32003D0291



Official Journal L 043 , 18/02/2003 P. 0001 - 0005


Id-Deċiżjoni Nru 291/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-6 ta' Frar 2003

li tistabbilixxi s-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport 2004

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b' mod partikolari l-Artikolu 149 ta' dan,

Wara li kkunsidraw il-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

jaġixxu bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Il-promozzjoni ta' edukazzjoni ta' kwalità tajba hija waħda mill-għanijiet tal-Komunità Ewropea.

(2) Il-valuri edukattivi ta' l-isport kienu rrikonoxxuti mill-Kunsill Ewropew ta' Nizza tas-7, 8 u 9 ta' Diċembru 2000, li b'hekk ikkonferma dikjarazzjonijiet preċedenti, b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni 29 mehmuż mat-Trattat ta' Amsterdam fejn l-isport huwa definit bħala xi ħaġa li tifforma l-identità ta' poplu.

(3) Il-Kunsill Ewropew ta' Nizza stieden l-istituzzjonijiet tal-Komunità biex jikkunsidraw bil-mod dovut l-azzjoni tal-valuri edukattivi ta' l-isport taħt id-disposizzjonijiet varji tat-Trattat, b' enfasi partikolari fuq l-importanza li tiġi mħeġġa attività volontarja mill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Komunità.

(4) Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tal-Ministri għaż-Żgħażagħ li ltaqgħu fil-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 1999 fuq dimensjoni edukattiva mhux formali ta' attivitajiet sportivi fil-programmi għaż-żgħażagħ tal-Komunità Ewropea [5] tikkonsidera li l-attivitajiet sportivi jista' jkollhom valur pedagoġiku li jikkontribwixxi sabiex tissaħħaħ is-soċjetà ċivili u tistieden il-Kummissjoni biex taħseb, b' kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, approċċ koerenti sabiex jiġi sfruttat il-potenzal edukattiv ta' l-isport.

(5) Fir-Riżoluzzjoni tiegħu fuq ir-rapport tal-Kummissjoni fuq is-salvagwardji għall-istrutturi kurrenti ta' l-isports u l-manteniment tal-funzjoni soċjali ta' l-isport [6], il-Parlament Ewropew ta importanza lill-valur edukattiv u soċjali ta' l-isport, kif ukoll l-irwol tiegħu fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija.

(6) Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 1997 fuq l-irwol ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam ta' l-isport [7], il-Parlament Ewropew ippropona l-organizzazzjoni ta' sena Ewropea għall-Isport.

(7) Il-Kumitat tar-Reġjuni fl-opinjoni tieħu fuq id-dokument tal-konsultazzjoni tal-Kummissjoni "Il-mudell Ewropew ta' l-Isport" osserva kemm hu importanti l-isport biex jifforma l-bniedem.

(8) Fir-rapport tagħha fuq l-isport magħmul f'Helsinki, il-Kummissjoni eżaminat il-mertu ta' l-użu ta' l-isport fl-edukazzjoni u oqsma li għandhom x'jaqsmu maż-żgħażagħ b'konsiderazzjoni għall-valuri trasmessi mill-isport.

(9) Eżerċizzju regolari itejjeb is-saħħa psikoloġika u fiżika u jista' jagħti kontribuzzjoni pożittiva għall-proċess tat-tagħlim.

(10) L-edukazzjoni ta' żgħażagħ sportivi, irġiel u nisa, m'għandhiex tbati konsegwenzi minħabba parteċipazzjoni fi sport kompetittiv.

(11) L-Edukazzjoni permezz ta' l-isport għanda tħeġġeġ l-identità u l-iżvilupp personali għall-bniet u għas-subien.

(12) Istituzzjonijiet edukattivi u għat-taħriġ f'kull livell għandhom jagħmlu użu akbar mill-opportunijitajiet li joffri l-isport għall-mobilità transitorja u għall-iskambjar kulturali.

