32003R0782



Official Journal L 115 , 09/05/2003 P. 0001 - 0011


Ir-Regolament (KE) Nru 782/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-projbizzjoni tal-komposti ta' l-organotin fuq il-bastimenti

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekomomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Il-Komunità tinsab imħassba serjament bl-effetti ta' ħsara tal-komposti ta' l-organotin użati fis-sistemi ta' l-antifouling (kontra l-ħaxix tal-baħar u l-organiżmi l-oħra li jikbru mal-karini tal-bastimenti), u b'mod partikolari l-kisjiet tat-tributiltin (TBT).

(2) Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-kontroll tas-sistemi ta' l-antifouling (il-Konvenzjoni AFS) kienet adottata fil-5 ta' Ottubru 2001 f'Konferenza diplomatika (il-Konferenza AFS) miżmuma taħt il-patroċinju ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (l-IMO) li għaliha attendew l-Istati Membri tal-Komunità.

(3) Il-Konvenzjoni AFS hija konvenzjoni qafas li jippermetti l-projbizzjoni tas-sistemi ta' ħsara ta' l-antifouling fuq il-bastimenti skond il-proċeduri ddefiniti tajjeb ħafna espressi fid-Dikjarazzjoni ta' Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp.

(4) F'dan l-istadju, il-Konvenzjoni AFS tipprojbixxi biss l-applikazzjoni tal-komposti ta' l-organotin fuq il-bastimenti.

(5) Dati fissi ta' l-appliklazzjoni ġew inklużi fil-Konvenzjoni AFS: l-1 ta' Jannary 2003 għall-projbizzjoni ta' l-applikazzjoni tal-komposti ta' l-organotin fuq il-bastimenti u l-1 ta' Jannar 2008 għall-eliminazzjoni tal-komposti ta' l-organotin minn fuq il-bastimenti.

(6) Il-Konvenzjoni AFS trid tidħol fis-seħħ 12-il xahar wara r-ratifika tagħha minn mill-inqas 25 Stat li jirrappreżentaw mill-inqas 25 % tat-tunnellaġġ metriku fid-dinja.

(7) L-Istati Membri għandhom jirratifikaw il-Konvenzjoni AFS ma' l-ewwel opportunità.

(8) L-Istati Membri għandhom jitqiegħdu fl-aħjar pożizzjoni possibbli għar-ratifika bil-ħeffa tal-Konvenzjoni AFS. Għandu jiġi mneħħi kull xkiel li jista' jimpedixxi din ir-ratifika.

(9) Il-Konferenza AFS, konxja li ż-żmien li jifdal sa l-1 ta' Jannar 2003 jista' ma jkunx biżżejjed għalbiex jgħin id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni AFS sa din id-data, u bix-xewqa li l-komposti ta' organotin għandhom jieqfu effettivament milli jiġu applikati mit-trasport bil-baħar mill-1 ta' Jannar 2003, talbet fir-Riżoluzzjoni Nru 1 tal-Konferenza AFS illi l-Istati Membri ta' l-IMO jagħmlu ħilithom kollha għalbiex iħejju li jimplimentaw il-Konvenzjoni AFS bħala materija ta' urġenza, u ħeġġet lill-industriji rilevanti li jżommu lura mill-marketing, il-bejgħ u l-applikazzjoni tal-komposti ta' l-organotin sa din id-data.

(10) Bħala segwiment immedjat tal-Konferenza AFS il-Kummissjoni adottat id-Direttiva tal-Kummisjoni 2002/62/KE tad-9 ta' Lulju 2002 li taddatta għall-progres tekniku għad-disa' darba l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu tas-sustanzi u t-tħejjijiet perkolużi (il-komposti organostanniċi) [4] sabiex jipprojbixxu, mill-1 ta' Jannar 2003, il-marketing u l-użu tal-komposti organostanniċi fis-sistemi ta' kontra l-antifouling għall-bastimenti kollha, irrispettivament mit-tul tagħhom.

