32003D0578



Official Journal L 197 , 05/08/2003 P. 0013 - 0021


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-22 ta’ Lulju 2003

dwar linji gwida għall-politika tax-xogħol fl-Istati Membri

(2003/578/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat dwar ix-xogħol

Billi:

(1) L-Artikolu 2 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea jiffissa għall-Unjoni l-objettiv tal-promozzjoni ta’ progress ekonomiku u soċjali u livell għoli tax-xogħol. L-Artikolu 125 li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jiddikjara li l-Istati Membri u l-Komunità għandhom jaħdmu lejn l-iżviluppar ta’ strateġija koordinata għax-xogħol u partikolarment għall-promozzjoni ta’ forza tax-xogħol imħarrġa, mgħallma u addattabbli u swieq tax-xogħol responsivi għall-bidla ekonomika.

(2) Wara l-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar ix-xogħol ta’ l-20 u l-21 ta’ Novembru 1997 fil-Lussemburgu, ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar il-linji gwida ta’ l-1998 dwar ix-xogħol [5] illanċjat proċess b’viżibilità għolja, rabta politika qawwija u aċċettazzjoni b’firxa wiesgħa mill-partijiet kollha kkonċernati.

(3) Il-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona tat-22 u t-23 ta’ Marzu 2000 iffissa skop strateġiku ġdid biex l-Unjoni Ewropea ssir l-ekonomija u l-aktar kompetittiva u dinamiżmu bbażat fuq l-għerf fid-dinja kapaċi li ssostni tkabbir ekonomiku b’aktar u aħjar impjiegi u koeżjoni soċjali akbar. Għal dan il-għan il-Kunsill ftiehem dwar miri globali ta’ impjiegi u miri ta’ impjiegi għan-nisa, għall-2010, li tlestew fil-Kunsill Ewropew ta’ Stokkolma tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2001, permezz ta’ miri intermedji għal Jannar 2005, u mira ġdida għall-2010, li jirriflettu l-isfida demografika, għar-rata ta’ impjiegi għal nisa u rġiel akbar fl-età.

(4) Il-Kunsill Ewropew ta’ Nizza tas-7, t-8 u d-9 ta’ Diċembru 2000 approva l-Aġenda Soċjali Ewropea li tiddikjara li r-ritorn għal okkupazzjoni sħiħa tinvolvi politika ambizzjuża f’termini ta’ żieda fir-rati tax-xogħol, tnaqqis ta’ spazji reġjonali, tnaqqis ta’ inekwalità u titjib fil-kwalità tax-xogħol.

(5) Il-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona tal-15 u s-16 ta’ Marzu 2002 talab għat-tisħiħ ta’ l-Istrateġija Ewropea dwar ix-xogħol, permezz ta’ proċess rinfurzat, issimplifikat u rregolat aħjar, b’limitu ta’ żmien allineat għall-2010, u li jinkorpora l-miri u l-għanijiet ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona. Il-Kunsill ewropew ta’ Barċellona talab ukoll is-simplifikazzjoni ta’ proċessi politikament koordinati, b’kalendarji sinkronizzati għall-adozzjoni tal-linji gwida ta’ politika wiesgħa u koordinata u linji gwida għax-xogħol.

(6) Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussel ta’ l-20 u l-21 ta’ Marzu 2003 li l-istrateġija tax-xogħol għandha l-irwol prinċipali fl-implimentazzjoni ta’ l-objettivi tax-xogħol u s-suq tax-xogħol ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona, u li l-istrateġija tax-xogħol u l-linji gwida ta’ politika wiesgħa ekonomika, li jipprovdu l-koordinazzjoni prinċipali ta’ politika għall-Komunità, għandha topera b’mod konsistenti. L-istess Kunsill ewropew talab li l-linji gwida jkunu limitati fin-numru u jkunu orjentati lejn ir-riżultat, biex jippermettu lill-Istati Membri li jiddisinjaw it-taħlita addattata ta’ azzjoni, u biex dawn ikunu sostnuti b’miri addattati. L-2003 tipprovdi opportunità partikolari għall-użu strumenti ssimplifikati prinċipali ta’ koordinazzjoni ta’ politika — il-linji gwida wiesgħa ekonomiċi ta’ politika, il-linji gwida dwar ix-xogħol u l-istrateġija tas-suq intern — u tagħtihom perspettiva ġdida għal tliet snin.

(7) L-istrateġija tax-xogħol ġiet evalwata b’mod eżawrjenti, inkluża reviżjoni kif imiss f’nofs it-terminu, imlestija fl-2000, u evalwazzjoni prinċipali ta’ l-esperjenzi ta’ l-ewwel 5 snin imlestija fl-2002. Din l-evalwazzjoni wriet il-ħtieġa għal kontinwità fl-istrateġija li jiġu indirizzati d-debbolizzi strutturali li baqa’, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati sfidi ġodda li jiffaċċjaw Unjoni Ewropea mkabbra.

(8) L-implimentazzjoni b’suċċess ta’ l-aġenda ta’ Lisbona titlob li l-politika tax-xogħol ta’ l-Istati Membri trawwem, b’mod ibbilanċjat it-tliet objettivi komplimentari u li jsostnu lil xulxin għal okkupazzjoni sħiħa, kawlità u produttività fuq ix-xogħol, u koeżjoni soċjali u inklużjoni. Il-ksib ta’ dawn l-objettivi jeħtieġ aktar riformi strutturali li jikkonċentraw fuq l-10 prijoritajiet prinċipali inter-relatati u attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-governanza koerenti tal-proċess. Ir-riformi fil-politika jeħtieġu attitudni ta’ idea dominanti tas-sess fl-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet kollha.

