32003L0049



Official Journal L 157 , 26/06/2003 P. 0049 - 0054


Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/49/KE

tat-3 ta' Ġunju 2003

dwar sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta' imgħax u ta' royalties bejn kumpaniji assoċjati ta' Stati Membri differenti

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarmenr l-Artikolu 94 tiegħu,

Wara li kkonsidra il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [3],

Billi:

(1) F'Suq Wieħed li għandu l-karatteristiċi ta' suq domestiku, l-operazzjonijiet bejn kumpaniji fi Stati Membri differenti m'għandhomx ikunu suġġetti għal kondizzjonijiet tat-taxxa inqas favorevoli minn dawk applikabbli għall-istess operazzjonijiet li jitwettqu bejn kumpaniji fl-istess Stat Membru.

(2) Din il-ħtieġa m'hix qiegħda tintlaħaq għall-pagamenti ta' imgħax u royalties; il-liġijiet nazzjonali tat-taxxa flimkien, fejn applikabbli, ma' ftehim bilaterali u multilaterali m'hux dejjem jassiguraw li t-tassazzjoni doppja tiġi eliminata, u l-applikazzjoni tagħhom spiss titlob formalitajiet amministrattivi tqal u problemi ta' cash-flow għall kumpaniji konċernati.

(3) Jeħtieġ li jkun assigurat li l-pagamenti ta' imgħax u royalties ikunu suġġetti għat-taxxa darba fi Stat Membru.

(4) It-tneħħija ta' tassazzjoni fuq il-pagamenti ta' imgħax u royalties fl-Istat Membru fejn iqumu, sew jekk miġburin permezz ta' tnaqqis minn ras il-għajn sew jekk permezz ta' stima, hija l-mezz l-aktar approprjat sabiex ikunu eliminati il-formalitajiet u l-problemi imsemmija qabel u sabiex ikun assigurat it-trattament tat-taxxa ndaqs bejn operazzjonijiet nazzjonali u dawk bejn il-fruntieri; huwa meħtieġ partikolarment li jitneħħew dawn it-taxxi fuq dawn il-pagamenti li jsiru bejn kumpaniji assoċjati fi Stati Membri differenti kif ukoll bejn stabbilimenti permanenti ta' dawn il-kumpaniji.

(5) L-arranġamenti għandhom japplikaw biss għall-ammont, jekk hemm, ta' pagamenti ta' imgħax u ta' royalties li jkunu ftiehmu fuqu min iħallas u s-sid benefiċjarju fin-nuqqas ta' relazzjoni speċjali.

(6) Barra dan, huwa meħtieġ li l-Istati Membri ma jinżammewx milli jieħdu miżuri xierqa biex jiġġieldu l-frodi jew l-abbuż.

(7) Il-Greċja u l-Portugall għandhom, għal raġunijiet ta' budget, jingħataw perjodu transitorju sabiex ikunu jistgħu inaqqsu t-taxxi gradwalment, sew jekk miġburin permezz ta' tnaqqis minn ras il-għajn sew jekk permezz ta' stima, fuq pagamenti ta' imgħax u royalties, sakemm ikunu kapaċi japplikaw id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 1.

(8) L-Ispanja, li bdiet pjan biex tgħolli l-potenzal teknoloġiku Spanjol, għal raġunijiet ta' budget għandha tingħata perjodu transitorju li fih ma tapplikax id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 1 dwar il-pagament ta' royalties.

(9) Jeħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Kunsill dwar l-operazzjoni tad-Direttiva tlett snin wara d-data sa meta għandha tiġi trasportata, partikolarment bil-għan li l-applikazzjponi tagħha tġi estiża għal kumpaniji jew impriżi oħrajn u li ssir reviżjoni ta' l-iskop tad-definizzjoni ta' imgħax u royalties skond il-konverġenza meħtieġa tad-disposizzjonijiet dwar l-imgħax u r-royalties fil-leġislazzjoni nazzjonali u fit-trattati bilaterali u multilaterali tat-tassazzjoni doppja.