(11) Fid-dawl tar-Riżoluzzjoni Nru 1 tal-Konferenza AFS, huma meħtieġa passi addizzjonali sabiex jiġu implimentati l-miżuri li jirrigwardaw il-komposti ta' l-organotin sabiex tiġi żgurata l-abolizzjoni ġenerali tal-kisi tat-TBT użat fuq il-bastimenti fil-Komuità kollha u l-ibħra li jdawruha fid-dati pprovduti fil-Konvenzjoni AFS.

(12) Regolament huwa l-istrument legali approprjat billi jimponi fuq is-sidien tal-bastimenti u fuq l-Istati Membri, direttament u fi kwadru qasir taż-żmien, il-ħtiġiet preċiżi li jridu jiġu implimentati fl-istess waqt u fl-istess manjiera fil-Komunità kollha. Dan ir-Regolament li għandu jfittex biss li jipprojbixxi l-komposti ta' l-organotin, ma għandux jiddupplika l-Konvenzjoni AFS.

(13) Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa r-restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u tħejjijiet perikolużi (il-komposti organostanniċi) kif stabbilit fid-Direttiva 76/769 [5].

(14) L-inċertezza li tirrigwarda l-projbizzjoni totali tal-kisjiet attivi tat-TBT ma għandhiex tiġi aċċettata fil-livell Komunitarju; l-industrija tat-trasport bil-baħar imferrex mad-dinja kollha għandha tiġi magħmula konxja biċ-ċar u fi żmien mistħoqq illi, mill-1 ta Jannar 2008, il-bastimenti li jkun fihom kisja attiva tat-TBT fuq il-buq tagħhom ma jitħallewx jidħlu iktar fil-portijiet Komunitarji.

(15) Il-pajjiżi terzi, b'mod partikolari jekk ma jistgħux jibbenefikaw mill-valur miżjud ta' regolament supranazzjonali, jistgħu jesperjenzjaw diffikultajiet tekniċi meta tiġi imposta, permezz tal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, il-projbizzjoni dwar l-applikazzjoni tal-kisjiet tat-TBT fuq il-bastimenti tagħhom mill-jum li fih il-projbizzjoni tidħol fis-seħħ b'dan ir-Regolament. L-applikazzjoni tal-projbizzjoni f'dan ir-Regolament dwar l-applikazzjoni ta' kisjiet tat-TBT għandha għalhekk tiġi sospiża rigward il-bastimenti li jbaħħru taħt il-bandiera ta' Stat terz għall-perjodu interim taż-żmien li jibda fl-1 ta' Lulju 2003 u jtemm fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni AFS.

(16) L-Istati tal-bandiera li jkunu barrew l-użu tal-kisjiet tat-TBT fuq il-bastimenti tagħhom għandhom interess ekonomiku li jiżguraw illi l-Konvenzjoni AFS tidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun, sabiex jiżguraw sitwazzjoni ta' l-istess livell mifruxa mad-dinja kollha. Dan ir-Regolament li jipprojbixxi, malajr kemm jista' jkun, lill-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru milli japplikaw il-kisjiet tat-TBT, għandu jikkostitwixxi inċentiv għall-Istati tal-bandiera li jirratifikaw il-Konvenzjoni AFS.

(17) Id-definizzjonijiet u l-ħtiġiet imposti f'dan ir-Regolament għandhom ikunu msejsa, safejn u sakemm possibbli, fuq dawk użati fil-Konvenzjoni AFS.

(18) Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tiegħu fuq il-pjattaformi lil hemm mill-kosti, dan ir-Regolament għandu applika wkoll għall-bastimenti li joperaw taħt l-awtorità ta' Stat Membru. Ma għandu japplika għal-ebda bastiment tal-gwerra jew bastimenti oħra governattivi ġaladarba t-trattament ta' dawn il-bastimenti huwa kopert b'mod adegwat taħt il-Konvenzjoni AFS.

