32003R2036



Official Journal L 302 , 20/11/2003 P. 0007 - 0008


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2036/2003

tad-19 ta’ Novembru 2003

li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 896/2001 dwar l-iffissar ta’ ko-effiċjenti ta’ aġġustament li għandhom ikunu applikati għall-kwantita ta’ referenza għal kull operatur tradizzjonali taħt il-kwoti ta’ tariffa għal esportazzjonijiet ta’ banana għall-2004

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 tat-13 ta’ Frar 1993 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2587/2001 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 896/2001 tas-7 ta’ Mejju 2001 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 dwar l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana ġewwa l-Komunità [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1439/2003 [4], jippreskrivi l-metodu biex tkun ikkalkolata l-kwantita ta’ referenza għal operaturi tradizzjonali A/B u Ċ għall-2004 u 2005 fuq il-bażi ta’ l-użu ta’ liċenzi ta’ importazzjoni għal dawk l-operaturi matul sena ta’ referenza.

(2) Skond ir-rapporti mill-Istati Membri skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 896/2001, is-somma tal-kwantitajiet ta’ referenza hekk iddeterminati għall-2004 hija ta’ 2197147,342 tunnellati metriċi għall-operaturi tradizzjonali kollha A/B u ta’ 630713,105 tunnellati metriċi għall-operaturi tradizzjonali Ċ. Billi dawn l-ammonti huma taħt il-kwantitajiet disponibbli taħt il-kwoti ta’ tariffa, l-applikar ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament imsemmi tkun tinvolvi l-iffissar ta’ ko-effiċjent ta’ aġġustament li jżid il-kwantitajiet ta’ referenza għal operaturi tradizzjonali.

(3) Operaturi tradizzjonali jistgħu jkun allokati kwantita eċċezzjonalment żgħira minħabba t-tbatija estrema li tolqot l-attivita tagħhom matul is-sena ta’ referenza. Skond l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (KE) Nru 896/2001, il-Kummissjoni tista’ tieħu miżuri xierqa li jkunu ġġustifikati biex jegħlbu sitwazzjonijiet speċifiċi ġewwa l-limiti tal-kwoti ta’ tariffa A/B u Ċ. Barraminhekk, in-notifika minn ċerti Stati Membri tas-somma tal-kwantitajiet ta’ referenza stabbiliti għal operaturi tradizzjonali skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 896/2001 tista’ tkun aġġustata wara t-temma tal-proċeduri ġudizzjarji li għaddejjin bħalissa.

(4) Sakemm dawk is-sitwazzjonijiet ikunu mxew ‘il quddiem, u biex ikun possibbli, kif xieraq, li jittieħdu l-miżuri meħtieġa dwar l-operaturi kkonċernati, huwa rrakkomandabbli, għalissa, li ma jkunux iffissati ko-effiċjenti ta’ aġġustament biex ikunu applikati, għall-2004, għall-kwantita ta’ referenza għal kull operatur tradizzjonali.

(5) Għandha għalhekk issir deroga mir-Regolament (KE) Nru 896/2001.

(6) Biex l-operaturi jkollhom żmien biżżejjed li jissottomettu applikazzjonijiet għal liċenzi għall-ewwel kwart ta’ l-2004, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih.

(7) Il-miżuri li jipprovdi għalihom dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Maniġerjali għal Banana,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 896/2001, ko-effiċjenti ta’ aġġustament li għandhom japplikaw għall-kwantitajiet ta’ referenza għal operaturi tradizzjonali għal kwoti ta’ tariffa A/B u Ċ għall-2004 m’għandhomx ikunu ffisati għalissa.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta’ Novembru 2003.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 47, tal-25.02.1993, p. 1.

[2] ĠU L 345, tad-29.12.2001, p. 13.

[3] ĠU L 126, tat-8.05.2001, p. 6.

[4] ĠU L 204, tat-13.08.2003, p. 30.

--------------------------------------------------