(9) Fis-6 ta’ Diċembru 2001 il-Kunsill adotta serje ta’ indikaturi biex ikejjel 10 dimensjonijiet għal investiment fil-kwalità fix-xogħol u talab li dawn l-indikaturi jintużaw fl-immonitorjar tal-linji gwida Ewropej tax-xogħol u rakkomandazzjonijiet.

(10) Politika attiva u preventiva għandha tkun effettiva u tikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ okkupazzjoni sħiħa u inklużjoni soċjali billi jiġi assigurat li persuni diżokkupati u inattivi, ikunu kapaċi li jikkompetu fi u jintegraw fis-suq tax-xogħol. Din il-politika għandha tiġi ssostnuta permezz ta’ istituzzjonijiet moderni tas-suq tax-xogħol.

(11) L-Istati Membri għandom jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ aktar u aħjar impjiegi billi jrawmu intraprenditorjal u inovazzjoni f’ambjent favorevoli għan-negozju. L-Istati Membri huma kommessi li jimplimentaw il-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar u huma ngaġġati fi proċess ta’ l-istabbiliment ta’ sinjali ta’ livell fil-politika ta’ l-intrapriżi.

(12) Il-provvista tal-bilanċ ġust bejn flessibiltà u sigurtà għandu jgħin biex tissostna l-kompetittività ta’ ditti, iżżid il-kwalità u l-produttività fix-xogħol u tiffaċilita l-addattazzjoni ta’ ditti u ħaddiema għall-bidla ekonomika. F’dan il-kuntest il-Kunsilli ta’ Barċellona u Brussel jitolbu b’mod partikolari għal reviżjoni tal-leġislazzjoni tax-xogħol, waqt li jiġi rispettat l-irwol ta’ l-Imsieħba Soċjali.. Il-livelli tas-saħħa u l-istandardsta’ sigurtà fuq ix-xogħol għandhom jitgħollew b’konformità ma’ l-istrateġija ġdida tal-Komunità għall-2002 sa l-2006. Attenzjoni partikolari għandha titqiegħed fuq is-setturi ta’ riskju għoli dwar aċċidenti fuq ix-xogħol. L-aċċess tal-ħaddiema għat-taħriġ huwa element essenzjali tal-bilanċ bejn il-flessibilità u s-sigurtà u l-perteċipazzjoni tal-ħaddiema kollha għandha tiġi ssostnuta, waqt li jingħata kont tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-investiment fil-ħaddiema, impjegati kif ukoll is-soċjetà kollha kemm hi. Ir-ristrutturar ekonomiku jpoġġi sfida għax-xogħol kemm fl-Istati Membri preżenti u dawk tal-futur u jitlob għall-immaniġġar posittiv li jinvolvi l-partijiet kollha relevanti, inkluż l-Imsieħba Soċjali.

(13) Il-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona laqa’ bil-ferħ il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħiliet u l-mobilità u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ħiliet u l-mobilità b’żieda stiednet lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Imsieħba Soċjali biex iwettqu l-miżuri meħtieġa. Mobilità okkupazzjonali u ġeografika aħjar u tqabbil tax-xogħol għandhom jgħinu biex jiżdied ix-xogħol u l-koeżjoni soċjali, waqt li jingħata kont ta’ l-aspetti tax-xogħol ta’ l-immigrazzjoni.

(14) L-implimentazzjoni ta’ strateġiji koerenti u komprensivi ta’ tagħlim matul il-ħajja hija vitali fit-twassil ta’ okkupazzjoni sħiħa, kwalità imtejba u produttività fil-post tax-xogħol, u koeżjoni soċjali aħjar. Il-Kunsill ewropew ta’ Barċellona laqa’ bil-ferħ il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "It-tagħmil ta’ żona Ewropea għal tagħlim matul il-ħajja kollha" li fissret il-blokki essenzjali għal bini ta’ strateġiji ta’ sħubija għal tagħlim matul il-ħajja kollha, intuwizzjoni fid-domanda għat-tagħlim, riżorsi adegwati, l-iffaċilitar ta’ aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim, il-ħolqien ta’ kultura tat-tagħlim u l-istinkar għall-eċċellenza. Il-proċess dejjem għaddej dwar objettivi konkreti futuri għas-sistemi ta’ edukazzjoni, illanċjati mill-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona, għandu rwol importanti fir-rigward ta’ l-iżvilupp ta’ kapital uman u sinerġiji ma’ l-istrateġija tax-xogħol għandha tiġi sfruttata kollha kemm hi. Fil-5 u s-s6 ta’ Mejju 2003, il-Kunsill adotta serje ta’ punti ta’ referenza dwar l-esekuzzjoni medja Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li wħud minnhom huma ta’ relevanza fil-kuntest tal-politika tax-xogħol. Il-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona talab għal żieda sostanzjali minn ras għal ras fl-investiment fir-riżorsi umani. Din teħtieġ inċentivi suffiċjenti għal min iħaddem u għal individwi, id-direzzjoni mill-ġdid ta’ iffinanzjar pubbliku lejn investiment aktar effiċjenti fir-riżorsi umani matul l-ispettru tat-tagħlim.

(15) Provvista adegwata tax-xogħol hija meħtieġa sabiex tilħaq l-isfida demografika, issostni t-tkabbir ekonomiku, tippromvowu okkupazzjoni sħiħa, u ssostni s-sostenibilità ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Ir-rapport konġunt mill-Kummissjoni u l-Kunsill, "Tkabbir tal-parteċipazzjoni fix-xogħol u l-promozzjoni ta’ għomor attiv" adottat mill-Kunsill fis-7 ta’ Marzu 2002, jikkonkludi li dan jeħtieġ li jiġu żviluppati strateġiji komprensivi nazzjonali bbażati fuq attitudni ta’ ċiklu tal-ħajja. Politika għandha tisfrutta l-potenzjal tax-xogħol fil-kategoriji kollha ta’ persuni. Il-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona qabel li l-Unjoni Ewropea għandha tfittex, sa l-2010, żieda progressiva ta’ madwar ħames snin fl-età medja effettiva ta’ ħruġ li fiha n-nies jieqfu jaħdmu. Din l-età kienet stmata bħala 59,9 fl-2001.