(19) Li tiġi imposta, mill-1 ta' Lulju 2003, il-projbizzjoni tal-kisjiet attivi tat-TBT fuq il-bastimenti kollha li huma intitolati li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru u li s-sistema tagħhom ta' l-antifouling tkun ġiet applikata, imbiddla jew mibdula wara din id-data, għandha tkun inċentiv għall-industrija tat-trasport bil-baħar sabiex timplimenta r-rakkomandazzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 1 tal-Konferenza AFS.

(20) Huwa approprjat li jiġi stabbilit l-istess reġim ta' perizja u ċertifikazzjoni kif ipprovdut bil-Konvenzjoni AFS. Taħt dan ir-Regolament il-bastimenti kollha ta' 400 tunnellata metrika grossi u fuqhom, irrispettivament min-natura tal-vjaġġ tagħhom, għandhom jgħaddu minn perizja, filwaqt li l-bastimenti ta' 24 metru jew iktar fit-tul imma inqas minn 400 tunellata metrika grossi għandhom iġorru dikjarazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament jew mal-Konvenzjoni AFS. Il-Komunità għandu jkollha d-dritt li ddaħħal reġim armonizzat ta' perizja għal dawn il-bastimenti jekk dan jiġi ppruvat meħtieġ fi stadju iktar tard.

(21) Rigward il-bastimenti ta' inqas minn 24 metru tul, mhux meħtieġ li tiġi pprovduta perizja speċifika jew dikjarazzjoni ġaladarba dawn il-bastimenti, fil-biċċa l-kbira tagħhom qxur tar-rikreazzjoni jew tas-sajd, iridu jiġu koperti b'mod adegwat skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/769/KEE.

(22) Iċ-ċertifikati u d-dokumenti maħruġa skond dan ir-Regolament, kif ukoll iċ-Ċertifikati AFS u d-Dikjarazzjonijiet AFS maħruġa mill-Partijiet għall-Konvenzjoni AFS, għandhom jiġu rrikonoxuti.

(23) Jekk il-Konvenzjoni AFS ma tkunx daħlet fis-seħħ qabel l-1 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni għandu jkollha l-permess li tadotta l-miżuri approprjati sabiex tippermetti lill-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat terz juru l-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament, kif ukoll mal-miżuri tal-kontroll ta' l-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

(24) L-iktar reġim approprjat għall-kontroll ta' l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni tal-kisjiet tat-TBT fuq il-bastimenti u l-ħtiġiet tal-Konvenzjoni AFS huwa dak stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsil 95/21/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 li tirrigwarda l-infurzar, rigward it-trasport bil-baħar li juża l-portijiet Komuntarji u t-tbaħħir fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, ta' l-istandards internazzjonali għas-sigurtà tal-bastimenti, il-prevenzjoni tat-tniġġiż u l-kondizzjonijiet ta' l-għixien u tax-xogħol abbord (il-kontroll ta' l-Istat tal-port) [6] u għandhom isiru emendi għal din id-Direttiva fiż-żmien approprjat. Wara li jiġi kkunsidrat l-iskop speċifiku għal din id-Direttiva, għandhom jiġu applikati dispożizzjonijiet ekwivalenti għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru matul dan il-perjodu interim taż-żmien.

(25) Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri kkonferiti fuq il-Kummissjoni [7].

(26) Sabiex tiġi stmata l-kisba tal-mira ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tipproponi, jekk meħtieġa, kull aġġustament approprjat għal dan ir-Regolament.

