32001L0065



Official Journal L 283 , 27/10/2001 P. 0028 - 0032


Id-Direttiva 2001/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-27 ta’ Settembru 2001

li temenda d-Direttivi 78/660/KEE, 83/349/KEE u 86/635/KEE fir-rigward tar-regoli ta’ valutazzjoni għall-kontijiet annwali u ikkonsolidati ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji kif ukoll ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 44(2)(g) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura imniżżla fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) L-Artikolu 32 tar-Raba Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji [4] tenħtieġ li l-oġġetti li jitniżżlu fil-kontijiet annwali għandhom ikunu ivvalutati fuq il-bażi tal-prinċipju tal-prezz tax-xiri jew l-ispejjeż tal-produzzjoni.

(2) L-Artikolu 33 tad-Direttiva 78/660/KEE jawtorizza lill-Istati Membri li jippermettu jew li jenħtieġu kumpanniji li jagħmlu valutazzjoni mill-ġdid ta’ ċerti assi, li jagħmlu valutazzjoni ta’ ċerti assi skond l-ispiża tal-kambjament jew li japplikaw metodi oħra li jieħdu in konsiderazzjoni l-effetti ta’ l-inflazzjoni fuq l-oġġetti mniżżla fil-kontijiet annwali.

(3) L-Artikolu 29 tas-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1983 dwar kontijiet ikkonsolidati [5] jenħtieġ li l-attiv u l-passiv li jkunu inklużi f’kontijiet ikkonsolidati li għandhom ikunu ivvalutati bi qbil mal-Artikoli 31 sa 42 u l-Artikolu 60 tad-Direttiva 78/660/KEE.

(4) L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet ikkonsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra [6] jenħtieġ li l-attiv u l-passiv ikunu ivvalutati bi qbil mal-Artikoli 31 sa 42 tad-Direttiva 78/660/KEE, ħlief meta d-Direttiva 86/635/KEE tipprovdi mod ieħor.

(5) Il-kontijiet annwali u l-kontijiet ikkonsolidati ta’ intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni huma mħejjija bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 91/647/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet ikkonsolidati ta’ impriżi ta’ l-assigurazzjoni [7]. L-emendi għad-Direttivi 78/660/KEE u 83/349/KEE ma jikkonċernawx id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/674/KEE, imma l-Kummissjoni tista tressaq proposti simili biex temenda dik id-Direttiva wara li tkun ikkonsultat mal-kumitat konsultattiv relevanti.

(6) In-natura dinamika tas-swieq finanzjarji internazzjonali irriżultat f’tixrid wiesa ta’ l-użu mhux biss ta’ strumenti finanzjari primarji tradizjonali bħal ma huma ishma u bonds, imma wkoll forom varji ta’ strumenti finanzjarji derivattivi bħal ma huma fatturi, opinjonijiet, kuntratti bil-quddiem u kambji.

(7) L-esperti ewlenin li jistabbilixxu l-istandards fil-qasam tal-kontijiet fid-dinja qegħdin jitbiegħdu mill-mudell ta’ kost storiku għal valutazzjoni ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji u jimxu lejn mudell aktar xieraq ta’ valutazzjoni tal-kontijiet.

(8) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar armonizzazzjoni fil-Qasam ta’ Kontijiet: strateġija ġdida vis-a-vis armonizzazzjoni internazzjonali sejħet għal l-Unjoni Ewropea biex taħdem ħalli żżomm konsistenza bejn id-direttivi tal-kontijiet tal-Komunità u żviluppi fit-twettieq ta’ normi internazzjonali tal-kontijiet, partikolarment fil-Kumitat Internazzjonali tan-Normi tal-Kontijiet (IASC).

(9) Sabiex tinżamm din il-konsistenza bejn normi internazzjonali magħrufa tal-kontijiet u d-Direttivi 78/660/KEE, 83/349/KEE u 86/635/KEE, huwa meħtieġ li jkunu emendati dawn id-Direttivi sabiex jippermettu ċerti attiv u passiv finanzjarju li jkunu ivvalutat bi prezz xieraq. Dan jagħmilha iżjed faċli għall-kumpanniji Ewropej li jirrapportaw in konformità ma’ l-iżviluppi internazzjonali kurrenti.

