32002R1606



Official Journal L 243 , 11/09/2002 P. 0001 - 0004


IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1606/2002 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Lulju 2002

rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u partikolarment l-Artikolu 95(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ([1]),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ([2]),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 251 tat-Trattat ([3]),

Billi:

(1) Il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 enfasizza l-ħtieġa biex jitħaffef it-twettieq tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji, stabbilixxa l-limitu ta' żmien ta' l-2005 biex jimplementa l-Pjan ta' Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji tal-Kummissjoni u ħeġġeġ li jittieħdu passi ħalli tittejjeb il-komparabbilità tal-prospetti finanzjarji imħejjija mill-kumpanniji nnegozjati pubblikament.

(2) Sabiex jikkontribwixxu għal funzjonament aħjar tas-suq intern, kumpanniji nnegozjati pubblikament għandhom ikunu meħtieġa li japplikaw sett wieħed ta' standards internazzjoni ta' kwalità għolja għat-tħejjija tal-prospetti finanzjarji kkonsolidati tagħhom. Aktar minn hekk, huwa mportanti li l-istandards tar-rappurtaġġ finanzjarju applikati mill-kumpanniji tal-Komunità li jipparteċipaw fis-swieq finanzjarji jkunu aċċettati internazzjonalment u li tassew ikunu standards globali. Din timplika żieda ta' konverġenza ta' l-istandards tal-kontabilità preżentament użati internazzjonalment bl-objettiv aħħari li jintlaħaq sett wieħed ta' standards globali tal-kontabilità.

(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji ([4]), id-Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 dwar il-kontijiet konsolidati ([5]), id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta' Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra ([6]) u d-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati tal-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni ([7]), huma wkoll indirizzati lejn il-kumpanniji nnegozjati pubblikament. Il-ħtieġiet dwar ir-rapportaġġ stabbiliti f'dawn id-Direttivi ma jistgħux jassiguraw il-livell għoli ta' trasparenza u komparabbilità tar-rapportaġġ finanzjarju mill-kumpanniji kollha tal-Komunità nnegozjati pubblikament li hija kondizzjoni meħtieġa għall-bini ta' suq tal-kapital integrat li jopera effettivament, mingħajr xkiel u b'effiċċjenza. Huwa għalhekk meħtieġ li jkun issupplementat il-qafas legali applikabbli għall-kumpanniji negozjati pubblikament.

(4) Dan ir-Regolament għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-funzjonament effeċjenti u l-effettiv fil-ġestjoni u fl-ispejjeż tas-suq tal-kapital. Il-protezzjoni ta' l-investituri u ż-żamma tal-fiduċja fis-swieq finanzjarji huwa wkoll aspett importanti għat-twettieq tas-suq intern f'dan il-qasam. Dan ir-Regolament isaħħaħ il-libertà tal-moviment tal-kapital fis-suq intern u jgħin biex jiffaċilita lill-kumpanniji tal-Komunità biex jikkompetu fuq bażi ugwali għar-riżorsi finanzjarji disponibbli fis-swieq tal-kapital tal-Komunità, kif ukoll fis-swieq tal-kapital tad-dinja.

(5) Huwa mportanti li l-kompettittività tas-swieq tal-kapital tal-Komunità jakkwistaw konverġenza ta' l-istandards użati fl-Ewropa għat-tħejjija tal-prospetti finanzjarji, bi standards internazzjonali tal-kontabilità li jkunu jistgħu jintużaw globalment, għal trasazzjonijiet transkonfini jew biex ikunu inklużi fil-boroż fi kwalunkwe post fid-dinja.

(6) Fit-13 ta' Ġunju 2000, il-Kummissjoni ppublikat il-Komunikazzjoni tagħha dwar Strateġija għar-Rapurtaġġ Finanzjarju tal-UE: it-triq ' il quddiem' li fiha kien ġie propost li l-kumpanniji kollha nnegozjati pubblikament tal-Komunità iħejju l-prospetti finanzjarji kkonsolidati tagħhom skond sett wieħed ta' standards tal-kontabilità, jiġifieri l-International Accounting Standards (IAS) (Standards Internazzjoni tal-Kontabilità), l-aktar tard sal-2005.

(7) International Accounting Standards (IAS) huma żvilupati mill-International Accounting Standards Committee (IASC) (Kumitat Internazzjonali ta' Standards għall-Kontabilità) li l-iskop tiegħu huwa li jiżviluppa sett wieħed ta standards gobali tal-kontabilità. B'segwiment tar-ristrutturar tal-IASC, il-Board il-ġdid fil-1 ta' April 2001, bħala waħda mill-ewwel deċiżjonijiet tiegħu, ta isem ġdid lill-IASC li huwa Il-International Accounting Standards Board (IASB), (Il-Board Internazzjonali ta' Standards għall-Kontabilità) u, f'dak li jikkonċerna l-futur ta' l-istandards internazzjonali tal-kontabilità, ta isem ġdid lil-IAS bħala International Financial Reporting Standards (IFRS), (Standards Internazzjonali ta' Rapportaġġ Finanzjarju). Dawn l-istandards għandhom, kull meta jkun possibbli, u basta li dawn jassiguraw grad għoli ta' trasparenza u komparabbilità għal rapportaġġ finanzjarju fil-Komunità, isiru obligatorji għall-użu mill-kumpanniji tal-Komunità li huma nnegozjati pubblikament.

