il-kondizzjonijiet li jippermettu lill-Komunità illi tiddeposita l-istrument ta' approvazzjoni li hemm provdut għalih fl-Artikolu 36(3) tal-Konvenzjoni ġew sodisfatti.

(6) Il-Konvenzjoni għandha tiġi approvata sabiex tippermetti lill-Komunità ssir parti tagħha fi ħdan il-limiti tal-kompetenza tagħha.

(7) Il-Komunità għandha, meta tiddeposita l-istrument ta' approvazzjoni, tiddeposita wkoll dikjarazzjoni dwar il-qies tal-kompetenza tal-Komunità Ewropea fir-rigward ta' kwestjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni taħt l-Artikolu 36(3) tagħha,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità transnazzjonali organizzata hija b'dan approvata f'isem il-Komunità.

It-test tal-Konvenzjoni huwa stabbilit fl-Anness I.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat illi jaħtar il-persuna(persuni) awtorizzata(i) illi tiddeposita l-istrument ta' konferma formali li torbot lill-Komunità. L-istrument ta' konferma formali għandu jinkludi dikjarazzjoni ta' kompetenza skond l-Artikolu 36(3) tal-Konvenzjoni, kif stabbilit fl-Anness II. Għandu jinkludi wkoll Stqarrija kif stabbilit fl-Anness III.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, nhar it-29 ta' April 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] Opinion delivred on 13 January 2004 (not yet published in the Official Journal).

[2] ĠU L 127, tad-9.5.2001, p. 44.

--------------------------------------------------