(10) Din l-emenda għad-Direttivi 78/660/KEE, 83/349/KEE u 86/635/KEE hija skond il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lejn il-Parlament Ewropew u lejn il-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2000 dwar l-istrateġija ta’ rapporti finanzjarji tal-UE li tipproponi l-użu ta’ normi internazzjonali rikonoxxuti tal-kontijiet għat-tħejjija ta’ stqarrijiet ikkonsolidati finanzjarji minn kumpanniji kif mniżżla fil-listi. L-għan ta’ din l-emenda hija li tippermetti l-applikazzjoni tan-normi internazzjonali tal-kontijiet dwar ir-rikonoxximent u l-kejl ta’ strumenti finanzjarji.

(11) Il-komparabilità ta’ l-informazzjoni finanzjarja tul il-Komunità tagħmilha neċessarja li Stati Membri jkunu meħtieġa li jintroduċu sistema ta’ valutazzjoni ġusta ta’ kontijiet għal ċerti strumenti finanzjarji. L-Istati Membri għandhom jippermettu l-adozzjoni tas-sistema mill-kumpanniji kollha jew minn xi klassijiet ta’ kumpanniji suġġetti għad-Direttivi 78/660/KEE, 83/349/KEE u 86/635/KEE fir-rigward kemm tal-kontijiet annwali u wkoll tal-kontijiet ikkonsolidati jew fir-rigward tal-kontijiet ikkonsolidati biss. Aktar minn hekk, Stati Membri għandhom ikollhom il-permess li jenħtieġu l-adozzjoni ta’ dik is-sistema fir-rigward tal-kumpanniji kollha jew ta’ xi klassijiet ta’ kumpanniji kemm għal kontijiet annwali u wkoll għal kontijiet ikkonsolidati jew biss għal kontijiet ikkonsolidati.

(12) Valutazzjoni ġusta ta’ kontijiet għandha tkun possibli biss għad dawk l-oġġetti meta jkun hemm consensus internazzjonali żviluppat sewwa li l-valutazzjoni ġusta tkun xierqa. Il-konsensus kurrenti huwa li l-valutazzjoni ġusta m’għandhiex tkun applikata għal l-assi u r-responsabbiltajiet finanzjarji kollha, per eżempju mhux għal dawk li l-aktar li jirrigwardjaw il-kotba bankarji.

(13) In-noti tal-kontijiet għandhom jinkludu ċerta informazzjoni li tikkonċerna strumenti finanzjarji fil-Balance Sheet, li jkunu ġew imkejla b’valutazzjoni ġusta. Ir-rapport annwali għandu jagħti indikazzjoni ta’ l-objettivi ta’ l-amministrazzjoni tar-riskji ta’ kumpannija u l-istrateġiji fir-rigward ta’ l-użu ta’ strumenti finanzjarji tagħha.

(14) Strumenti finanzjarji derivattivi jistgħu jkollhom impatt sinifikanti fuq il-pożizjoni finanzjarja ta’ kumpanniji. Żvelar dwar strumenti finanzjarji derivattivi u l-valur ġust tagħhom huma meqjusa xierqa anki jekk il-kumpannija ma tkunx tuża kontijiet ta’ valutazzjoni ġusta. Sabiex tillimita t-tagħbija amministrattiva għal kumpanniji żgħar, Stati Membri għandhom ikollhom il-permess li jeżentaw kumpanniji żgħar minn din il-ħtieġa ta’ żvelar.

(15) Il-qasam tal-kontijiet għal strumenti finanzjarji huwa qasam ta’ rapportaġġ finanzjarju li qiegħed jevolvi b’pass mgħaġġel li jeħtieġ reviżjoni mill-Kummissjoni ibbażata fuq l-esperjenzi ta’ Stati Membri li jkollhom prattika ta’ kontijiet ta’ valutazzjoni ġusta,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 78/660/KEE hija b’hekk emendata kif ġej:

1. din is-taqsima li ġejja għandha tkun imdaħħla:

"TAQSIMA 7a

Valutazzjoni ta’ valur ġust

Artikolu 42a

1. Bħala deroga mill-Artikolu 32 u suġġett għal kundizzjonijiet esiġiti f’paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jippermettu jew jenħtieġu fir-rigward tal-kumpanniji kollha jew xi klassijiet ta’ kumpanniji valutazzjoni ta’ valur ġust ta’ strumenti finanzjarji, inklużi derivattivi.