(16) Id-differenzi bejn is-sess fis-suq tax-xogħol għandhom ikunu eliminati, jekk l-Unjoni Ewropea għandha twassal għal okkupazzjoni sħiħa, iżżid il-kwalità tax-xogħol u tippromwovi inklużjoni soċjali u koeżjoni. Dan jinkludi kemm attitudni lejn xejriet dominanti tas-sess u azzjonijiet speċifiċi ta’ politika biex joħolqu kondizzjonijiet għan-nisa u l-irġiel li jidħlu, jidħlu mill-ġdid, u jibqgħu fis-suq tax-xogħol. Il-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona ftiehem li sa l-2010 l-Istati Membri għandhom jipprovdu kura tat-tfal għal ta’ l-anqas 90 % tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età mandatorja ta’ l-iskola u għal ta’ l-anqas 33 % tat-tfal taħt l-età ta’ tliet snin. Il-fatturi prinċipali tad-differenzi fis-sess fix-xogħol u fil-ħlas għandhom jiġi indirizzati u miri għat-tnaqqis ta’ dawk id-differenzi għandhom jinkisbu bħala riżultat, mingħajr ma jitqajjem il-prinċipju tad-differenzjar bejn il-pagi skond il-produttività u s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol.

(17) L-integrazzjoni effettiva fis-suq tax-xogħol ta’ persuni fi żvantaġġ għandha tagħti inklużjoni soċjali miżjuda, rati ta’ impjiegi, u ttejjeb is-sostenibilità tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Tweġibiet għall-politika jeħtieġ li jindirizzaw id-diskriminazzjoni, jipprovdu attitudni personalizzata għall-ħtiġiet individwali, u joħolqu opportunitajiet adegwati tax-xogħol billi jipprovdu inċentivi għar-reklutaġġ ta’ impjegati. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/903/KE [6] tat-3 ta’ Diċembru 2001 innominat l-2003 bħala "s-Sena Ewropea għall-persuni b’diżabilitajiet". L-aċċess għas-suq tax-xogħol huwa prijorità prinċipali fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet li huwa smat li jirrappreżentaw mas-37 miljun ruħ fl-Unjoni Ewropea, li ħafna minnhom għandhom l-abbiltà u jixtiequ li jaħdmu.

(18) Sabiex jittejbu l-prospetti għal okkupazzjoni sħiħa u koeżjoni soċjali, il-bilanċ bejn dħul mix-xogħol kontra dħul minn diżokkupazzjoni jew inattività għandu jkun tali li jinkoraġġixxi n-nies li jidħlu, jidħlu mill-ġdid u jibqgħu fis-suq tax-xogħol, u biex jitrawwem il-ħolqien ta’ impjiegi.

(19) Xogħol mhux iddikjarat huwa meħud li jfisser "kull attivitajiet bi ħlas li huma legali fin-natura tagħhom iżda mhux iddikjarati lill-awtoritajiet pubbliċi". Studji jagħtu l-estimu tad-daqs ta’ l-ekonomija informali fuq medja ta’ bejn is-7 % u s-16 % tal-GDP ta’ l-UE. Dan għandu jiddawwar f’xogħol regolari sabiex jittejjeb l-ambjent kollox ma’ kollox tan-negozju, il-kwalità tax-xogħol ta’ dawk ikkonċernati, il-koeżjoni soċjali u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Titjib fl-għerf dwar il-kobor tax-xogħol mhux iddikjarat fl-Istati Membri u fl-Unjoni Ewropea għandu jiġi inkoraġġit.

(20) Disparitajiet fx-xogħol u fid-diżokkupazzjoni bejn reġjuni fl-Unjoni Ewropea jibqgħu kbar u jiżdiedu wara t-tkabbir. Dawn għandhom ikunu indirizzati permezz ta’ attitudni wiesgħa li tinvolvi lill-atturi fil-livelli kollha sabiex tiġi ssostnuta l-koeżjoni ekonomika u soċjali, bl-użu tal-Fondi Strutturali tal-Komunita.

(21) L-evalwazzjoni ta’ l-ewwel ħames snin ta’ l-istrateġija tax-xogħol enfasizzat aħjar il-governanza bħala ċ-ċavetta ta’ l-effettività ta’ l-istrateġija futura. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-politika tax-xogħol tiddependi fuq sħubija fil-livelli kollha, l-involviment ta’ numru ta’ servizzi operazzjonali, u riżorsi finanzjarji adegwati biex isostnu l-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar x-xogħol. L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni effettiva tal-linji gwida dwar x-xogħol, inkluża l-assigurazzjoni ta’ twassil ibbilanċjat f’livell reġjonali u lokali.

(22) L-implimentazzjoni effettiva tal-linji gwida dwar ix-xogħol teħtieġ il-parteċipazzjoni ta’ l-imsieħba soċjali, fl-istadji kollha, mill-iddisinjar ta’ politika għall-implimentazzjoni tagħhom. Fis-Summit Soċjali tat-13 ta’ Diċembru 2001 l-imsieħba soċjali esprimew il-ħtieġa li jiżviluppaw u jtejbu l-koordinazzjoni ta’ konsultazzjoni tripartita. Kien miftiehem ukoll li Summit Tripartit Soċjali għat-Tkabbir u x-Xogħol għandu jinżamm qabel kull Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa.