(10) Billi l-għan ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri li titwaqqaf sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta' imgħax u royalties ta' kumpaniji assoċjati fi Stati Membri differenti ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u jista' għalhekk jinkiseb b'mod aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tistà tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li jeħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-iskop u l-proċedura

1. Pagamenti ta' imgħax u royalties li jqumu fi Stat Membru għandhom ikunu eżenti minn kull taxxa imposta fuq dawk il-pagamenti f'dak l-Istat, sew jekk permezz ta' tnaqqis minn ras il-għajn sew jekk permezz ta' stima, iżda s-sid benefiċjarju ta' l-imgħax jew royalties irid ikun kumpanija ta' Stat Membru ieħor jew stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor ta' kumpanija ta' Stat Membru.

2. Pagament imħallas minn kumpanija ta' Stat Membru jew minn stabbiliment permanenti li huwa sitwat fi Stat Membru ieħor jitqies li qam f'dak l-Istat Membru, hawnhekk iżjed ‘il quddiem isemmi bħala "l-istat minn fejn jiġi".

3. Stabilliment permanenti għandu jkun trattat bħala dak li jħallas l-imgħax u r-royalties biss sakemm dawk il-pagamenti jirrappreżentaw spiża li minnha tistà titnaqqas it-taxxa għall-istabbiliment permanenti fl-Istat Membru li fih huwa sitwat.

4. Kumpanija ta' Stat Membru għandha tkun trattata bħala sid benefiċjarju ta' imgħax u royalties biss jekk tirċievi dawk il-pagamenti għall-benefiċċju tagħha stess u mhux bħala intermedjarju, bħal aġent, trustee jew firmatarju awotriżżat, għal xi ħadd ieħor.

5. Stabbiliment permanenti għandu jkun trattat bħala sid benefiċjarju ta' imgħax jew royalties:

(a) jekk il-pretensjonijiet ta' debitu, id-dritt jew l-użu ta' informazzjoni li dwarha jinqalgħu il-pagamenti ta' imgħax jew royalties għandu x'jaqsam effetivament ma' dak l-istabbiliment permanenti; u

(b) jekk il-pagamenti ta' imgħax jew royalties jirrappreżentaw dħul li għalih dak l-istabbiliment permanenti huwa suġġett fl-Istat Membru fejn huwa sitwat għal waħda mit-taxxi msemmija fl-Artikolu 3(a)(iii) jew fil-każ tal-Belġju għall-"impôt des non-résidents/belasting der niet-verblijfhouders" jew fil-każ ta' l-Ispanja"Impuesto sobre la Renta de no Residentes" jew għal taxxa li hija identika jew simili ħafna u li hija imposta wara d-data li fiha tidħol fis-seħħ din id-Direttiva flimkien ma', jew minflok, dawk it-taxxi li jeżistu.

6. Fejn stabbiliment permanenti ta' kumpanija ta' Stat Membru huwa trattat bħala dak li jħallas, jew bħala s-sid benefiċjarju, ta' imgħax jew royalties, l-ebda parti oħra tal-kumpanija ma' għandha tiġi trattata bħala dik li tħallas, jew bħala s-sid benefiċjarju, ta' dak l-imgħax jew ta' dawk ir-royalties għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu.

7. Dan l-Artikolu għandu japplika biss jekk il-kumpanija li hija dik li tħallas, jew il-kumpanija li l-istabbiliment permanenti tagħha huwa trattat bħala dak li jħallas, l-imgħax jew royalties hiija kumpanija assoċjata tal-kumpanija li hija s-sid benefiċjarju, jew li l-istabbiliment permanenti tagħha huwa trattat bħala s-sid benefiċjarju, ta' dak l-imgħax jew dawk ir-royalties

8. Dan l-Artikolu m'għandux japplika fejn l-imgħax jew ir-royalties jitħallsu minn jew lil stabbiliment permanenti sitwat fi Stat terz ta' kumpanija ta' Stat Membru u l-kummerċ tal-kumpanija huwa kollu jew parti minnu mwettaq permezz ta' dak l-istabbiliment permanenti.

