32002D0628



Official Journal L 201 , 31/07/2002 P. 0048 - 0049


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tal-25 ta’ Ġunju 2002

rigward il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tall-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Biosigurtà

(2002/628/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1), b’konġunzjoni ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi:

(1) Il-promozzjoni ta’ miżuri fuq livell internazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ problemi ambjentali reġjonali jew dinji, inkluż il-konservazzjoni u l-użu sostenibli tad-diversità bioloġika, hi waħda mill-għanijiet tal-politika tal-Komunità Ewropea dwar l-ambjent, bi qbil ma’ l-Artikolu 174 tat-Trattat.

(2) Bid-Deċiżjoni 93/626/KEE [3] il-Komunità Ewropea ikkonkludiet il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika taħt il-patroċinju tal-Program Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(3) Fl-1995 il-Kunsill awtorizza lil-Kummissjoni biex tipparteċipa, f’isem il-Komunità, fin-negozjati fuq Protokoll dwar il-Biosigurtà, taħt l-Artikolu 19(3) tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika. Il-Kummissjoni ipparteċipat f’dawk in-negozjati, flimkien ma’ l-Istati Membri.

(4) Il-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Biosigurtà ġie addottat f’Montreal fid-29 ta’ Jannar 2000.

(5) Il-Protokoll jipprovdi struttura, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, għas-sigurtà waqt it-trasferiment, l-immaniġjar u l-użu ta’ organiżmi modifikati ħajjin li jirriżultaw minn biotekonloġija moderna li jista’ jkollha effeti aversarji fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibli tad-diversità, waqt li tagħti każ ukoll ir-riskji għas-saħħa umana u tiffokka speċifikamentfuq il-movimenti transkonfini.

(6) Il-Komunità Ewropea u erbatax-il Stat Membru iffirmaw il-Protokoll fl-24 ta’ Mejju 2000, waqt il-ħames laqgħa tal-Partiti tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika li saret f’Nairobi. Il-Lussemburgu iffirma il-Protokoll fil-11 ta’ Lulju 2000.

(7) Skond l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika, kwalunkwe Protokoll għal dik il-Konvenzjoni hu suġġett għar-ratifikazzjoni, għall-aċċettazzjoni jew għall-approvazzjoni mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ l-integrazzjoni ekonomika.

(8) Il-Protokoll ta’ Cartagena dwar Biosigurtà jikkontribwixxi għall-ksieb tal-għanijiet tal-politika ambjentali tal-Komunità. Għalhekk hu xieraq li dan il-Protokoll jiġi konkluż f’isem il-Komunità malajr kemm jista’ jkun,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Protokoll ta’ Cartagena dwar Biosigurtà għall-Konvenzjoni tad-Diversità Bioloġika hu hawnhekk approvat f’isem il-Komunità Ewropea.

It-test tal-Protokoll hu mfassal fl-Anness A ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1. Il-President tal-Kunsill hu awtorizzat biex jinnomina il-persuna jew persuni bil-poter li jiddepożitaw l-istrument ta’ l-approvazzjoni f’isem il Komunità Ewropea mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, bi qbil ma’ l-Artikoli 34 u 41 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika.

2. Il-President tal-Kunsill hu hawnhekk awtorizzat biex jinnomina persuna jew persuni bil-poter li jiddepożitaw, f’isem il-Komunità Ewropea, id-dikjarazzjoni tal-kompetenza mfassla fl-Anness B ta’ din id-Deċiżjoni, bi qbil ma’ l-Artikolu 34(3) tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika.

Magħmula l-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ġunju 2002.

F’isem il-Kunsill

Il-President

J. Matas i Palou

[1] ĠU C 181 E, tat-30.7.2002, p. 258.

[2] Opinjoni mogħtija fil-11 ta’ Ġunju 2002 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 309, tat-13.12.1993, p. 1.

--------------------------------------------------