(13) L-attivitajiet Olimpiċi u attivitajiet sportivi oħra fl-2004 sejrin iżidu l-attenzjoni tax-xandir u l-għarfien tal-pubbliku fuq l-isport. Din hija opportunità ideali biex tintwera l-importanza tal-valur edukattiv ta' l-isport.

(14) L-azzjoni li ssir fl-Istati Membri hija l-mod għewlieni kif jista' jitqajjem il-kuxjenza tal-pubbliku fuq il-valur edukattiv ta' l-isport. Madankollu, il-Komunità tista' tappoġġja u ssaħħaħ din l-azzjoni permezz ta' l-istabbiliment ta' Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport.

(15) Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport se jikkompleta u jirrinforza azzjoni tal-Komunità attwali biex tħeġġeġ l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-inklużjoni soċjali tan-nies svantaġġati.

(16) Is-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-isport għandha tinfetah għall-parteċipazzjoni mill-pajjiżi AEKĦ/ŻEE skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u mill-assoċjazzjoni tal-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti skond il-Ftehim Ewropew rispettiv tagħhom. Għal Ċipru, din il-parteċipazzjoni għandha tiġi ffinanzjata minn approprjazzjonijiet addizzjonali skond arranġamenti li għad irid jintlaħaq ftehim fuqhom, u għal Malta u t-Turkija minn approprjazzjonijiet addizzjonali skond it-Trattat tal-KE.

(17) Din id-Deċiżjoni, għat-tul intier tal-programm, tindika qafas finanzjarju li jikkonstitwixxi r-referenza ewlenija, fis-sens ta' punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 1999 fuq id-dixxiplina tal-budget u t-titjib tal-proċedura tal-budget [8].

(18) Peress li l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta ma jistgħux jiġu milħuqa b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba d-dimensjoni tagħhom, speċjalment għall-bżonn għal sħubija multilaterali, kambju transnazzjonali ta' informazzjoni u tixrid ta' drawwiet tajba fil-Komunità kollha, jintlaħqu b'mod aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma teċċedix dak li hu neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(19) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tniżżel il-proċeduri għall-eżerċitazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni [9],

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Is-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport

Is-sena 2004 għandha tkun innominata "Is-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport".

Artikolu 2

Objettivi

L-objettivi tas-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport għandhom ikunu li ġejjin:

(a) biex iqajmu l-kuxjenza ta' l-istituzzjonijiet edukattivi u l-organizzazzjonijiet sportivi fuq il-bżonn għall-koperazzjoni sabiex l-edukazzjoni tiġi żviluppata permezz ta' l-isport u d-dimensjoni Ewropea tiegħu, meta wieħed jikkunsidra l-interess kbir ħafna li ż-żgħażagħ juru f'kull tip ta' sport;

(b) biex jieħdu vantaġġ mill-valuri li jiġu trasmessi mill-isport biex jiżviluppaw it-tagħrif u l-kapaċità li bih iż-żgħażagħ, b'mod partikolari, jistgħu jiżviluppaw il-ħila u l-prontezza tagħhom għal sforz personali kif ukoll għal abilitajiet soċjali bħal xogħol ta' grupp, solidarjetà, tolleranza u logħob bil-fier f'kwadru multikulturali;

(ċ) biex jippromovu l-għarfien fuq il-kontribuzzjoni pożittiva li l-attivitajiet volontarji jagħmlu lill-Edukazzjoni mhux formali, speċjalment taż-żgħażagħ;

(d) biex jippromovu l-valur edukattiv tal-mobbiltà u skambjar ta' studenti b'mod partikolari f'ambjent multikulturali permezz ta' l-organizzazzjoni ta' kuntatti sportivi u kulturali bħala partit minn attività skolastika;

(e) biex jinkoraġġixxu l-iskambjar tad-drawwiet tajba fuq l-irwol li jista' jkollu l-isport f'sistemi ta' edukazzjoni biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali ta' gruppi żvantaġġjati;

(f) biex joħolqu bilanċ aħjar bejn l-attività fiżika u dik intellettwali fil-ħajja skolastika billi jinkoraġġixxu l-isport f'attivitajiet skolastiċi;

(g) biex jikkunsidraw il-problemi li għandhom x'jaqsmu ma' l-edukazzjoni ta' sportivi żgħażagħ, subjien u bniet, li jieħdu sehem fi sports kompetittivi.