Dan il-permess jew ħtieġa jista’ jkun ristrett għal kontijiet ikkonsolidati kif definit fid-Direttiva 83/349/KEE.

2. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, kuntratti ibbażati fuq merkanzija meħtieġa li jagħtu waħda mill-partijiet kontraenti li jwettqu bi flus kontanti jew b’xi strument finanzjarju ieħor għandhom ikunu ikkunsidrati li jkunu strumenti finanzjarji derivattivi, ħlief meta:

(a) dawn kienu seħħew u jibqgħu jilħqu il-ħtiġijiet mistennija ta’ xiri, bejgħ u użu;

(b) kienu innominati għal dan l-iskop mill-bidu tagħhom; u

(ċ) kienu mistennija li jkunu mwettqa bil-forniment tal-merkanzija essenzjali.

3. Paragrafu 1 għandu jkun japplika biss għal responsabbiltajiet li huma:

(a) miżmuma bħala parti minn portafoll ta’ negozju; jew

(b) strumenti finanzjarji derivattivi.

4. Valutazzjoni bi qbil ma’ paragrafu 1 m’għandhiex tkun applikabbli għal:

(a) strumenti finanzjarji mhux derivattivi miżmuma sal-maturità;

(b) self u ammonti mwassla oriġinati mill-kumpannija u li ma jkunux miżmuma għal skopijiet ta’ negozju; u

(ċ) interessi f’sussidjarji, intrapriżi assoċjati u joint ventures, strumenti ta’ ekwità maħruġa mill-kumpannija, kuntratti għal konsiderazzjoni kontinġenti f’għaqda ta’ negozju kif ukoll għal strumenti finanzjarji oħra b’dawk il-karatteristiċi speċjali li l-istrumenti, bi qbil ma’ dak li huwa ġeneralment aċċettabli, għandhom ikunu ikkuntjati differenti mill-istrumenti finanzjarji l-oħra.

5. Bħala deroga minn l-Artikolu 32, Stati Membri jistgħu fir-rigward ta’ xi assi jew reponsabbilitajiet li jikkwalifikaw bħala dettalji mwarrba permezz sistema ta’ kontijiet tat-twarrib ta’ valur ġust, jew porzjonijiet identifikati ta’ dawk l-assi jew responsabbiltajiet, jippermettu valutazzjoni fl-ammont speċifiku permezz ta’ dik is-sistema.

Artikolu 42b

1. Il-valur ġust li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 42 a għandu jkun iddeterminat b’referenza għal:

(a) il-valur tas-suq, għal dawk l-istrumenti finanzjarji li għalihom suq fdat jista’ malajr ikun identifikat. Meta valur tas-suq ma jistax ikun malajr identifikat għal strument imma jista’ jkun identifikat għal komponenti tiegħu jew għal strument simili, il-valur tas-suq jista’ jkun derivat minn dak tal-komponenti tiegħu jew ta’ l-istrumenti simili; jew

(b) valur li jirriżulta minn mudelli u teknika ta’ valutazzjoni ġeneralment aċċettabli, għal dawk l-istrumenti li għalihom suq fdat jista’ jkun mill-ewwel identifikat. Mudelli u tekniki ta’ valutazzjoni bħal din għandhom jassiguraw resqien xieraq tal-valur tas-suq.

2. Dawk l-istrumenti finanzjarji li ma jistgħux ikunu mkejla b’mod żgur minn uħud mil-metodi deskritti fil-paragrafu 1, għandhom ikunu mkejla bi qbil ma’ l-Artikoli 34 sa 42.

