32003L0092



Official Journal L 260 , 11/10/2003 P. 0008 - 0009


Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/92/KE

tas-7 ta' Ottubru 2003

li temenda d-Direttiva 77/388/KEE dwar ir-regoli fuq il-post ta' provvista tal-gass u l-elettriku

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [3].

Billi:

(1) Iż-żieda fil-liberalizzazzjoni tas-settur tal-gass u elettriku, intiż għat-tkomplija tas-suq intern għall-elettriku u gass naturali, inħasset il-ħtieġa ta' reviżjoni tar-regolamenti eżistenti tal-VAT rigward il-post tal-provvista tal-gass u elettriku, imwaqqfa fis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1997 rigward l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-valur ta' bejgħ – sistemi Komuni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima [4], sabiex jiġu modernizzati u simplifikati l-operat tas-sistema tal-VAT fil-kuntest tas-suq intern, għal liema strateġija l-Kummissjoni hija kommessa.

(2) L-elettriku u l-gass huma meqjusa bħala oġġetti għall-finijiet tal-VAT, u għalhekk, il-post minn fejn jiġu pprovduti in rigward ta' operazzjonijiet minn fruntiera għall-oħra, għandu jkun stabbilit skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 77/388/KEE. Madankollu, billi huwa diffiċli illi ssegwi fiżikament l-elettriku u l-gass, mhuwiex faċli li tistabbilixxi l-post tal-provvista tagħhom taħt ir-regolamenti viġenti.

(3) Sabiex jintlaħaq suq intern reali għall-elettriku u gass mingħajr ma jkun hemm ostakoli ta' VAT, il-post minn fejn jiġi pprovdut il-gass mis-sistema distributorja tal-gass naturali u dak ta' l-elettriku, qabel ma' il-provvista tasal sa l-istadju finali tal-konsum, għandhu jkun stabbilit skond il-post fejn il-konsumatur kien stabbilixxa n-negozju tiegħu.

(4) Il-provvista ta' l-elettriku u gass fil-fażi finali, mingħand negozjanti u distributuri għall-konsumatur finali, għandha tiġi ntaxxata mill-post fejn il-konsumatur jagħmel użu effettiv u konsum tal-prodott, sabiex tiġi assigurata illi t-tassazzjoni titħallas fl-istat fejn iseħħ il-konsum attwali. Normalment dan ikun il-post fejn il-meter tal-konsumatur ikun lokat.

(5) L-elettriku u l-gass huma pprovduti minn networks disributorji, għall-liema l-operaturi tan-network jipprovdu aċċess. Sabiex tiġi evitata taxxa doppja jew non-tassazzjoni, huwa neċessarju illi jkun hemm armonizzazzjoni fir-regolamenti illi jiggvernaw il-post tal-provvediment tat-trasmissjoni u tas-servizzi tat-transport. L-aċċess għall-u l-użu mis-sistemi distributorji u l-provvista ta' servizzi oħra abbinati ma' dawn is-servizzi għandhom għalhekk ikunu miżjuda mal-lista ta' każijiet speċifiċi indikati fl-Artikolu 9, paragrafu 2(e) tad-Direttiva 77/388/KEE.

(6) L-importazzjoni tal-gass mis-sistema tad-distribuzzjoni tal-gass naturali, jew ta' l-elettriku, għandha tkun eżenti sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja.

(7) Dawk it-tibdiliet fir-regoli li jiggvernaw il-post tal-proveddiment tal-gass mis-sistema tad-distribuzzjoni, jew ta' l-elettiku, għandha tkun abbinata ma' reverse charge obligatorja meta l-klijent huma persuna identifikata għall-finijiet ta' VAT.

(8) Id-Direttiva 773/388/KEE għandha għalhekk tiġi emendata.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA

Artikolu 1

Id-Direttiva 77/388/KEE qiegħda tiġi emendata kif ġej:

1. Fl-Artikolu 8(1), il-punti segwenti għandhom jiġu miżjuda:

"(d) fil-każ ta' provista ta' gass minn sistema distributorja ta' gass naturali, jew ta' elettriku, għal negozjant taxxabbli: il-post fejn in-negozjant taxxabbli stabbilixxa n-negozja tiegħu jew għandu stabbiliment fiss minn fejn jissupplixxi l-prodott, jew, fl-assenza ta' dan il-post ta' negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu għandu l-indirizz permanenti jew fejn huwa jirresjedi s-soltu.

"Negozjant taxxabbli"; għall-finijiet ta' dan il-provvediment tfisser persuna taxxabbli li għandha l-attività prinċipali tagħha fir-rigward ta' xiri tal-gass u elettriku fil-bejgħ ta' l-istess prodott u għall-min il-konsum personali ta' l-istess huwa negliġibbli.

