32003R1185



Official Journal L 167 , 04/07/2003 P. 0001 - 0003


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1185/2003

tas-26 ta' Ġunju 2003

dwar it-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar abbord ta' bastimenti.

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi:

(1) Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tal-ħut skond il-Politika Komuni tas-Sajd [3], il-Politika Komuni tas-Sajd għandha tiżgura l-isfruttament ta' riżorsi ħajjin tal-baħar li jipprovdu kondizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali, u l-Kunsill għandu jistabbilixxi miżuri tal-Komunità li jirregolaw l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u t-twettiq sostenibbli ta' attivitajiet ta' sajd.

(2) Ħut li jappartjeni għall-grupp tassonomiku Elasmobranchii, li jinkludi klieb il-baħar, ħut tar-razza Rajidae, rajji, u speċi bħal dawn huma ġeneralment vulnerabbli għall-isfruttament minħabba l-karatteristiċi taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Il-biċċa l-kbira ta' dawn l-ispeċi ħafna drabi jkunu qbid aċċidentali fl-attivitajiet ta' sajd fil-Komunità li jkun immirat lejn speċi ta' valur akbar.

(3) Tagħrif xjentifiku kurrenti, ġeneralment bażat fuq l-eżami tar-rati ta' qbid, jindika li ħafna riservi ta' klieb il-baħar huma mhedda serjament.

(4) Sakemm ikun hemm aktar tagħrif fuq id-dinamiċi tal-popolazzjoni tal-klieb il-baħar u r-rispons tagħhom għall-isfruttament, li jkun jippermetti l-abbozzar ta' pjan ta' maniġġjar magħmul kif imiss u komprensiv, kull miżura li żżomm l-izvilupp ta' prattiċi li mhumiex sostenibbli jew li twassal għal tnaqqis fl-isfruttament ta' klieb il-baħar għandu jkollha effetti posittivi fuq il-konservazzjoni tagħhom.

(5) Il-prattika ta' "tneħħija tax-xewka' tal-kelb il-baħar", li permezz tagħha titneħħa x-xewka ta' klieb il-baħar, bil-kumplament tal-kelb il-baħar jintrema fil-baħar, tista' tgħin il-mortalità eċċessiva ta' klieb il-baħar tant li ħafna mir-riservi jonqsu sew u s-sostenibbiltà tagħhom għall-futur tkun fil-periklu..

(6) Miżuri biex jikkontrollaw jew biex ma jħallux aktar l-iżvilupp tal-prattika ta "tneħħija tax-xewka tal-kelb il-baħar" huma urġentement meħtieġa, u t-tneħħija tax-xewka ta' klieb il-baħar minn fuq bastimenti għandha għalhekk tiġi projbita.. Minħabba d-diffikultajiet prattiċi involuti fl-identifikazzjoni ta' l-ispeċi bażata fuq xewk, din il-projbizzjoni għandha tapplika għall-Elasmobranchii kollha, ħlief għat-tneħħija tax-xewk tar-rajji.

(7) Madankollu, t-tneħħija tax-xewk minn klieb il-baħar mejta minn fuq il-bastiment għandha titħalla jekk it-tneħħija issir bl-iskop ta' użu aktar effiċjenti tal-partijiet kollha tal-kelb il-baħar bil-proċessar separat abbord tax-xewk u l-partijiet li jkun fadal mill-kelb il-baħar. F'dan il-każ, l-Istat Membru tal-bandiera għandu joħroġ u jimmaniġġja, b'kondizzjonijiet assoċjati, permess speċjali għas-sajd skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1627/94 tas-72 ta' Ġunju 1994 li jippreskrivi disposizzjonijiet ġenerali dwar permessi speċjali għas-sajd. [4].

(8) Biex ikun żgurat li l-partijiet kollha li jkun fadal minn kelb il-baħar jinżammu abbord, wara t-tneħħija tax-xewka, il-kaptani ta' bastimenti li jkollhom permess speċjali u validu għas-sajd għandhom iżommu rekords tax-xewk ta' klieb il-baħar u tal-partijiet li jkun fadal mill-klieb il-baħar wara li jkunu żvixxrati u qatgħulhom l-irjus.. Dawn ir-rekords għandhom jinżammu fil-ġurnal tal-bastiment kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll applikabbli għall-politika komuni tas-sajd [5], jew f'reġistru speċjali kif xieraq.