Artikolu 3

Kontenut tal-miżuri

1. Il-miżuri meħuda biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 2 għandhom jinkludu l-organizzazzjoniji ta' l-attivitajiet li ġejjin fl-2004 jew l-għotja ta' appoġġ għal dawn l-attivitajiet:

(a) laqgħat, kompetizzjonijiet Ewropej edukattivi u avvenimenti li juru l-importanza ta' kisbiet u esperjenzi fuq it-tema tas-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport;

(b) azzjonijiet volontarji fuq livell Ewropew matul l-avvenimenti Olimpiċi u avvenimenti sportivi oħra fl-2004;

(ċ) kampanji informattivi u promozzjonali, inkluża l-koperazzjoni max-xandir biex jinxterdu l-valuri edukattivi ta' l-isport;

(d) avvenimenti li jippromovu l-valur edukattiv ta' l-isport u jipprovdu eżempji ta' drawwiet tajba;

(e) appoġġ finanzjarju għal inċentivi transnazzjonali, nazzjonali, reġjonali jew lokali biex jippromovu l-għanijiet tas-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport.

2. Deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 hija mogħtija fl-Anness għal din.

Artikolu 4

Implimentazzjoni u koperazzjoni ma' l-Istati Membri

1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli biex tiżgura li l-miżuri tal-Komunità adottati skond din id-Deċiżjoni jiġu implimentati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 5(2) u b'konformità totali mal-prinċipju tas-sussidjarjità.

2. Kull Stat Membru għandu jinnomina wieħed jew aktar korpijiet xierqa li jkunu responsabbli għal parteċipazzjoni fis-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport u għal kordinazzjoni u implimentazzjoni tal-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni fil-livell xieraq, inter alia, billi jassistu fil-proċedura tas-selezzjoni li saret referenza għaliha fl-Artikolu 7.

Artikolu 5

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn Kumitat.

2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE wara li jkunu kjunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 li jinsab fiha.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 6

Arranġamenti finanzjarji

1. Miżuri li huma ta' natura Komunitarja, kif deskritti f'parti A ta' l-Anness, jistgħu jiġu sussidjati mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea sa massimu ta' 80 % tal-kost totali.

2. Miżuri ta' interess Komunitarju li huma ta' natura lokali, reġjonali, nazzjonali jew transnazzjonali, kif deskritti f'parti B ta' l-Anness, jistgħu jiġu ko-finanzjati mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea sa massimu ta' 50 % tal-kost totali.

Artikolu 7

Proċedura ta' applikazzjoni u selezzjoni

1. Il-korp jew il-korpijiet imsejħa fl-Artikolu 4(2) għandhom jagħtu l-applikazzjonijiet għall-ko-finanzjament tal-miżuri mill-budget Komunitarju taħt l-Artikolu 6(2) lill-Kummissjoni. L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu informazzjoni li biha jkun possibbli ssir stima tar-riżultati bl-użu ta' kriterji oġġettivi. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-ogħla konsiderazzjoni ta' l-evalwazzjoni prevista mill-korpijiet ikkonċernati.

2. Deċiżjonijiet fuq il-ko-finanzjament ta' miżuri taħt l-Artikolu 6 għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 5(2). Il-Kummissjoni għandha tiżgura distribuzzjoni bbilanċata fost l-Istati Membri u fost l-oqsma differenti ta' attivitajiet involuti.