(23) B’żieda mal-linji gwida dwar ix-xogħol, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw għal kollox il-linji gwida wiesgħa ta’ politika ekonomika u jassiguraw li l-azzjoni tagħhom tkun konsistenti kollha kemm hi maż-żamma soda tal-finanzi pubbliċi u l-istabbilità makroekonomika,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu uniku

Il-linji gwida għall-politika tax-xogħol ta’ l-Istati Membri ("linji gwida dwar ix-xogħol"), hawn annessi, huma b’dan adottati. L-Istati Membri għandhom jagħtu kont tagħom fil-politika tagħhom dwar ix-xogħol.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta’ Lulju 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Alemanno

[1] Proposta tat-8 ta’ April 2003 (għada mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċali).

[2] Opinijoni tat-3 ta’ Ġunju 2003 (għada mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni ta’ l-14 ta’ Mejju 2003 (għada mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] Opinjoni tat-3 ta’ Lulju 2003 (għada mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU C 30, tat-28.1.1998, p. 1.

[6] ĠU L 335, tad-19.12.2001, p. 15.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

LINJI GWIDA DWAR IX-XOGĦOL

Strateġija Ewropea għal okkupazzjoni sħiħa u impjiegi aħjar għal kulħadd

L-Istati Membri għandhom jikkonduċu l-politika tagħhom dwar ix-xogħol bil-ħsieb li jimplimentaw l-objettivi u l-prijoritajiet għall-azzjoni u jipprogressaw lejn il-miri speċifikati hawn taħt. Attenzjoni speċjali għandha tingħata biex tiġi assigurata l-governanza kif imiss tal-politika dwar ix-xogħol.

B'żieda mal-linji gwida dwar ix-xogħol u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar ix-xogħol, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw bis-sħiħ linji gwida wiesgħa ta' politika ekonomika u jassiguraw li ż-żewġ strumenti joperaw b'mod konsistenti.

Waqt li jirriflettu fuq l-aġenda ta' Lisbona, il-politika dwar ix-xogħol ta' l-Istati Membri għandha trawwem it-tliet objettivi li jimpinġu fuq xulxin u inter-relatati ta' okkupazzjoni sħiħa, kwalità u produttivita fuq ix-xogħol, u koeżjoni soċjali u iklużjoni.

Dawn l-objettivi għandhom ikunu segwiti b'mod ibbilanċjat, li jirrifletti l-importanza ugwali tagħhom fil-ksib ta' l-ambizzjonijiet ta' l-Unjoni. Għandhom ikunu segwiti bl-involviment tal-partijiet kollha relevanti. Is-sinerġiji għandhom ikunu utilizzati bis-sħiħ, u jibnu fuq l-interazzjoni pożittiva bejn it-tliet objettivi. Opportunitajiet ugwali u ugwaljanza tas-sess huma vitali biex isir progress lejn it-tliet objettivi.

Attitudni bħal dik tikkontribwixxi wkoll biex titnaqqas id-diżokkupazzjoni u l-inattività.

Okkupazzjoni sħiħa

L-Istati Membri għandhom jimmiraw li jiksbu okkupazzjoni sħiħa billi jimplimentaw politika ta' attitudni komprensiva miżuri tad-domanda u l-parti tal-provvista u b'hekk itellgħu r-rati ta' okkupazzjoni lejn il-miri ta' Lisbona u Stokkolma.

Il-politika għandha tikkontribwixxi lejn il-ksib fuq medja għall-Unjoni Ewropea:

- rata sħiħa ta' okkupazzjoni ta' 67 % fl-2005 u 70 % fl-2010,

- rata ta' impjiegi għan-nisa ta' 57 % fl-2005 u 60 % fl-2010,

- rata ta' impjiegi ta' 50 % għal ħaddiema aktar anzjani (55 sa 64) fl-2010.

Kull miri nazzjonali għandhom ikunu konsistenti mar-riżultat mistenni fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea u għandu jagħti kont ta' ċirkostanzi nazzjonali partikolari.

Titjib fil-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol

Kwalità imtejjba fuq ix-xogħol hija marbuta fil-qrib ma’ ċaqlieq lejn ekonomija kompetittiva u bbażata fuq l-għerf u għandha tiġi segwita permezz ta' sforz ikkonċentrat bejn il-partijiet kollha u partikolarment permezz ta' djalogu soċjali. Il-kwalità hija kunċett multi-dimensjonali li jindirizza kemm il-karatteristiċi tax-xogħol u s-suq tax-xogħol aktar wiesgħa. Hija tħaddan kwalità intrinsika fuq ix-xogħol, kapaċitajiet, tagħlim matul il-ħajja kollha u żvilupp tal-karrieri, ugwaljanza tas-sess, saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, flessibilità u sigurtà, inklużjoni u aċċess għas-suq tax-xogħol, organizzazzjoni tax-xogħol u ħajja tax-xogħol ibbilanċjata, djalogu soċjali u involviment tal-ħaddiema, diversità u non-diskriminazzjoni, u twettieq sħiħ tax-xogħol.

Iż-żieda fir-rati tax-xogħol tmur id f'id mat-tlugħ kollox ma’ kollox tal-produttività tax-xogħol. Il-kwalità fuq ix-xogħol tista tgħin biex tiżdied il-produttività fuq ix-xogħol u s-sinerġiji bejn it-tnejn għandhom ikunu sfruttati bis-sħiħ. Dan jirrappreżenta sfida speċifika għad-djalogu soċjali.

