32002R0545



Official Journal L 084 , 28/03/2002 P. 0001 - 0003


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 545/2002

tat-18 ta’ Marzu 2002

li jestendi l-finanzjament tal-pjanijiet għat-titjib fil-kwalità u fid-dħul fis-suq ta’ promozzjoni ta’ ċertu lewż u żerriegħa tal-ħarrub approvat taħt it-Titolu IIa tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72 u li jipprovdi għal għajnuna speċifika għall-ġellewż

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3]

Billi:

(1) It-Titolu IIa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1035/72 tat-18 ta’ Mejju 1972 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u tal-ħxejjex [4], jipprovdi għal miżuri varji speċifiċi biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet fil-faċilitajiet tal-produzzjoni u tal-promozzjoni għal ċertu lewż u żerriegħa tal-ħarrub. L-għajnuna tingħata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li rċevew rikonoxximent speċifiku u li ssottomettew pjan approvat mill-awtorità kompetenti għat-titjib fil-kwalita u l-promozzjoni tal-produzzjoni tagħhom.

(2) L-għajnuna speċifika li ngħatat għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ titjib fil-kwalita u t-tqegħid fis-suq kif speċifikat fl-Artikolu 14(d)(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72 hija ristretta għal perjodu ta’ 10 snin biex jippermettu għal trasferiment ta’ responsabbiltà finanzjarja għal fuq il-produtturi.

(3) Ir-Regolament (KEE) Nru 1035/72 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta' Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u l-ħaxix ta' l-ikel [5]. Madankollu, kif speċifikat mill-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, kull dritt miksub mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fl-applikazzjoni tat-Titolu IIa tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72 għandu jinżamm sakemm jispiċċa.

(4) Numru ta’ pjanijiet skadew fl-2000, wara li kkompletaw l-għaxar sena tagħhom. Dawn il-pjanijiet jiġu eliġibbli għal ħdax-il sena ta’ għajnuna taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 558/2001 tad-19 ta’ Marzu 2001 lijestendi għal perjodu ta’ sena l-iffinanzjar ta’ ċerti pjanijiet ta’ titjib fil-kwalità u fid-dħul fis-suq approvati taħt it-Titolu IIa tar-Regolament (KE) Nru 1035/72 [6].

(5) Numru ta’ pjanijiet addizzjonali skadew fl-2001, wara li kkompletaw l-għaxar sena.

(6) Skond ir-Regolament (KE) Nru 2200/96, il-Kummissjoni għaddiet lill-Kunsill rapport dwar l-istat ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2200/96. Dan ir-rapport jinkludi deskrizzjoni tar-riżultati tal-miżuri speċifiċi għal-lewż u għaż-żerriegħa tal-ħarrub imwettqa taħt it-Titolu IIa tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72 iżda ma jippreżentax proposti finali għal struttura permanenti ta’ sostenn għas-settur.

(7) Bħala rikonoxximent tar-rwol importanti ambjentali li għandu s-settur tal-lewż fil-protezzjoni kontra l-erożjoni, il-prevenzjoni tan-nar u l-preservazzjoni tal-materjal ġenetiku indiġenu, u r-rwol importanti soċjali tiegħu li jżomm in-nies fil-kampanja u b’hekk aktar jippreservaha, huwa l-każ, għas-sena 2001, li jingħata finanzjament kontinwu tal-pjanijiet tagħhom matul il-budget ta’ l-2002 lill-dawk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li l-pjanijiet tagħhom jiskadu fl-2001, u li jkomplu jissodisfaw il-kriterji tar-rikonoxximent. Dan għandu jinkludi lil dawk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li l-pjanijiet ta’ titjib oriġinali tagħhom skadew fl-2000 u li kienu estiżi taħt ir-Regolament (KE) Nru 558/2001.

(8) Arei eliġibbli għandhom ikunu kapaċu jinkludu dawk l-arei fi pjan, li kienu approvati fl-1990 jew l-1991, u wara inklużi fi, jew trasferiti għal, pjan ieħor b’fuzjoni jew b'akkwist ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi.

(9) Applikazzjonijiet ta’ għajnuna dwar xogħol imwettaq biss sal-15 ta’ Ġunju 2002 jikkwalifikaw għall-finanzjament. Il-pjanijiet li kellhom it-tmiem ta’ l-aħħar sena tagħhom wara l-15 ta’ Ġunju 2000, kienu intitolati biss għal ħdax-il sena ta' għajnuna mill-Komunità sal-15 ta’ Ġunju 2001 taħt ir-Regolament (KE) Nru 558/2001. Għall-iskopijiet ta’ kontinwità, dawn il-pjanijiet għandhom ikunu intitolati għas-sostenn tal-Komunità għall-perjodu bejn il-15 ta’ Ġunju 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2001.

(10) Sabiex ikunu faċilitati l-proċeduri amministrattivi, l-għajnuna għandha tkun limitata għall-massimu ta’ dawk l-arei li għalihom saret applikazzjoni ta’ l-għajnuna fl-aħħar sena tal-pjan.