(8) Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għal-eżerċitar tal-poteri ta' implementazzjoni mogħtija lil-Kummissjoni([8]) u billi tkun meqjusa kif xieraq id-dikjarazzjoni magħmulha mill-Kummissjoni fil-Parlament Ewropew fil-5 ta' Frar 2001 li tikkonċerna l-implementazzjoni tal-leġislazzjoni tas-servizzi finanazjarji.

(9) Biex tadotta standard internazzjonali tal-kontabilità għall-applikazzjoni fil-Komunità, huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li dan jilħaq il-ħtieġa bażika tad-Direttivi tal-Kunsill imsemmija qabel, jiġifieri li l-applikazzjoni tiegħu tirriżulta fil-wiri tal-pożizzjoni finanzjarja u l-prestazzjoni ta' impriża vera u ġusta - dan il-prinċipju jkun meqjus fid-dawl ta' l-imsemmija Direttivi tal-Kunsill mingħajr ma jimplika konformità stretta ma kull waħda mid-dispożizzjonijiet ta' dawk id-Direttivi; it-tieni nett li, bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000, huwa konduttiv għall-ġid publiku Ewropew u, fl-aħħar nett, li tilħaq il-kriterji bażiċi rigward il-kwalità ta' l-informazzjoni meħtieġa għall-prospetti finanzjarji biex ikunu utili għall-utenti.

(10) Kumitat tekniku tal-kontabilità għandu jipprovdi sostenn u l-esperjenza lill-Kummissjoni fl-assesjar ta' l-istandards internazzjonali tal-kontabilità.

(11) Il-mekkaniżmu tal-konferma għandu jaġixxi b'ħeffa dwar standards internazzjonali tal-kontabilità kif proposti u wkoll ikun il-meżż biex jistudja, jirrefletti u jgħamel skambju ta' l-informazzjoni dwar standards internazzjonali tal-kontabilità fost il-partijiet ewlenija kkonċernati, partikolarment dawk li jistabbilixxu l-istandards nazzjonali tal-kontabilità, il-kontrolluri fl-oqsma tat-titoli, il-banek u l-assigurazzjoni, il-banek ċentrali, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew, il-professjoni tal-kontabilità u l-utenti u dawk li jippreparaw il-kontabilità. Il-mekkaniżmu għandu jkun mezz biex jinkoraġġixxi l-interpretazzjoni komuni ta' l-istandards internazzjonali tal-kontabilità kif adottati fil-Komunità.

(12) Bi qbil mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f'dan ir-Regolament, billi jeħtieġu li sett wieħed ta' standards internazzjonali tal-kontabilità ikun applikat għall-kumpanniji nnegozjati pubblikament, huma meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv li jikkontribwixxi għal-funzjonament effiċjenti u effettiv fil-ġestjoni u fl-ispejjeż tas-swieq tal-kapital tal-Komunità u b'hekk mat-twettieq tas-suq intern.

(13) Bi qbil ma' l-istess prinċipju, huwa meħtieġ, f'dak li jirrigwardja l-kontijiet annwali, li titħalla lill-Istati Membri l-għażla li jippermettu jew li jeħtieġu lill-kumpanniji innegozjati pubblikament li jëjjuhom b'konformità ma' l-istandards internazzjonali tal-kontabilità adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita f'dan ir-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jestendu dan il-permess jew din il-ħtieġa lill-kumpanniji oħrajn f'dak li jirrigwardja t-tħejjija tal-kontijiet konsolidati tagħhom u/jew il-kontijiet annwali tagħhom.

(14) Sabiex tiffaċilita l-iskambju ta' fehmiet u biex tippermetti lill-Istati Membri li jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni għandha perjodikament tinforma lil-Kumitat regolatorju tal-kontabilità dwar il-proġetti attivi, il-dokumenti għad-diskussjoni, taċċenna l-qafas u l-abbozzi kif ippreżentati, maħruġa mill-IASB u rigward ix-xogħol tekniku ta' konsegwenza tal-kumitat tekniku tal-kontabilità. Huwa wkoll importanti li l-kumitat regolatorju tal-kontabilità ikun informat fi stadju kmieni jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tipproponhiex li tadotta standard internazzjonali tal-kontabilità.