3. Il-Kummissjoni, b'mod partikolari permezz tal-punti ta' kuntatt nazzjonali u reġjonali, flimkien mal-korpijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2), għandha tiżgura li s-sejħiet għall-proposti jiġu ppubblikati fi żmien suffiċjenti u distribwiti bl-aktar mod wiesa' possibbli.

Artikolu 8

Konsistenza u komplimentarjetà

1. Il-Kummissjoni, b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tiżgura li l-miżuri previsti f'din id-deċiżjoni jkunu konsistenti ma' azzjonijiet u inizjattivi oħra Komunitarji.

2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport, fil-limitu ta' dak li hu possibbli, tikkumplementa inizjattivi u riżorsi oħra nazzjonali u reġjonali tal-Komunità meta dawn jistgħu jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport.

Artikolu 9

Parteċipazzjoni minn ċertu pajjiżi terzi

Is-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport hija miftuħa għall-parteċipazzjoni:

(a) tal-pajjiżi EFTA/ŻEE skond il-kondizzjonijiet stabbiliti taħt il-Ftehim ŻEE;

(b) tal-pajjizi assoċjati ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant skond il-kondizzjonijiet stabbiliti skond il-Ftehim rispettiv tagħhom;

(ċ) ta' Ċipru, liema parteċipazzjoni għandha tiġi ffinanzjata minn approprjazzjonijiet addizzjonali skond proċeduri li jrid jintlaħaq ftehim fuqhom ma' dan il-pajjiż;

(d) ta' Malta u t-Turkija, liema parteċipazzjoni għandha tiġi ffinanzjata minn approprjazzjonijiet addizzjonali skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat.

Artikolu 10

Budget

1. Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta'din id-Deċizjoni huwa hawnhekk iffissat għal 11,5 miljun EUR.

2. L-approprjazzjonijiet ta' kull sena għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-budget fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

3. Fl-2004 jistgħu anke jiġu ffinanzjati, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, l-ispejjeż ta' assistenza teknika u amministrattiva għall-benefiċju reċiproku tal-Kummissjoni u tal-benefiċjarji tal-miżura li ma tidħolx fil-isfera ta' attività permanenti tal-funzjoni pubblika, konnessi ma' l-identifikazzjoni, il-preparazzjoni, l-amministrazzjoni, it-tkomplija tax-xogħol li diġà nbeda, il-verifika u l-kontroll tal-miżuri.

Artikolu 11

Koperazzjoni Internazzjonali

Il-Kummissjoni tista' tikkopera mal-Kunsill ta' l-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li huma xierqa għall-għan tas-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-isport, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 5(2).

Artikolu 12

Kontroll u evalwazzjoni

Il-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2005, għandha tagħti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni fuq l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-istima komplessiva tal-miżuri pevisti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fis-6 ta' Frar 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

P. Efthymiou

[1] ĠU C 25 E, tad-29.1.2002, pġ. 531.

[2] ĠU C 149, tal-21.6.2002, pġ. 17.

[3] ĠU C 278, ta' l-14.11.2002, pġ. 21.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Majju 2002 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ottubru 2002 (ĠU C 275 E, tat-12.11.2002, pġ. 70) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2002.

[5] ĠU C 8, tat-12.1.2000, pġ. 5.

[6] ĠU C 135, tas-7.5.2001, pġ. 274.

[7] ĠU C 200, tat-30.6.1997, pġ. 252.

[8] ĠU C 172, tat-18.6.1999, pġ. 1.

[9] ĠU L 184, tas-17.7.1999, pġ. 23.

--------------------------------------------------

ANNESS

MIŻURI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3

A. Azzjoni fuq livell Komunitarju

1. Laqgħat u avvenimenti:

(a) organizzazzjoni ta' laqgħat;

(b) organizzazzjoni ta' avvenimenti biex jitqajjem l-għarfien fuq l-Edukazzjoni permezz ta' l-isport, inklużi konferenzi biex tinfetaħ u tingħalaq Is-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permez ta' l-Isport;

(ċ) azzjonijiet volontarji matul l-attivitajiet Olimpiċi u attivitajiet sportivi oħra fl-2004.

