32003R0405

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 405/2003 tas-27 ta’ Frar 2003 dwar il-kontroll tal-Komunità ta’ l-importazzjoni tal-fossili tal-karbonju li joriġina minn pajjiżi terzi(Test b’relevanza għaż- ŻEE)

Official Journal L 062 , 06/03/2003 P. 0001 - 0003
CS.ES Chapter 11 Volume 46 P. 62 - 64
ET.ES Chapter 11 Volume 46 P. 62 - 64
HU.ES Chapter 11 Volume 46 P. 62 - 64
LT.ES Chapter 11 Volume 46 P. 62 - 64
LV.ES Chapter 11 Volume 46 P. 62 - 64
MT.ES Chapter 11 Volume 46 P. 62 - 64
PL.ES Chapter 11 Volume 46 P. 62 - 64
SK.ES Chapter 11 Volume 46 P. 62 - 64
SL.ES Chapter 11 Volume 46 P. 62 - 64


IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 405/2003

tas-27 ta’ Frar 2003

dwar il-kontroll tal-Komunità ta’ l-importazzjoni tal-fossili tal-karbonju li joriġina minn pajjiżi terzi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 284 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Komunità qed issir iktar dipendenti fuq il-provvista estera ta’ l-egħjun primarji ta’ l-enerġija. Skond l-abbozz "Lejn strateġija ta’ l-Unjoni Ewropea għas-sigurtá tal-provvista ta’ l-enerġija", adottata mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2000, l-importazzjoni preżenti tkopri għall-50 % tal-ħtiġijiet ta’ l-enerġija fil-Komunità, liema figura mistennija fuq tendenza kurrenti li tiżdied għal madwar 70 % sas-sena 2030.

(2) Id-diversifikazzjoni f’dawk li jipprovdu u fl-egħjun ta’ l-enerġija hija fattur importanti fis-sigurta tal-provvista ta’ l-enerġija. Huwa għalhekk essenzali għall-Komunità li jkollha sistema ta’ kontroll ta’ l-importazzjoni tal-fossili tal-karbonju li joriġina minn pajjiżi terzi.

(3) It-Trattat tal-KEFA u l-miżuri ta’ l-implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari d-Deċiżjoni 77/707/KEFA tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill nhar is-7 ta’ Novembru 1977, dwar s-sorveljanza tal-Komunità fuq l-importazzjoni tal-fossili tal-karbonju li joriġina minn pajjiżi terzi [1] skada fit-23 ta’ Lulju 2002.

(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 341/94/KEFA ta’ t-8 ta’ Frar 1994 li timplimenta d-Deċiżjoni Nru 3632/93/KEFA tistabbilixxi r-regoli tal-Komunità għal-għajnuna mill-Istati għal-industrija tal-faham [2], liema deċiżjoni tgħin lill-Kummissjoni sabiex tistabilixxi l-prezz tal-faham li jiġi minn pajjiżi terzi, maħsub għall-kalkara ta’ l-ibblastjar u biex tinġabar id-data essenzali dwar ix-xiri tal-faham, faħam tal-kokk jew kokk minn pajjiżi terzi, skadiet ukoll nhar it-23 ta’ Lulju 2002.

(5) L-informazzjoni dwar il-gwida tal-prezzijiet tal-faham li joriġina minn pajjiżi terzi, maħsub għall-produzzjoni ta’ l-eletriċita u tal-faham intiż għal-industrija ta’ l-azzar, hija neċessarja sabiex is-suq intern jiffunzjona b’mod korrett partikolarment għall-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istati lill-industrija tal-faham tal-Komunità.

(6) Għalhekk hija meħtieġa l-introduzzjoni ta’ proċedura għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni dwar l-ispejjeż tal-provvisti esteri tal-fossili tal-karbonju u dwar il-gwida tal-prezzijiet għall-faham importat intiż għall-produzzjoni ta’ l-eletriċita u tal-faham intiż għal-industrija ta’ l-azzar

(7) Din il-proċedura titlob eżami, f’intervalli regolari, ta’ l-informazzjoni miġbura mill-Istati Membri dwar l-ispejjeż tal-provvisti esteri tal-faham u dwar l-prezzijiet tal-faham li joriġina minn pajjiżi terzi intiżi li jiġu użati għall-produzzjoni ta’ l-eletriċita u għall-industrija ta’ l-azzar. L-informazzjoni miġbura għandha tħalli lok għall-possibilità li jsir paragun bejn l-iżvilupp ta’ l-ispejjż u l-prezzijiet ta’ l-importazzjoni tal-faham applikati fil-Komunità.