Tisħiħ ta' koeżjoni soċjali u inklużjoni

L-okkupazzjoni hija mezz prinċipali għall-inklużjoni soċjali. Fis-sinerġija mal-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni fil-qasam ta' l-inklużjoni soċjali, il-politika dwar ix-xogħol għandha tiffaċilita l-parteċipazzjoni fl-okkupazzjoni billi tippromwovi aċċess għal impjiegi ta' kwalità għan-nisa u l-irġiel kollha li huma kapaċi jaħdmu; il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq is-suq tax-xogħol il-prevenzjoni ta' l-esklużjoni ta' persuni mid-dinja tax-xogħol.

Il-koeżjoni ekonomika u soċjali għandhom jiġu promossi billi jitnaqqsu d-disparitajiet bejn l-okkupazzjoni reġjonali u d-diżokkupazzjoni, it-taqbid tal-problemi ta' okkupazzjoni f'reġjuni deprivati fl-Unjoni Ewropea u sostenn pożittiv ekonomiku u ristrutturar soċjali.

LINJI GWIDA SPEĊIFIĊI

Fl-insegwiment tat-tliet objettivi li jimpinġu fuq xulxin, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw politika li tagħti kont tal-linji gwida speċifiċi li ġejjin li huma pijoritajiet għall-azzjoni. Meta jagħmlu dan għandhom jadottaw attitudni ta' idea dominanti matul kull waħda mill-prijoritajiet.

1. MIŻURI ATTIVI U PREVENTIVI GĦAD-DIŻOKKUPATI U L-INATTIVI

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri attivi u preventivi għad-diżokkupati u l-inattivi maħsuba li jipprevjienu li jkun hemm diżokkupazzjoni fit-tul u li jippromwovu l-integrazzjoni sostenibbli fl-impjegar ta' persuni diżokkupati u inattivi. L-Istati Membri għandhom:

(a) jassiguraw li, fi stadju bikri tal-perjodu tagħhom ta' diżokkupazzjoni, dawk kollha li jkunu qed ifittxu x-xogħol jibbenefikaw minn identifikazzjoni bikrija tal-ħtiġiet tagħhom u minn servizzi bħal dawk ta' pariri u gwida, għajnuna fit-tfittxija għax-xogħol u pjanijiet personalizzati ta' azzjoni;

(b) ibbażati fuq l-identifikazzjoni ta' hawn fuq, joffru lil dawk li jkunu qed iffittxu x-xogħol aċċess għal miżuri effettivi u effiċjenti biex jittejbu l-opportunitajiet tagħhom li jsibu impjieg u ta' integrazzjoni, b'attenzjoni speċjali tingħata lill-persuni li jiffaċċjaw l-akbar diffikultajiet fis-suq tax-xogħol.

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:

- kull persuna diżokkupata tiġi offruta bidu ġdid qabel ma tilħaq sitt xhur ta' diżokkupazzjoni fil-każ ta' persuni żagħżagħ u 12-il xahar ta' diżokkupazzjoni fil-każ ta' adulti fil-forma ta' taħriġ, taħriġ mill-ġdid, prattika tax-xogħol, impieg u kull miżura oħra li tista’ twassal għax-xogħol, ikkombinata fejn xieraq ma għajnuna dejjem għaddejja fit-tiftix tax-xogħol,

- sa l-2010, 25 % ta' dawk diżokkupati fit-tul jipparteċipaw f'miżura attiva fil-forma ta' taħriġ, taħriġ mill-ġdid, prattika tax-xogħol u kull miżura oħra li twassal għax-xogħol, bil-mira li tinkiseb il-medja ta' l-aktar tliet Stati Membri avvanzati;

(ċ) jimmodernizzaw u jsaħħu l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari fis-servizzi tax-xogħol,

(d) jassiguraw evalwazzjoni regolari ta' l-effettività u l-effiċjenza tal-programmi tas-suq tax-xogħol u jirreveduhom skond il-ħtieġa.

2. ĦOLQIEN TAX-XOGĦOL U INTRAPRENDITORIJA

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' aktar u aħjar impjiegi billi jrawmu l-intraprenditorija, l-inovazzjoni, il-kapaċità għall-investiment u ambjent favorevoli għan-negozju għall-intrapriżi kollha. Attenzjoni partikolari għandha tingħata għall-isfruttar ta' potenzjal għall-ħolqien ta' impjiegi f'intrapriżi ġodda, tas-settur tas-servizzi u ta' l-R & D. Sostnuti bil-proċess ta' sinjali ta' livell ta' politika ta' intrapriża u implimentazzjoni tal-Karta Ewropea dwar l-Intrapriżi ż-Żgħar, inizjattivi tal-politika għandhom jiffokaw fuq:

- is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis ta' piżijiet amministrattivi u regolatorji għall-bidu ta' negozju u l-SMEs u għall-ingaġġar ta' impjegati, l-iffaċilitar ta' aċċess għall-kapital għal negozji ġodda u SMEs ġodda u eżistenti u impriżi bi tkabbir għoli ta' potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi (ara wkoll BEPGs, linja gwida 11),

- il-promozzjoni ta' edukazzjoni u taħriġ fl-intraprenditorija u l-immaniġġjar tal-kapaċitajiet u l-provvista ta' sostenn, inkluż permezz ta' taħriġ biex l-intraprenditorija ssir għażla ta' karriera għal kulħadd.

3. JINDIRIZZAW IL-BIDLA U JIPPROMWOVU L-ADATTABILITÀ FIS-SUQ TAX-XOGĦOL

L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-adattabilità ta' ħaddiema u ditti għall-bidla, waqt li jagħtu kont tal-ħtieġa kemm tal-flessibilità u tas-sigurtà u jenfasizzaw l-irwol prinċipali ta' l-imsieħba soċjali f'dan ir-rigward.