(27) Id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandu jkun hekk illi jippermetti l-projbizzjoni effettiva tal-komposti ta' l-organotin fuq il-bastimenti malajr kemm jista' jkun,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jnaqqas jew jelimina l-effetti negattivi fuq l-ambjent marin u s-saħħa tal-bniedem ikkaġunati mill-komposti ta' l-organotin, li jaġixxu bħal antikopri attivi fis-sistemi ta' l-antifouling użati fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera, jew joperaw taħt l-aworità ta' Stat Membru, u fuq il-bastimenti, tkun xi tkun il-bandiera li jtajru, li jsalpaw lejn jew mill-portijiet ta' l-Istati Membri.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1. Għall-għan ta' dan ir-Regolament:1."sistema ta' l-antifouling" (kontra l-ħaxix tal-baħar u organiżmi oħra li jikbru fuq il-karini tal-bastimenti) "tfisser kisja, żebgħa, trattament fuq il-wiċċ, wiċċ jew mezzi li jiġu użati fuq bastiment għalbiex jikkontrollaw jew jipprevjienu t-twaħħil ta' organiżmi mhux mixtieqa;"

2. "tunnellaġġ metriku gross" ifisser it-tunnellaġġ metriku gross ikkalkolat skond ir-regolamenti tal-kejl tat-tunnellaġġ metriku li jinsab fl-Anness I mal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-Kejl tat-Tunnellaġġ Metriku tal-Bastimenti tas-sena 1969, jew kull suċċessur tal-Konvenzjoni;

3. "tul" ifisser it-tul kif iddefinit fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija tas-sena 1966, kif immodifikata bil-Protokoll tas-sena 1988 li għandu x'jaqsam magħha, jew kull suċċessur tal-Konvenzjoni;

4. "bastiment" ifisser opra tal-baħar, ikun xi jkun it-tip tagħha, li topera fl-ambjent marin u tinkludi l-vetturi bil-hydrofoil, il-vetturi li jimxu fuq kuxxina ta' l-arja, is-sommersibbli, il-vetturi galleġġjanti, il-pjattaformi fissi jew li jiggalleġġjaw, l-unitajiet galleġġjanti tal-ħażna (il-FSUs) u l-unitajiet galleġġjanti tal-produzzjoni tal-ħażna u tal-ħatt (il-FSPOs);

5. "il-Konvenzjoni AFS" tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-kontroll tas-sistemi ta' ħsara ta' l-antifouling fuq il-bastimenti, adottata fil-5 ta' Ottubru 2001, irrispettivament minn meta tidħol fis-seħħ;

6. "organizzazzjoni rikonoxxuta" tfisser korp magħruf skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE tat-22 ta' Novembru 1994 dwar ir-regoli komuni u l-istandards għall-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjon u l-perizja tal-bastimenti u għall-attivitajiet rilevanti ta' l-amministrazzjonijiet marittimi [8];

7. "Ċertifikat AFS" ifisser iċ-ċertifikat maħruġ lill-bastimenti skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness 4 mal-Konvenzjoni AFS jew, matul il-perjodu interim taż-żmien, ċertfikat maħruġ skond il-format stabbilit fl-Anness II ma' dan ir-Regolament, meta jkun maħruġ mill-amministrazzjoni ta' kull Stat Membru jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta li taġixxi f'ismu.

8. "Dikjarazzjoni AFS" tfisser dikjarazzjoni mfassla fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness 4 mal-Konvenzjoni AFS jew, matul il-perjodu interim taż-żmien, dikjarazzjoni ffirmata mis-sid jew mill-aġent awtorizzat tas-sid u mfassla skond il-format stabbilit fl-Anness III ma' dan ir-Regolament;

9. "Dikjarazzjoni AFS tal-Konformità" tfisser dokument li jirreġistra l-konformità ma' l-Anness 1 mal-Konvenzjoni AFS, maħruġ minn organizzazzjoni rikonoxxuta f'isem l-amministrazzjoni ta' Stat Membru;

10. "il-perjodu interim taż-żmien" ifisser il-perjodu taż-żmien li jibda fl-1 ta' Lulju 2003 u jtemm mad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni AFS.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a) il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru,

(b) il-bastimenti li ma jtajrux il-bandiera ta' Stat Membru imma joperaw taħt l-awtorità ta' Stat Membru, u

(ċ) il-bastimenti li jidħlu f'port jew terminali "l barra mill-kosta ta' Stat Membru imma li ma jidħolx fil-punti (a) jew (b)."