9. Xejn f'dan l-Artikolu m'għandu jwaqqaf lil Stat Membru milli jikkonsidra imgħax jew royalties rċevuti mill-kumpaniji tiegħu, minn stabbilimenti permanenti tal-kumpaniji tiegħu jew minn stabbilimenti permanenti sitwati f'dak l-Istat meta japplika l-liġi tat-taxxa tiegħu.

10. Stat Membru għandu jkollu l-għażla li ma japplikax din id-Direttiva għal kumpanija ta' Stat Membru ieħor jew għal stabbiliment permanenti ta' kumpanija ta' Stat Membru ieħor f'ċirkostanzi fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(b) ma nżammux għal perjodu mhux interrot ta' għall-inqas sentejn.

11. L-Istat minn fejn jiġi l-pgament jistà jeħtieġ li l-osservazzjoni tal-ħtiġiet stipulati f'dan l-Artikolu u fl-Artikolu 3 għandha tkun ipprovata meta jsir il pagament ta' l-imgħax jew royalties permezz ta' attestat. Jekk l-osservazzjoni tal-ħtiġiet stipulati f'dan l-Artikolu ma kinitx attestata fil-ħin meta sar il-pagament, l-Istat Membru għandu jkun liberu li jeħtieġ it-tnaqqis tat-taxxa minn ras il-għajn.

12. L-Istat minn fejn jiġi l-pagament jista' jeħtieġ għal eżenzjoni taħt din id-Direttiva li huwa jkun ħareġ deċiżjoni li tagħti l-eżenzjoni kurrenti wara attestat li jiċċertifika l-osservazzjoni tal-ħtiġiet stipulati f'dan l-Artikolu u fl-Artikolu 3. Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni għandha tingħata l-aktar fi żmien tlett xhur wara li jkunu pprovduti l-attestat u kull informazzjoni ta' sostenn li l-istat minn fejn jiġi l-pagament jista' raġonevolment jitlob, u għandha tibqa' valida għal perjodu ta' għall-inqas sena wara li tingħata.

13. Għall-għanijiet tal-paragrafi 11 u 12, l-attestat li jingħata għandu, għal kull kuntratt għall-pagament, jibqa' validu għall-inqas għal sena iżda għal mhux iktar minn tlett snin mid-data tal-ħruġ u għandha tinsab fih l-informazzjoni li ġejja:

(a) xhieda tar-residenza tal-kumpanija li qed tirċievi għall-għanijiet tat-taxxa u, fejn meħtieġ, l-eżistenza ta' stabbiliment permanenti ċertifikat mill-awtorità tat-taxxa ta' l-Istat Membru li fih il-kumpanija li qiegħda tirċievi hija residenti għall-għanijiet tat-taxxa jew li fih huwa sitwat l-istabbiliment permanenti;

(b) Il-proprjetà benefiċjarja tal-kumpanija li qiegħda tirċievi skond il-paragrafu 4 jew l-eżistenza tal-kondizzjonijiet skond il-paragrafu 5 fejn stabbiliment permanenti huwa r-riċevitur tal-pagament;

(ċ) l-osservazzjoni tal-ħtiġiet skond l-Artikolu 3(a)(iii) fil-każ ta' kumpanija li tirċievi;

(d) pussess minimu jew il-kriterju ta' pussess minimu ta' jeddijiet tal-vot skond l-Artikolu 3(b);

(e) il-perjodu li għalih eżista l-pussess imsemmi f'(d).

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu wkoll il-ġustifikazzjonijiet legali għall-pagamenti taħt il-kuntratt (eż. ftehim ta' self jew kuntratt ta' liċensja).

14. Jekk il-ħtiġiet għall-eżenzjoni ma jibqgħux jiġu osservati, il-kumpanija li tirċievi jew l-istabbiliment permanenti għandhom jinformaw immedjatament il-kumpanija li tħallas jew l-istabbiliment permanenti li jħallas u, jekk l-istat minn fejn jiġi l-pagament hekk jeħtieġ, l-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat.

