32003R2211



Official Journal L 332 , 19/12/2003 P. 0001 - 0002


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2211/2003

tal-15 ta' Diċembru 2003

li jemenda u jestendi sal-31 ta' Diċembru 2004 ir-Regolament (KE) Nru 2501/2001 li japplika skema ta' preferenzi ġeneralizzati fuq it-tariffi għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2004

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Billi:

(1) Sa mill-1971 il-Komunità kkonċediet preferenzi kummerċjali lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw taħt l-iskema tagħha ta' preferenzi ġeneralizzati fuq it-tariffi.

(2) Il-politika kummerċjali komuni tal-Komunità trid tkun konsistenti ma' u tikkonsolida l-għanijiet tal-politika ta' l-iżvilupp, partikolarment il-qerda tal-faqar u l-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi tat-Tielet Dinja.

(3) In-negozjati kummerċjali multilaterali mnedija fir-raba' konferenza ministerjali ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Doha f'Novembru 2001 għadhom ma ntemmux. Għalhekk għadu kmieni wisq sabiex jitfasslu linji ta' gwida għall-applikazzjoni ta' l-iskema mill-2005 sal-2014, u dan jagħti raġuni valida sabiex l-iskema preżenti tiġi mġedda għal sena skond il-linji ta' gwida fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-1 ta' Ġunju 1994 lill-Kunsill. L-arranġamenti dwar id-drogi jridu jiġu studjati. Barra minn hekk, dan it-tiġdid jagħmilha possibli għall-Istati kandidati, li l-adeżjoni tagħhom hija prevista għall-2004, li jkunu Involuti fit-tfassil ta' skema ġdida ta' tariffi preferenzJali.

(4) L-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2501/2001 [3] uriet il-ħtieġa li jiġu emendati wħud mid-disposizzjonijiet tiegħu.

(5) F'April 2003 il-Kunsill u l-Kummissjoni ntrabtu li jeżaminaw kull emenda xierqa li tista' ssir lill-mekkaniżmu ta' kull sena li jeskludi pajjiżi/setturi benefiċjarji skond l-iżvilupp tagħhom (klassifikazzjoni), filwaqt li jżommu f'moħħhom il-ħtieġa li jsostnu l-iżvilupp ta' produzzjoni sostenibbli u kompetittiva li tinkludi, fost oħrajn, l-aġġustament li jista' jsir lis-sistema ta' klassifikazzjoni ta' l-uċuħ tar-raba' barra milli tad-drogi. Sa ma jseħħu emendi oħra li jistgħu jsiru lis-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi (GSP) li ser ikollna aktar 'il quddiem, l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 2501/2001 irid jiġi emendat bħalissa sabiex jiġi evitat kull impatt avvers fuq il-pajjiżi benefiċjarji li għandhom volum baxx ta' kummerċ li jaqa' taħt il-GSP u li għalhekk jagħmilhom vulnerabbli għal kull tibdil fil-preferenzi fuq it-tariffi.

(6) Sabiex jittieħdu in konsiderazzjoni l-partikolaritajiet individwali tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw li qed jibbenefikaw mill-GSP, iridu jiġu msaħħa l-arranġamenti għall-inċentivi speċjali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema sabiex jingħata aktar inkoraġġiment għall-adozzjoni gradwali ta' l-istandards stabbiliti fid-dikjarazzjoni ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO).

(7) Ir-Regolament (KE) Nru 2501/2001 irid għalhekk jiġi emendat skond kif ġej,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2501/2001 huwa permezz tal-preżenti emendat kif ġej:

1. fl-Artikolu 1(1), "u 2004" tiġi mibdula b' ", 2004 u 2005";

2. fi tmiem l-Artikolu 6(a), il-kelmiet "kwoti tat-tariffi" jiġu mibdula bil-kliem "kwoti tat-tariffi adottati skond l-Artikolu 26 tat-Trattat jew l-Anness VII tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87";

3. L-Artikolu 12(3) jiġi mibdul b'dan li ġej:

"3. Skond l-aktar data riċenti disponibbli fl-1 ta' Settembru ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi liema setturi jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2. Madankollu, il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-pajjiżi benefiċjarji li l-esportazzjoni tagħhom lejn il-Komunità, f'ta' l-anqas waħda mit-tliet snin imsemmija f'paragrafi 1 u 2, tammonta għall-valur ta' inqas minn 1 % ta' l-importazzjoni totali li ssir mill-Komunità ta' prodotti koperti mis-sistema ta' preferenzi tal-Komunità. Bl-istess mod, preferenzi fuq it-tariffi li tneħħew skond kolonna D ta' l-Anness 1 għandhom jerġgħu jiġu mdaħħla.";

4. L-Artikolu 14(2) jiġi mibdul b'dan li ġej:

"2. L-arranġamenti għall-inċentivi speċjali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema jistgħu jiġu mogħtija lil xi pajjiż:

(a) li l-leġislazzjoni tiegħu tinkorpora l-elementi l-aktar essenzali ta' l-istandards stabbiliti fil-Konvenzjonijiet ta' l-ILO Nri 29 u 105 dwar ix-xogħol iebes furzat, 87 u 98 dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv, 100 u 111 kontra id-diskriminazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-impjegar u x-xogħol, u 138 u 182 dwar it-tħaddim tat-tfal, u li japplika b'mod effettiv dik il-leġislazzjoni, jew

(b) li l-leġislazzjoni tiegħu tinkorpora l-elementi l-aktar essenzali ta' l-istandards imsemmija fil-paragrafu (a), u li huwa impenjat b'mod ċar u sinifikattiv li japplikahom, inkluż kull mezz appropjat ikkunsidrat fil-konvenzjonjiet rilevanti ta' l-ILO, filwaqt li jagħti l-akbar konsiderazzjoni lill-valutazzjoni tas-sitwazzjoni magħmula mill-ILO.

Fil-każ previst f'(b), l-arranġamenti jistgħu jiġu mogħtija għall-perjodu limitat u t-tiġdid tagħhom isir biss jekk il-pajjiż benefiċjarju jagħti prova ta' progress li sar f'dan il-qasam. Il-valutazzjoni ta' dan il-progress għandha tiġi magħmula skond il-memorandum ta' ftehim li jrid jintlaħaq qbil fuqu mill-awtoritajiet tal-pajjiżi benefiċjarji.";

5. fl-Artikolu 25(4), "2004" tiġi mibdula b' "2005";

6. fl-Artikolu 41(2), "2004" tiġi midbula b' "2005".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-15 ta' Diċembru 2003.

F'isem il-Kunsill

Il-President

A. Marzano

[1] Opinjoni ta' l-4 ta' Diċembru 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] Opinjoni ta' l-10 ta' Diċembru 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 346, tal-31.12.2001, pġ. 1. Regolament skond kif ġie l-aħħar emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1686/2003 (ĠU L 240, tas-26.9.2003, pġ. 8).

--------------------------------------------------