Official Journal L 198 , 06/08/2003 P. 0010 - 0012
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2003 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll ta' l-Emenda għall-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni ta' l-annimali vertebrati użati għall-isperimentazzjoni u għanijiet xjentifiċi oħra (2003/584/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95, flimkien ma' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3), tiegħu, Wara li kkonsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Billi: (1) Fl-24 ta' Novembru 1986 il-Kunsill addotta d-Direttiva 86/609/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-protezzjoni ta' l-annimali użati għall-esperimentazzjoni u għanijiet xjentifiċi oħra [3], u b'hekk stabbilixxa regoli komuni li jinkorporaw il-prinċipji, l-għanijiet and d-disposizzjonijiet prinċipali tal-Konvenzjoni Ewropea tat-18 ta' Marzu 1986 għall-protezzjoni ta' annimali vertebrati użati għall-isperimentazzjoni u għanijiet xjentifiċi oħra (hawnhekk iżjed 'il quddiem msejħa bħala l-Konvenzjoni). (2) Fit-23 ta' Marzu 1998 il-Kunsill addotta d-Deċiżjoni 1999/575/KE dwar il-konklużjoni mill-Komunità tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni ta' l-annimali vertebrati użati għall-isperimentazzjoni u għanijiet xjentifiċi oħra [4] u għamel Dikjarazzjoni li l-Komunità Ewropea ma tikkonsidrax lilha nfisha marbuta mal-ħtiġijiet li tikkomunika d-data statistika li tinsab fl-Artikolu 28(1) ta' l-imsemmija Konvenzjoni. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 1998 fit-teritorju tal-Komunità. (3) Id-disposizzjonijiet li jinsabu fl-Appendiċi għall-Konvenzjoni huma ta' natura teknika u għandhom jirreflettu l-aħħar żviluppi xjentifiċi u tekniċi fir-riċerka fl-oqsma relatati. Għaldaqstant huwa xieraq li dawn id-disposizzjonijiet jiġu riveduti perjodikament, permezz ta' proċedura simplifikata. (4) Fit-22 ta' Ġunju 1998 Protokoll ta' l-Emenda li tistabilixxi proċedura simplifikata biex l-Appendiċi għall-Konvenzjoni jiġu emendati ġie miftuħ għall-iffirmar mill-firmatarji tal-Konvenzjoni. Dan il-Protokoll ta' Emenda għandu għalhekk jiġi approvat, IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 Il-Protokoll ta' Emenda tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni ta' l-annimali vertebrati użati għall-isperimentazzjoni jew għanijiet xjentifiċi oħra huwa hawnhekk approvat f'isem il-Komunità Ewropea. It-test tal-Protokoll ta' l-Emendi huwa anness ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtoriżżat li jindika l-persuna jew il-persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll ta' l-Emendi skond l-Artikolu 4(1)(a) tiegħu, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Komunità li tkun marbuta bih. Artikolu 3 Il-firma mill-Komunità għandha ssir biss meta dawk l-Istati Membri li huma wkoll Parti fil-Konvenzjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni jkunu lestew il-proċeduri għall-konklużjoni l-Protokoll ta' Emenda skond l-Artikolu 4 tiegħu. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mill-aktar fis-possibbli meta jkunu lestew il-proċeduri neċessarji. Artikolu 4 Ir-riserva fir-rigward ta' l-Artikolu 28(1) ta' l-imsemmija Konvenzjoni magħmula mill-Komunità Ewropea kif stabbiliti fl-Anness B tad-Deċiżjoni 1999/575/KE trid tibqa' mhux mibdula. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippublikata fil-Gurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea. Magħmula fi Brussel, 22 Lulju 2003. F'isem il-Kunsill Il-President G. Alemanno [1] ĠU C 25 E, tad-29.1.2002, p. 538-540. [2] Opinjoni tat-2 ta' Lulju 2002 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU L 358, 18.12.86, p. 1. [4] ĠU L 222, 24.08.99, p. 29. --------------------------------------------------