15. Jekk il-kumpanija jew stabbiliment permanenti li jħallas żamm it-taxxa minn ras il-għajn biex tkun eżenti taħt dan l-Artikolu, tistà ssir talba għar-rifużjoni ta' dik it-taxxa minn ras il-għajn. L-Istat Membru jistà jitlob l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 13. L-applikazzjoni għar-rifużjoni għandha tingħata fiż-żmien stipulat. Dak il-perjodu għandu jdum għall-inqas sentejn mid-data li fiha jitħallsu l-imgħax jew ir-royalties.

16. L-istat minn fejn jiġi l-pagament għandu jħallas lura it-taxxa żejda miżmuma minn ras il-għajn fi żmien sena minn meta tkun irċevuta l-applikazzjoni u kull informazzjoni ta' sostenn li jistà raġonevolment jitlob. Jekk it-taxxa miżmuma minn ras il-għajn ma tiġix rifuża f'dak il-perjodu, il-kumpanija li tirċievi jew l-istabbiliment permanenti li jirċievi jkollhom jedd fi tmiem il-perjodu msemmi ta' sena għall-imgħax fuq dik it-taxxa li hija rifuża b'rata korrispondenti għar-rata ta' imgħax nazzjonali li tapplika f'każijiet simili skond il-liġi domestika ta' l-istat minn fejn jiġi l-pagament.

Artikolu 2

Tifsira ta' imgħax u royalties

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) it-terminu "imgħax" ifisser dħul minn pretensjonijiet ta' debitu ta' kull tip, sew jekk ipotekati sew jekk le u sew jekk jagħti l-jedd għal sehem fil-profitti tad-debitur sew jekk le, u partikolarment, dħul minn assigurazzjonijiet u dħul minn bonds jew debentures, inklużi premiums u premjijiet konnessi ma' dawk l-assigurazzjonijiet, bonds jew debentures; ħlasijiet penali għal pagament li jsir tard m'għandhomx ikunu kkonsidrati bħala imgħax;

(b) it-terminu "royalties" ifisser pagamenti ta' kull tip rċevuti bħala konsiderazzjoni għall-użu ta', jew id-dritt ta' l-użu ta', kull dritt ta' l-awtur ta' xogħol letterarju, artistiku jew xjentifiku, inkluż films ċinematografiċi u software, kull patenti, trademark, disinn jew mudell, pjan, formula jew proċess sigriet, jew għal informazzjoni dwar esperjenza industrijali, kummerċjali jew xjentifika; pagamenti għall-użu ta', jew id-dritt ta' l-użu ta', apparat industrijali, kummerċjali jew xjentifiku għandhom ikunu meqjusa bħala royalties.

Artikolu 3

Tifsira ta' kumpanija, kumpanija assoċjata u stabbiliment permanenti

Għall-għanijiet ta' din id d-Direttiva:

(a) it-terminu "kumpanija ta' Stat Membru" ifisser kull kumpanija:

(i) li tieħu waħda mill-forom imsemmija fl-Anness hawnhekk; u

(ii) li skond il-liġijiet tat-taxxa ta' Stat Membru hija kkonsidrata residenti f'dak l-Istat Membru u m'hix, skond it-tifsira ta' xi Konvenzjoni dwar it-Taxxa Doppja fuq l-Dħul li ntlaħqet ma' xi Stat terz, kkonsidrata residenti għall-għanijiet tat-taxxa barra l-Komunità; u

(iii) li hija suġġetta għal xi waħda mit-taxxi li ġejjin mingħajr ma' hija eżenti, jew għal xi taxxa li hija identika jew simili ħafna u li hija imposta wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva flimkien ma', jew minflok, dawk it-taxxi eżistenti:

- impôt des sociétés/vennootschapsbelasting fil-Bejġju,

- selskabsskat fid-Danimarka,

- Körperschaftsteuer fil-Ġermanja,

- Φόρος εισοδήματος νομικών προσώπων fil-Greċja,

- impuesto sobre sociedades fl-Ispanja,

- impôt sur les sociétés fi Franza,

- corporation tax fl-Irlanda,

- imposta sul reddito delle persone giuridiche fl-Italja,

- impôt sur le revenu des collectivités fil-Lussemburgu,

- vennootschapsbelasting fl-Olanda,

- Körperschaftsteuer fl-Awstrija,

- imposto sobre o rendimento da pessoas colectivas fil-Portugall,

- yhteisöjen tulovero/inkomstskatten för samfund fil-Finlandja,

- statlig inkomstskatt fl-Isvezja,

- corporation tax fir-Renju Unit;