(15) Fid-deliberazzjonijiet tagħha dwar, u fl-elaborazzjoni tal-pożizzjonijiet tagħha li għandhom jittieħdu dwar id-dokumenti u l-karti maħruġa mill-IASB fil-proċess ta' l-iżvilupp ta' standard internazzjonali tal-kontabilità (IFRA u SIC-IFRIC), il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' l-importanza li tevita l-iżvantaġġi tal-kompetizzjoni għal-kumpanniji Ewropej li joperaw fis-suq globali, u, sal-limitu tal-massimu possibbli, il-veduti espressi mid-delegazzjonijiet fil-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità. Il-Kummissjoni għandha tkun irrapreżentata fil-korpi kostitwenti tal-IASB.

(16)Reġim xieraq u rigoruż huwa l-qofol tat-tisħiħ tal-fiduċja ta' l-investituri fis-swieq finanzjarji. L-Istati Membri, permezz ta' Artikolu 10 tat-Trattat, huma meħtieġa li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jassiguraw il-konformità ma' l-istandards internazzjonali tal-kontabilità. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li żżomm kuntatt ma' l-Istati Membri, notevolment permezz tal-Kumitat tar-Regolamenti tat-Titoli Ewropej (CESR), li tiżviluppa approċċ komuni dwar l-infurzar.

(17)Barra minn hekk, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jitħallew li jiddifferixxu l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet sal-2007 għal dawk il-kumpanniji innegozjati pubblikament kemm fil-Komunità u wkoll f'suq irregolat ta' pajjiżi terzi li diġa japplikaw sett ieħor ta' standards internazzjonalment aċċettati bħala l-bażi primarja għal-kontijiet ikkonsolidati tagħhom kif ukoll għall-kumpanniji li għandhom biss titoli ta' debitu innegozjati publikament. B'dana kollu huwa kruċjali li sal-2007 l-aktar tard, sett wieħed ta' standards internazzjonali tal-kontabilità globali, l-IAS, japplika għall-kumpanniji tal-Komunità li huma negozjati pubblikament f'suq irregolat tal-Komunità.

(18)Sabiex kemm l-Istati Membri u l-kumpanniji jitħallew iwettqu l-adattamenti meħtieġa biex jgħamlu l-applikazzjoni tas-standards internazzjonali tal-kontabilità possibbli, huwa meħtieġ li jkunu applikati ċerti dispożizzjonijiet biss fl-2005. Dispożizzjonijiet xierqa għandhom jiddaħlu għal-applikazzjonijiet ta' l-ewwel darba tal-IAS mill-kumpanniji bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tar-regolament preżenti. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu mħejjija f'livel internazzjonali sabiex jassiguraw għarfien internazzjonali tas-soluzzjonijiet adottati,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

Għan

Dan ir-Regolament għandu bħala l-objettiv tiegħu l-adozzjoni u l-użu ta' standards internazzjonali tal-kontabilità fil-Komunità bil-għan li jarmonizza l-informazzjoni finanzjarja preżentata mill-kumpanniji riferiti f'Artikolu 4 sabiex jassiguraw livell għoli tat-trasparenza u l-komparabblità ta' prospetti finanzjarji u b'hekk għall-funzjonament effiċjenti tas-suq tal-kapital tal-Komunità u tas-Suq Internazzjonali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta' dan ir-Regolament, standards internazzjonali tal-kontabilità' għandu jfisser International Accounting Standards (IAS) (Standards Internazzjonali tal-Kontabilità), International Financil Reporting Standards (IFRS) (Standards Internazzjonali dwar ir-Raportaġġ Finanzjarju), u l-Interpretazzjonijiet relatati (interpretezzjonijiet SIC-IFRIC), emendi sussegwenti għal dawk l-istandards u l-interpretazzjonijiet relatati, standards futuri u l-interpretazzjonijiet relatati maħruġa jew adottati mill-Board ta' Standards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB).

Artikolu 3

Adozzjoni u l-użu ta' standards internazzjonali tal-kontabilità

1. Bi qbil mal-proċedura stabbilita f'Artikolu 6(2), il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-applikabilità fi ħdan il-Komunità ta' standards internazzjonali tal-kontabilità.

2. L-istandards internazzjonali tal-kontabilità jistgħu jkunu adottati biss jekk:

- dawn ma jkunux kontra l-prinċipju stabbilit f'Artikolu 2(3) tad-Direttiva 78/660/KEE u f'Artikolu 16(3) tad-Direttiva 83/349/KEE u huma konduttivi għall-ġid pubbliku Ewropew, u,

- jilħqu l-kriterja ta' ftehim, relevanza, fiduċja u l-komparabbilità meħtieġa mill-informazzjoni finanzjara kif meħtieġa għat-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi u l-assessjar tat-tmexxija ta' l-amministrazzjoni.

3. Mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni għandha, bi qbil mal-proċedura stabbilita f'Artikolu 6(2), tiddeċiedi dwar l-applikabbilità fi ħdan il-Komunità tas-standards internazzjonali tal-kontabilità li jkunu eżistenti mad-dħul b'efett ta' dan ir-Regolament.

4. Standards internazzjonali tal-kontabilità kif adottati għandhom ikunu publikati bis-sħiħ f'kull waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Komunità, bħala Regolament tal-Kummissjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 4

Kontijiet konsolidati ta' kumpanniji negozjati pubblikament

Għall-kull sena finanzjarja li tibda fil, jew wara l-1 ta' Jannar 2005, kumpanniji rregolati bil-liġi ta' Stat Membru għandhom jippreparaw il-kontijiet ikkonsolidati tagħhom b'konformità mal-proċedura stabbilita f'Artikolu 6(2) jekk, fid-data tal-balance sheet tagħhom, it-titoli tagħhom ikunu aċċettati għall-kummerċ f'suq regolat ta' xi Stat Membru fi ħdan it-tifsira ta' Artikolu 1(13) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE tad-19 ta' Mejju 1993 dwar is-servizzi ta' l-investiment fil-qasam tat-titoli ([9]).

Artikolu 5

Għażliet fir-rigward ta' kontijiet annwali u ta' kumpanniji mhux negozjati pubblikament

L-Istati Membri jistgħu jippermettu jew jeħtieġu:

(a) il-kumpanniji riferiti f'Artikolu 4 biex jippreparaw il-kontijiet annwali tagħhom.

(b) Il-kumpanniji, apparti minn dawk riferiti f'Artikolu 4 biex jippreparaw il-kontijiet konsolidati tagħhom u/jew il-kontijiet annwali tagħhom,

b'konformità ma' l-istandards internazzjonali tal-kontabilità adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita f'Artikolu 6(2).

Artikolu 6

Proċedura tal-kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn kumitat regolatorju tal-kontabilità, minn hawn il quddiem riferit bħala il-Kumitat'.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikunu applikabbli, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 8 tiegħu.

Il-perijodu stabbilit f'Artikolu 5(6) tad-Direttiva 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

Artikolu 7

Rapportaġġ u koordinazzjoni

1. Il-Kummissioni għandha żżomm kuntatt fuq bażi regolari mal-Kumitat rigward l-istat tal-proġetti attivi tal-IASB u dwar kull dokument relatat maħruġ mill-IASB sabiex tikkoordina l-pożizzjonijiet u biex tiffaċilita d-diskussjonijiet li jikkonċernaw l-adozzjoni ta' standards li jistgħu jirriżultaw minn dawn il-proġetti u dokumenti.

2. Il-Kummissjoni għandha debitament tħejji rapport lill-Kumitat fi żmien xieraq jekk ikollha l-intenzjoni li ma tipproponiex l-adozzjoni ta' xi standard.

Artikolu 8

Notifika

Meta l-Istati Membri jieħdu l-miżuri bis-saħħa ta' Artikolu 5, huma għandhom immedjetament jikkomunikaw dawn lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet transizzjonali

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 4, l-Istat Membri jistgħu jipprovdu li l-ħtiġiet ta' Artikolu 4 ikunu japplikaw biss għal kull sena finanzjarja li tibda fi jew wara, Jannar 2007, għal dawk il-kumpanniji:

(a) li t-titoli ta' debitu tagħhom biss huma ammessi fuq suq irregolat ta' xi Stat Membru fil-qofol tat-tifsira ta' Artikolu1(13) tad-Direttiva 93/22/KEE; jew

(b) li t-titoli tagħhom huma ammesi għal negozju pubbliku f'xi Stat li mhux membru u li, għal dak l-iskop, kienu jagħmlu użu mill-istandards internazzjonalment aċċettati sa minn sena finanzjarja li tkun bdiet qabel il-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjail tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 10

Informazzjoni u reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-operat ta' dan ir-Regolament u tirraporta dwaru lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa l-1 ta' Lulju 2007 l-aktar tard.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta' Lulju 2002.

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

P. COX T. PEDERSEN

[1] ĠU Ċ 154 E, tad-29.5.2001, p. 285.

[2] ĠU Ċ 260, tas-17.9.2001, p. 86.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 202 (Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2002.

[4] ĠU L 222, ta' l-14.8.1978, p. 11. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, 2002/65/KE (ĠU L. 283, tas-27.10.2001, p.28).

[5] ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, 201/65/KE.

[6] ĠU L 372, tal-31.12.1986, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill 2001/65/KE.

[7] ĠU L 374, tal-31.12.1991, p. 7.

[8] ĠU I. 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[9] ĠU I. 141, tal-11.6.1993, p. 27. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill 2000/64/KE (ĠU I. 290, tas-17.11.2000, p. 27).