2. Dan ir-Regolament ma għandu japplika għall-ebda basiment tal-gwerra, awżiljarju navali jew kull bastiment ieħor ippossjedut minn Stat u użat, għal issa, għas-servizz governattiv mhux kummerċjali biss.

Artikolu 4

Il-projibizzjoni ta' l-applikazzjoni tal-komposti ta' l-organotin li jaġixxu bħala bijoċidi

Mill-1 ta' Lulju 2003, il-komposti ta' l-organotin li jaġixxu bħala bijoċidi fis-sistemi ta' l-antifouling ma għandhomx jiġu applikati jew applikati mill-ġdid fuq il-bastimenti.

Madankollu, matul il-perjodu interim taż-żmien din id-dispożizzjoni għandha tapplika biss għall-bastimenti imsemmija fil-punti (a) jew (b) ta' l-Artikolu 3(1).

Artikolu 5

Il-projbizzjoni tal-ġarr tal-komposti ta' l-organotin li jaġixxu bħala bijoċidi

1. Il-bastimenti intitolati li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru mill-1 ta' Lulju 2003, u li s-sistema tagħhom ta' l-antifouling tkun ġiet applikata, imbiddla jew mibdula wara din id-data, ma għandhomx iġorru komposta ta' l-organotin li jaġixxu bħala bijoċidi fis-sistemi ta' l-antifouling fuq il-buqijiet, jew il-partijiet esterni u l-wiċċ, għajr jekk iġorru kisja li tifforma xkiel għal dawn il-komposti sabiex jipprevjieni t-tisfija mis-sistema ta' l-antifouling li tkun imwaħħla ma' taħt il-bastiment u li ma tikkonformax.

2. Mill-1 ta' Jannar 2008 il-bastimenti imsemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom jew ma jġorrux il-komposti ta' l-organotin li jaġixxu bħala bijoċidi fis-sistemi ta' l-antifouling fuq il-buqijiet jew il-partijiet esterni u l-wiċċ, jew iġorru kisja li tifforma xkiel għal dawn il-komposti mit-tisfija tas-sistema ta' l-antifouling li ma tikkonformax.

3. Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-pjattaformi fissi u galleġġjanti, l-FSUs u l-FPSOs mibnija qabel l-1 ta' Lulju 2003 li ma kenux fil-baċin mingħajr ilma f'din id-data jew wara.

Artikolu 6

Il-perizja u ċ-ċertifikazzjoni

1. Dan li ġej għandu japplika rigward il-perizja u ċ-ċertifikazzjoni tal-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru:

(a) Il-bastimenti ta' 400 tunnellata metrika grossi u fuqhom, minbarra l-pjattaformi fissi jew galleġġjanti, l-FSUs u l-FPSOs, għandu jkollhom perizja u jkunu ċċertifikati mill-1 ta' Lulju 2003 skond il-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness I, qabel ma l-bastiment jiddaħħal għax-xogħol għall-ewwel darba, jew meta jiġu mbiddla jew mibdula s-sistemi ta' l-antifouling.

(b) Il-bastimenti ta' 24 metru tul jew iktar, imma inqas minn 400 tunnellata metrika grossi, minbarra l-pjattaformi fissi jew galleġġjanti, l-FSUs u l-FPSOs, għandhom iġorru Dikjarazzjoni AFS għalbiex juru l-konformità ma' l-Artikoli 4 u 5. Jekk meħtieġ, il-Kummissjni, skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 9(2), tista' tistabbilixxi reġim armonizzat ta' perizja u ċertifikazzjoni għal dawn il-bastimenti.

(ċ) L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu miżuri approprjati għall-bastimenti mhux koperti bil-punti (a) u (b) sabiex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.