(b) kumpanija hija "kumpanija assoċjata" ta' kumpanija oħra jekk, għall-inqas:

(i) L-ewwel kumpanija għandha holding dirett minimu ta' 25 % fil-kapital tat-tieni kumpanija, jew

(ii) It-tieni kumpanija għandha holding dirett minimu ta' 25 % fil-kapital ta' l-ewwel kumpanija, jew

(iii) Kumpanija terza għandha holding dirett minimu ta' 25 % kemm fil-kapital ta' l-ewwel kumpanija kif ukoll fil-kapital tat-tieni kumpanija.

Il-Holdings għandhom jinvolvu biss kumpaniji residenti fit-territorju ta' Komunità.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jibdlu il-kriterju ta' holding minimu fil-kapital b'dak ta' holding minimu fil-jeddijiet tal-vot;

(ċ) it-terminu "stabbiliment permanenti" iffisser post tan-negozju fiss sitwat fi Stat Membru li minnu jitwettaq il-kummerċ kollu jew parti minnu ta' kumpanija ta' Stat Membru ieħor.

Artikolu 4

Esklużjoni ta' pagamenti bħala imgħax jew royalties

1. L-istat minn fejn jiġi l-pagament m'għandux ikun obbligat li jassigura il-benefiċċji ta' din id-Direttiva fil-każijiet li ġejjin:

(a) pagamenti li huma trattati bħala distribuzzjoni ta' profitti jew bħala rifużjoni ta' kapital skond il-liġi ta' l-istat minn fejn jiġi l-pagament;

(b) pagamenti minn pretensjonijiet ta' debitu li jkollhom id- dritt li jipparteċipaw fil-profitti tad-debitur;

(ċ) pagamenti minn pretensjonijiet ta' debitu li jagħtu d-dritt lill-kreditur li jibdel id-dritt tiegħu għall-imgħax bid-dritt li jipparteċipa fil-profitti tad-debitur;

(d) pagamenti minn pretensjonijiet ta' debitu li ma fihomx disposizzjoni għar-rifużjoni ta' l-ammont prinċipali jew fejn ir-rifużjoni hija dovuta aktar minn 50 sena wara d-data tal-ħruġ.

2. Fejn, minħabba relazzjoni speċjali bejn dak li jħallas u s-sid benefiċjarju ta' l-imgħax jew tar-royalties, jew bejn wieħed minnhom u xi persuna oħra, l-ammont ta' imgħax jew royalties huwa iktar mill-ammont li kieku kienu jiftiehemu fuqu dak li jħallas u s-sid benefiċjarju fin-nuqqas ta' din ir-relazzjoni, id-disosizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw biss għall-aħħar ammont, jekk hemm.

Artikolu 5

Frodi u abbuż

1. Din-id-Direttiva ma' twaqqafx l-applikazzjoni ta' disposizzjonijiet domestiċi jew ibbażati fuq ftehim li huma meħtieġa għall-prevenzjoni ta' frodi jew abbuż.

2. L-Istati Membri jistgħu, fil-każ ta' operazzjonijiet li l-għan prinċipali jew wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħhom huwa l-evażjoni tat-taxxa, l-għan li tiġi evitata t-taxxa jew l-abbuż, jirtiraw il-benefiċċji ta' din id-Direttiva jew jiċħdu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 6

Regoli transitorji għall-Greċja, l-Ispanja u l-Portugall

1. Il-Greċja u l-Portugall għandhom ikunu awtoriżżati biex ma japplikawx id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 1 sad-data ta' l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar it-tassazzjoni ta' dħul mir-riżervi fil-forma ta' pagamenti ta' imgħax [4]. Matul perjodu transitorju ta' tmien snin li jibda mid-data msemmija qabel, ir-rata tat-taxxa fuq pagamenti ta' imgħax u royalties imħallsin lil kumpanija assoċjata ta' Stat Membru ieħor jew lil stabbiliment permanenti sitwat fi Stat Membru ieħor ta' kumpanija assoċjata ta' Stat Membru m'għandhiex tkun iktar minn 10 % matul l-ewwel erbà snin u 5 % matul l-aħħar erbà snin.