(e) fil-każ ta' provvista ta' gass minn sistema ta' distribuzzjoni naturali, jew ta' elettriku, fejn din il-provvista mhijiex koperta taħt punt (d): il-post fejn il-klijent għandu l-użu effettiv u fejn jiġi kkunsmat il-prodott. Fejn il-prodotti kollha jew parti minnhom mhumiex fil-fatt ikkunsmati mill-klijenti, dawn il-prodotti mhux ikkunsmati għandhom jitqiesu daqs li kieku gew użati jew ikkunsmati fil-post fejn huwa stabbilit in-negozju jew fejn hemm l-istabbiliment fiss minn fejn jiġu fornuti dawn il-prodotti. F'każ illi ma hemmx dan il-post tan-negozju jew stabbiliment fiss, jiġi meqjus illi l-użu jew il-konsum tal-prodott sar fejn hemm l-indirizz permanenti jew fejn jirresjedi normalment il-konsumatur.";

2. fl-Artikolu 9(2) (e), l-inċiż li ġej għandu jigi inkluż wara t-tmin inċiż:

"— il-provvista ta' l-aċċess għall-, u it-trasport jew trasmissjoni minn, sistema ta' distribuzzjoni ta' gass naturali u elettiku u l-provvista ta' servizzi abbinati direttament magħhom.";

3. fl-Artikolu 14(1), il-punt segwenti għandu jkun miżjud:

"(k) l-importazzjoni tal-gass minn sistema ta' distribuzzjoni ta' gass naturali, jew elettriku.";

4. L-Artikolu 21(1)(a), fil-verżjoni misjub fl-Artikolu 28g, għandhu jinbidel b'dan li ġej:

"(a) il-persuna taxxabbli li hija responsabbli għall-provvista taxxabbli tal-prodott jew servizz, minbarra fil-każijiet msemmija f'(b), (c) u (f). Fejn il-provvista tal-prodott jew servizz hija magħhmula minn persuna taxxabbli li mhijiex stabbilita fit-territorju tal-pajjiż. L-Istati Membri jistgħu, taħt kodizzjonijiet determinabbli minnhom, jistabbilixxu illi persuna suġġetta għat-tassazzjoni hija dik il-persuna għal min qiegħda tiġi magħmula l-provvista tal-prodott jew servizz taxxabbli;"

5. fl-Atikolu 21(1), fil-verżjoni misjuba fl-Artikolu 28g, għandu jkun miżjud il-punt segwenti:

"(f) persuni li huma identifikati għal finijiet ta' taxxa fuq il-valur miżjud fit-territorju ta' dak il-pajjiż u għal min il-prodotti huma pprovduti skond il-kondizzjonijiet misjuba fl-Artikolu 8(1)(d) jew (e), jekk l-oġġetti pprovduti huma forniti minn persuna taxxabbli li mhijiex stabbilita fit-territorju ta' dak il-pajjiż.";

6. fl-Artikolu 22(1)(c), fil-verżjoni misjuba fl-Artikolu 28h, jinbidel b'li ġej:

"— Kull persuna taxxabbli, bl-eċċezzjoni ta' dawk indikati fl-Artikolu 28a(4), li, fit-territorju ta' dak il-pajjiż, tforni prodotti jew servizzi li jagħtiha d-dritt ta' riduzjoni, barra l-fornitura ta' prodotti jew servizzi li tagħhom irid isir il-hlas esklussiviment mill-klijent jew minn min jirċievi l-prodott jew servizz skond l-Artikolu 21(1)(a), (b), (c) jew (f). Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx għalfejn jiddentifikaw persuni taxxabbli speċifiċi kif indikat fl-Artikolu 4(3),";

7. fl-Artikolu 28a(5)(b) għandu jiġi miżjud l-inċiż segwenti:

"— il-Provvista ta' gass minn sistema ta' distribuzzjoni ta' gass naturali, jew elettiku, taħt il-kondizzjonijiet indikati fl-Artikolu 8(1)(d) jew (e)."

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex iħarsu id-Direttiva sal-1 ta' Jannar, 2005. Minnufih, għandhom jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jaddotaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jinkludu fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'tali riferenza meta jiġu ppubblikati uffiċċjalment. Il-metodu kif isiru dawn ir-riferenzi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fi-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-7 ta' Ottubru, 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Tremonti

[1] Proposta tal-5 ta' Dicembru 2002 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

[2] Opinjoni mogħtija fit-13.5.2003 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

[3] Opinjoni mogħtija fis-26.3.2003 (ghadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

[4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p.1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/93/KE (ĠU L 331, tas-7.12.2002, p. 27).

--------------------------------------------------