(11) Il-perjodu sa sena waħda mhux biżżejjed biex jitlesti x-xogħol ta’ l-operazzjonijiet tat-tagħżiq segwit miż-żrigħ mill-ġdid u/jew konverżjoni mill-ġdid tal-varjetà kif riferit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 790/89 ta’ l-20 ta’ Marzu 1989 li jiddetermina l-livell ta’ għajnuna addizzjonali b’rata fissa għall-formazzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-ammont massimu applikat għall-għajnuna għal titjib fil-kwalità u fil-promozzjoni fis-settur tat-tkabbir tal-lewż u tal-ħarrub [7]. L-għajnuna massima għal kull ettaru għandha għalhekk titħallas rigward operazzjonijiet oħra kif indikat fl-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament b’kontribuzzjoni massima tal-Komunità ta’ 75 %.

(12) Ir-regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2159/89 tat-18 ta' Lulju 1989 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi għal-lewż u l-ħarrub kif provdut fit-Titolu IIa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1035/72 [8] għandhom jibqgħu japplikaw għall-perjodu tal-ħlas kontinwu ta’ l-għajnuna.

(13) Sabiex titratta s-sitwazzjoni ekonomika fis-settur tal-ġellewż, għandha tingħata għajnuna b'rata fissa għall-ġellewż miġbur fis-sena tas-suq ta’ l-2001/2002, lill dawk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi mhux eliġibbli għal estensjoni tal-pjanijiet ta’ titjib taħt dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-produtturi impenjati fil-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-lewż u/jew fiż-żerriegħa tal-ħarrub u li jirċievu għajnuna skond it-Titolu IIa tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72, li l-pjanijiet tagħhom ta’ kwalità u tqegħid fis-suq kienu approvati fl-1990 jew fl-1991, jew li fihom arei approvati fl-1990 jew fl-1991, jistgħu jitolbu l-kontinwazzjoni ta’ dik l-għajnuna għal perjodu ieħor ta' sena waħda taħt ir-regoli mniżżla fl-Artikoli 2 u 3 ta’ dan ir-Regolament.

Għal dak il-perjodu, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom ikomplu jimplimentaw il-pjan kif approvat għall-aħħar sena.

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, l-aħħar sena tal-pjan tfisser l-għaxar sena għall-arei approvati fl-1991, u l-ħdax-il sena għall-arei approvati fl-1990 u li jgawdu mill-estensjoni skond id-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 558/2001.

Artikolu 2

L-għajnuna għandha tiġi:

(a) imħallsa a rigward ta', u limitata għal, dawk l-arei li għalihom tkun saret applikazzjoni għall-għajnuna fl-aħħar sena tal-pjan;

(b) limitata għal massimu ta’ 241,50 EUR għal kull ettaru, li minnha l-parteċipazzjoni massima tal-Komunità tkun 75 %;

(ċ) tapplika għal perjodu ta' mhux iżjed minn sena immedjatament wara li tiskadi l-aħħar sena tal-pjan, sa mhux iżjed tard mill-15 ta’ Ġunju 2002.

Pjanijiet estiżi skond ir-Regolament (KE) Nru 558/2001, li għalihom id-data tal-bidu tas-sena finali hija wara l-15 ta’ Ġunju 2000, għandhom ikunu intitolati għal sostenn mill-Komunità għall-perjodu bejn il-15 ta’ Ġunju 2001 u t-tmiem tas-sena finali.

Artikolu 3

Ir-Regolament (KEE) Nru 2159/89 għandu jgħodd mutatis mutandis għall-pjanijiet li għalihom titħallas l-għajnuna skond l-Artikolu 1.

Fejn ikun hemm bżonn, miżuri addizzjonali ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96.

Artikolu 4

L-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 55

Għall-ġellewż miġbur matul is-sena tas-suq 2001/2002, l-għajnuna ta’ EUR 15/100 kg tingħata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, skond ir-Regolament (KEE) Nru 1035/72 jew taħt dan ir-Regolament, li jimplimentaw pjan ta’ titjib fil-kwalità fis-sens ta’ l-Artikolu 14d tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72 jew programm operattiv fis-sens ta’ l-Artikolu 15, u ma jibbenefikawx mill-għajnuna provduta fl-Artikolu 1 u 2 tar-Regolament (KE) Nru 545/2002."

Artikolu 5

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, it-18 ta’ Marzu 2002.

Għall-Kunsill

M. Arias Cañete

Il-President

[1] ĠU Ċ 51 E, tas- 26.2.2002, p. 380.

[2] Opinjoni li twasslet fid-19 ta’ Frar 2002 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni li twasslet fl-20 ta’ Frar 2002 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 118, ta' l-20.5.1972, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1363/95 (ĠU L 132, tas-16.6.1995, p. 1).

[5] ĠU L 297, tal-21.11.96, p. 3. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2001 (ĠU L 129, tal-11.5.2001, p. 3).

[6] ĠU L 84, tat-23.3.2001, p. 1.

[7] ĠU L 85, tat-30.3.1989, p. 6. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1825/97 (ĠU L 260, tat-23.9.1997, p. 9).

[8] ĠU L207, tad- 19.7.1989, p. 19. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 94/2002 (ĠU L 17, tad-19.1.2002, p. 20).

--------------------------------------------------