32002R1185



Official Journal L 173 , 03/07/2002 P. 0003 - 0003


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1185/2002

ta' l-1 ta' Lulju 2002

li jemenda l-lista ta' qrati kompetenti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi tal-qorti fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri għat-tfal taż-żewġ miżżewġin

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi tal-qorti fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri għat-tfal taż-żewġ miżżewġin [1], u partikolarment l-Artikolu 44 tiegħu,

Billi:

(1) Għandha tintbagħat applikazzjoni għad-dikjarazzjoni ta' l-esegwibbilità ta' sentenza dwar l-ezerċizju tar-responsabbilità tal-ġenituri għat-tfal taż-żewġ miżżewġin lill-qrati elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1347/2000.

(2) L-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 1347/2000 jipprovdi li Stati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-test li jemendaw il-lista ta' l-awtoritajiet kompetenti preskritti fl-Anness I.

(3) L-Olanda nnotifikat lill-Kummissjoni b'emenda fil-lista tal-qrati provduta fl-Anness I. Għalhekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 għandu jkun emendat kif imiss,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-ħdax-il inċiż ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"— fl-Olanda, il-"voorzieningenrechter van de rechtbank"."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-1 ta' Lulju 2002.

Għall-Kummissjoni

António Vitorino

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 160, tat-30.6.2000, p. 19.

--------------------------------------------------