Artikolu 42ċ

1. Independentament minn l-Artikolu 31(1)(ċ), meta strument finanzjarju jkun ivvalutat bi qbil ma’ l-Artikolu 42b, tibdil fil-valur għandu jkun inkluż fil-kont tal-qliegħ u telf. B’dana kollu, bidla bħal dik għandha tkun inkluża direttament fl-ekwità, f’riserva ta’ valur ġust, meta:

(a) l-isrument li dwaru jkun saru kontijiet ikun għal strument ta’ hedging permezz ta’ sistema ta’ hedge accounting li tippermetti li xi tibdil jew it-tibdil kollu fil-valur ma jintweriex fil-kont tal-qligħ u t-telf; jew

(b) it-tibdil fil-valur jirrigwardja differenza fil-kambju li toriġina minn dettal monetarju li jifforma parti mill-investiment nett ta’ kumpannija li tkun f’entita barranija.

2. L-Istati Membri jistgħu jippermettu jew jenħtieġu bidla fil-valur dwar id-disponnibiltà ta’ bejgħ ta’ assi finanzjarji, apparti minn strument finanzjarju derivattiv, li għandu jkun inkluż direttament f’ekwità, f’riserva ta’ valur ġust.

3. Ir-riserva ta’ valur ġust għandha tkun aġġustata meta l-ammont imniżżel hemmhekk ma jkunx aktar meħtieġ għall-implementazzjoni ta’ paragrafi 1 u 2.

Artikolu 42d

Meta valutazzjoni ta’ valur ġust ta’ strumenti finanzjarji tkun ġiet applikata, in-noti tal-kontijiet għandhom jiżvelaw:

(a) il-pretenzjonijiet sinifikanti li jkunu marbuta ma’ mudelli u teknika ta’ valutazzjoni meta valuri ġusti jkunu ġew iddeterminati bi qbil ma’ l-Artikolu 42 b (1) (b);

(b) kull kategorija ta’ strumenti finanzjarji, il-valur ġust, it-tibdil fil-valur inkluż direttament fil-kont tal-qliegħ u telf kif ukoll dwar tibdil inkluż fir-riserva ta’ valur ġust;

(ċ) għal kull klassi ta’ strumenti finanzjarji derivattivi, informazzjoni dwar il-medda u n-natura ta’ l-istrumenti, inklużi termini sinifikanti u kundizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw l-ammont, iż-żmien u ċ-ċertezza ta’ ċaqlieq futuri ta’ flus; u

(d) tabella li turi ċ-ċaqlieq fir-riserva ta’ valur ġust tul is-sena finanzjarja."

;

2. fl-Artikolu 43(1):

(a) ir-referenza f’punt 10 ta’ "l-Artikoli 31 u 34 sa 42" għandha tkun mibbdula b’referenza għal "l-Artikoli 31 u 34 sa 42ċ", u

(b) il-punt li ġej għandu jkun miżjud:

"14. Meta l-valutazzjoni ta’ valur ġust ta’ strumenti finanzjarji ma tkunx ġiet applikata bi qbil ma’ TAQSIMA 7a:

(a) għal kull klassi ta’ strumenti finanzjarji derivattivi:

(i) il-valur ġust ta’ l-istrumenti, jekk dak il-valur jista’ jkun iddeterminat b’uħud mill-metodi preskritti fl-Artikolu 42b(1);

(ii) informazzjoni rigward il-medda u n-natura ta’ l-istrumenti; u

(b) għal assi fissi finanzjarji koperti bl-Artikolu 42 a, imwettqa f’ammont b’eċċess tal-valur ġust tagħhom u mingħajr użu ma jkun sar ta’ l-għażla biex isir aġġustament ta’ valur bi qbil ma’ l-Artikolu 35(1)(ċ)(aa):

(i) il-valur tal-ktieb u l-valur ġust jew ta’ l-assi individwali jew ta’ gruppi xierqa ta’ dawk l-assi individwali;

(ii) ir-raġuni għala ma jkunx tnaqqas il-valur fil-kotba, inkluża n-natura ta’ l-evidenza li tipprovdi l-bażi għat-twemmin li l-valur fil-kotba għandu jkun irkuprat.";

3. it-test ta’ l-Artikolu 44(1) għandu jkun mibdul b’dan it-test li ġej:

"1. Stati Membri jistgħu jippermettu l-kumpanniji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 11 li jħejju noti mqassra dwar il-kontijiet tagħhom mingħajr l-informazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 43(1)(5) sa (12) u (14)(a). B’dana kollu, in-noti għandhom jiżvelaw l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 43(1)(6) fit-total tal-oġġetti kollha kkonċernati.";