L-Istati Membri għandhom jirrevedu u, fejn xieraq, jirriformaw l-elementi restrittivi żejda fil-leġislazzjoni dwar ix-xogħol li taffettwa d-dinamika tas-suq tax-xogħol u l-impjegar ta' dawk il-gruppi li jiffaċċjaw aċċess diffiċili għas-suq tax-xogħol, jiżviluppaw djalogu soċjali, irawmu responsabbiltà korporata soċjali, u jieħdu miżuri oħra addattati biex jippromwovu:

- diversità ta' arranġamenti kuntrattwali u tax-xogħol, inklużi arranġamenti dwar il-ħin tax-xogħol, li jiffavorixxi l-progress fil-karriera, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u bejn il-flessibiltà u s-sigurtà,

- aċċess għall-ħaddiema, b'mod partikolari għall-ħaddiema b'kapaċitajiet baxxi, għat-taħriġ,

- kondizzjonijiet tax-xogħol aħjar, inkluża s-saħħa u s-sigurtà; politika li timmira għall-ksib ta' b'mod partikolari: tnaqqis sostanzjali fir-rata ta' inċidenza ta' aċċidenti fuq ix-xogħol u mard irrelatat max-xogħol,

- id-disinn u t-tixrid ta' forom inovattivi u sostenibbli ta' organizzazzjoni tax-xogħol, li jsostnu l-produttività tax-xogħol u l-kwalità fuq ix-xogħol,

- l-antiċipazzjoni u l-immaniġġjar pożittiv tal-bidla ekonomika u l-istrutturar.

L-Istati Membri għandhom jindirizzaw l-iskarsezza tax-xogħol u l-isqaqijiet permezz ta' firxa ta' miżuri dwar il-promozzjoni ta' mobilità okkupazzjonali u t-tneħħija ta' ostakoli għallmobilità ġeografika, speċjalment billi jimplimentaw il-pjan ta' azzjoni ta' kapaċitajiet u mobilità, titjieb fit-trasparenza u l-għarfien ta' kwalifiki u kompetenzi, it-trasferibilità tas-sigurtà soċjali u d-drittjiet tal-pensjoni, il-provvista ta' inċentivi adattati fis-sistema tat-taxxa u l-benefiċji u jagħtu kont ta' l-aspetti ta' l-immigrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

It-trasparenza ta' l-opportunitajiet tax-xogħol u taħriġ fl-livell nazzjonali u Ewropew għandha tiġi promossa sabiex issostni tqabbil effettiv tax-xogħol. B'mod partikolari, sa l-2005, dawk li jfittxu x-xogħol ma’ l-UE kollha għandhom ikunu jistgħu jikkonsultaw il-vaganzi kollha tax-xogħol rreklamati permezz tas-servizzi tax-xogħol ta' l-Istati Membri.

4. JIPPROMWOVU L-IŻVILUPP TA' KAPITAL UMAN U TAGĦLIM MATUL IL-ĦAJJA KOLLHA

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw strateġiji ta' tagħlim għal matul il-ħajja kollha, inkluż pemezz tat-titjib tal-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ, sabiex jarmaw lill-individwi kollha bil-kapaċitajiet meħtieġa għal forza tas-suq moderna f'soċjetà bbażata fuq l-għerf, li jippermettu l-iżvilupp tal-karriera tagħhom u biex jitnaqqas l-ispariġġ tal-kapaċitajiet u l-isqaqijiet fis-suq tax-xogħol.

Skond il-prijoritajiet nazzjonali, il-politika għandha timmira b'mod partikolari li tikseb ir-riżultati li ġejjin sa l-2010:

- ta' l-anqas 85 % ta' dawk li għandhom 22 sena fl-Unjoni Ewropea għandhom ikunu temmu edukazzjoni sekondarja,

- il-livell medju ta' parteċipazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea f'tagħlim għal matul il-ħajja kollha għandu ta' l-anqas ikun ta' 12,5 % tal-popolazzjoni adulta li taħdem (grupp ta' etajiet bejn il-25 u l-64 sena).

Il-politika għandha timmira b'mod partikolari li tikseb żieda fl-investiment fir-riżorsi umani. F'dan il-kuntest, huwa importanti li jkun hemm żieda sinifikanti f'investiment minn intrapriżi fit-taħriġ ta' adulti bil-ħsieb li tiġi promossa l-produttività, il-kompetittività u x-xjuħija attiva. Investiment effiċjenti f'kapital uman minn dawk li jħaddmu u individwi għandu jkun iffaċilitat.

5. ŻIEDA FIL-PROVVISTA TAX-XOGĦOL U L-PROMOZZJONI TA' XJUĦIJA ATTIVA

L-Istati Membri għandhom jipprovdu disponibilità adegwata ta' opportunitajiet tax-xogħol u tax-xogħol biex isostnu t-tkabbir ekonomiku u x-xogħol, waqt li jingħata kont tal-mobilità tax-xogħol, kif indikat fil-linja gwida speċifika 3. B'mod partikolari għandhom:

- iżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol billi jużaw il-potenzjal tal-gruppi kollha tal-popolazzjoni, permezz ta' attitudni komprensiva li tkopri b'mod partikolari d-disponibilità u l-attraenza għalx-xogħol, li jagħmlu x-xogħol jaqbel, jitgħollew il-kapaċitajiet, u jipprovdu miżuri adegwati ta' sostenn,