2. Dan li ġej għandu japplika rigward il-konoxximent taċ-ċertifikati, id-dikjarazzjonijiet u s-sentenzi dwar il-konformità:

(a) mill-1 ta' Lulju 2003, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu kull Ċertifikat AFS;

(b) sas-sena ta' wara d-data imsemmija fil-punt (a), l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu d-Dikjarazzjoni AFS tal-Konformità;

(ċ) mill-1 ta' Lulju 2003, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu kull Dikjarazzjoni AFS.

Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati bid-dokumentazzjoni approprjata (bħalma huma rċevuta għaż-żebgħa jew fattura tal-kuntrattur) jew ikun fihom l-endorsjar approprjat.

3. Jekk il-Konvenzjoni AFS ma tkunx daħlet fis-seħħ sa l-1 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 9(2), il-miżuri approprjati sabiex tippermetti lill-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat terz li juru l-konformità tagħhom ma' l-Artikolu 5.

Artikolu 7

Il-kontroll ta' l-Istat tal-port

Matul il-perjodu interim taż-żmien l-Istati Membri għandhom japplikaw dispożizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Direttiva 95/21/KE għall-bastimenti ta' 400 tunnellata metrika grossi u fuqhom li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru. Rigward l-ispezzjonijiet u l-kxif tal-kontravenzjonijiet, l-Istati Membri għandhom ikunu ggwidati mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni AFS.

Jekk il-Konvenzjoni AFS ma tkunx daħlet fis-seħħ fl-1 ta Jannar 2007, il-Kummissjoni għandha tistabblixxi, skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 9(2), proċeduri approprjati għal dawn il-kontrolli.

Artikolu 8

L-addattamenti

Sabiex tqis l-iżviluppi fil-livell internazzjonali u b'mod partikolari l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (l-IMO), jew għalbiex tippromwovi l-effikaċja ta' dan ir-Regolament fid-dawl ta' l-esperjenza, ir-referenzi għall-Konvenzjoni AFS, għaċ-Ċertifikat AFS, għad-Dikjarazzjoni AFS u għad-Dikjarazzjoni AFS dwar il-Konformità u/jew l-Annessi ma' dan ir-Regolament, inklużi l-linji gwida rilevanti ta' l-IMO li għandhom x'jaqsmu ma' l-Artikolu 11, jistgħu jiġu emendati skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 9(2).

Artikolu 9

Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ta' l-Ibħra fis-Sigurtà u l-Prevenzjoni tat-Tniġġiż mill-Bastimenti stabbilit bl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 [9] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 li jirrigwarda l-Kumitat ta' l-Ibħra fis-Sigurtà u l-Prevenzjoni tat-Tniġġiż mill-Bastimenti (il-COSS) u li jemenda r-regolamenti dwar is-sigurtà fuq il-baħar u l-prevenzjoni tat-tniġġiż mill-bastimenti, minn issa "l quddiem imsejjaħ "il-COSS". 2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 li jinsabu fiha."

2. Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

3. Il-COSS għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 10

Il-valutazzjoni

Sa l-10 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat tar-ratifika tal-Konvenzjoni AFS u tipprovdi t-tagħrif dwar safejn u sakemm il-komposti ta' l-organotin li jaġixxu bħala bijoċidi fis-sistemi ta' l-antifouling, għadhom jintużaw fuq il-bastimenti li ma jtajrux il-bandiera ta' Stat Membru u li jopera lejn jew mill-portijiet Komunitarji. Fid-dawl ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni tista' tipproponi, jekk meħtieġa, emendi għalbiex tiżgura t-tnaqqis aċċelerat tal-kontribuzzjoni mill-bastimenti li ma jtajrux il-bandiera ta' Stat Membru għall-preżenza tal-komposti ta' ħsara ta' l-anti-foulng fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri.

Artikolu 11

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-14 ta' April 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

A. Giannitsis

[1] ĠU C 262 E, tad-29.10.2002, p. 492.

[2] Opinjoni mogħtija fil-11 ta' Diċembru 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew mogħtija fil-20 ta' Novembru 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Marzu 2003.

[4] ĠU L 183, tat-12.7.2002, p. 58.

