Official Journal L 351 , 28/12/2002 P. 0042 - 0043
Ir-regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2355/2002 tas-27 ta’ Diċembru 2002 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 438/2001 li jistabilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali. IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali [1] kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1447/2001 [2], u b’mod partikolari Artikolu 53(2) tiegħu, Wara li kkonsultat il-Kumitat stabbilit bi qbil ma’ Artikolu 147 tat-Trattat, Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar l-Istrutturi Agrikoli u l-Iżvilupp Rurali, Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar Strutturi għas-Sajd u l-Akwakultura, Billi: (1) Artikolu 38(6) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 jeħtieġ li l-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri jżommu d-dokumenti ta’ sostenn kollha disponibbli għall-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-infiq u l-kontrolli fir-rigward ta’ kull assistenza għal perjodu ta’ tlett snin wara l-ħlas mill-Kummissjoni tal-bilanċ finali sakemm ma jiġix deċiż b’mod ieħor fil-ftehim amministrattiv bilaterali, (2) Huwa mixtieq li jiġu speċifikati l-kategoriji ta’ dokumenti ta’ sostenn koperti b’dan l-obbligu, fil-forma li fiha jistgħu jinżammu u l-obbligu li jiġu determinati l-korpi li għandhom iżommuhom. (3) Minħabba li d-dokumenti msemmija jiffurmaw parti mis-sekwenza tat-transazzjonijiet msemmija għaliha f’Artikolu 7 tar-Regolament (KE) 438/2001 [3], huwa xieraq li ma’ dan l-artikolu jiġu miżjudin id-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar iż-żamma tad-dokumenti. (4) Id-disposizzjonjiet dwar iż-żamma tad-dokumenti huma mingħajr preġudizzju għal regoli tal-Komunità jew nazzjonali oħra speċifiċi. (5) Il-miżuri li għalihom hemm provdut f ’dan ir-Regolament huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Konverżjoni tar-Reġjuni, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 438/2001 huwa emendat kif ġej: (a) jiddaħħal paragrafu ġdid wara l-paragrafu 2 kif ġej: "2a. (a) Id-dokumenti ta’ sostenn dwar l-infiq u l-kontrolli li hemm referenza għalihom f’Artikolu 38(6) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għandhom jinkludu - dokumenti dwar l-infiq speċifiku magħmul u ddikjarat u l-pagamenti magħmulin taħt l-assistenza u meħtieġa għal sekwenza ta’ transazzjoni suffiċjenti inklużi dokumenti li huma prova tal-kunsinna attwali ta’ prodotti jew servizzi ko-iffinanzjati; - rapporti u dokumenti dwar il-kontrolli mwettqa taħt Artikoli 4, 9, 10 u 15 ta’ dan ir-Regolament. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jistabbilixxu liema korp għandu jżomm id-dokumenti matul il-perjodu li għalih tkun meħtieġa ż-żamma. (b) Id-dokumenti għandhom jinżammu jew bħala oriġinali jew fuq ġarriera ta’ data aċċettati b’mod komuni. Data carriers aċċettati b’mod komuni għandhom jinkludu, b’mod partikolari, - fotokopji ta’ dokumenti oriġinali; - microfiches ta’ dokumenti oriġinali; - verżjonijiet ta’ dokumenti oriġinali fuq ġarriera ottikali ta’ data (bħal CD-rom, hard-disk jew diski-manjetiċi); - dokumenti li jeżistu fil-verżjoni elettronika biss. Il-proċedura għaċ-ċertifikazzjoni tal-konformità ta’ dokumenti miżmuma fuq ġarriera ta’ data aċċettati b’mod komuni mad-dokumenti oriġinali għandha tiġi stabbilita mill-awtoritajiet nazzjonali u għandha tiżgura li l-verżjonijiet miżmuma jikkonformaw mal-ħtiġiet legali nazzjonali u li wieħed jista’ joqgħod fuqhom għal għanijiet ta’ verifika. Fejn id-dokumenti jeżistu fil-verżjoni elettronika biss, is-sistemi tal-kompjuter li fuqhom huma miżmumin il-verżjonijiet elettroniċi għandhom jissodisfaw standards ta’ sigurtà aċċettati li jiżguraw li d-dokumenti miżmuma jikkonformaw mal-ħtiġiet legali nazzjonali u li wieħed jista joqgħod fuqhom għal għanijiet ta’ verifika." (b) il-paragrafu 3 (a) huwa mibdul bit-test li ġej: "(a) li hemm proċeduri sabiex jiżguraw li d-dokumenti li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2a huma miżmuma bi qbil mal-ħtiġiet ta’ Artikolu 38(6) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 u ma’ Anness I għal dan ir-Regolament;" Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-27 ta’ Diċembru 2002. Għall-Kummissjoni Michel Barnier Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 1 [2] ĠU L 139, tad-29.7.2001, p. 1. [3] ĠU L 63, tat-3.3.2001, p. 21. --------------------------------------------------