2. Kampanji ta' informazzjoni u promozzjoni li jimplikaw:

(a) l-ħluq ta' logo u slogans għas-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-isport, għal uzu li għandu x'jaqsam ma' kwalunkwe attività marbuta magħha;

(b) kampanja ta' informazzjoni;

(ċ) il-produzzjoni ta' għodda u għajnuna aċċessibbli lin-nies fil-Komunità kollha;

(d) inizjattivi xierqa mill-istituzzjonijiet Edukattivi u organizzazzjonijiet sportivi bl-għan li l-tixxerred l-informazzjoni fuq is-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' Sport;

(e) l-organizzazzjoni ta' kompetizzjonijiet edukattivi Ewropej li jagħtu importanza għar-realizzazzjonijiet u l-esperjenzi fuq it-tema tas-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permess ta' l-Isport.

3. Azzjonijiet oħra:

(a) stabbiliment ta' database on-line, li tagħmel użu mir-riżorsi disponibbli, bħala mezz biex jinxterdu drawwiet tajba fl-Istati Membri għall-użu ta' l-isport bħalha għodda għall-edukazzjoni u, b'mod partikolari, biex tiġi mħeġġa l-integrazzjoni soċjali ta' gruppi żvantaġġjati;

(b) stħarriġ u studji li jagħmlu stima ta' l-impatt tas-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport.

4. Il-finanzjament jista' jieħu l-forom li jmiss:

(a) akkwist dirett ta' merkanzija u servizzi, b'mod partikolari fil-qasam tal-komunikazzjoni, stħarriġ u studji msemmija fil-punt preċedenti 3(b), permezz ta' sejħa pubblika għal offerti għal xogħol bl-appalt u/jew liċitazzjonijiet privati;

(b) sussidji allokati biex ikopru l-ispejjeż ta' avvenimenti speċjali biex juru l-importanza u jqajjmu l-għarfien fuq is-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' Sport; dan il-finanzjament ma jistax ikun aktar minn 80 % tal-kost totali.

B. Azzjoni fuq livell nazzjonali

Azzjoni fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u transanazzjonali jistgħu jikkwalifikaw għall-għajnuna mill-Komunità sa massimu ta' 50 % tal-kost totali, skond in-natura u l-kontenut tal-propost. Dawn l-azzjonijiet jistgħu, per eżempju, jinkludu:

1. avvenimenti dwar l-għanijiet tas-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport, inkluż avveniment biex tinfetaħ is-sena;

2. kampanji u miżuri ta' informazzjoni biex jinxterdu eżempji ta' drawwiet tajba, differenti minn dawk imsemmija fil-preċedenti parti A;

3. l-organizzazzjoni ta' premijiet jew kompetizzjonijiet li juru l-importanza ta' l-edukazzjoni permezz ta' l-isport;

4. stħarriġ u studji differenti minn dawk imsemmija fil-preċedenti parti A.

C. Azzjoni li ma tibbenefikax minn ebda għajnuna finanzjarja Komunitarja

Il-Komunità toffri l-appoġġ morali, inkluż awtorizzazzjoni bil-miktub biex jintuża l-logo u materjali oħra assoċjati mas-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-isport, għal inizjattivi meħuda minn organizzazzjonijiet pubbliċi u privati, fejn dawk l-organizzazzjonijiet jistgħu jissodisfaw lill-Kummissjoni li l-inizjattivi involuti jew se jkunu għaddejjin matul is-sena 2004 u x'aktarx hu probabbli li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jintlaħaq wieħed jew aktar mill-għanijiet tas-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-isport.

--------------------------------------------------