[5] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/3/KEE (ĠU L 4, tad-9.1.2003, p. 12.

[6] ĠU L 157, tas-7.7.1995, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 53).

[7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[8] ĠU L 319, tat-12.12.1994, p. 20. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

[9] ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Il-ħtiġiet tal-perizji u ċ-ċertifikazzjoni għas-sistemi ta' l-antifawling fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru

1. Il-perizji

1.1. Il-bastimenti ta' 400 tunnellata metrika grossi, minbarra l-pjattaformi fissi jew galleġġjanti, l-FSUs u l-FPSOs, għandhom, mill-1 ta' Lulju 2003, ikunu bla ħsara għal dan li ġej:

(a) perizja inizjali qabel ma l-bastimenti jiddaħħal għax-xogħol jew meta l-bastiment jidħol għall-ewwel darba f'baċin mingħajr ilma sabiex jiġu applikati sistemi ta' l-antifouling; u

(b) perizja meta s-sistemi ta' l-antifouling jiġu mbiddla jew mibdula. Dawn il-perizji għandhom jiġu endorsjati fuq iċ-ċertifikat meħtieġ skond il-punt 2.1.

1.2. Il-perizja għandha tkun hekk li tiżgura illi s-sitema ta' l-antifouling tikkonforma fis-sħiħ ma l-Artikoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament.

1.3. Il-perizji għandhom jiġu mwettqa mill-uffiċjali awtorizzati kif mistħoqq mill-amministrazzjoni ta' l-Istat Membru, jew ta' Stat Membru ieħor, jew ta' parti għall-Konvenzjoni AFS, jew minn perit innominat għal dan il-għan minn waħda minn dawn l-amministrazzjonijiet, jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta li taġixxi f'isem l-amministrazzjoni.

1.4. Għajr jekk ipprovdut xorta oħra f'dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom rigward il-perizji imsemmija fil-punt 1.1 isegwu l-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness 4 mal-Konvenzjoni AFS, kif ukoll mal-linji gwida għall-perizji u ċ-ċertifikazzjonijiet tas-sistemi ta' l-antifouling annessi mar-Riżoluzzjoni MEPC 101(48), adottata fil-11 ta' Ottubru 2002 mill-Kumitat tal-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marin ta' l-IMO.

2. Iċ-ċertifikazzjon

2.1. Wara t-tkomplija tal-perizja imsemmija fil-punt 1.1 (a) jew (b), Stat Membru li jkun għadu mhux Parti għall-Konvenzjoni AFS għandu joħroġ ċertifikat skond il-format stabbilit fl-Anness II. Stat Membru li huwa Parti għall-Konvenzjoni AFS għandu joħroġ Ċertifikat AFS.

2.2. Stat Membru jista' jafda Dikjarazzjoni AFS tal-Konformità għall-wiri tal-konformità mal-ħtiġiet ta' l-Artikolu 4 u 5 ta' dan ir-Regolament. Ċertifikat imsemmi fil-punt 2.1 għandu jieħu l-post ta' din id-Dikjarazzjoni AFS l-iktar tard sa sena wara d-data imsemmija fil-punt 1.1.

2.3. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi bastiment imsemmi fil-punt 1.1 iġorr ċertifikat maħruġ skond il-punt 2.1.

2.4. L-Istati Membri għandhom, għall-għanijiet taċ-ċertifikazzjoni imsemmija fil-punt 2.1, isegwu l-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness 4 tal-Konvenzjoni AFS.

--------------------------------------------------

ANNESS II

Il-Formoli taċ-ċertifikat u tar-reġistrazzjoni tas-sistemi ta' l-antifouling

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS III

ID-DIKJARAZZJONI DWAR IS-SISTEMA TA' L-ANTIFOULING GĦALL-BASTIMENTI TA' TUL TA' 24 METRU U IKTAR, IMMA INQAS MINN 400 TUNNELLATA METRIKA GROSSI

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------