- jippromwovu xjuħija attiva, notevolment billi jrawmu kondizzjonijiet tax-xogħol li jħajru r-ritenzjoni ta' l-impjieg — bħal aċċess għal taħriġ kontinwu, l-għarfien ta' importanza speċjali għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, forom innovattivi u flessibbli ta' organizzazzjoni tax-xogħol — u jeliminaw inċentivi għal ħruġ kmieni mis-suq tax-xogħol, notevolment billi jirriformaw skemi ta' irtirar kmieni u jassiguraw li jkun jaqbel li tibqa’ attiv fis-suq tax-xogħol; u jħajru lil min iħaddem li jimpjega ħaddiema aktar anzjani,

B'mod partikolari, il-politika għandha timmira li tikseb sa l-2010 żieda b’ħames snin, fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea, ta' l-età effettiva medja tal-ħruġ mis-suq tax-xogħol (stmata bħala 59,9 fl-2001). F'dan ir-rigward, l-imsieħba soċjali għandhom parti importanti x'jagħmlu. Kull miri nazzjonali għandhom ikunu konsistenti mar-riżultat mistenni fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea u għandu jagħti kont ta' ċirkostanzi partikolari nazzjonali,

- u, fejn xieraq, jagħtu konsiderazzjoni sħiħa tal-provvista addizzjonali tax-xogħol li tirriżulta mill-immigrazzjoni.

6. UGWALJANZA BEJN IS-SESSI

L-Istati Membri għandhom, permezz ta' attitudni integrata jikkombinaw l-idea dominanti tas-sess u azzjonijiet speċifiċi ta' politika, jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jiksbu tnaqqis sostanzjali fid-differenzi tas-sess fir-rati tax-xogħol, ir-rati tad-diżokkupazzjoni u l-pagi sa l-201. L-irwol ta' l-imsieħba soċjali huwa kruċjali f'dan ir-rigward. B'mod partikolari, bil-ħsieb ta' l-eliminazzjoni tagħha, il-politika għandha timmira li tikseb sa l-2010 tnaqqis sostanzjali fid-differenza bejn il-pagi tas-sessi f'kull Stat Membru, permezz ta' attitudni b'diversi uċuħ li tindirizza l-fatturi prinċipali fid-differenza tal-paga bejn is-sessi, inkluża segregazzjoni settorali u okkupazzjonali, edukazzjoni u taħriġ, żieda fil-konsapevolezza u trasparenza.

Attenzjoni partikolari għandha tingħata għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja, notevolment permezz tal-provvista ta' servizzi ta' kura għat-tfal u dipendenti oħra, l-inkoraġġiment tal-qsim tar-responsabbiltajiet tal-familja u professjonali u l-iffaċilitar tar-ritorn lura għax-xogħol wara perjodu ta' assenza. L-Istati Membri għandhom ineħħu d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol u jagħmlu minn kollox, waqt li jagħtu kont tat-talba għall-faċilitajiet ta' kura tat-tfal u f'linja max-xejriet nazzjonali tal-provvista ta' kura tat-tfal, li jipprovdu kura tat-tfal sa l-2010 għal ta' l-anqas 90 % tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età mandatorja ta' l-iskola u ta' l-anqas għal 33 % tat-tfal taħt it-tliet snin.

7. JIPPROMWOVU L-INTEGRAZZJONI TA' U JIĠĠIELDU KONTRA D-DISKRIMINAZZJONI TA' PERSUNI LI HUMA FI ŻVANTAĠĠ FIS-SUQ TAX-XOGĦOL

L-Istati Membri għandhom irawmu l-integrazzjoni ta' persuni li jiffaċċjaw diffikultajiet partikolari fis-suq tax-xogħol, bħal dawk li jħallu l-iskola kmieni, ħaddiema b'kapaċità baxxa, persuni b'diżabilità, immigranti, u minoritajiet etniċi, billi jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom għax-xogħol, iżidu l-opportunitajiet għall-impjieg u jipprevjienu l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra tagħhom.

B'mod partikolari, il-politika għandha timmira li tikseb sa l-2010:

- rata medja ta' l-UE ta' mhux aktar minn 10 % li jħallu l-iskola kmieni,

- tnaqqis sinifikanti f'kull Stat Membru fid-differenzi tad-diżokkupazzjoni għal persuni li huma fi żvantaġġ, skond kull miri nazzjonali u definizzjonijiet,

- tnaqqis sinifikanti f'kull Stat Membru fid-differenzi tad-diżokkupazzjoni bejn ċittadini mhux ta' l-UE u ta' l-UE, skond xi miri nazzjonali.

8. JAGĦMLU X-XOGĦOL VALLAPENA PERMEZZ TA' INĊENTIVI BIEX TITEJJEB L-ATTRAENZA TAX-XOGĦOL

L-Istati Membri għandhom jirriformaw l-inċentivi finanzjarji bil-ħsieb li jagħmlu x-xogħol attraenti u jħajru lill-irġiel u nisa jfittxu, jibdew u jibqgħu fix-xogħol. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw politika addattata bil-ħsieb li jitnaqqas in-numru ta' foqra li jaħdmu. Huma għandhom jirrevedu, u fejn meħtieġ, jirriformaw is-sistema tat-taxxa u l-benefiċċji u l-interazzjoni tagħhom bil-ħsieb li jeliminaw id-diżokkupazzjoni, il-faqar u n-nasbiet ta' l-inattività, u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa, ħaddiema b'kapaċità baxxa, ħaddiema aktar anzjani, persuni b'diżabilitajiet u dawk l-aktar ’il bogħod fis-suq tax-xogħol fl-okkupazzjoni.

