32002R0179



Official Journal L 031 , 01/02/2002 P. 0025 - 0026


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 179/2002

tat-28 ta' Jannar 2002

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2792/1999 li jippreskrivi regoli u arranġamenti ddettaljati dwar assistenza strutturali komunitarja fis-settur tas-sajd

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 36 u 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta (mressqa) mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 2792/1999 [4] fih b'mod partikolari disposizzjonijiet konnessi ma' l-implimentazzjoni tal-programmi ta' gwida multi-annwu għall-flotot tas-sajd.

(2) Id-Deċiżjoni 2002/70/KE temenda d-Deċiżjoni 97/413/KE dwar l-obbjettivi u r-regoli ddettaljati biex ikun irristrutturat is-settur tas-sajd tal-Komunità għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 1997 tal-31 ta' Diċembru 2001 bi ħsieb li jinkiseb bilanċ fuq bażi sostenibbli bejn riżorsi u l-esplojtazzjoni tagħhom [5]; b'mod partikolari, hija testendi l-perjodu ta' validità sal-31 ta' Diċembru 2002.

(3) Biex tirrinforza azzjoni internazzjonali biex timpedixxi u telimina sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat, għajnuna pubblika m'għandhiex issir disponibbli għat-trasferiment permanenti ta' bastimenti tas-sajd lejn ċerti pajjiżi terzi li kienu identifikati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd relevanti bħala pajjiżi li jippermettu sajd b'manjiera li tipperikola l-effikaċja ta' miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni.

(4) Huwa xieraq li tkun irrinfurzata l-kondizzjoni għal irtirar konnessa ma' l-introduzzjoni ta' kapaċitàjiet ġodda f'dawk is-segmenti li fihom l-obbjettivi annwali għadhom ma ġewx irrispettati.

(5) Ċerti disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999 għandhom għalhekk ikunu emendati,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2792/1999 huwa b'dan emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 4(3), "1 ta' Mejju 2001" għandha tkun issostitwita bl-"1 ta' Mejju 2002".

2. L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6(2) għandu jkun issostitwit b'li ġej:

"Fil-każ ta' bastimenti diġà rreġistrati fir-Reġistru ta' Bastimenti tas-Sajd tal-Komunità ta' inqas minn total ta' 12-il metru, barra minn trawlers, l-Istati Membri jistgħu jissottomettu talba għal żieda identifikata u kkwantifikata b'mod ċar fl-obbjettivi ta' kapaċità biex jitjiebu kondizzjonijiet ta' sigurtà, navigazzjoni fuq il-baħar, iġjene, kwalità tal-prodott u tax-xogħol, sakemm ir-riżultat ta' dawn il-miżuri ma jkunx żieda fir-rata ta' esplojtazzjoni tar-riżorsi kkonċernati."

3. Il-punt li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 7(3)(b):

"(iv) jekk il-pajjiż terz li lilu l-bastiment għandu jkun ittrasferit mhuwiex Parti Kontraenti jew Koperanti ta' organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd relevanti, dak il-pajjiż ma jkunx identifikat minn organizzazzjonijiet tali bħala wieħed li jippermetti sajd b'manjiera li tipperikola l-effikaċja ta' miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-pajjiżi kkonċernati fuq bażi regolari fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej."

4. L-Artikolu 9(1) għandu jkun issostitwit b'li ġej:

"1. Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet preskritti fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(3), il-għajnuna pubblika għat-tiġdid u l-modernizzazzjoni tal-flotta għandha tingħata biss bil-kondizzjonijiet li ġejjin u dawk iddikjarati fl-Artikolu 6 u l-Anness III u sakemm ikunu rrispettati l-obbjettivi tal-programm ta' gwida multi-annwu:

(a) fejn ikunu rrispettati l-obbjettivi annwali għas-segmenti interessati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi matul il-perijodu taż-żmien tal-programmazzjoni mis-sena 2000 sas-sena 2006 id-dħul tal-kapaċità l-ġdida bil-għajnuna pubblika ikun ikkumpensat bl-irtirar ta' kapaċità mingħajr l-għajnuna pubblika li tkun mill-inqas ugwali għall-kapaċità l-ġdida introdotta fis-segmenti kkonċernati, meħuda fl-aggregat tagħhom u f'termini kemm ta' tunnellaġġ metriku (tal-bastiment) u kemm ta' qawwa (tal-magna);

(b) sat-30 ta' Ġunju 2002, fejn l-obbjettivi annwali tas-segmenti kkonċernati mhumiex diġà rrispettati, Stati Membri għandhom jiżguraw li d-dħul ta' kapaċità ġdida b'għajnuna pubblika tkun ikkumpensata, matul il-perjodu mill-2000 sa l-2001, bl-irtirar ta' kapaċità mingħajr għajnuna pubblika li tkun għall-inqas 30 % iktar mill-kapaċità l-ġdida introdotta fis-segmenti kkonċernati, meħuda fl-aggregat tagħhom u f'termini kemm ta' tunnellaġġ metriku u qawwa; għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2002 sat-30 ta' Ġunju 2002, il-kapaċità rtirata għandha tkun għall-inqas ta' 35 % ikbar mill-kapaċità l-ġdida introdotta.

Il-kapaċità rtirata tista' tkun issostitwita biss bil-kapaċità l-ġdida li tkun introdotta b'għajnuna pubblika kif jipprovdi għaliha dan il-punt;

(ċ) il-għajnuna pubblika tista' wkoll tingħata għat-tagħmir u l-modernizzazjoni ta' bastimenti fejn din ma tirrigwardax il-kapaċità mkejla f'termini ta' tunnellaġġ metriku (tal-bastiment) jew ta' qawwa (tal-magna).

Il-Kunsill, billi jaġixxi skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 37 tat-Trattat, għandu jiddeċiedi sat-30 ta' Ġunju 2002 dwar kull aġġustamenti meħtieġa li għandhom ikunu applikati mill-1 ta' Lulju 2002 għad-disposizzjonijiet ta' dan il-paragrafu."

5. L-Artikolu 16(2) għandu jkun issostitwit b'li ġej:

"2. L-Istati Membri jistgħu jagħtu kumpens finanzjarju lil sajjieda u sidien ta' bastimenti fejn leġislazzjoni komunitarja timponi restrizzjonijiet tekniċi fuq l-użu ta' ċertu apparat jew metodi ta' sajd; din l-għajnuna hija intenzjonata tkopri l-aġġustament tekniku u ma tistax titħallas għal iktar minn sitt xhur."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-28 ta' Jannar 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Piqué i Camps

[1] ĠU C 270 E, tal-25.9.2001, p. 80.

[2] Opinjoni mogħtija fil-25 ta' Ottubru 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni mogħtija fis-17 ta' Ottubru 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 337, tat-30.12.1999, p. 10. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1451/2001 (ĠU L 198, tal-21.7.2001, p. 9).

[5] Ara paġna 77 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------