(8) Skond il-prassi attwali l-Istati Membri għandhom ikomplu jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-prezzijiet tal-faham li joriġina minn pajjiżi terzi. L-Istati Membri jistgħu jżommu is-sistema attwali tagħhom jew inkella joħolqu proċedura ġdida biex jiġbru d-data.

(9) L-informazzjoni miġbura u r-riżultati ta’ l-analiżi li saret mill-Kummissjoni għandha tkun ippublikata fuq livell Kommunitarju sabiex tissalvagwarda t-trasparenza tas-suq, minkejja li ma tħalliex l-identifikazzjoni ta’ importazzjonijiet speċifiċi u kumpanniji individwali, b’konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(10) Jekk il-Kummissjoni ssib xi anomalija jew xi inkonsistenza fil-figuri lilha nnotifikati, hija għandha tkun kapaċi li tikseb informazzjoni oħra mill-Istati Membri kkonċernati.

(11) Sabiex tingħata gwida, fil-funzjoni tal-kompiti assenjati lill-Komunità, dwar l-azzjoni li għandha titieħed minngħand dawk kollha kkonċernati u li tistabilixxi l-azzjoni proprja, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, il-Kummissjoni tidderiġi studju kontinwu tal-karburanti solidi mqiegħedha fis-suq u t-tendenza tal-prezzijiet.

(12) Il-Kummissjoni għandha tippublika l-istudji u l-informazzjoni miġbura fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, minkejja l-forma hija waħda li ma tidentifikax l-importazzjoni speċifika jew l-kumpanniji individwali. Hija għandha tispeċifika l-arranġamenti tal-komunikazzjoni.

(13) Dan ir-Regolament għandu japplika rettroattivament jiġifieri sa mill-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA, sabiex jissigura l-benefiċju totali tad-dispożizzjonijiet tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema ta’ kontroll ta’ l-importazzjoni tal-fossili tal-karbonju li joriġinaw minn pajjiżi terzi.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jgħaddu l-informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-importazzjoni tal-fossili tal-karbonju u dwar l-prezzijiet ta’ l-importazzjoni tal-prodotti tal-faham intiżi għall-produzzjoni ta’ l-eletricita u għal użu ta’ l-industrija ta’ l-azzar fil-Komunità.

Din l-informazzjoni għandha tinkiseb billi tiġbor flimkien id-data kollha rċevuta skond l-Artikolu 4 u għandha tkun ippreżentata b’tali mod illi tipprovdi kemm jista’ jkun stampa ċara tas-suq tal-faham fil-Komunità.

Artikolu 3

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a) "importazzjoni tal-faham" tfisser kull kunsinna tal-prodotti tal-faham li toriġina minn pajjiżi terzi u li tidħol fit-territorju tad-dwana tal-Komunità għall-għanijiet oħra minbarra ta’ transitu, maħsuba għall-produzzjoni ta’ l-eletricita jew għall-provvista tal-fran tal-kokk ta’ l-Istati Membri;

(b) "prezz ta’ l-importazzjoni" jfisser l-prezz ħieles mill-fruntieri tal-prodotti tal-faham li jidħlu fit-territorju tad-dwana tal-Komunità, ibbażat skond it-tunnellata metrika tal-faham ekwivalenti (tfe) fil-każ ta’ faham intiż għaċ-ċentrali ta’ l-enerġija u ibbażat skond grad standard fil-każ ta’ faham intiż għall-fran tal-kokk.

Artikolu 4

Kull persuna jew impriża li timporta wieħed mill-prodotti tal-faham msemmija fl-Artikolu 5 minn pajjiżi terzi għandha tipprovdi lill-Istat Membru, fejn l-persuna jew l-impriża tinsab, bl-informazzjoni relevanti dwar din l-importazzjoni.

Kull importazzjoni diviża f’diversi gruppi minħabba raġunijiet ta’ trasport għandha tkun ikkunsidrata bħala kunsinna singola ta’ importazzjoni jekk din hija effetwata bi prezz uniku.

Jekk kunsinna ta’ importazzjoni ta’ prodott magħruf hija ddikjarata li kienet diviża f’diversi gruppi, kull waħda bi prezz differenti, kull grupp għandu jkollu dikjarazzjoni separata.