4. fl-Artikolu 46(2) il-punt li ġej għandu jkun miżjud:

"(f) fir-rigward ta’ l-użu ta’ strumenti finanzjarji tal-kumpannija u meta materjali għal kalkolu ta’ l-assi, responsabbiltajiet, pożizzjoni finanzjarja tagħha u l-qliegħ u t-telf,

- l-objettivi u l-istrateġiji ta’ amministrazzjoni tar-riskju finanzjarju ta’ kumpannija, inkluża l-istrateġija tagħha ta’ hedging ta’ kull transazzjoni mbassra ta’ tip maġġuri li għalih jkun użat il-hedge accounting, u

- il-possibiltà ta’ esposizzjoni tal-kumpannija għal riskju tal-prezz, riskju ta’ likwidità u riskju ta’ ċirkulazzjoni ta’ flus.";

5. fl-Artikolu 59(2)(a) u (b) ir-referenza għal "l-Artikolu 31 sa 42" għandha tkun mibdula b’referenza għal "TAQSIMA 7 jew 7a";

6. dan l-Artikolu li ġej għandu ikunu imdaħħal:

"Artikolu 61a

Mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-disposizzjonijiet fl-Artikolu 42 a sa 42 d, fl-Artikolu 43(1)(10) u (14), fl-Artikolu 44(1), fl-Artikolu 46(2)(f) u fl-Artikolu 59(2)(a) u (b) fid-dawl ta’ l-esperjenza akkwistata fl-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet dwar valur ġust fil-kontijiet u billi jittieħed akkont ta’ żviluppi internazzjonali fil-qasam ta’ kontijiet u, jekk xieraq, tissottometti proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-għan li jkunu emendati l-Artikoli imsemmija hawn fuq."

Artikolu 2

Id-Direttiva 83/349/KEE hija emendata kif ġej:

1. it-test ta’ l-Artikolu 29(1) għandu jkun mibdul b’dan it-test li ġej:

"1. Attiv u passiv li għandhom ikunu inklużi fil-kontijiet ikkonsolidati għandhom ikunu ivvalutati skond il-metodi uniformi u bi qbil mas-TAQSIMAjiet 7 u 7a u l-Artikolu 60 tad-Direttiva 78/660/KEE.";

2. fl-Artikolu 34:

(a) ir-referenza f’punt 10 ta’ "l-Artikoli 31 u 34 sa 42" għandha tkun mibdula b’referenza għal "l-Artikoli 31 u 34 sa 42ċ", u

(b) il-punti li ġejjin għandhom jkun miżjuda:

"14. Meta l-valutazzjoni ta’ valur ġust ta’ strumenti finanzjarji ma tkunx ġiet applikata bi qbil ma’ TAQSIMA 7 a ta’ Direttiva 78/660/KEE:

(a) il-pretenzjonijiet sinifikanti li jkunu marbuta ma’ mudelli u tekniki ta’ valutazzjoni meta valuri ġusti jkunu ġew iddeterminati bi qbil ma’ l-Artikolu 42 b (1) (b) ta’ dik id-Direttiva;

(b) kull kategorija ta’ strumenti finanzjarji, il-valur ġust, it-tibdil fil-valur inkluż direttament fil-kont tal-qliegħ u telf kif ukoll, bi qbil ma’ l-Artikolu 42ċ ta’ dik id-Direttiva, dwar tibdil inkluż fir-riserva ta’ valur ġust;

(ċ) għal kull klassi ta’ strumenti finanzjarji derivattivi, informazzjoni dwar il-medda u n-natura ta’ l-istrumenti, inklużi termini sinifikanti u kundizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw l-ammont, iż-żmien u ċ-ċertezza ta’ ċirkulazzjoni futuri ta’ flus; u

(d) tabella li turi ċ-ċaqlieq fir-riserva ta’ valur ġust tul is-sena finanzjarja.