(9) Il-problemi li jirriżultaw mill-prattika tat-tneħħija tax-xewka tal-kelb il-baħar imorru lil hinn sew mill-ibħra tal-Komunità. Huwa xieraq li l-Komunità turi l-istess impenn għall-konservazzjoni tar-riservi fl-ibħra marittimi kollha. Dan ir-Regolament għalhekk għandu japplika għall-bastimenti kollha tal-Komunità.

(10) Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, hu meħtieġ u xieraq għall-ksib tal-finijiet bażiċi ta' konservazzjoni ta' riservi ta' klieb il-baħar li jiġu preskriti regolamenti dwar it-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar minn fuq bastimenti. Dan ir-Regolament ma' jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-finijiet mixtieqa skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan

Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tneħħija ta' xewk tal-klieb il-baħar, iż-żamma abbord, it-trasbord u t-tniżżil l-art ta' klieb il-baħar jew xewk tal-klieb il-baħar:

1. minn bastimenti f'ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità u l-ġurisdizzjoni ta' Stati Membri;

2. minn bstimenti li jtajru l-bandiera ta', jew reġistrati fi, Stati Membri f'ibħra oħra.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

1. "xewk ta' klieb il-baħar" tfisser kull xewk ta' klieb il-baħar inklużi xewk tad-denb, iżda mhux xewk tas-sider ta' rajji, li huma parti kostitwenti tal-ġwienaħ ta-rajji;

2. "kelb il-baħar" tfisser kull ħuta tassonomika Elasmobranchii;

3. "permess tas-sajd speċjali" tfisser awtorizzazzjoni minn qabel ta' sajd maħruġa u maniġġjata skond ir-Regolament (KE) Nru 1627/94.

Artikolu 3

Projbizzjonijiet

1. Għandha tkun projbita t-tneħħija ta' xewk tal-klieb il-baħar minn fuq bastimenti, u ż-żamma abbord, it-trasbord u t-tniżżil l-art ta' xewk ta' klieb il-baħar.

2. Għandu jkun projbit ix-xiri, l-offerta għal bejgħ jew il-bejgħ ta' xewk tal-klieb il-baħar li jkunu tneħħew minn fuq il-bastiment, miżmuma abbord, trasbordati jew imniżżla l-art b'kontravenzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Deroga u kondizzjonijiet assoċjati

1. B'deroga mill-Artikolu 3(1), u bla ħsara għall-paragrafi 2, 3, 4 u 5 ta' dan l-Artikolu, jista' jkun permess li jitneħħew xewk tal-klieb il-baħar minn klieb il-baħar mejta fuq il-bastiment u li jinżammu abbord, jiġu trasbordati jew imniżżla l-art xewk ta' klieb il-baħar fil-każ ta' bastimenti li għandhom permess speċjali tas-sajd

2. Permess tas-sajd speċjali bħal dan għandu jinħareġ biss lil bastimenti tas-sajd li wrew il-kapaċità li jużaw il-partijiet kollha ta' klieb il-baħar u li l-bżonn tal-proċessar separat abbord ta' xewk tal-klieb il-baħar u tal-partijiet tal-klieb il-baħar li jkun fadal ikun ġie ġustifikat.

3. Għandu jkun projbit ir-rimi fil-baħar tal-partijiet li jkun fadal ta' klieb il-baħar wara t-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar, ħlief dawk il-partijiet li jirriżultaw mill-operazzjoniet ta' proċessar, bħal qtugħ ta' l-irjus, tneħħija ta' l-imsaren u t-tqaxxir.

4. Il-piż tax-xewk miżmum mill-qabda m'għandu qatt jaqbez il-piż teoretiku tax-xewk li jkun jikkorrispondi għall-partijiet li jkun fadal tal-kelb il-baħar miżmuma abbord, trasbordati jew imniżżla l-art.