Artikolu 5

1. Id-data li tikkaraterizza kull importazzjoni ta’ prodott tal-faham lil Stat Membru għandha tinkludi:

(a) in-nominazzjoni tal-prodott tal-faham:

(b) il-kwantitá espressa f’tunnellati metriċi, kif ukoll il-medja tal-valur baxx kalorifiku fil-każ ta’ faham ta’ l-istim;

(ċ) fil-każ ta’ faham għall-produzzjoni tal-kokk msemmi fil-paragrafu (2)(b): rmied, ndewwa, materja volatili u kontenut tal-kubrit:

(d) l-prezz li effetivament tħallas.

2. L-informazzjoni dwar il-prodotti li ġejjin li trid tintbagħat tinkludi:

(a) faham għall-produzzjoni ta’ l-eletriċita jew għall-produzzjoni tas-sħana u ta’ l-eletriċita flimkien

(b) faham għall-produzzjoni tal-kokk għall-provvista tal-kalkara ta’ l-ibblastjar fl-industrija ta’ l-azzar.

3. L-Istati Membri jistgħu jitolbu informazzjoni neċessarja mis-Servizzi Doganali sabiex jaderixxu ma’ l-obligazzjonijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 6

L-informazzjoni li l-Istati Membri huma meħtieġa li jipprovdu lill-Kummissjoni skond l-artikolu 2 għandha tintbagħat fi żmien xahrejn mit-tmiem ta’ kull perjodu, liema perjodu, mhux iktar minn sitt xhur. Din l-informazzjoni għandha tkun ir-riżultat totali, għal kull prodott tal-faham, tad-data li l-Istati Membri jirċievu mill-persuni jew mill-impriżi. Għal kull prodott tal-faham, l-informazzjoni għandha tinkludi:

(a) it-tunellaġġ u l-karateristiċi għall-armonizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1)(b) u (c);

(b) l-prezzijiet ta’ l-importazzjoni.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni, abbażi ta’ l-informazzjoni miġbura fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandha tippublika b’mod xieraq:

(a) kull semestru, l-prezzijiet kollha fuq livell Komunitarju, ta’ l-importazzjoni tal-faham kollu maħsub għall-produzzjoni ta’ l-eletricita jew għall-produzzjoni tas-sħana u l-enerġija u t-taxxi;

(b) kull semestru, l-prezzijiet kollha fuq livell Komunitarju ta’ l-importazzjoni tal-faham kollu maħsub għall-produzzjoni tal-kokk għall-kalkara ta’ l-ibblastjar, minbarra d-dazji u t-taxxi;

(ċ) matul l-ewwel kwart ta’ kull sena, rapport tal-karburanti solidi fis-suq fil-Komunità li jirrigwarda s-sena preċedenti flimkien ma’ ħarsa fis-suq għas-sena kurrenti.

Artikolu 8

L-Istati Membri u l-Kummisjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin f’intervalli regolari fuq talba ta’ l-Istati Membri jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jirrigwardaw b’mod partikolari il-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 u 7.

Il-konsultazzjoni għandha tkun organizzata flimkien ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-pajjiżi terzi li introduċew mekaniżmi ta’ informazzjoni simili.

Artikolu 9

L-informazzjoni kollha rċevuta mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun suġġetta għar-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 li jirrigwarda l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [3].

L-Istati Membri jistgħu jevitaw li jagħtu d-dettalji relattivi għall-impriżi individwali.

Artikolu 10

Jekk il-Kummissjoni ssib xi anomaliji jew inkonsistenzi fl-informazzjoni mibgħuta lilha mill-Istati Membri, hija tista’ titlobhom li jipprovdu d-dettalji tal-proċeduri tal-kalkulazzjoni u tal-valutazzjoni fuq liema l-informazzjoni miġbura kollha hija bbażata.

Artikolu 11

Il-Kummissjoni għandha taddotta id-dispożizzjonijiet li jimplimentaw dan ir-Regolament li jirrigwarda l-forma, l-kontenut u l-karateristiċi l-oħra kollha għall-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu jgħodd mill-24 ta’ Lulju 2002 u għandu jiskadi nhar il-31 ta’ Diċembru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-27 ta’ Frar 2003.

F’isem il-Kunsill

Il-President

M. Chrisochoïdis

[1] ĠU L 292, tas-16.11.1977, p. 11. Deċiżjoni emendata permezz tad-Deċiżjoni Nru 85/161/KEFA (ĠU L 63, tat-2.3.1985, p. 20).

[2] ĠU L 49, 19.02.94, p. 1.

[3] ĠU L 145, 31.05.01, p. 43.

--------------------------------------------------