15. Meta l-valutazzjoni ta’ valur ġust ta’ strumenti finanzjarji ma tkunx ġiet applikata bi qbil ma’ TAQSIMA 7a tad-Direttiva 78/660/KEE:

(a) għal kull klassi ta’ strumenti derivattivi:

(i) il-valur ġust ta’ l-istrumenti, jekk dak il-valur jista’ jkun iddeterminat b’uħud mill-metodi preskritti fl-Artikolu 42 b (1) ta’ dik id-Direttiva;

(ii) informazzjoni rigward il-medda u n-natura ta’ l-istrumenti; u

(b) għal assi fissi finanzjarji koperti bl-Artikolu 42 a ta’ dik id-Direttiva, imwettqa f’ammont eċċessiv mill-valur ġust tagħhom u mingħajr użu ma jkun sar ta’ l-għażla biex isir aġġustament ta’ valur bi qbil ma’ l-Artikolu 35(1)(ċ) (aa) ta’ dik id-Direttiva:

(i) il-valur tal-ktieb u l-valur ġust jew ta’ l-assi individwali jew ta’ gruppi xierqa ta’ dawk l-assi individwali;

(ii) ir-raġuni għala ma jkunx tnaqqas il-valur fil-kotba, inkluża n-natura ta’ l-evidenza li tipprovdi l-bażi għat-twemmin li l-valur fil-kotba għandu jkun irkuprat.";

3. fl-Artikolu 36(2) il-punt li ġej għandu jkun miżjud:

"(e) fir-rigward ta’ l-użu ta’ strumenti finanzjarji ta’ impriżi u, meta materjali għal kalkolazzjoni ta’ l-assi, responsabbiltajiet, pożizzjoni finanzjarja tagħha u l-qliegħ u t-telf,

- l-objettivi u l-istrateġiji ta’ amministrazzjoni tar-riskju finanzjarju ta’ impriża, inkluża l-istrateġija tagħha għal hedging ta’ kull transazzjoni mbassra ta’ tip maġġuri li dwarha jkun użat hedge accounting, u

- il-possibiltà ta’ esposizzjoni tar-riskju tal-prezz, riskju ta’ kreditu, riskju ta’ likwidità u riskju ta’ ċaqlieq ta’ flus.";

4. dan l-Artikolu li ġej għandu ikunu imdaħħal:

"Artikolu 50a

Mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni għandha tirrevedi id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 29(1), l-Artikolu 34 (10), (14) u (15), u l-Artikolu 36(2)(e) fid-dawl ta’ l-esperjenza akwistata fl-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet dwar valur ġust fil-kontijiet u billi jittieħed kont ta’ żviluppi internazzjonali fil-qasam ta’ kontijiet u, jekk xieraq, tissottometti proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-għan li jkunu emendati l-Artikoli msemmija hawn fuq."

Artikolu 3

It-test ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 86/635/KEE għandu jkun mibdul b’dan it-test li ġej:

"1. L-Artikoli 2, 3, 4(1), (3) sa (5), 6, 7, 13, 14, 15(3) u (4), l-Artikoli 16 sa 21, 29 sa 35, 37 sa 41, 42 l-ewwel sentenza, 42a sa 42d, 45 (1), 46(1) u (2), l-Artikoli 48 sa 50, 50a, 51(1), 56 sa 59, 61 u 61 a tad-Direttiva 78/660/KEE għandhom japplikaw għall-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, ħlief meta din id-Direttiva tipprovdi mod ieħor. B’dana kollu, l-Artikoli 35(3), 36, 37 u 39 (1) sa (4) ta’ din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw fir-rigward ta’ attiv u l-passiv li huma ivvalutati bi qbil ma TAQSIMA 7 a tad-Direttiva 78/660/KEE."

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex dawn ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 2004. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal dik fl-okkażjoni tal-publikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex jagħmlu referenza bħal dik għandhom ikunu esiġiti mill-Istati Membri.

2. Stati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni id-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta’ Settembru 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

C. Picqué

[1] ĠU C 311, tal-31.10.2000, p. 1.

[2] ĠU C 268, tad-19.9.2000, p. 1.

[3] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Mejju 2001 (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001.

[4] ĠU L 222, ta’ l-14.8.1978, p. 11. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/60/KE (ĠU L. 162, tas- 26.6.1999, p. 65).

[5] ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att tal-Adizzjoni tal-1994.

[6] ĠU L 372, tal-31.12.1986, p. 1.

[7] ĠU L 374, tal-31.12.1991, p. 7.

--------------------------------------------------