Waqt li jippreżervaw livell adegwat ta' protezzjoni soċjali, l-Istati Membri għandhom b'mod partikolari jirrevedu r-rati ta' sostituzzjoni u t-tul ta' żmien tal-benefiċċji; jassiguraw immaniġġjar ta' benefiċċju effettiv, notevolment fir-rigward tar-rabta bejn it-tfittix effettiv tax-xogħol, inkluż l-aċċess għal miżuri ta' attivazzjoni li jsostnu l-opportunitajiet tax-xogħol, waqt li jagħtu kont ta' sitwazzjonijiet individwali; jikkunsidraw il-provvista ta' benefiċċji fuq ix-xogħol, fejn xieraq; u jaħdmu bil-ħsieb li jeliminaw in-nasbiet ta' inattività.

B'mod partikolari, il-politika għandha timmira li tikseb sa l-2010 tnaqqis sinifikanti f'rati effettivi ta' taxxa b'marġini għoli u, fejn xieraq, il-piż tat-taxxa fuq ħaddiema li jitħallsu ftit, li jirriflettu ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

9. JITTRASFORMAW XOGĦOL MHUX IDDIKJARAT F'IMPJIEG REGOLARI

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw azzjonijiet wiesgħa u miżuri biex jeliminaw xogħol mhux iddikjarat, li jikkombinaw is-simplifikazzjoni ta' l-ambjent tan-negozju, ineħħu d-diżinċentivi u jipprovdu inċentivi adegwati fis-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji, infurzar imtejjeb tal-liġi u l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet. Għandhom iwettqu l-isforzi meħtieġa fil-livell nazzjonali u dak ta' l-UE biex ikejlu l-limitu tal-problema u l-progress miksub fil-livell nazzjonali.

10. JINDIRIZZAW DISPARITAJIET FIX-XOGĦOL REĠJONALI

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw attitudni wiesgħa lejn it-tnaqqis tad-disparitajiet fl-okkupazzjoni u d-diżokkupazzjoni reġjonali. Il-potenzjal għall-ħolqien tax-xogħol f'livell lokali, inkluża l-ekonomija soċjali, għandu jkun issostnut u sħubija bejn il-partijiet kollha relevanti għandha tkun inkoraġġita. L-Istati Membri għandhom:

- jippromwovu kondizzjonijiet favorevoli għal attività tas-settur privat u investiment f'reġjuni li waqgħu lura,

- jssiguraw li appoġġ pubbliku f'reġjuni li waqgħu lura jiġi ffukat fuq investiment f'kapital uman u għerf, kif ukoll f'infrastruttura adegwata (ara wkoll BEPGs, linji gwida 18 u 19).

Il-potenzjal ta' Fondi ta' Koeżjoni u Strutturali u tal-Bank Ewropew għall-Investiment għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ.

GOVERNANZA KIF IMISS U SĦUBIJA FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-LINJI GWIDA DWAR IX-XOGĦOL

L-Istati Membri għandhom jassiguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-Linji Gwida dwar ix-xogħol inkluż fil-livell reġjonali u lokali.

Involviment ta' korpi parlamentari, imsieħba soċjali u partijiet oħra relevanti

Il-governanza kif imiss u sħubija huma kwistjonijiet importanti għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija Ewropea dwar ix-xogħol, waqt li jiġu rispettati bis-sħiħ it-tradizzjonijiet nazzjonali u l-prattiċi. Il-Parlament Ewropew għandu parti importanti x'jieħu f'dan ir-rigward. Ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija Ewropea dwar ix-xogħol hija ta' l-Istati Membri. Skond it-tradizzjonijiet nazzjonali, il-korpi relevanti parlamentari kif ukoll il-partijiet relevanti fil-qasam tax-xogħol fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom kontribuzzjonijiet importanti x'jagħtu.

Skond it-tradizzjonijiet nazzjonali tagħhom u l-prattiċi, l-Imsieħba Soċjali fil-livell nazzjonali għandhom jiġu mistiedna li jassiguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-Linji Gwida dwar ix-xogħol u biex jirrapportaw dwar il-kontribuzzjonijiet tagħhom l-aktar sinifikanti fiż-żoni kollha taħt ir-responsabbiltà tagħhom, b'mod partikolari dwar l-immaniġġjar tal-bidla u l-addattabilità, is-sinerġija bejn il-flessibiltà u s-sigurtà, l-iżvilupp kapital uman, l-ugwaljanza tas-sessi, il-karattru vantaġġuż tax-xogħol u x-xjuħija attiva kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

L-Imsieħba Soċjali Ewropej f'livell interprofessjonali u settorali huma mistiedna biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar ix-xogħol u biex isostnu l-isforzi mwettqa mill-imsieħba nazzjonali soċjali fil-livelli kollha, per eżempju fil-livell interprofessjonali, settorali u lokali. Kif imħabbar fil-programm tagħhom konġunt tax-xogħol, l-Imsieħba Soċjali Ewropej f'livell interprofessjonali għandhom jirrapportaw kull sena dwar il-kontribuzzjoni tagħhom għall-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar x-xogħol. L-Imsieħba Soċjali Ewropej f'livell settorali huma mistiedna li jirrapportaw dwar l-azzjonijiet rispettivi tagħhom.

B'żieda, is-servizzi operazzjonali għandhom iwasslu l-politika dwar ix-xogħol b'mod effiċjenti u effettiv.

Allokazzjoni adegwata ta' riżorsi finanzjarji

L-Istati Membri għandhom jassiguraw trasparenza u effettiv taħt il-profil ta' ġestjoni u ta' spejjeż fl-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar ix-xogħol, waqt li jikkonformaw mal-ħtieġa ta' finanzi pubbliċi sodi f'linja mal-linji gwida dwar politika ekonomika wiesgħa.

Għandhom jisfruttaw il-kontribuzzjoni potenzjali tal-Fondi Strutturali tal-Komunità, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, biex jappoġġjaw it-twassil tal-politika u biex isaħħu l-kapaċità istituzzjonali fil-qasam tax-xogħol.

--------------------------------------------------