5. Biex tkun kontrollata l-applikazzjoni tal-paragrafu 4, il-korrispondenza teoretika bejn il-piżijiet tax-xewk u l-iġsma għandha tkun stabbilita mill-Istati Membri, waqt li jitqiesu t-tip ta' sajd, il-komposizzjoni ta' l-ispeċi u t-tip ta' proċessar u ħażna. Fl-ebda każ m'għandu l-piż teoretiku tax-xewk jaqbeż il-5 % tal-piż ħaj tal-klieb il-baħar maqbuda.

Artikolu 5

Rekords

1. Il-kaptani ta' bastimenti li għandhom permess speċjali tas-sajd għandhom iżommu rekords tal-piż tax-xewk ta' klieb il-baħar u tal-partijiet li jkun fadal tal-klieb il-baħar miżmuma abbord, trasbordati jew imniżżla l-art.

Dawn ir-rekords għandhom jinżammu fil-ġurnal tal-bastiment stabbilit bl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, meta applikabbli. Għal dawk il-bastimenti li m‘humiex suġġetti għall-Artikolu 6(1) ta' dak ir-Regolament, dawn ir-rekords għandhom jinżammu f'reġistru speċjali provdut mill-awtorità kompetenti li toħroġ il-permess speċjali tas-sajd.

Meta l-qabda ta' klieb il-baħar ma titniżżilx l-art sħiħa, il-kaptani tal-bastimenti għandhom iniżżlu r-rekords kollha fil-ġurnali tal-bastimenti b'dokumentazzjoni valida dwar xi tniżżel fl-art, it-trasbordi u l-bejgħ ta' xewk tal-klieb il-baħar jew tal-partijiet li jkun fadal tal-klieb il-baħar.

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu t-tip ta' dokumentazzjoni meqjusa valida għal dan l-għan u jiċċekkjaw sistematikament ir-rekords tal-ġurnal tal-bastiment.

2. Biex ikun faċilitat il-kontroll ta' dak li jitniżżel l-art mill-awtoritajiet tal-port u d-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kaptani tal-bastimenti, li għandhom permess speċjali tas-sajd u li jkun bi ħsiebhom iniżżlu l-art xewk ta' klieb il-baħar jew tal-partijiet li jkun fadal ta' klieb il-baħar barra mill-portijiet tal-Komunità, għandhom jgħarrfu lill-Istat tal-bandiera u lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat li fih hemm il-portijiet u l-faċilitajiet għat-tniżżil l-art li jkunu jridu jużaw, għall-inqas 72 siegħa qabel il-ħin stmat li għandu jasal fil-port li fih se jitniżżlu, bil-qbid miżmum abbord, bil-qbid maħsub biex jitniżżel l-art u l-ħin maħsub li fih se jaslu fil-port.

Artikolu 6

Rapporti u Analiżi

1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, sa l-1 ta' Mejju l-aktar tard, rapport annwali komprensiv dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament matul is-sena ta' qabel. Ir-rapport għandu jiddeskrivi l-monitoraġġ dwar il-ħarsien mill-bastimenti tal-ħtiġijiet ta' l-Artikoli 3, 4 u 5 u jagħti dettalji b'mod partikolari ta' permessi speċjali maħruġa, l-bażi teknika biex tkun issettjata l-korrispondenza teoretika bejn il-piżijiet ta' xewk u iġsma u d-dokumentazzjoni kunsidrata valida għall-monitoraġġ tat-tniżżil l-art separat ta' xewk u iġsma.

2. Wara li l-Istati Membri jkunu bagħtu t-tieni rapport annwali, il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim ta' dan ir-Regolament u l-iżviluppi internazzjonali f'dan il-qasam, u tibgħat, jekk approprjat, kull emendi għal dan ir-Regolament. Meta l-emendi proposti jkunu jaffettwaw il-korrispondenza teoretika bejn il-piżijiet ta' xewk u iġsma, dawn l-emendi għandhom isiru fid-dawl tal-parir tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-60 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-26 ta' Ġunju 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Drys

[1] ĠU C 331 E, tal-31.12.2002, p. 121.

[2] Opinjoni mogħtija fis-27 ta' Marzu 2003 (għad mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 358, tal-31.12.2002, p. 59.

[4] ĠU L 171, 06.07.1994, p. 7.

[5] ĠU L 261, ta' l-20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, tas-16.05.2003, p. 1).

--------------------------------------------------