L-Ispanja għandha tkun awtoriżżata, għall-pagamenti ta' royalties biss, biex ma tapplikax id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 1 sad-data ta' applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(1) u (3) tad-Direttiva 2003/48/KE. Matul il-perjodu transitorju ta' sitt snin li jibdew fid-data msemmija qabel, ir-rata tat-taxxa fuq il-pagamenti ta' royalties imħallsa lil kumpanija assoċjata ta' Stat Membru ieħor jew lil stabbiliment permanenti sitwat fi Stat Membru ieħor ta' kumpanija assoċjata ta' Stat Membru m'għandhiex tkun ta' iktar minn 10 %.

Dawn ir-regoli transitorji għandhom, madankollu, jibqgħu suġġetti għall-applikazzjoni kontinwata ta' kull rata ta' taxxa li hija iktar baxxa minn dawk imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi stipulati fi ftehim bilaterali bejn il-Greċja, l-Ispanja jew il-Portugall ma' l-Istati Membri l-oħrajn. Qabel it-tmiem ta' xi wieħed mill-perjodi transitorji msemmija f'dan il-paragrafu il-Kunsill jistà jiddeċiedi unanimament, fuq proposta mill-Kummissjoni, dwar il-poosibilità ta' estensjoni tal-perjodi transitorji msemmija.

2. Fejn kumpanija ta' Stat Membru, jew stabbiliment permanenti sitwat f'dak l-Istat Membru ta' kumpanija ta' Stat Membru:

- tirċievi imgħax jew royalties mingħand kumpanija assoċjata tal-Greċja jew tal-Portugall,

- tirċievi royalties mingħand kumpanija assoċjata ta' l-Ispanja,

- tirċievi imgħax jew royalties mingħand stabbiliment permanenti sitwat fil-Greċja jew fil-Portugall ta' kumpanija assoċjata ta' Stat Membru, jew

- tirċievi royalties mingħand stabbiliment permanenti sitwat fl-Ispanja ta' kumpanija assoċjata ta' Stat Membru,

l-ewwel Stat Membru għandu jħalli ammont daqs it-taxxa li tħallset fil-Greċja, fl-Ispanja jew fil-Portugall skond il-paragrafu 1 fuq dak l-dħul bħala tnaqqis mit-taxxa fuq l-dħul tal-kumpanija jew ta' l-istabbilliment permanenti li rċieva dak l-dħul.

3. It-tnaqqis stipulat fil-paragrafu 2 m'hemmx bżonn li jkun ta' iktar mill-inqas wieħed minn:

(a) it-taxxa li titħallas fil-Greċja, fl-Ispanja jew fil-Portugall fuq dak l-dħul skond il-paragrafu 1, jew

(b) dik il-parti tat-taxxa fuq l-dħul tal-kumpanija jew ta' l-istabbiliment permanenti li rċieva l-imgħax jew royalties, kif maħduma qabel ma jingħata t-tnaqqis, li tkun attribwibbli għall-dawk il-pagamenti skond il-liġi domestika ta' l-Istat Membru li tiegħu hija kumpanija jew li fih huwa sitwat l-istabbiliment permanenti.

Artikolu 7

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex iħarsu din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2004. Għandhom mill-ewwel jinformaw lill-Kummissjoni dwarha.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom ikollhom fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li għandhom jintużaw biex issir din ir-referenza għandhom ikunu stipulati mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-disposizzjoniiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, flimkien ma' tabbella li turi kif id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva jikkorrispondu mad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati.

