30.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

60


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Ġunju 2004

li tistabbilixxi s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)

(2004/512/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew ta' Sivilja fil-21 u t-22 ta' Ġunju 2002 ikkunsidra l-istabbiliment ta' sistema ta' identifikazzjoni komuni għad-data dwar il-viża bħala prijorità ewlenija u talab l-introduzzjoni tagħha, mill-aktar fis possibbli, fid-dawl ta' studju ta' fattibbiltà u abbażi ta' linji gwida adottati mill-Kunsill fit-13 ta' Ġunju 2002.

(2)

Fil-5-6 ta' Ġunju 2003 il-Kunsill laqa' l-istudju ta' fattibbiltà, kif ippreżentat mill-Kummissjoni f'Mejju 2003, ikkonferma l-għanijiet għal (VIS) kif stabbilit fil-linji gwida u stieden lill-Kummissjoni biex tkompli x-xogħol preparatorju tagħha fuq l-iżvilupp tal-VIS f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri fuq il-bażi ta' struttura ċentralizzata, waqt li tieħu kont tal-possibiltà ta' bażi teknika komuni mat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II).

(3)

Il-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 qies il kien meħtieġ li, wara l-istudju ta' fattibbiltà, għandhom jiġu ddeterminati orjentazzjonijiet mill-aktar fis possibbli, fir-rigward ta' l-ippjanar ta' l-iżvilupp tal-VIS, u l-bażi ġuridika xierqa li tippermetti l-istabbiliment tagħha, u l-impenn tal-mezzi finanzjarji meħtieġa.

(4)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi l-bażi ġuridika meħtieġa sabiex tippermetti l-inklużjoni fil-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea ta' l- approprjazzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp tal-VIS u l-eżekuzzjoni ta' dik il-parti tal-budget, inklużi l-miżuri preparatorji meħtieġa għall-fatturi bijometriċi li jiġu inkorporati fi stadju ulterjuri bil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19.2.2004.

(5)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (1). Il-kumitat li jgħin lill-Kummissjoni għandu jiltaqa' kif meħtieġ, f' żewġ formazzjonijiet distinti skond l-aġenda.

(6)

Peress li l-objettiv ta' din id-Deċiżjoni, bażikament l-iżvilupp ta' VIS komuni, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista' għaldaqstant, minħabba d-daqs u l-impatt ta' l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Komunità, l-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il- prinċipju tas-sussidjarjetà kif definit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif definit f'dak l-Artikolu, id-Deċiżjoni ma teċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-objettiv.

(7)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(8)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhux tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għaldaqstant mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Peress li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din id-Deċiżjoni jekk tkunx ser titrasponiha fil-liġi nazzjonali tagħha jew le.

(9)

Fir-rigward ta' l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fid-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (2), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċizjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 (3) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim.

(10)

Għandu jsir arranġament biex ir-rappreżentanti ta' l-Islanda u n-Norveġja jiġu assoċjati max-xogħol tal-kumitati li jgħinu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha. Dan l-arranġament kien ikkontemplat fl-Iskambju ta' Ittri bejn il-Komunità u l-Islanda u n-Norveġja (4), anness mal-Ftehim hawn fuq imsemmi.

(11)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta' dawk id-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq sabiex jieħu sehem f'xi disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (5); ir-Renju Unit għaldaqstant mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhux marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(12)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda sabiex tieħu sehem f'xi disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (6); L-Irlanda għaldaqstant mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Qiegħda hawn tiġi stabbilita sistema għall-iskambju ta' data dwar il-viża bejn l-Istati Membri, min hawn il-quddiem imsejħa “is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża” (VIS), li għandha tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali awtorizzati li jdaħħlu u jaġġornaw data dwar il-viża u li jikkonsultaw din id-data elettronikament.

2.   Is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għandha tkun ibbażata fuq struttura ċentralizzata u tikkonsisti f'sistema ċentrali ta' informazzjoni, min hawn il-quddiem imsejħa “is-Sistema Ċentrali ta' Informazzjoni dwar il-Viża” (CS-VIS), interface f'kull State Membru, min hawn il-quddiem imsejjaħ “l-Interface Nazzjonali” (NI-VIS) li għandu jipprovdi l-konessjoni ma' l-awtorità centrali nazzjonali relevanti ta' l-Istat Membru rispettiv, u l-infrastruttura ta' komunikazzjoni bejn is-Sistema Centrali ta' Informazzjoni dwar il-Viżau l-Interfaces Nazzjonali.

Artikolu 2

1.   Is-Sistema Ċentrali ta' l-Informazzjoni dwar il-Viża, l-Interface Nazzjonali f'kull Stat Membru, u l-infrastruttura ta' komunikazzjoni bejn is-Sistema Centrali ta' Informazzjoni dwar il-Viża u l-Interfaces Nazzjonali għandhom jiġu żviluppati mill-Kummissjoni.

2.   L-infrastrutturi nazzjonali għandhom jkunu adattati u/jew żviluppati mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Il-miżuri meħtieġa għall-iżvilupp tas-Sistema Ċentrali ta' Informazzjoni dwar il-Viża, l-Interface Nazzjonali f'kull Stat Membru, u l-infrastruttura ta' komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali ta' Informazzjoni dwar il-Viża u l-Interfaces Nazzjonali għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5 (2) fejn jikkonċernaw materji oħra barra dawk elenkati fl-Artikolu 4.

Artikolu 4

Il-miżuri meħtieġa għall-iżvilupp tas-Sistema Ċentrali ta' Informazzjoni dwar il-Viża, l-Interface Nazzjonali f'kull Stat Membru, u l-infrastruttura ta' komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali ta' Informazzjoni dwar il-Viża u l-Interfaces Nazzjonali li jikkonċernaw il-materji li ġejjin għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 5(3):

(a)

il-proġettazzjoni ta' l-istruttura fiżika tas-sistema inkluż in-network ta' komunikazzjoni tagħha;

(b)

aspetti tekniċi li għandhom effett fuq il-protezzjoni tad-data personali;

(ċ)

aspetti tekniċi li għandhom implikazzjonijiet finanzjarji serji għall-budget ta' l-Istati Membri jew li għandhom implikazzjonijiet tekniċi serji għas-sistemi nazzjonali ta' l-Istati Membri;

(d)

l-iżvilupp tal-ħtiġijiet ta' sigurtà, inklużi aspetti bijometriċi.

Artikolu 5

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħejuna mill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 5 (1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2424/2001 tas-6 ta' Diċembru 2001 dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II) (7).

2.   Fejn hemm riferiment għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4 (3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

3.   Fejn hemm riferiment għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5 (6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

4.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta' progress annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-Sistema Ċentrali ta' Informazzjoni dwar il-Viża, l-Interface Nazzjonali f'kull Stat Membru, l-infrastruttura ta' komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali ta' Informazzjoni dwar il-Viża u l-Interfaces Nazzjonali, u għall-ewwel darba dan għandha tagħmlu sat-tmiem tas-sena li fiha ġie ffirmat il-kuntratt għall-iżvilupp tal-VIS.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tibda tgħodd mill-għoxrin jum wara dak li fih tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hi ndirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, nhar it-8 ta' Ġunju 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

M. McDOWELL


(1)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(2)  ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 36.

(3)  ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 31.

(4)  ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 53.

(5)  ĠU L 131, ta' l-1.6.2000, p. 43.

(6)  ĠU L 64, tas-7.3.2002, p. 20.

(7)  ĠU L 328, tat-13.12.2001, p. 4.