Artikolu 8

Reviżjoni

Sal-31 ta' Diċembru 2006, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-operazzjoni ta' din id-Direttiva, partikolarment bil-għan li tiġi estiża l-applikazzjoni tagħha għal kumpaniji u impriżi oħrajn barra dawk imsemmija fl-Artikulo 3 u fl-Anness.

Artikolu 9

Klawżola ta' delimitazzjoni

Din id-Direttiva m'għandhiex tolqot l-applikazzjoni ta' disposizzjonijiet domestiċi jew ibbażati fuq ftehim li jmorru lil hinn mid-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva u li għandhom l-għan li jeliminaw jew inaqqsu it-tassazzjoni doppja ta' imgħax u royalties.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 3 ta' Ġunju 2003,

Għall-Kunsill

Il-President

N. Christodoulakis

[1] ĠU C 123, tat-22.4.1998, p. 9.

[2] ĠU C 313, tat-12.10.1998, p. 151.

[3] ĠU C 284, ta' l-14.9.1998, p. 50.

[4] Ara l-paġna 38 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

ANNESS

Lista ta' kumpaniji koperti bl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva

(a) Kumpaniji taħt il-liġi tal-Belġju magħrufin bħala: "naamloze vennootschap/société anonyme, commanditaire vennootschap op aandelen/société en commandite par actions, besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid/société privée à responsabilité limitée" u dawk il-korpi pubbliċi li joperaw skond il-liġi privata;

(b) kumpaniji taħt il-liġi Daniża magħrufin bħala: "aktieselskab" u "anpartsselskab";

(c) kumpaniji taħt il-liġi Ġermaniża magħrufin bħala: "Aktiengesellschaft, Kommanditgesellschaft auf Aktien, Gesellschaft mit beschränkter Haftung" u "bergrechtliche Gewerkschaft";

(d) kumpanija taħt il-liġi Griega magħrufin bħala: "ανώνυμη εταιρíα";

(e) kumpaniji taħt il-liġi Spanjola magħrufin bħala: "sociedad anónima, sociedad comanditaria por acciones, sociedad de responsabilidad limitada" u dawk il-korpi pubbliċi li joperaw skond il-liġi privata;

(f) kumpaniji taħt il-liġi Franċiża magħrufin bħala: "société anonyme, société en commandite par actions, société à responsabilité limitée" u stabbilimenti u impriżi industrijali u kummerċjali pubbliċi;

(g) kumpaniji fil-liġi Irlandiża magħrufin bħala kumpaniji pubbliċi limitati b'azzjonijiet jew b'garanzija, kumpaniji privati limitati b'azzjonijiet jew b'garanzija, korpi reġistrati skond l-"Industrial and Provident Societies Acts" jew soċjetajiet tal-bini reġistrati skond il-"Building Societies Acts";

(h) kumpaniji taħt il-liġi Taljana magħrufin bħala: "società per azioni, società in accomandita per azioni, società a responsabilità limitata" u entitajiet pubbliċi u privati li jwettqu attivitajiet industrijali u kummerċjali;

(i) kumpaniji taħt il-liġi tal-Lussemburgu magħrufin bħala: "société anonyme, société en commandite par actions et société à responsabilité limitée";

(j) kumpaniji taħt il-liġi Olandiża magħrufin bħala: "naamloze vennootschap" u "besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid";

(k) kumpaniji taħt il-liġi Awstrijaka magħrufin bħala: "Aktiengesellschaft" u "Gesellschaft mit beschränkter Haftung";

(l) kumpaniji kummerċjali jew kumpaniji tal-liġi ċivili li għandhom forma kummerċjali, koperattivi u impriżi pubbliċi inkorporati skond il-liġi Portugiża;

(m) kumpaniji taħt il-liġi Finlandiża magħrufin bħala: "osakeyhtiö/aktiebolag, osuuskunta/andelslag, säästöpankki/sparbank" u "vakuutusyhtiö/försäkringsbolag";

(n) kumpaniji taħt il-liġi Svediża magħrufin bħala: "aktiebolag" u "försäkringsaktiebolag";

(o) kumpaniji inkorporati skond il-liġi tar-Renju Unit.

--------------------------------------------------